Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2016 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-10 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-512/12, Front Polisario vs Il-Kunsill

(Kawża C-104/16 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. de Elera-San Miguel Hurtado, u A. Westerhof Löfflerová, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-512/12;

tiddikjara ruħha b’mod definittiv fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell billi tiċħad ir-rikors għal annullament tal-att ikkontestat ippreżentat mill-Front Polisario (l-“appellant”); u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill iqajjem diversi aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi.

Fl-ewwel lok, il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellant kellu locus standi quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea.

Fit-tieni lok, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-appellant kien ikkonċernat direttament u individwalment mid-deċiżjoni annullata.

Fit-tielet lok, huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta bbażat l-annullament li hija ddikjarat fuq motiv li ma kienx ġie invokat mill-appellant u li fir-rigward tiegħu l-Kunsill ma kellux il-possibbiltà li jiddefendi ruħu.

Fir-raba’ lok, il-Kunsill jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kunsill kien marbut jeżamina, qabel ma jadotta d-deċiżjoni annullata, l-impatt possibbli tal-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti koperti mill-ftehim milħuq permezz tad-deċiżjoni annullata fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kunsill kien marbut jivverifika, qabel ma jadotta d-deċiżjoni annullata, li ma kinux jeżistu indikazzjonijiet ta’ sfruttament, taħt il-ftehim milħuq permezz tal-imsemmija deċiżjoni, tar-riżorsi naturali tat-territorju tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin li għandu mnejn isir b’detriment għall-abitanti tiegħu u li jista’ jippreġudika d-drittijiet fundamentali tagħhom.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata bl-effett li tibdel is-sustanza ta’ din.

____________