Language of document : ECLI:EU:F:2014:165

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

19 ta’ Ġunju 2014

Kawża F‑24/12

BN

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Rikors għal annullament – Uffiċjal fil-grad AD 14 li għandu pożizzjoni ta’ Kap ta’ unità – Allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku kontra d-direttur ġenerali – Eżerċizzju ta’ mobbiltà – Rifjut li tiġi aċċettata l-ħatra f’pożizzjoni ta’ konsulent f’direttorat ġenerali ieħor b’telf taż-żieda fis-salarju marbuta mal-pożizzjoni ta’ Kap ta’ unità – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid provviżorja f’pożizzjoni oħra ta’ konsulent – Interess tas-servizz – Regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni – Rikors għad-danni – Dannu li jirriżulta minn aġir mhux deċiżjonali”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu BN titlob li t-Tribunal, minn naħa, jannulla d-Deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, tas-16 ta’ Jannar 2012, li ttemm il-funzjonijiet tagħha ta’ Kap ta’ unità fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DG) tal-persunal u li tiġi assenjata bħala konsulent mad-Direttorat tar-riżorsi tal-istess Direttorat Ġenerali, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012, u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba aġiri li jikkostitwixxu fastidju u amministrazzjoni ħażina min-naħa tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal stmat, ex æquo et bono, għall-ammont ta’ EUR 50 000.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż kollha tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn BN.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Portata – Obbligu msaħħaħ fil-każ li tiġi affettwata s-saħħa tal-uffiċjal – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

2.      Uffiċjali – Trasferiment – Assenjazzjoni mill-ġdid – Kriterju ta’ distinzjoni – Kundizzjonijiet komuni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 4, 7(1), u 29)

3.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid – Osservanza tar-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

4.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Żieda fil-paga marbuta mal-funzjonijiet ta’ Kap ta’ Unità, Direttur jew Direttur Ġenerali – Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 44(2))

5.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Oneru – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità – Parti rebbieħa kkundannata għall-ispejjeż – Spejjeż sostnuti fil-proċeduri għal miżuri provviżorji – Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(2) u 88)

1.      L-obbligi li l-amministrazzjoni għandha abbażi tad-dmir ta’ premura huma msaħħa sostanzjalment meta inkwistjoni jkun hemm is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li s-saħħa, fiżika u mentali, tiegħu hija affettwata. F’dan il-każ, l-amministrazzjoni għandha teżamina t-talbiet ta’ dan tal-aħħar b’moħħ partikolarment miftuħ. Barra minn hekk, huwa b’mod ġenerali d-dipartiment mediku ta’ istituzzjoni, b’mod partikolari meta l-attenzjoni tiegħu tinġibed, jew mill-uffiċjal ikkonċernat innifsu, jew mill-amministrazzjoni, fuq il-konsegwenzi allegatament ħżiena li deċiżjoni amministrattiva jista’ jkollha fuq is-saħħa tal-persuna li lilha tkun indirizzata, li għandu jivverifika r-realtà u l-portata tar-riskji invokati u li għandu jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra bir-riżultati tal-eżami tiegħu.

Madankollu, l-obbligu ta’ assistenza u d-dmir ta’ premura ta’ istituzzjoni fir-rigward tal-persunal tagħha ma jimponux fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tmur lil hinn mir-regoli interni tagħha stess.

(ara l-punti 34, 35 u 44)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Esders vs Il‑Kummissjoni, F‑62/10, EU:F:2011:141, punti 80 u 82, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Mill-istruttura ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li hemm trasferiment, fil-veru sens tal-kelma, biss fil-każ ta’ trasferiment ta’ uffiċjal għal pożizzjoni vakanti. Minn dan jirriżulta li kull trasferiment veru u proprju huwa suġġett għall-formalitajiet previsti fl-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, dawn il-formalitajiet ma humiex applikabbli f’każ ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjal, minħabba l-fatt li dan it-trasferiment ma joħloqx pożizzjoni vakanti.

Madankollu, id-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid huma suġġetti, l-istess bħat-trasferimenti, f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tal-uffiċjali kkonċernati, għar-regoli tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fis-sens li l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali tista’ ssir biss fl-interess tas-servizz u fl-osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.

(ara l-punti 46 sa 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T‑339/03, EU:T:2007:36, punt 31

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza de Albuquerque vs Il‑Kummissjoni, F‑55/06, EU:F:2007:15, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Fil-kuntest tal-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal, f’każ ta’ bidla fil-funzjonijiet mogħtija lilu, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, timplika paragun bejn il-grad u l-funzjonijiet attwali tal-uffiċjal u mhux paragun bejn il-funzjonijiet attwali tiegħu u dawk preċedenti tiegħu. Għalhekk, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ma tipprekludix li deċiżjoni twassal għall-attribuzzjoni ta’ funzjonijiet ġodda li, għalkemm ikunu differenti minn dawk eżerċitati qabel u jkunu pperċepiti mill-individwu kkonċernat bħala li jikkonsistu fi tnaqqis tar-responsabbiltajiet tiegħu, ikunu madankollu konformi mal-pożizzjoni li tikkorrispondi mal-grad tiegħu. Għalhekk, tnaqqis effettiv tar-responsabbiltajiet ta’ uffiċjal jikser ir-regola tal-ekwivalenza bejn il-grad u l-pożizzjoni biss jekk ir-responsabbiltajiet il-ġodda tiegħu jkunu, globalment, nettament inqas min dawk li jikkorrispondu għall-grad u għall-pożizzjoni tiegħu, fid-dawl tan-natura tagħhom, tal-importanza tagħhom u tal-portata tagħhom. Għalhekk, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal minn pożizzjoni ta’ Kap ta’ unità għal pożizzjoni ta’ konsulent, filwaqt li jżomm l-istess grad AD 14 tosserva l-korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, sa fejn, hekk kif jirriżulta mit-tabella deskrittiva tat-tipi ta’ pożizzjonijiet li tinsab fil-Punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, il-grad AD 14 jikkorrispondi għal amministratur li jeżerċità, pereżempju, il-funzjoni ta’ Direttur, ta’ Kap ta’ unità jew ta’ konsulent.

(ara l-punti 57 sa 59)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Bermejo Garde vs KESE, F‑41/10, EU:F:2012:135, punti 162 u 163, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑530/12 P

4.      Huwa b’applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li l-uffiċjal maħtur Kap ta’ unità, Direttur jew Direttur Ġenerali, fl-istess grad jibbnefika minn avvanz fl-iskala f’dan il-grad b’effett mid-data tal-ħatra tiegħu. Din id-dispożizzjoni turi li ż-żieda fil-paga tingħata lill-uffiċjal minħabba l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u li din hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet. Sa fejn l-uffiċjal ma jibqax jeżerċità tali funzjonijiet sabiex jeżerċità oħrajn li ma jinvolvux responsabbiltajiet amministrattivi, id-dritt għaż-żieda fil-paga jintilef.

(ara l-punt 72)

5.      Skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun ġustifikat minħabba l-atteġġjament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza.

Peress li r-rikorrenti xtaqet tiddiskuti mas-Segretarju Ġenerali tal-istituzjoni tagħha u indirizzat direttament lill-President tal-istituzzjoni inkwantu Awtorità tal-Ħatra sabiex titolbu jadotta miżuri b’urġenza fir-rigward tagħha, mingħajr ma ġiet irċevuta la minn wieħed u lanqas mill-ieħor, fatt li tagħha l-impressjoni li kienet ġiet abbandunata mill-istituzzjoni tagħha, li lejha hija kienet wriet devozzjoni, għandu jiġi deċiż li l-istituzzjoni, li rebħet, għandha tbati l-ispejjez tagħha, inklużi dawk li hija sostniet fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, u li l-istituzzjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

(ara l-punti 98 u 100)