Language of document : ECLI:EU:F:2012:144

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rinviju lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Tneħħija tal-immunità tal-aġenti ta’ istituzzjoni għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja — Ħatra f’pożizzjoni ta’ Kap ta’ diviżjoni — Ċaħda ta’ kandidatura — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku tal-kandidat eskluż — Awtorità ta’ res judicata — Difett proċedurali — Ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti — Rikors għad-danni — Dannu morali mġarrab minħabba irregolarità”

Fil-Kawża F‑44/05 RENV,

li għandha bħala suġġett ir-rinviju ta’ rikors ippreżentat inizjalment abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 EA,

Guido Strack, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentat minn N. A. Lödler u H. Tettenborn, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Rofes i Pujol, President, I. Boruta (Relatur) u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Dan ir-rikors ġie rrinvijat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Strack (T‑526/08 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tar-rinviju”), li tannulla parzjalment is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-25 ta’ Settembru 2008, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑44/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni”), li ddeċidiet dwar ir-rikors li permezz tiegħu G. Strack talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li ċaħdet il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-diviżjoni “Sejħiet għal offerti u kuntratti” (A 5/A 4) tal-imsemmi Uffiċċju (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni kontenzjuża”) u tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab.

 Il-kuntest ġuridiku

 Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

2        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-Kumitat tar-Reġjuni 2000/459/KE, KEFA, Euratom, tal-20 ta’ Lulju 2000, fuq l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Uffiċċju għal Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 181) jipprovdi li l-kompitu tal-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkun li “jippubblika l-pubblikazzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej u d-dipartimenti tagħhom taħt l-aqwa kondizzjonijiet tekniċi u finanzjarji, waqt li jaħdem taħt ir-responsabbiltà ta’ dawk l-istituzzjonijiet”.

3        Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2000/459, hemm indikat:

“1. Il-poteri ta’ l-awtorità li taħtar fir-rigward ta’ uffiċjali u impjegati oħra fil-gradi A 1, A 2, A 3 u LA 3 għandhom jiġu eżerċitati mill-Kummissjoni kif deskritt hawn taħt.

[…]

2. Il-poteri ta’ l-awtorità li taħtar fir-rigward ta’ uffiċjali jew impjegati barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jkunu eżerċitati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiddelega dawn il-poteri lid-Direttur ta’ l-Uffiċċju.

[…]

3. Il-proċeduri amministrattivi konnessi ma’ l-atti uffiċjali msemmijin fil-paragrafi 1 u 2, u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-persunal, partikolarment fir-rigward ta’ l-irtirar, l-assigurazzjoni tal-mard, inċidenti fuq il-post tax-xogħol, salarji u meta wieħed ma jidħolx għax-xogħol, għandhom jiġu mwettqin fl-istess mod bħal dak għall-persunal tal-Kummissjoni impjegat fil-Lussemburgu.

[…]”            

 Dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti

4        F’komunikazzjoni tat-22 ta’ Diċembru 2000 [SEK (2000) 2305/5], bit-titolu “Evalwazzjoni, għażla u ħatra ta’ persunal ta’ grad għoli tal-Kummissjoni”, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fformula proposti ta’ emendi fl-għamla, il-mandat u l-proċedura tal-kumitati konsultattivi.

5        L-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-persunal ta’ grad medju, datata 28 ta’ April 2004 u ppubblikata fl-Informazzjoni amministrattiva Nru 73‑2004, tat-23 ta’ Ġunju 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004”), jipprovdi li “għall-finijiet li timtela l-pożizzjoni vakanti skont l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea], u ħlief f’każijiet speċifiċi ppreċiżati fil-modalitajiet ta’ applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2), id-Direttur Ġenerali kkonċernat għandu jaħtar Kumitat ta’ Preselezzjoni, kompost minn għall-inqas tliet membri ta’ grad u funzjoni ugwali jew ogħla mill-impjieg li għalih ikun qed isir reklutaġġ, inkluż wieħed minn Direttorat Ġenerali ieħor”.

6        Fl-Artikolu 16 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004, huwa ddikjarat li dik id-deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni tat-22 ta’ Diċembru 2000 għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet relatati mal-persunal ta’ grad intermedjarju. Skont l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004, din daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

7        L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu manwal dwar il-proċedura ta’ reklutaġġ ta’ Kapijiet ta’ diviżjoni (A 5/A 4). Dan il-manwal, skont il-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti, jiddeskrivi f’dettall l-iżvolġiment tal-proċedura skont kif ġej:

“1. Tħejjija tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

2. Pubblikazzjoni fl-istituzzjonijiet kollha tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti adottat mid-[D]irettur tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. L-avviż għandu jippreżenta deskrizzjoni preċiża tal-profil tal-pożizzjoni li għandha timtela u tal-kompiti li għandhom jitwettqu. Il-kandidaturi għandhom jintbagħtu direttament lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

3. Ħatra ta’ relatur mid-[D]irettorat Ġenerali ‘Persunal u [a]mministrazzjoni’ […] tal-Kummissjoni.

4. Id-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-pubblikazzjoni] għandu jaħtar [tliet] Kapijiet ta’ diviżjoni sabiex jikkostitwixxu [Kumitat] ta’ Preselezzjoni.

5. Il-[Kumitat] ta’ Preselezzjoni:

a)      jeżamina l-kandidaturi (eliġibbiltà statutorja),

b)      jintervista lill-kandidati u jevalwahom fuq il-bażi ta’ lista ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti minn qabel u

c)      jistabbilixxi rapport dettaljat u mmotivat (kwalitajiet, dgħjufijiet u nuqqasijiet ta’ kull kandidat) u [lista ta’ kandidati], f’ordni alfabetika, li jintbagħtu lid-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-pubblikazzjoni] u lir-relatur.

6. F’terminu ta’ [ħamest] ijiem tax-xogħol wara r-riċevuta tar-rapport tal-[Kumitat] ta’ Preselezzjoni, ir-relatur jibgħat lid-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-pubblikazzjonijiiet] il-parir tiegħu dwar ir-rapport.

(Jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-parir tar-relatur, id-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-pubblikazzjonijiiet] jista’ jniedi mill-ġdid il-proċedura sa mill-istadju 5.)

7. Id-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-pubblikazzjonijiiet] jintervista lill-kandidati mniżżla fil-[lista ta’ kandidati] kif ukoll lil kull kandidat ieħor li huwa jkun jixtieq jintervista. Huwa jista’ jkun assistit mill-Kapijiet ta’ diviżjoni jew mid-diretturi nnominati minnu. Ir-relatur jieħu sehem f’dawk l-intervisti.

8. [Wara] dawk l-intervisti jinkitbu l-minuti u jintbagħtu lid-[Direttorat Ġenerali ‘Persunal u amministrazzjoni’] u lir-relatur.

9. Id-[Direttorat Ġenerali ‘Persunal u amministrazzjoni’] jinvolvi lill-[k]umitat konsultattiv tal-ħatriet (CCN) permezz ta’ proċedura bil-miktub u jikkomunika l-parir mogħti miċ-CCN lid-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-pubblikazzjonijiet].

10. Id-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-pubblikazzjonijiiet] jieħu d-deċiżjoni tiegħu abbażi tar-rapport tal-[Kumitat] ta’ Preselezzjoni, tal-parir tar-relatur, tal-minuti fformulati mid-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-Pubblikazzjonijiiet] wara l-intervisti ([stadju 7]) u tal-parir taċ-CCN.

11. Id-[Direttorat Ġenerali ‘Persunal u amministrazzjoni’] iħejji l-att ta’ ħatra.

12. L-att ta’ ħatra huwa ffirmat mid-[d]irettur tal-Uffiċċju [tal-Pubblikazzjonijiiet] bħala l-[Awtorità tal-Ħatra].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-irtirar u l-għoti ta’ allowance minħabba invalidità

8        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif emendati mir-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004 (KE, Euratom) tat-22 ta’ Marzu 2004, daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”, jew ir-“Regolamenti tal-Persunal l-ġodda”). Dawn id-dispożizzjonijiet issostitwixxew dawk li kienu applikabbli sat-30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal il-qodma”). L-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “[u]ffiċ[j]al li l-Kumitat ta’ Invalidità ssib [jsib] li d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 78 japplikaw għalih għandu awtomatikament ikun irtirat fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih l-awtorità li taħtar tirrikonoxxi l-inkapaċità permanenti tiegħu biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu”.

9        L-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat hekk:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat, fil-mod ipprovdut fl-Artikoli 13 sa 16 ta’ l-Anness VIII, għal benefiċċju [allowance] ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità permanenti totali, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrospondu għal posizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu.

L-Artikolu 52 għandu japplika b’analoġija għar-riċevituri tal-benefiċċju [allowance] ta’ l-invalidità. Jekk ir-riċevitur ta’ benefiċċju [allowance] ta’ l-invalidità, jirtira qabel ma jagħlaq il-65 sena, mingħajr ma rċieva l-intitolament massimu tal-pensjoni, ir-regoli ġenerali dwar il-pensjonijiet ta’ l-irtirar għandhom ikunu applikati. L-ammont tal-pensjoni ta’ l-irtirar għandu jkun ibbażat fuq is-salarju tal-grad u l-iskala okkupati mill-uffiċjal meta sar invalidu.

Il-benefiċċju [allowance] ta’ l-invalidità għandu jkun daqs 70 % ta’ l-aħħar salarju bażiku ta’ l-uffiċjal. […]

Meta l-invalidità tinħoloq minn [...] mard ikkaġunat mix-xogħol [...], il-benefiċċju [allowance] ta’ l-invalidità ma jistax ikun anqas minn 120 % ta’ l-ammont minimu tas-sussistenza. Fit-tali każijiet, barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet ta’ l-iskema tal-pensjoni għandhom jitħallsu kompletament mill-estimi ta’ l-istituzzjoni jew il-korp riferut fl-Artikolu 1b.”

10      Skont l-Artikolu 13 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1. Suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1), uffiċjal li għandu anqas minn 65 sena li fi kwalunkwe żmien li fih ikun qed jakkwista drittijiet għal pensjoni ikun rikonoxxut mill-Kumitat ta’ l-Invalidita bħala li qed isofri minn invalidita permanenti totali li tiprevenih milli jwettaq id-doveri li jikkorispondu ma post fil-bracket tal-karriera tiegħu, u li jkun obbligat li jispiċċa s-servizz tiegħu [...] għal dawn ir-raġunijiet ikun intitolat, sakemm tibqa din l-inkapaċita, għal benefiċċju [allowance] ta’ l-invalidità kif prevista mill-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

2. […]

Ir-riċevitur tal-benefiċċju [allowance] għandu jkun meħtieġ jipprovdi, meta mitlub, xi evidenza bl-miktub li tista’ tintalab, u li javħa [javża] l-istituzzjoni tiegħu jew tagħha b’kull fattur li jista’ jaffettwa l-intitolament għall-benefiċċju [allowance].”

11      Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Id-dritt ta’ riċeviment ta’ pagament ta’ benefiċċju [allowance] ta’ l-invalidità għandu jieħu effett mill-ewwel jum tax-xahar kalendarju wara l-irtirar ta’ l-uffiċjal taħt l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-persunal.

Meta dak li kien uffiċjal [l-ex uffiċjal] jieqaf jissodisfa r-rekwiżiti għall-pagament tal-benefiċċju [allowance] huwa għandu jiġi mdaħħal mill-ġdid fl-ewwel post li jikkorrispondi mal-bracket tal-karriera tiegħu li jsir battal fil-kategorija jew servizz tiegħu, sakemm ikun jissodisfa r-rekwiżiti għal dak il-post. Jekk jirrifjuta l-post li jkun offrut lilu, huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu ta’ dħul mill-ġdid meta titfaċċa l-posizzjoni battala li jkun imiss fil-kategorija jew servizz tiegħu suġġett għall-istess proviso; jekk jirrifjuta għat-tieni darba, jista’ jiġi mitlub sabiex jirreżenja.”

12      L-Artikolu 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li “[w]aqt li dak li kien uffiċjal [l-ex uffiċjal] li jieħu benefiċċju [allowance] ta’ l-invalidita ikollu anqas minn 63 sena, l-istituzzjoni tista’ teżaminah medikalment perjodikament sabiex tiżgura li jkun għadu jissodisfa r-rekwiżiti għall-pagament tal-benefiċċju [allowance]”.

 Dispożizzjonijiet rilevanti oħra

13      L-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-istrument li jaħtar uffiċjal għandu juri d-data ta’ meta l-ħatra tidħol fis-seħħ; din id-data m’għandhiex tkun qabel id-data meta l-uffiċjal jibda d-dmirijiet tiegħu.”

14      Ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdu fl-Artikolu 30:

“1. Ir-rappreżentanti tal-partijiet li jidhru quddiem it-Tribunal jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda minnu permezz ta’ ittra rogatorja, igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawża jew il-partijiet.

2. Ir-rappreżentanti tal-partijiet igawdu mill-privileġġi u l-faċilitajiet li ġejjin:

a) l-atti kollha u d-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri huma eżenti mit-tfittxija u s-sekwestru. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana jew tal-pulizija jistgħu jissiġillaw l-atti u d-dokumenti kkonċernati, li mbagħad jintbagħtu mingħajr dewmien lit-Tribunal sabiex jiġu spezzjonati fil-preżenza tar-Reġistratur u tal-parti interessata;

b) ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom id-dritt li jkollhom dawk il-flus barranin neċessarji sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom;

c) ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom id-dritt jivvjaġġaw mingħajr xkiel fejn ikun neċessarju għat-twettiq ta’ l-inkarigu tagħhom.

3. Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 huma mogħtija esklużivament fl-interess tal-kawża.

4. It-Tribunal jista’ jneħħi l-immunità meta jidhirlu li t-tneħħija tagħha ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża.”

 Fatti u proċedura

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrent daħal fis-servizz tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Settembru 1995, u ġie assenjat fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet mill-istess data. Fl-1 ta’ Jannar 2001, huwa ġie promoss għall-grad A 6 (li sar, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda, mill-1 ta’ Mejju 2004, A*10, u sussegwentement mill-1 ta’ Mejju 2006, AD 10). Fl-1 ta’ April 2002, huwa telaq mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet sabiex jaħdem mad-Diviżjoni C 4 tad-Direttorat Ġenerali (DG) “Impriżi” tal-Kummissjoni. Fis-16 ta’ Frar 2003, ir-rikorrent ġie assenjat fl-Eurostat.

16      Fil-25 ta’ Marzu 2004, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ippubblika l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/A/057/04 sabiex timtela l-pożizzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”).

17      It-Titolu III tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, intitolat “Kandidaturi”, jiddikjara:

“[…]

L-uffiċjali tal-[i]stituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej tal-gradi A 4, A 5, jew A 6 li jistgħu jiġu promossi, li jidhrilhom li għandhom il-kwalifiki meħtieġa, jistgħu japplikaw għal dan l-impjieg.

[…]”

18      Skont it-Titolu IV tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, intitolat “Proċedura ta’ għażla”, kien previst li “[l]-kandidaturi [kienu ser] jiġu eżaminati minn [Kumitat] ta’ Selezzjoni li […] [kien ser] jistabbilixxi [lista] tal-kandidati li għandhom jissejħu għal intervista”.

19      Fil-31 ta’ Marzu 2004, is-Sinjura B inħatret bħala relatur għall-proċedura sabiex timtela l-pożizzjoni kontenzjuża.

20      B’messaġġ elettroniku datat 15 ta’ April 2004, ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża.

21      B’nota tas-7 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrent ġie mistieden għal intervista li saret fil-21 ta’ Ġunju ta’ wara mal-membri tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni. Dan il-kumitat kien kompost mis-Sur C, direttur mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, u mis-Sur D u s-Sur E, it-tnejn li huma Kapijiet ta’ diviżjoni mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, filwaqt li l-koordinazzjoni amministrattiva kienet f’idejn is-Sur E.

22      Nota tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni tal-25 ta’ Ġunju 2004 tippreċiża b’mod partikolari li, għalkemm il-kandidati kollha kienu eliġibbli statutorjament, sebgħa biss fosthom ipparteċipaw f’intervisti mal-Kumitat ta’ Preselezzjoni. Dik l-istess nota tiċċita, f’ordni alfabetiku, l-ismijiet li jinsabu fil-lista tal-kandidati maħruġa wara l-intervisti: is-Sur A, is-Sur F, is-Sur G u s-Sur H. Tlieta minn dawn il-kandidati kienu dak iż-żmien tal-grad A 5 u kandidat wieħed kien tal-grad A 4.

23      B’messaġġ elettroniku tal-5 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrent talab informazzjoni lis-Sur E dwar fejn kienet waslet il-proċedura ta’ selezzjoni. B’messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Lulju 2004, is-Sur E indikalu li ebda informazzjoni ma setgħet tingħata peress li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet għadha ma ngħalqitx.

24      Fit-13 ta’ Lulju 2004, l-erba’ kandidati li kienu jinsabu fuq il-lista ġew intervistati mid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), assistit mis-Sinjura B. Matul dawk l-intervisti, id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għażel lis-Sur A dakinhar stess, jiġifieri fit-13 ta’ Lulju 2004.

25      Fir-rapport datat 15 ta’ Lulju 2004, iffirmat mill-Awtorità tal-Ħatra u mis-Sinjura B, bit-titolu “R[apport tal-Awtorità tal-Ħatra wara l-intervisti mal-kandidati magħżula mill-Kumitat ta’ Preselezzjoni]”, hemm indikat li s-Sur A “huwa l-kandidat li ppreżenta l-iktar garanziji għall-funzjonament tajjeb tad-diviżjoni”.

26      B’messaġġ elettroniku tas-7 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrent staqsa għal darba oħra lis-Sur E dwar fejn kienet waslet il-proċedura ta’ selezzjoni. Dan il-messaġġ elettroniku baqa’ mingħajr risposta. Ir-rikorrent jallega li tenna t-talba tiegħu għal darba oħra, b’messaġġ elettroniku tat-18 ta’ Novembru 2004. Din it-talba ma ngħatat ebda risposta min-naħa tal-amministrazzjoni.

27      Fit-22 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrent ikkuntattja lis-Sur E bit-telefon. Dan tal-aħħar għarrfu li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet ilha ftit li ngħalqet, iżda li l-amministrazzjoni ma kinitx infurmat lill-kandidati li ma kinux intgħażlu.

28      Fl-24 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrent irċieva nota, datata 19 ta’ Novembru 2004, li permezz tagħha l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet infurmah li l-kandidatura tiegħu ma kinitx ġiet aċċettata.

29      Fis-26 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrent ippreżenta lment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li permezz tiegħu huwa talab, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li taħtar lis-Sur A fil-pożizzjoni kontenzjuża u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu għal dik il-pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-illegalità tal-ħatra tas-Sur A kif ukoll minħabba d-dewmien fil-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrent. Din id-deċiżjoni ġiet indirizzata lir-rikorrent b’ittra impostata fit-22 ta’ Marzu 2005 u sar jaf biha fit-23 ta’ April 2005.

31      Fil-frattemp, fl-14 ta’ Marzu 2005, il-Kumitat tal-Invalidità, li l-intervent tagħha huwa previst mill-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal, ikkonstatat li r-rikorrent kien ibati minn invalidità totali permanenti li tpoġġih f’sitwazzjoni impossibbli sabiex jeżerċita funzjonijiet li jikkorrispondu għal impjieg fil-karriera tiegħu u li, għal dik ir-raġuni, huwa kien sospiż mis-servizz tiegħu mal-Kummissjoni. Il-Kumitat tal-Invalidità ppreċiżat li r-relazzjoni li seta’ kien hemm bejn l-invalidità u x-xogħol li r-rikorrent kellu qabel kellha tiġi diskussa mill-Kumitat f’data sussegwenti, malli l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli.

32      B’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-31 ta’ Marzu 2005 li saret effettiva dakinhar stess, ir-rikorrent ġie rtirat u ngħata allowance tal-invalidità stabbilit skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

33      Fis-26 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrent issejjaħ għal eżami mediku, iffissat għall-14 ta’ Diċembru 2005, abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

34      B’ittra tat-8 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li hija kienet tirrikonoxxi li, wara l-eżami mediku li kien għamel, l-istat ta’ saħħtu mar lura u li konsegwentement l-ispejjeż tat-trattamenti mediċi relatati direttament mad-deterjorament tal-istat preċedenti tiegħu kienu ser jiġu rrimborsati skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sakemm l-istat ta’ saħħtu jistabbilizza ruħu. Kien hemm ippreċiżat ukoll li, skont l-Artikolu 19 tar-regoli komuni dwar il-kopertura tal-uffiċjali għal riskji ta’ inċidenti jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, ir-rikorrent kellu jżomm lill-amministrazzjoni informata dwar l-iżviluppi fl-istat ta’ saħħtu. B’hekk, ir-rikorrent intalab jimla formola ta’ ċertifikazzjoni medika mit-tabib tiegħu. F’dan ir-rigward, kien ippreċiżat li, fil-każ li l-amministrazzjoni ma tirċivix dik il-formola mimlija sa mhux iktar tard mit-8 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrent jitqies li fieq.

35      Fit-28 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni fakkret lir-rikorrent li, skont l-Artikolu 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjoni tista’ teżamina perjodikament lil ex uffiċjali li jkunu jibbenefikaw minn pensjoni tal-invalidità u li ma jkunux laħqu l-età ta’ 63 sena. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrent sabiex jibgħatilha ċertifikat mediku li jindikalha l-istat attwali ta’ saħħtu u li “jistabbilixxi” jekk huwiex meħtieġ jew le li jinżamm f’pożizzjoni ta’ invalidità.

 Proċedura fl-ewwel istanza

36      Fis-17 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrent, li dak iż-żmien kellu 40 sena, ippreżenta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ċaħdet il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar f’dik l-istess pożizzjoni, li ġiet irreġistrata taħt ir-referenza T‑225/05.

37      Fit-3 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni qajmet, b’att separat, abbażi tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-konfront kemm tat-talbiet għal annullament kif ukoll tat-talba għad-danni fformulati fil-kuntest tar-rikors T‑225/05. Fil-15 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. B’digriet tat-8 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaqqdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

38      B’digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, 07.6.2006, p. 84), irrinvijat il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bir-referenza F‑44/05.

39      Fl-10 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrent talab b’mod partikolari lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jibgħat lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali kompetenti kopja tad-dokumenti fil-proċess u li jippreżenta lment kontra l-Kummissjoni minħabba dikjarazzjonijiet mhux preċiżi li jinsabu fihom, fir-rigward tad-data meta bdiet il-ħidma tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent talab li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis, fil-kuntest tad-deċiżjoni tiegħu fuq it-talba għad-danni, l-ineżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent talab lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex juża l-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu sabiex jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens xieraq għad-dannu morali li allegatament ġarrab minħabba d-dikjarazzjonijiet ineżatti tal-Kummissjoni.

40      Fil-25 ta’ Settembru 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) ta s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni fejn huwa, fil-punt 1, ċaħad bħala inammissibbli t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża, fil-punt 2, annulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni kontenzjuża, fil-punt 3, ikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lir-rikorrent s-somma ta’ EUR 2 000 bħala danni, fil-punt 4, ċaħad ir-rikors għall-kumplament, fil-punt 5, ikkundanna lir-rikorrent sabiex ibati nofs l-ispejjeż tiegħu, u fil-punt 6, ikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrent.

41      F’dik is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fir-rigward tat-talba tar-rikorrent sabiex tintbagħat kopja tal-proċess lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali kompetenti u sabiex jippreżenta lment, li ma setax jilqa’ din it-talba għaliex dan ma kienx fil-ġurisdizzjoni tiegħu (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 49).

42      Għal dak li jirrigwarda s-suġġett tar-rikors, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ppreċiża li t-talbiet għal annullament tar-rikorrent kellhom jinftiehmu li għandhom bħala suġġett, minn naħa waħda, l-annullament tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 54).

43      Wara l-eżami tiegħu tat-talbiet għal annullament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad dawk għall-annullament tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża bħala inammissibbli (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 80) u laqa’ parzjalment dawk għall-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet il-kandidatura tar-rikorrent (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 202).

44      Sabiex jimmotiva l-inammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrileva li r-rikorrent kien ġie rtirat u ngħata l-allowance tal-invalidità sa mill-31 ta’ Marzu 2005 b’mod li, meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, fis-17 ta’ Ġunju 2005, huwa ma kienx għadu jaħdem mal-Kummissjoni u ma setax jippretendi li jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża. Ċertament, ir-reintegrazzjoni tar-rikorrent fl-impjieg tiegħu mal-Kummissjoni tibqa’ possibbli, iżda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar li, meta l-interess ġuridiku invokat minn rikorrent ikun jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, huwa jrid jistabbilixxi li l-aġir li jippreġudika dik is-sitwazzjoni jkun diġà ċert. F’dan il-każ, l-integrazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni kienet avveniment possibbli u ma kienx hemm ċertezza li din kienet ser isseħħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku iddeċieda li r-rikorrent kellu l-oneru li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li tiġġustifika ż-żamma ta’ interess ġuridiku personali u attwali sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża u, peress li huwa ma wasalx sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali ċirkustanza, wasal għall-konklużjoni li r-rikorrent ma kellux interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li r-rikorrent, għalkemm ġie rtirat, kien għad għandu interess sabiex tiġi kkonstatata l-irregolarità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni kontenzjuża u dan sabiex jikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu li huwa ġarrab minħabba dik id-deċiżjoni.

45      Dwar il-mertu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni kontenzjuża abbażi li l-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni ma kinitx konformi mal-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004. Effettivament, dik id-deċiżjoni kienet tipprovdi li fil-Kumitat ta’ Preselezzjoni kellu jkun hemm mill-inqas membru wieħed minn Direttorat Ġenerali ieħor minn dak fejn ikun hemm il-pożizzjoni li trid timtela. Issa, il-membri kollha tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 116) u l-partijiet ma kkontestawx li d-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004 kienet tapplika għal dak l-Uffiċċju (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 106). Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ parzjalment it-talbiet għad-danni tar-rikorrent abbażi li kien ġie mċaħħad mid-dritt li l-kandidatura tiegħu tiġi eżaminata f’kundizzjonijiet legali u kkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 2 000 abbażi tad-dannu morali li sofra (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 220).

 Proċedura ta’ appell

46      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-3 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat appell prinċipali kontra s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, irreġistrat taħt ir-referenza T‑526/08 P. Skont il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fl-ewwel lok, wettaq żball ta’ liġi meta rrikonoxxa li r-rikorrent kellu interess ġuridiku fl-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu, fit-tieni lok, wettaq żball ta’ liġi meta ddeduċa l-eżistenza tad-dannu morali allegat mir-rikorrent mis-sempliċi fatt li huwa kien ġie mċaħħad mid-dritt li l-kandidatura tiegħu tiġi eżaminata f’kundizzjonijiet legali u, fit-tielet lok, ivvizzja s-sentenza tiegħu b’nuqqas ta’ motivazzjoni billi ma tax ir-raġunijiet għaliex l-interess morali tar-rikorrent kien ġie ppreġudikat.

47      Fl-10 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent ippreżenta r-risposta tiegħu, fejn huwa wkoll ippreżenta appell inċidentali mis-sentenza appellata. Skont ir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ċaħdu minn kull interess ġuridiku fl-annullament tad-deċiżjoni tal-ħatra tas-Sur A, ma tax motivazzjoni suffiċjenti billi ma tax raġunijiet għall-kunsiderazzjoni li ma kellux ġurisdizzjoni sabiex jikkunsidra t-talba li tintbagħat kopja tad-dokumenti tal-proċess lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali kompetenti u jitressaq ilment kontra l-Kummissjoni minħabba dikjarazzjonijiet ineżatti li jinsabu fihom u wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda f’dan is-sens. Ir-rikorrent jilmenta wkoll li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni d-dannu morali li allegatament ġarrab minħabba ċerti irregolaritajiet fil-proċedura ta’ selezzjoni li huwa kien ilmenta dwarhom fil-kuntest tar-rikors inizjali tiegħu li ta lok għas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent ippreżenta wkoll talba sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tibgħat lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali kompetenti kopja tad-dokumenti proċedurali u tressaq ilment kontra l-Kummissjoni minħabba dikjarazzjonijiet ineżatti li jinsabu fihom.

48      Fis-sentenza tar-rinviju, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, laqgħet l-appell prinċipali tal-Kummissjoni abbażi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien wettaq tliet żbalji ta’ liġi, l-ewwel wieħed billi evalwa l-interess ġuridiku tar-rikorrent fl-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu b’mod speċifiku u distint mill-interess ġuridiku tiegħu fl-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A (sentenza tar-rinviju, punt 46), it-tieni wieħed billi bbaża l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura fuq evalwazzjoni żbaljata tal-interess ġuridiku tar-rikorrent (sentenza tar-rinviju, punt 51), it-tielet wieħed, fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ t-talbiet għad-danni tar-rikorrent mingħajr ma pprova jistabbilixxi konkretament, kif kien obbligat legalment jagħmel, jekk id-dannu morali allegat kienx separabbli mill-illegalità li fuqha kien ibbażat l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu, u li b’hekk ma setgħax jiġi rrimedjat totalment minn dak l-annullament (sentenza tar-rinviju, punt 59).

49      Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, laqgħet parzjalment l-appell inċidentali tar-rikorrent. Effettivament, hija kienet tal-fehma li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ċaħad, bħala inammissibbli, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A li jinsabu fir-rikors fuq il-bażi ta’ raġunijiet li ma kinux ta’ tali natura li jistabbilixxu li r-rikorrent ma kellux interess ġuridiku għall-finijiet ta’ tali annullament (sentenza tar-rinviju, punti 75 et seq).

50      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet il-kumplament tal-appell inċidentali. B’mod partikolari, hija indikat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien korrett meta ddeċieda li ma kellux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar it-talba ta’ parti f’kawża quddiemha li tkun titlob, essenzjalment, l-ewwel nett, li jiġi kkonstatat li l-aġir adottat matul il-proċedura mill-parti l-oħra fl-istess kawża jista’ jiġi kkwalifikat bħala aġir kriminali, it-tieni nett, li jiġi deċiż li dak l-aġir għandu jiġi rrapportat lill-awtoritajiet kriminali kompetenti u, it-tielet nett, li jiġi ppreżentat ilment lil dawn tal-aħħar. Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea madankollu ppreċiżat li dik il-konstatazzjoni kienet mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għar-rikorrent li jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont is-setgħat tiegħu taħt l-Artikolu 30(4) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jneħħi l-immunità li minnha jibbenefikaw ir-rappreżentanti tal-partijiet li ppreżentaw ruħhom quddiemu għal dak li jintqal u li jinkiteb fir-rigward tal-kawża jew tal-partijiet, sabiex dak l-aġir jiġi rrapportat lill-awtoritajiet kriminali kompetenti (sentenza tar-rinviju, punt 82).

51      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrent intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tibgħat lill-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali kompetenti kopja tad-dokumenti proċedurali u tressaq ilment kontra l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet dik it-talba bħala inammissibbli, abbażi li r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jipprovdux rimedju legali li jippermetti lil parti fil-proċedura fl-ewwel istanza li jagħmel talba sabiex essenzjalment jiġi kkonstatat li l-aġir adottat, fl-ewwel istanza mill-parti l-oħra fil-kawża, jiġi kkwalifikat bħala ta’ natura kriminali u sabiex jiġi deċiż li dak l-aġir jiġi rrapportat lill-awtoritajiet kriminali kompetenti (sentenza tar-rinviju, punt 124).

52      B’mod definittiv u fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat il-punti 1, 2, 3, 5 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni (sentenza tar-rinviju, punt 127) u ċaħdet il-kumplament tal-appell inċidentali. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kienet tal-fehma li ma kinitx tinsab f’pożizzjoni sabiex tiddeċiedi la dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u lanqas dwar id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent abbażi li ma kienx hemm dibattitu dwar il-punt jekk l-interess tas-Sur A kienx jostakola li jiġi ddikjarat dak l-annullament, u lanqas dwar it-talbiet għad-danni għall-ammont ta’ EUR 2 000 inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx eżamina jekk id-dannu morali li allegatament sofra r-rikorrent kienx separabbli mill-illegalità li kien ikkonstata. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea rrinvijat il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A fil-pożizzjoni kontenzjuża u dwar id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent għal dik il-pożizzjoni kif ukoll dwar it-talbiet għad-danni għall-ammont ta’ EUR 2 000 (sentenza tar-rinviju, punt 128). Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea rriżervat l-ispejjeż tal-proċedura ta’ appell.

53      B’ittri tal-15 ta’ Diċembru 2010, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’mod konformi mal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, informa lir-rikorrent u lill-Kummissjoni li kellhom terminu ta’ xahrejn miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza mid-data tan-notifika tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex jippreżentaw n-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom.

54      Din il-kawża ġiet assenjata lit-Tieni Awla, li dak iż-żmien kienet komposta minn H. Tagaras, President, I. Boruta u S. Van Raepenbusch, imħallfin. Wara l-iskadenza tal-mandat tal-President tal-awla u l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-awli tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-10 ta’ Ottubru 2011, il-kompożizzjoni ta’ dik l-awla nbidlet.

55      Ir-rikorrent u l-Kummissjoni ppreżentaw, fil-21 ta’ Frar 2011 u fit-12 ta’ April 2011 rispettivament, nota ta’ osservazzjonijiet kull wieħed.

56      Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sentenza tar-rinviju, minbarra l-imsemmija osservazzjonijiet, ir-rikorrent ippreżenta diversi talbiet sabiex, fl-ewwel lok, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jissospendi l-proċedura sakemm tiġi adottata dispożizzjoni ġdida li tissostitwixxi l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit-tieni lok, sabiex titneħħa l-immunità li għandhom ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għal dak li jintqal u li jinkiteb matul il-proċedura li wasslet għas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, fit-tielet lok, sabiex il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikuża lill-Imħallef S. Van Raepenbusch u, fir-raba’ lok, sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħtih kumpens għat-tul eċċessiv tal-proċedura u, fil-każ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu li dik it-talba għad-danni ma tistax tiġi ttrattata direttament fil-kuntest ta’ din il-proċedura, iżda għandha tkun suġġetta għal rikors awtonomu, li din tintbagħat lill-qorti kompetenti.

57      Fost it-talbiet tiegħu, dik intiża sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jissospendi l-proċedura sakemm tiġi adottata dispożizzjoni ġdida li tissostitwixxi l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura u dik sabiex il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikuża lill-Imħallef S. Van Raepenbusch, ġew miċħuda rispettivament b’digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-8 ta’ Diċembru 2011 u b’deċiżjoni tat-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 ta’ Settembru 2011.

 Id-dritt

58      Fuq bażi preliminari, għandu jiġi eżaminat is-suġġett ta’ din il-kawża.

59      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li fost it-talbiet li fformula r-rikorrent, għadha ma ġietx deċiża dik intiża sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ineħħi l-immunità li għandhom ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom matul il-proċedura li wasslet għas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni u dik intiża sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħti lir-rikorrent kumpens għat-tul eċċessiv tal-proċedura.

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li minħabba l-annullament mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta’ parti mid-dispożittiv tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni u r-rinviju sussegwenti tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, intbagħtu quddiemu, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, permezz tas-sentenza tar-rinviju, it-talbiet u l-motivi mqajma mir-rikorrent fil-Kawża F‑44/05, Strack vs Il‑Kummissjoni, bl-esklużjoni tal-elementi tad-dispożittiv li ma ġewx annullati mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja ta’ dawk l-elementi, peress li saru res judicata.

61      Sabiex jiġi ddeterminat liema huma preċiżament it-talbiet u l-motivi li dwarhom irid jiddeċiedi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għandu jitfakkar li fil-kawża Strack vs Il‑Kummissjoni, ir-rikorrent kien talab li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat b’mod konformi mal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        jiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-22 ta’ Marzu 2005, li tiċħad l-ilment tiegħu;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, datata 19 ta’ Novembru 2004, li tiċħad il-kandidatura tiegħu;

–        jannulla l-proċedura ta’ selezzjoni COM/A/057/04;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minħabba l-illegalità tal-proċedura ta’ selezzjoni u t-tardività tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

62      Madankollu, għandu jiġi dedott impliċitament mis-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li t-talbiet intiżi sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat b’mod konformi mal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk intiżi sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat, ġew ikkunsidrati mill-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala li jikkostitwixxu dikjarazzjonijiet purament formali li għalihom ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni, inkwantu l-imsemmija sentenza ma tgħid xejn dwar dawn it-talbiet. Is-sentenza tar-rinviju ma tikkontestax dik il-konstatazzjoni.

63      Barra minn hekk, fis-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li t-talbiet kollha għal annullament fformulati fir-rikors kellhom jitqiesu li għandhom bħala suġġett l-annullament, minn naħa waħda, tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 54). Din id-definizzjoni tas-suġġett tar-rikors ma ġietx ikkontestata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tar-rinviju. Madankollu, wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-punti 1, 2, 3, 5 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, fis-sentenza tar-rinviju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi għal darba oħra dwar it-talbiet għal annullament u t-talbiet għad-danni.

64      B’mod iktar speċifiku, mill-punt 46 tas-sentenza tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tat-talbiet għal annullament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina mill-ġdid l-ammissibbiltà tagħhom billi jikkunsidra, din id-darba b’mod globali u uniku, l-interess tar-rikorrent li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u l-interess tiegħu li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu.

65      Fuq dan il-punt il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ppreċiżat fil-punti 47 sa 51 tas-sentenza tar-rinviju li l-interess ġuridiku tar-rikorrent fl-annullament ma jistax jiġi dedott mill-fatt li huwa kellu interess li tiġi kkonstatata l-illegalità ta’ deċiżjoni sabiex jikseb sussegwentement kumpens għad-dannu li huwa seta’ sofra. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 73 sa 75 tas-sentenza tar-rinviju, li l-interess ġuridiku tar-rikorrent ma jistax jiġi miċħud għas-sempliċi fatt li huwa jkun ġie rtirat mhux volontarjament minħabba inkapaċità totali permanenti rikonoxxuta mill-Kumitat tal-Invalidità, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, għaliex dik is-sitwazzjoni hija riversibbli.

66      Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-motivi ta’ annullament, ma jirriżultax mis-sentenza tar-rinviju li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta laqa’ l-ewwel motiv u ċaħad l-oħrajn. Min-naħa l-oħra, is-sentenza tar-rinviju tippreċiża li l-kwistjoni dwar jekk l-interess tas-Sur A, maħtur fil-pożizzjoni kontenzjuża, jostakolax l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura għandha tiġi eżaminata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (sentenza tar-rinviju, punt 128).

67      Fir-rigward tat-talbiet għad-danni sa fejn jikkonċernaw danni oħra minn dawk marbuta mal-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni, għandu jiġi rrilevat li fil-punti 211 et seq tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħadhom kollha. Fis-sentenza tar-rinviju, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li dawn id-danni ma kinux fondati. Peress li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni akkwistat l-awtorità ta’ res judicata, din ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ din l-istanza wara rinviju.

68      Għal dak li jirrigwarda t-talbiet għad-danni, sa fejn dawn jirrigwardaw id-dannu morali li r-rikorrent allegatament sofra minħabba l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea reġgħet bagħtithom lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jara jekk id-dannu morali allegat huwiex separabbli mill-illegalità li fuqha huma bbażati dawk l-annullamenti u jekk dak id-dannu jistax jiġi rrimedjat b’mod sħiħ minn dawk l-annullamenti (sentenza tar-rinviju, punti 59 u 128).

69      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-kawża għandha tittieħed deċiżjoni dwar:

–        it-talba tar-rikorrent intiża sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jneħħi l-immunità li minnha jibbenefikaw ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom matul il-proċedura li wasslet għas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni;

–        it-talba intiża sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħti lir-rikorrent kumpens għat-tul eċċessiv tal-proċedura;

–        it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent sabiex jiġi stabbilit jekk dawn humiex ammissibbli u, f’dik l-ipoteżi, jekk l-interess tas-Sur A jostakolax l-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet;

–        it-talbiet għal kumpens inkwantu dawn jirrigwardaw id-dannu morali li r-rikorrent allegatament kellu jsofri minħabba l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni.

 Fuq it-talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom matul il-proċedura

70      Fil-kuntest tal-proċedura li ġiet konkluża permezz tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, ir-rikorrent irrileva li żewġ dokumenti ppreżentati mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni matul il-kawża jikkontradixxu l-affermazzjoni fformulata minn dawn l-istess rappreżentanti fir-risposta tagħhom, li tgħid li l-Kumitat ta’ Preselezzjoni kien beda l-ħidma tiegħu qabel l-1 ta’ Mejju 2004, bil-konsegwenza li l-leġiżlazzjoni l-ġdida li tikkonċerna l-Kumitati ta’ selezzjoni ma kinitx applikabbli. Filwaqt li esprima d-dubji tiegħu dwar il-kwistjoni jekk ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni kinux ħatja ta’ tentattiv ta’ frodi fir-rigward tal-proċedura, ir-rikorrent talab lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fin-nota ta’ osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sabiex ineħħi l-immunità li minnha jibbenefikaw ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni kkonċernati, fuq il-bażi tal-Artikolu 30(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Skont ir-rikorrent, it-tneħħija tal-immunità tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni kkonċernati ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża, peress li l-proċedura f’din il-kawża, sussegwentement għal rinviju wara annullament parzjali, tinsab fi stadju fejn il-partijiet temmu l-espożizzjoni tal-argumenti tagħhom.

71      Meta ġew interrogati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni inkwistjoni ppreżentaw kull wieħed, b’ittri rispettivi tas-6 ta’ Marzu 2012, osservazzjonijiet dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità fformulata mir-rikorrent. Sussegwentement, ir-rikorrent u l-Kummissjoni ħadu pożizzjoni dwar dawk l-osservazzjonijiet, b’ittri tas-16 ta’ April 2012 u tas-26 ta’ Marzu 2012 rispettivament.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar fl-ewwel lok li skont l-Artikolu 30(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, “[i]r-rappreżentanti tal-partijiet li jidhru quddiem it-Tribunal jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda minnu permezz ta’ ittra rogatorja, igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawża jew il-partijiet”. Il-paragrafi 3 u 4 tal-istess artikolu jipprovdu li dik l-immunità tingħata “esklużivament fl-interess tal-kawża” u li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jneħħi l-immunità jekk dik it-tneħħija “ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża”.

73      Għandu jiġi enfasizzat li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-bażi ġuridika tagħhom, u li jipprovdi li “l-aġenti, konsulenti u avukati, meta jidhru quddiem il-qorti, igawdu mid-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-doveri tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura”.

74      Fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies ukoll li l-immunità tar-rappreżentanti tal-partijiet tirrifletti l-libertà ta’ espressjoni tal-avukati stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat b’mod partikolari, fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni ta’ avukat tad-difiża fi proċeduri kriminali, li “l-istatus speċifiku tal-avukati jpoġġihom f’sitwazzjoni ċentrali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, bħala intermedjarji bejn il-partijiet f’kawża u l-qrati, li jispjega r-regoli tal-kondotta imposti b’mod ġenerali fuq il-membri tal-avukatura. Minbarra s-sustanza tal-ideat u l-informazzjoni li jesprimu, l-Artikolu 10 [tal-KEDB] jipproteġi wkoll il-mod kif jesprimu ruħhom. Il-libertà ta’ espressjoni li għandu avukat fil-qorti ma hijiex mingħajr limitu, u ċerti interessi, bħall-awtorità tas-setgħa ġudizzjarja, huma importanti biżżejjed sabiex jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal dak id-dritt. Madankollu […] huwa biss eċċezzjonalment li restrizzjoni għal-libertà ta’ espressjoni tal-avukat tad-difiża […] tista’ tkun neċessarja f’soċjetà demokratika” (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Kyprianou vs Ċipru tal-15 ta’ Diċembru 2005, punti 173 u 174).

75      Għalkemm huwa minnu li l-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma hijiex proċedura kriminali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 10 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jipproteġi b’mod ġenerali l-libertà ta’ espressjoni tal-avukati u jikkontribwixxi għat-twettiq fil-prattika tad-dritt għal smigħ xieraq. B’hekk, fis-sentenza tagħha Kyprianou vs Ċipru, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat fil-paragrafu 175, li “sabiex ikollu fiduċja fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-pubbliku għandu jkollu kunfidenza fil-kapaċità tal-avukati li jirrappreżentaw b’mod effettiv lill-partijiet fil-kawża. Minn dan isegwi li l-‘effett dissważiv’ [li jista’ jinħoloq bl-adozzjoni ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ avukat] huwa fattur importanti li għandu jitqies sabiex jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-qrati u l-avukati fil-kuntest ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”.

76      Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura, l-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti, inkluża l-possibbiltà li jingħata parir, difiża u rappreżentanza (ara, fir-rigward tad-dritt li wieħed jibbenefika minn assistenza ġudizzjarja, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH, C‑279/09, punti 45 u 46).

77      Huwa fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq li għandha tiġi eżaminata t-talba għat-tneħħija tal-immunità li minnha jibbenefikaw ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni kkonċernati matul il-proċedura li wasslet għas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni.

78      Madankollu, qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tat-talba ppreżentata mir-rikorrent, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħha. Ċertament, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea indikat, fil-punt 82 tas-sentenza tar-rinviju, li kull parti kellha l-possibbiltà, sabiex tkun tista’ tirrikorri għand l-awtoritajiet kriminali kompetenti, li tifformula tali talba għat-tneħħija tal-immunità quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, iżda għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura inizjali, ir-rikorrent ma kienx talab sabiex dik l-immunità tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni titneħħa, b’mod li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma setgħetx tasal sabiex tiddeċiedi fis-sentenza tar-rinviju dwar il-portata tal-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. B’hekk, ebda deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar dan il-punt ma tista’ tkun is-suġġett ta’ eżami mill-qorti tal-appell. Bħala konsegwenza, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza tar-rinviju għandha tinftiehem li kienet sempliċement obiter dictum, ifformulata b’risposta għal argument tar-rikorrent li jgħid li jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jitqies li ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jikkonstata li l-aġir ta’ parti jista’ jitqies ta’ natura kriminali, dan jikkostitwixxi ċaħda ta’ ġustizzja.

79      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura ma jistabbilixxix espressament li talba għat-tneħħija tal-immunità tista’ tiġi ppreżentata minn waħda mill-partijiet. Issa, meta jitqies li l-immunità prevista fl-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura hija intiża sabiex tipproteġi lir-rappreżentanti tal-partijiet kontra l-possibbiltà ta’ prosekuzzjonijiet u meta jitqies ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni kif spjegat hawn fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu li ma għandux obbligu li jiddeċiedi dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ħlief jekk din it-talba tkun ippreżentata minn qorti jew awtorità nazzjonali kompetenti. Peress li dan ma huwiex il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li ma jistax jilqa’ talba għat-tneħħija tal-immunità ppreżentata minn parti, peress li din it-talba ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

80      Isegwi li f’din il-kawża, it-talba għat-tneħħija tal-immunità fformulata mir-rikorrent għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għad-danni minħabba tul eċċessiv tal-proċedura

81      It-talba għad-danni minħabba tul eċċessiv tal-proċedura, li tinsab fin-nota ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, ippreżentata mir-rikorrent f’din il-proċedura wara r-rinviju, ġiet indirizzata b’digriet separat (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Diċembru 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV). F’dan id-digriet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li, sabiex isostni t-talba tiegħu, ir-rikorrent semma t-tul ta’ tliet proċeduri distinti, jiġifieri l-proċedura amministrattiva intiża sabiex timtela l-pożizzjoni kontenzjuża, il-proċedura ta’ qabel il-kawża u l-proċedura ġudizzjarja.

82      Peress li deherlu li ma kellux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għad-danni bbażata fuq it-tul tal-proċedura ġudizzjarja, billi d-dannu allegat ma joriġinax minn relazzjoni ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni, iżda minn dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni allegatament imputabbli lill-qrati tal-Unjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrinvija lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, b’digriet tas-7 ta’ Diċembru 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV, it-talba għad-danni ppreżentata mir-rikorrent sa fejn din tikkonċerna t-tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja. Din it-talba għal kumpens ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt ir-referenza T‑670/11.

83      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fit-12 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent talab sabiex it-talba tiegħu għad-danni minħabba tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja titqies li tilfet is-suġġett tagħha u li l-Kawża T‑670/11 titħassar mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

84      Fis-16 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent ippreżenta appell mid-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2011 Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV li jirrinvija t-talba għad-danni minħabba tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-appell ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt ir-referenza T‑65/12 P.

85      B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Jannar 2012, il-Kawża T‑670/11 tħassret mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

86      B’digriet tat-12 ta’ Ġunju 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni (T‑65/12 P), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrent kontra d-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2011 Strack vs Il-Kummissjoni, F‑44/05 RENV li jirrinvija t-talba għad-danni minħabba tul eċċessiv tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea abbażi li d-digriet ikkontestat ma kienx jikkostitwixxi att li jista’ jkun suġġett għal appell.

87      Għal dak li jirrigwarda t-talba għad-danni sa fejn din tirrigwarda t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva intiża sabiex timtela l-pożizzjoni u tal-proċedura amministrattiva prekontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li, sabiex isostni din it-talba, ir-rikorrent jilmenta li l-Kummissjoni tawwlet intenzjonalment il-proċeduri, billi implementat proċedura manifestament skorretta ta’ pożizzjoni vakanti, billi ma informatux direttament bir-riżultat ta’ dik il-proċedura u billi ma adottatx il-miżuri korrettivi neċessarji fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, fejn hija prattikament użat kompletament it-termini mogħtija.

88      Għal dak li jirrigwarda l-proċedura amministrattiva strettament estiża, għandu jitfakkar li skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tosserva terminu raġonevoli fit-tmexxija ta’ kull proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, punt 163).

89      F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura amministrattiva intiża sabiex timtela l-pożizzjoni kontenzjuża bdiet fl-24 ta’ Marzu 2004 bil-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bil-għan li timtela dik il-pożizzjoni u ntemmet, għal dak li jirrigwarda lir-rikorrent, fid-19 ta’ Novembru 2004, meta huwa ġie infurmat li l-kandidatura tiegħu ma kinitx ġiet aċċettata. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura amministrattiva kienet ta’ madwar tmien xhur, tul li ma jistax jitqies li ma huwiex raġonevoli, b’mod partikolari meta jitqies li l-kandidaturi għall-pożizzjoni kontenzjuża setgħu jiġu ppreżentati sal-15 ta’ April 2004 u li l-proċedura ta’ selezzjoni kienet tikkonsisti f’erba’ stadji, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-eżami tal-kandidaturi mill-Kumitat ta’ Preselezzjoni, bl-għan li tiġi stabbilita lista ta’ kandidati, fit-tieni lok, intervista bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-kandidati li jinsabu fuq il-lista jew kull kandidat ieħor li hija xtaqet tintervista, fit-tielet lok, referenza lill-Kumitat Konsultattiv tal-Ħatriet għal parir, u fir-raba’ lok, l-adozzjoni tal-att ta’ ħatra mill-Awtorità tal-Ħatra.

90      Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-proċedura prekontenzjuża, din damet tliet xhur u tletin jum, li ma huwiex tul eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, it-tul tal-proċedura prekontenzjuża ma jistax ikun, bħala prinċipju, eċċessiv peress li skont id-diversi termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ma jistax jaqbeż, meta l-proċedura tkun bdiet b’talba, erbatax-il xahar u għaxart ijiem, u, meta, bħal f’din il-kawża, tkun bdiet b’ilment, għaxar xhur u għaxart ijiem.

91      Konsegwentement, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda sa fejn din hija bbażata fuq tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva sabiex timtela l-pożizzjoni u tal-proċedura prekontenzjuża.

 Fuq it-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

–       L-argumenti tal-partijiet

92      Fir-risposta tagħha ppreżentata fil-Kawża F‑44/05, li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet mogħtija fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata b’att separat, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ma kellux interess ġuridiku, għaliex ma seta’ jikseb ebda benefiċċju mill-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Effettivament, peress li ġie rtirat mhux volontarjament skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba inkapaċità permanenti meqjusa bħala totali qabel il-preżentata tar-rikors, ir-rikorrent ma jistax jippretendi li jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża.

93      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati f’din il-proċedura wara r-rinviju, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza tar-rinviju tikkonferma li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent huma inammissibbli għar-raġuni li r-rikorrent ma jistax jikseb benefiċċju mill-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

94      Minn naħa waħda, il-Kummissjoni tirrileva li, sabiex tiddeċiedi li uffiċjal, bħar-rikorrent, li jkun rikonoxxut mill-Kumitat tal-Invalidità bħala li jinsab f’inkapaċità totali permanenti u li jiġi rtirat mhux volontarjament skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżomm interess ġuridiku fl-annullament, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il‑Kummissjoni (C‑198/07 P). Issa, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan ma huwiex il-każ meta l-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni tal-uffiċjal imqiegħed fi stat ta’ invalidità ma tkunx reali iżda sempliċement ipotetika. Wara li kkunsidrat li f’din il-kawża xejn ma kien jindika li r-rikorrent kien ser ikun kapaċi jerġa’ jibda jaħdem f’qasir żmien, il-Kummissjoni ddeduċiet li r-rikorrent ma kellux interess ġuridiku.

95      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega li fis-sentenza tar-rinviju, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilixxiet li rikorrent ma setax ikollu interess ġuridiku fl-annullament ta’ deċiżjoni li uffiċjal jinħatar f’pożizzjoni fil-każ fejn, meta titqies il-gravità tad-difett u wara li jiġu bbilanċjati l-interessi inkwistjoni, ikun jidher li l-annullament tad-deċiżjoni illegali kienet tikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva tad-difett li bih kienet ivvizzjata dik id-deċiżjoni. F’din il-kawża, l-annullament tad-deċiżjoni li jinħatar is-Sur A tikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva. Fl-ewwel lok, l-irregolarità li vvizzjat dik id-deċiżjoni ma hijiex żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda sempliċi difett proċedurali, li barra minn hekk huwa negliġibbli, għaliex affettwa d-deċiżjoni tat-Kumitat ta’ Preselezzjoni u mhux dik tal-Awtorità tal-Ħatra. Sussegwentement, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi l-annullament tad-deċiżjoni tal-ħatra tas-Sur A peress li għaddew iktar minn seba’ snin minn meta ġiet adottata. Fl-aħħar nett, ikun kontra l-interess tas-servizz jekk terġa’ tinbeda proċedura biex timtela pożizzjoni meta r-rikorrent ma jġib ebda prova li tistabbilixxi li huwa jista’ jippretendi li jokkupa dik il-pożizzjoni fil-futur qrib.

96      Ir-rikorrent huwa tal-fehma, min-naħa tiegħu, li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jista’ jagħtih benefiċċju. Għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu, ir-rikorrent jenfasizza li peress li l-irtirar mhux volontarju tiegħu minħabba inkapaċità totali permanenti ma kienx definittiv, ma jistax jiġi eskluż li huwa jista’ xi darba jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża. Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A, peress li t-talbiet għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni ġew ippreżentati fit-termini stabbiliti, is-Sur A ma għandu ebda dritt li jinżamm fil-pożizzjoni kontenzjuża. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-interess tas-Sur A minflok dak tar-rikorrent sabiex tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li dik l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija tardiva, peress li l-Kummissjoni ma semmietx din l-eċċezzjoni fir-risposta tagħha ppreżentata fl-istanza inizjali quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

97      Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, sabiex uffiċjal jew xi ħadd li kien uffiċjal ikun jista’, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 90 u 91 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, jitlob l-annullament ta’ att li jikkawżalu preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2), huwa għandu jkollu, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, interess ġuridiku, ċert u reali, li jkun suffiċjentement ikkaratterizzat sabiex jannulla dan l-att, liema interess jippresupponi li t-talba tkun tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħtih benefiċċju (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il‑Kummissjoni et, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tar-rinviju, punt 43). Bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, l-interess ġuridiku tar-rikorrent għandu jiġi evalwat fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il‑Kummissjoni, T‑147/04, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tar-rinviju, punt 44).

98      Għal dak li jirrigwarda uffiċjal rikonoxxut mill-Kumitat tal-Invalidità bħala li jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità totali permanenti u li jkun ġie rtirat mhux volontarjament, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sitwazzjoni ta’ tali uffiċjal hija differenti minn dik ta’ uffiċjal li jkun laħaq l-età tal-irtirar, li jkun irriżenja jew li jkun tkeċċa, peress li din hija sitwazzjoni riversibbli. Effettivament, uffiċjal li jkun isofri minn tali invalidità jista’, fil-futur, jerġa’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 13 sa 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-attività tal-uffiċjal iddikjarat fi stat ta’ invalidità hija biss sospiża, fejn l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet jiddependi fuq jekk jibqgħux jeżistu l-kundizzjonijiet li jkunu ġġustifikaw dik l-invalidità, liema fatt jista’ jiġi vverifikat f’intervalli regolari (sentenza Gordon vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47; sentenza tar-rinviju, punt 69).

99      Barra minn hekk, uffiċjal rikonoxxut bħala li huwa milqut minn invalidità permanenti meqjusa bħala totali, sakemm ikun għadu jista’ jiddaħħal mill-ġdid jaħdem ma’ istituzzjoni, jifdallu interess, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li jitlob, fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni sabiex timtela pożizzjoni vakanti, li fiha jkun tħalla jipparteċipa, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu u tad-deċiżjoni li jinħatar kandidat ieħor, sabiex ikun jista’ jkompli jinsisti, jekk jiddaħħal mill-ġdid, sabiex jokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni jew anki sempliċement sabiex jiġi evitat, f’tali każ, li l-irregolaritajiet allegati, li jaffettwaw il-modalitajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni, ma jerġgħux iseħħu fil-futur, fil-kuntest ta’ proċedura analoga, li fiha jkollu interess li jipparteċipa. Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE) skont liema l-istituzzjonijiet li minnhom ikun oriġina l-att annullat huma obbligati li jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, punti 50 u 51, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tar-rinviju, punt 70).

100    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, u b’mod partikolari s-sentenza Gordon vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, teħtieġ, sabiex uffiċjal li jiġi rtirat mhux volontarjament, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżomm interess ġuridiku, li l-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni ta’ dak l-uffiċjal tkun reali u mhux sempliċement ipotetika.

101    Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament irrilevat fil-punt 48 tas-sentenza Gordon vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li “l-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni tal-appellant ma hijiex biss ipotetika, iżda reali”, biex iddeċidiet li huwa, għalkemm kien ġie rtirat mhux volontarjament, kien għad fadallu interess ġuridiku, din l-indikazzjoni ma tfissirx li uffiċjal li jitpoġġa f’dik is-sitwazzjoni jifdallu interess ġuridiku biss jekk ikun diġà ġie stabbilit li fi żmien qasir huwa ser jerġa’ jkun kapaċi jaħdem; dik l-indikazzjoni tfisser biss li sakemm ma jkunx eskluż li dak l-uffiċjal jista’ jerġa’ jidħol jaħdem, huwa jifdallu interess ġuridiku. Effettivament, mill-punt 48 tas-sentenza Gordon vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li sabiex uffiċjal li jiġi rtirat mhux volontarjament minħabba invalidità totali permanenti jżomm interess ġuridiku, huwa biżżejjed li tkun teżisti l-possibbiltà li huwa jerġa’ jidħol jaħdem, li huwa l-każ sakemm l-invalidità totali permanenti ma tkunx akkwistat status definittiv. Iċ-ċertezza tar-reintegrazzjoni tal-uffiċjal b’hekk ma hijiex meħtieġa sabiex jiġi rikonoxxut li dak l-uffiċjal għandu interess ġuridiku. Effettivament, kif ġie mfakkar fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, l-interess tar-rikorrent li jiġi annullat att jippresupponi li dak l-annullament ikun jista’ jagħtih benefiċċju u mhux li jiġi stabbilit b’mod definittiv li ser jagħtih tali benefiċċju.

102    Sabiex tingħata risposta kompleta għall-argument tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ppreċiżat, fis-sentenza tar-rinviju, li uffiċjal li jiġi rtirat mhux volontarjament minħabba invalidità totali permanenti, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma huwiex imċaħħad minn interess ġuridiku ħlief f’ċerti każijiet partikolari fejn l-eżami tas-sitwazzjoni konkreta ta’ dak l-uffiċjal tkun turi li huwa qatt ma jista jerġa’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni, meta jitqiesu, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità responsabbli mill-eżami tas-sitwazzjoni tiegħu ta’ invalidità li minnha jirriżulta li l-patoloġija li wasslet għall-invalidità għandha natura permanenti u li għalhekk l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni ma huwa neċessarju, jew meta jiġu kkunsidrati d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjal ikkonċernat li minnhom jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, huwa qatt ma huwa ser jerġa’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni (sentenza tar-rinviju, punt 71).

103    F’din il-kawża, ir-rikorrent ġie rikonoxxut mill-Kumitat tal-Invalidità bħala li jinsab fi stat ta’ invalidità totali permanenti u ġie rtirat mhux volontarjament skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, is-sitwazzjoni tiegħu hija riversibbli, u l-amministrazzjoni fil-fatt ħadet ħsieb li tfakkar lir-rikorrent, fit-28 ta’ Marzu 2007, li hija setgħet teżamina perjodikament lil ex uffiċjali li jibbenefikaw minn pensjoni tal-invalidità li jkunu għadhom ma laħqux l-età ta’ 63 sena (punt 35 ta’ din is-sentenza). Barra minn hekk, ebda element fil-proċess ma juri li wara d-data li fiha r-rikorrent ġie rtirat mhux volontarjament ġie stabbilit b’mod irrimedjabbli li huwa qatt ma kien ser jerġa’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu. Fi kwalunkwe każ, huwa fil-kompetenza tal-Kumitat Mediku li jiddeċiedi, meta jasal iż-żmien, dwar jekk ir-rikorrent reġgħax akkwista l-kapaċitajiet tiegħu u peress li tali evalwazzjoni hija ta’ natura medika l-amministrazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-kontenut tad-deċiżjoni futura tal-imsemmi Kumitat. Bħala konsegwenza, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent għadu intitolat li jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża u li fuq din il-bażi huwa għad għandu interess ġuridiku fl-annullament kemm tad-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu, liema deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu mifruda minn xulxin f’dan il-każ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

104    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha f’din il-proċedura wara r-rinviju, il-Kummissjoni tallega wkoll li r-rikorrent ma kellux interess li jikkontesta d-deċiżjonijiet ikkontestati għaliex, skont ġurisprudenza kostanti, huwa ma setax jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li jinħatar uffiċjal jew membru tal-persunal.

105    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza diġà rrikonoxxiet, f’diversi okkażjonijiet, l-ammissibbiltà ta’ talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal imressqa minn terz fil-konfront ta’ dik id-deċiżjoni (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Novembru 2006, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, T‑494/04, punti 66 u 67) u li l-qrati tal-Unjoni diġà annullaw, fuq rikors ta’ terzi, diversi deċiżjonijiet ta’ ħatriet ta’ uffiċjali jew membri tal-persunal (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 1975, de Dapper vs Il‑Parlament, 29/74, punt 16; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Lulju 2001, Brumter vs Il‑Kummissjoni, T‑351/99, punt 97).

106    Ċertament, meta l-att li għandu jiġi annullat ikun jibbenefika lil uffiċjal jew membru tal-persunal, li huwa l-każ ta’ deċiżjoni ta’ ħatra, hija l-qorti li għandha tivverifika jekk l-annullament jikkostitwixxix sanzjoni eċċessiva tal-irregolarità mwettqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, punt 13; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 1992, Barbi vs Il‑Kummissjoni, T‑68/91, punt 36), iżda dan l-obbligu għall-qorti huwa mingħajr effett fuq l-interess ġuridiku ta’ terz fil-konfront tad-deċiżjoni, li jkun qiegħed jitlob l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, punt 38).

107    Minn naħa waħda, l-eżami mill-qorti dwar jekk annullament huwiex sanzjoni eċċessiva tal-irregolarità mwettqa jista’ jsir biss wara l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, liema eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-gravità tad-difett ikkonstatat (sentenza Tzirani vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

108    Min-naħa l-oħra, anki meta l-annullament ta’ deċiżjoni jkun jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva fir-rigward tad-difett ikkonstatat, rikorrent jista’ jikseb benefiċċju mit-talbiet għal annullament indirizzati kontra dik id-deċiżjoni, peress li, skont ġurisprudenza kostanti, il-fatt li l-annullament ta’ deċiżjoni vvizzjata b’irregolarità jkun jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva ma jeskludix li l-qorti tilqa’ t-talbiet iżda tirrinvija lill-amministrazzjoni l-inkarigu li ssib soluzzjoni ġusta għall-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, punt 13; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑5/08, punt 18), jew li tipproċedi ex officio sabiex tagħti kumpens lir-rikorrent għall-irregolarità mwettqa (sentenza Oberthür vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 u 14; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑53/08, punt 90).

109    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma huwa fondat. Konsegwentement, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-fondatezza tat-talbiet għal annullament

110    Ir-rikorrent jinvoka ħames motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004 sa fejn din tiffissa ċerti regoli għall-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni, fit-tieni lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 11a u tal-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda, fit-tielet lok, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-raba’ lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda u, fil-ħames lok, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ assistenza.

111    Fis-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku iddeċieda li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004 kellu jintlaqa’ inkwantu dik id-deċiżjoni, li hija applikabbli f’dan il-każ, kienet tipprovdi fl-Artikolu 2(3) tagħha li l-Kumitat ta’ Preselezzjoni kellu jkun kompost minn għall-inqas tliet membri ta’ grad u funzjoni ugwali jew superjuri għal-livell tal-impjieg li jkollu jimtela, inkluż wieħed minn Direttorat Ġenerali ieħor u li f’dan il-każ, il-membri kollha tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Huwa, minn naħa l-oħra, ċaħad il-motivi l-oħrajn kollha bħala infondati.

112    Fis-sentenza tar-rinviju, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma kkontestatx is-soluzzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi ta’ annullament imqajma mir-rikorrent. Sussegwentement, is-soluzzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, dwar il-motivi ta’ annullament, saret res judicata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00, punt 46). Għaldaqstant, din ma tistax tiġi kkontestata wara r-rinviju ta’ din il-kawża. Minn dan isegwi li l-motiv li jallega l-ksur tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004 għandu jintlaqa’ u li l-motivi l-oħra għandhom jiġu miċħuda.

113    Qabel ma jiġi ddeterminat jekk, kif teħtieġ is-sentenza tar-rinviju, l-interess tas-Sur A jostakolax li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati, għandu jiġi rrilevat li, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-ksur tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004 ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għaliex dak id-difett ma kellux effett sinjifikattiv fuq il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjonijiet ikkontestati, u dan għal diversi raġunijiet. Fl-ewwel lok, peress li l-Kumitat ta’ Preselezzjoni huwa biss korp konsultattiv, id-difett li vvizzja l-kompożizzjoni tiegħu ma kellux effett sinjifikattiv fuq id-deċiżjonijiet ikkontestati. Sussegwentement, peress li l-persuni li jiffurmaw il-Kumitat ta’ Preselezzjoni ġew maħtura b’mod konformi mar-regoli li kienu applikabbli dak iż-żmien, iċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004, li temenda r-regoli ta’ kompożizzjoni tal-ġurija, ma ġietx applikata b’mod retroattiv ma tippermettix li wieħed jippreżumi li l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-ġurija, li rriżultat minn dan, setgħet influwenzat id-deċiżjoni li jinħatar is-Sur A. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni li jinħatar is-Sur A kienet korretta, għaliex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A ma kinitx ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

114    Fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li d-difett li affettwa l-parir tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni jidher li huwa difett proċedurali, għaliex il-Kumitat ta’ Preselezzjoni ma jeżerċitax is-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra, iżda għandu sempliċement rwol konsultattiv. Issa, kif ifakkru l-argumenti tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq fir-rigward ta’ difett proċedurali, huwa neċessarju, sabiex dan iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li fin-nuqqas ta’ dak id-difett il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, punt 48). Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li r-rikorrent juri li l-att kien ser ikun neċessarjament differenti li kieku ma kienx ivvizzjat bid-difett proċedurali inkwistjoni, u huwa suffiċjenti li ma jkunx totalment eskluż li l-amministrazzjoni tista’ tadotta deċiżjoni differenti, sabiex l-eżistenza ta’ difett ta’ legalità esterna twassal għall-annullament tal-att ikkonċernat (ara, fir-rigward ta’ rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit mingħajr intervista minn qabel mal-evalwatur, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Settembru 2011, Nastvogel vs Il‑Kunsill, F‑4/10, punt 94).

115    Konsegwentement, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk, bl-argument tagħha, il-Kummissjoni tikkontestax l-awtorità tar-res judicata peress li, fis-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ikkunsidra li l-kompożizzjoni irregolari tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni kienet tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent u li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma kkontestatx din l-analiżi fis-sentenza tar-rinviju tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, sabiex jiġi miċħud dan l-argument, li ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-Kumitat ta’ Preselezzjoni kien kompost regolarment, jiġifieri, minn għall-inqas membru wieħed li ma jappartjenix għall-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, il-parir ta’ dak il-Kumitat kien ikollu kontenut differenti u li, konsegwentement, kien jintgħażel kandidat ieħor mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża.

116    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-deċiżjoni tat-28 ta’ April 2004 għandu, bħala prinċipju, iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Madankollu, kif ġie mfakkar fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, meta, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu annullati jkunu jibbenefikaw lil uffiċjal ieħor li ma jkunx ir-rikorrent, hija l-qorti li għandha tivverifika, qabelxejn, jekk l-annullament jikkostitwixxix sanzjoni eċċessiva tal-irregolarità mwettqa (sentenza Bouillez et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konsegwenzi li tasal għalihom il-qorti tal-Unjoni mill-irregolarità tad-deċiżjonijiet adottati wara l-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ ma humiex l-istess fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati wara l-kompetizzjoni sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva u tad-deċiżjonijiet adottati wara kompetizzjoni organizzata sabiex timtela pożizzjoni partikolari permezz ta’ ħatra. Effettivament, fil-każ ta’ kompetizzjoni li l-iskop tagħħa jkun li tiġi stabbilita lista ta’ riżerva, l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali kollha li permezz tagħhom tniżżel l-isem ta’ kull kandidat magħżul fuq dik il-lista, jikkostitwixxi bħala prinċipju sanzjoni eċċessiva (sentenza Bouillez et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83). Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet adottati wara kompetizzjoni interna sabiex timtela pożizzjoni partikolari, il-qorti tal-Unjoni tipproċedi għal eżami każ b’każ, fejn tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-irregolarità mwettqa kif ukoll il-bilanċ tal-interessi.

118    Għal dak li jirrigwarda, bħal f’dan il-każ, difett proċedurali fil-kuntest ta’ kompetizzjoni interna sabiex timtela pożizzjoni partikolari, il-qorti teżamina jekk dak id-difett affettwax biss l-eżami tal-kandidatura tar-rikorrent jew jekk ivvizzjax l-eżami tal-kandidaturi kollha. Fl-ewwel każ, id-difett proċedurali għandu jitqies bħala li ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tal-kandidat magħżul. Fit-tieni każ, il-qorti tipproċedi sabiex tibbilanċja l-interessi preżenti, li għandhom jiġu evalwati fil-mument meta jiġi ppreżentat ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouillez et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

119    Fuq din il-bażi, il-qorti tqis, qabelxejn, l-interess tar-rikorrent li jibbenefika minn proċedura ta’ selezzjoni li ma tkunx ivvizzjata u, sussegwentement, l-interess tal-uffiċjal maħtur malli tintemm il-proċedura ta’ selezzjoni vvizzjata u dak ta’ min seta’ bbaża ruħu in bona fede fuq il-legalità tad-deċiżjoni li tkun ħatritu. Finalment, il-qorti teżamina l-interess tas-servizz, jiġifieri, b’mod partikolari, ir-rispett tal-legalità, il-konsegwenzi baġitarji ta’ annullament tad-deċiżjoni illegali, id-diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tar-res judicata, il-ħsara eventwali għall-kontinwità tas-servizz u d-deterjorament tal-ambjent soċjali fi ħdan l-istituzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Bouillez et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 87 sa 89).

120    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Kummissjoni ma rrispettatx ir-regoli ta’ kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni affettwa l-eżami tal-kandidaturi kollha għall-pożizzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati l-interessi preżenti.

121    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva, għal dak li għandu x’jaqsam mal-interess tar-rikorrent li jibbenefika mill-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li dan l-interess żgur ma huwiex wieħed negliġibbli. Effettivament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni jkollha terġa’ teżamina l-kandidaturi fl-istadju tal-parir tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni fuq il-bażi tal-elementi għad-dispożizzjoni tagħha fid-data meta ġie kkonsultat il-Kumitat ta’ Preselezzjoni, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li, għall-kuntrarju ta’ dak li kien indikat fin-nota tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni tal-25 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrent jinsab fost il-kandidati magħżula minn dak il-Kumitat, jew saħansitra li jintgħażel biex jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża u, konsegwentement, jingħata promozzjoni b’mod konformi mal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-gradi A 4 jew A 5. Ċertament, kieku r-rikorrent kellu jintgħażel sabiex jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża, l-amministrazzjoni ma tkunx tista’ taħtru b’mod retroattiv f’dik il-pożizzjoni, peress li l-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi espressament li att ta’ ħatra ma jistax ikollu data ta’ dħul fis-seħħ preċedenti għad-dħul effettiv fil-kariga tal-persuna kkonċernata, iżda xorta jibqa’ l-fatt li, f’dak il-każ, ir-rikorrent jikseb benefiċċju mir-rikors tiegħu għaliex l-amministrazzjoni jkollha tagħtih kumpens għad-dannu li jkun sofra minħabba li ma jkunx inħatar fid-data meta kellu jinħatar fin-nuqqas tad-difett ikkonstatat.

122    Bl-istess mod, għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata ssegwi proċedura ta’ selezzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, hija tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan biss għal raġunijiet oġġettivi, suffiċjenti, u mhux magħrufa meta hija tiftaħ l-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il‑Kummissjoni, F‑113/07, punt 90). F’dan il-każ, anki jekk dawn ir-raġunijiet għandhom jitqiesu bħala sodisfatti, l-interess tar-rikorrent li jibbenefika mill-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistax jiġi miċħud, għaliex f’dak il-każ l-amministrazzjoni jkollha tagħtih kumpens talli tilef l-opportunità li l-kandidatura tiegħu tiġi eżaminata korrettament mill-Kumitat ta’ Preselezzjoni f’Ġunju 2004.

123    Fir-rigward tal-interess tal-uffiċjal, is-Sur A, li nħatar permezz tal-proċedura ta’ selezzjoni vvizzjata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li dan tal-aħħar ma jistax jibbaża ruħu fuq aspettattiva leġittima sabiex iżomm il-ħatra tiegħu, anki jekk laħqu għaddew tmien snin minn meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, u dan għaliex dawn ġew ikkontestati fit-termini preskritti (sentenza Bouillez et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88). Fil-fatt, is-Sur A ma setax jinjora f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-ħatra tiegħu kienet ser tkun definittiva biss jekk ir-rikors tar-rikorrent jiġi miċħud.

124    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A ma għadx għandha effetti, għaliex skont l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet b’mod partikolari matul is-seduta, huwa ma għadux jokkupa l-pożizzjoni kontenzjuża u minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni ma tistax, lanqas fil-każ ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni, taħtar retroattivament kandidat ieħor f’dik il-pożizzjoni.

125    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-interess tas-servizz, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jippermetti li l-prinċipju ta’ legalità jingħata l-effett sħiħ tiegħu u li l-Kummissjoni ma wrietx li l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa suġġett għal diffikultajiet partikolari.

126    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati peress li l-Kumitat ta’ Preselezzjoni kien kompost b’mod irregolari, peress li ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi Kumitat kien jagħti parir differenti li kieku kien kompost b’mod regolari u peress li l-interess tas-Sur A ma jostakolax dak l-annullament.

 Fuq it-talbiet għad-danni sa fejn dawn jikkonċernaw id-dannu morali li r-rikorrent allegatament sofra minħabba l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni

127    Ir-rikorrent jallega li sofra dannu minħabba l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni.

128    Madankollu, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ att ikkontestat tal-amministrazzjoni minn uffiċjal jidher li huwa, fih innifsu, rimedju adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dak l-uffiċjal seta’ sofra, ħlief jekk ma jkunx wera li sofra dannu morali separabbli mill-irregolarità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat għal kollox minn dak l-annullament. Dan huwa l-każ, fl-ewwel lok, meta fl-att annullat ikun hemm evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tikkawżalu preġudizzju, fit-tieni lok, meta l-irregolarità mwettqa tkun ta’ gravità partikolari u, fit-tielet lok, meta l-annullament ikun nieqes minn kull effettività, u għalhekk ma jkunx jista’ jikkostitwixxi fih innifsu r-rimedju adegwat u suffiċjenti ta’ kull dannu morali kkawżat mill-att ikkontestat (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Mejju 2011, AQ vs Il‑Kummissjoni, F‑66/10, punti 105, 107 u 109).

129    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li d-dannu morali invokat mir-rikorrent joriġina mill-aġir deċiżjonali tal-Kummissjoni. Għandu jiġi kkonstatat li skont il-kriterji tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxi rimedju adegwat ta’ kull dannu morali li r-rikorrent seta’ sofra, peress li, fl-ewwel lok, l-imsemmija deċiżjonijiet ma kienu jinvolvu ebda evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tiegħu li setgħet tikkawżalu preġudizzju, fit-tieni lok, anki kieku huwa seta’ ħass xi tip ta’ frustrazzjoni u inġustizzja minħabba l-irregolarità mwettqa, dik l-irregolarità ma hijiex ta’ tali gravità li tiġġustifika rimedju awtonomu u, fit-tielet lok, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma huwiex nieqes minn kull effettività peress li ma jistax jiġi eskluż għal kollox li r-rikorrent jista’ jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża.

130    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-talbiet għad-danni, sa fejn dawn jikkonċernaw id-dannu morali li r-rikorrent allegatament sofra minħabba l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

131    Il-punti 5 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, li kienet ikkundannat lir-rikorrent sabiex ibati nofs l-ispejjeż tiegħu u lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż tagħha u nofs dawk tar-rikorrent ġew annullati mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tar-rinviju, punt 127). Fis-sentenza tar-rinviju tagħha, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jiddeċiedi f’din is-sentenza dwar l-ispejjeż relatati mad-diversi stadji tal-proċedura.

132    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.

133    Mir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija essenzjalment il-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kawżi Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, u Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent f’dawn l-istess kawżi.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      It-talba għat-tneħħija tal-immunità li minnha jibbenefikaw l-aġenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża F‑44/05, Strack vs Il‑Kummissjoni, hija miċħuda bħala inammissibbli.

2)      It-talba għad-danni minħabba tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva intiża sabiex timtela l-pożizzjoni u minħabba tul eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża hija miċħuda bħala infondata.

3)      Id-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tad-19 ta’ Novembru 2004, li tiċħad il-kandidatura ta’ G. Strack għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-diviżjoni “Sejħiet għal offerti u kuntratti” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej huma annullati.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kawżi Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, u Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn G. Strack f’dawn l-istess kawżi.

Rofes i Pujol

Boruta       Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Ottubru 2012.

Ir-Reġistratur

 

       Il-President

W. Hakenberg

 

       I. Rofes i Pujol


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.