Language of document : ECLI:EU:C:2016:973

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

tal-21 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Appell – Relazzjonijiet barranin – Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar miżuri ta’ liberalizzazzjoni fil-qasam tal-agrikultura u s-sajd – Deċiżjoni li tapprova l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi – Applikazzjoni territorjali tal-ftehim – Interpretazzjoni tal-ftehim – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni – Prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati”

Fil-Kawża C‑104/16 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-19 ta’ Frar 2016,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Legal u A. de Elera-San Miguel Hurtado kif ukoll minn A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, bħala aġent,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Sampol Pucurull u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn F. Alabrune, G. de Bergues, D. Colas, F. Fize u B. Fodda, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, bħala aġenti,

Confédération marocaine de l’agriculture und du développement rural (Comader), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, M. Struys, A. Bailleux, L. Eskenazi u R. Hicheri, avukati,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra u du rio de oro (Front Polisario), irrappreżentat minn G. Devers, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u E. Paasivirta kif ukoll minn B. Eggers, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, Ilešič u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský (Relatur), E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, MC. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Lulju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, iktar 'il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:953), li permezz tagħha din laqgħet ir-rikors tal-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra u du rio de oro (Front Polisario), intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497/UE, tat-8 ta’ Marzu 2012, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2012, L 241, p. 2, iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti

2        L-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945, jistabbilixxi:

“L-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti huma s-segwenti:

[…]

2.      L-iżvilupp bejn in-nazzjonijiet ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom, u jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi kkonsolidata l-paċi fid-dinja;

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

3        Il-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Dikjarazzjoni dwar it-teritorji mhux awtonomi”, jinkludi l-Artikolu 73 tagħha, li jipprovdi:

“Il-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà sabiex jamministraw territorji li l-popolazzjonijiet tagħhom għadhom ma jamministrawx lilhom infushom kompletament għandhom jirrikonoxxu l-prinċipju ta’ supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dawn it-territorji. Huma għandhom jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorixxu b’kull mod possibbli l-prosperità tagħhom, fil-kuntest tas-sistema ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali stabbilita minn din il-[k]arta […]

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati

4        Skont it-termini tal-aħħar paragrafu tal-Preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi dwar it-trattati, konkluż fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, (iktar 'il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), il-partijiet għal din il-konvenzjoni “jsostnu li r-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju għandhom ikomplu jirregolaw il-kwistjonijiet mhux irregolati mid-dispożizzjonijiet tal-[imsemmija] [k]onvenzjoni”.

5        L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ftehimiet internazzjonali li ma jaqgħux fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni”, jipprovdi:

“Il-fatt li din il-konvenzjoni ma tapplika la għall-ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati u suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali jew bejn dawn is-suġġetti oħrajn tad-dritt internazzjonali u lanqas għall-ftehim internazzjonali li ma ġewx konklużi bil-miktub ma jippreġudikax

[…]

b)      l-applikazzjoni għal dawn il-ftehimiet tar-regoli kollha stabbiliti f’din il-[k]onvenzjoni li huma suġġetti għalihom skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-imsemmija [k]onvenzjoni; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        Skont l-Artikolu 26 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Pacta sunt servanda”:

“Kull trattat li jkun fis-seħħ jorbot lill-partijiet kontraenti u għandu jiġi eżegwit minnhom in bona fide.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 29 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Applikazzjoni territorjali tat-trattati” jipprovdi:

“Sakemm ma tirriżultax intenzjoni differenti mit-trattat jew sakemm din ma tiġix stabbilita mod ieħor, trattat jorbot kull waħda mill-partijiet fir-rigward tat-territorju kollu tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Applikazzjoni ta’ trattati suċċessivi dwar l-istess suġġett”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta trattat jippreċiża li huwa suġġett għal trattat preċedenti jew sussegwenti jew li ma għandux jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli ma’ dan it-trattat l-ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ dan għandhom jipprevalu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Skont l-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:

“1.      Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.

2.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, apparti t-test, il-preamboli u l-annessi tiegħu:

a)      kull ftehim relatat mat-trattat li jkun intlaħaq bejn il-partijiet kontraenti kollha fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattat;

b)      kull strument li jkun sar minn parti kontraenti jew iktar li jkun relatat mal-konklużjoni tat-trattat u li jkun ġie aċċettat mill-partijiet kontraenti l-oħra bħala strument relatat mat-trattat.

3.      Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest:

a)      kull ftehim li jsir sussegwentement bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu;

b)      kull prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi ftehim bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tiegħu;

ċ)      kull regola tad-dritt internazzjonali rilevanti applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet.”

4.      Għandha tingħata tifsira speċjali lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet ix-xewqa tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      L-Artikolu 34 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali fir-rigward tal-Istati terzi”, jistabbilixxi:

“Trattat ma joħloq la obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

11      Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fi Brussell, fis-26 ta’ Frar 1996 (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar 'il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) u approvat f’isem l-imsemmija Komunitajiet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2000/204/KE, KEFA, tal-24 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 175). Skont l-Artikolu 96 tagħha, dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, L 70, p. 228).

12      L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi:

“Huwa stabbilit Ftehim ta’ Assoċċjazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Marokk, min-naħa l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      It-Titolu II ta’ dan il-ftehim, intitolat, “Moviment liberu tal-merkanzija”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 30 tiegħu.

14      L-Artikolu 16 tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“Il-Komunità u l-Marokk għandhom jimplementaw b’mod progressiv liberalizzazzjoni ikbar fil-kummerċ reċiproku ta’ prodotti agrikoli u ta’ prodotti tas-sajd.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      L-Artikolu 17(1) tal-istess ftehim kien jipprovdi, fil-verżjoni inizjali tiegħu:

“Il-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Marokk għandhom jibbenefikaw fl-importazzjoni fil-Komunità mid-dispożizzjonijiet li jinsabu rispettivament fil-[p]rotokolli Nri 1 u 2”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      It-Titolu VIII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, intitolat, “Dispożizzjonijiet istituzzjonali ġenerali u finali”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu, li jipprovdi:

“Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji fejn jiġu applikati t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u skont il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fl-imsemmija trattati, u għat-territorju tar-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni

17      Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fi Brussell fit-13 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2012, L 241, p. 4, iktar 'il quddiem il-“Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni”), qabel ma’ ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Kif indikat fih, huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2012, kif jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, L 255, p. 1).

18      Kif jirriżulta mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni u mill-premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jimplementa l-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd prevista fl-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi jemenda ċerti stipulazzjonijiet ta’ dan l-aħħar ftehim kif ukoll ċerti protokolli li jakkumpanjawh.

19      F’dan ir-rigward, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni b’mod partikolari emenda l-Artikolu 17(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li issa sar jistipula:

“Il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd li joriġinaw fil-Marokk elenkati fil-Protokoll Nru 1 għandhom jiġu importati fl-Unjoni Ewropea skont l-arranġamenti previsti minn dan il-Protokoll.

[…]”

20      Il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni emenda wkoll il-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li issa sar jipprovdi, essenzjalment, li d-dazji doganali ad valorem u d-dazji doganali speċifiċi applikabbli għall-prodotti agrikoli, għall-prodotti agrikoli pproċessati, għall-ħut u għall-prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Marokk u li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ ftehimiet huma eliminati jew imnaqqsa għal livelli determinati.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

21      Le Front Polisario huwa, skont l-Artikolu 1 tal-istatuti tiegħu, “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali, frott tar-reżistenza twila saħarija kontra d-diversi forom ta’ okkupazzjoni barranija”, maħluq fl-10 ta’ Mejju 1973.

22      Il-kuntest storiku u internazzjonali li nħoloq fih u l-iżvilupp sussegwenti tas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent jinsabu, kif jirriżultaw, essenzjalment, mill-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu mqassra kif ġej.

23      Is-Saħara tal-Punent huwa territorju li jinsab fil-Majjistral tal-Afrika, li kien ġie ikkolonizzat mir-Renju ta’ Spanja fit-tmiem tas-seklu XIX qabel ma sar provinċja Spanjola, u sussegwentement ġie inkluż mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU), fl-1963, fil-lista tat-territorji mhux awtonomi fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn għadu jinsab sal-ġurnata tal-lum.

24      Fl-14 ta’ Diċembru 1960, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir-Riżoluzzjoni 1514 (XV), intitolata, “Dikjarazzjoni dwar l-għoti tal-indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali” [iktar 'il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU”], li tistabbilixxi b’mod partikolari li “l-popli kollha għandhom id-dritt għall-awtodeterminazzjoni[,] li abbażi [tiegħu] jiddeterminaw b’mod ħieles l-istatus politiku tagħhom”, li “[m]iżuri immedjati għandhom jittieħdu, fit-territorji taħt protezzjoni, it-territorji mhux awtonomi u t-territorji l-oħra kollha li għadhom ma kisbux l-indipendenza, sabiex jiġu ttrasferiti s-segħat kollha lill-popli ta’ dawn it-territorji, mingħajr ebda kundizzjoni jew riżerva, skont il-volontà tagħhom u x-xewqat tagħom espressi b’mod ħieles”, u li “[l-]Istati kollha għandhom josservaw fidelment u strettament id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti […] abbażi […] tal-osservanza tad-drittijiet sovrani u tal-integrità territorjali tal-popli kollha”.

25      Fl-20 ta’ Diċembru 1966, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir-Riżoluzzjoni 2229 (XXI) dwar il-kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjol, fejn reġa’ ġie rripetut id-“dritt inaljenabbli [tal-]popl[u] […] tas-Saħara Spanjol għall-awtodeterminazzjoni” u talbet lir-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tiegħu bħala poter amministrattiv, sabiex kemm jista’ jkun malajr, jistabbilixxi “l-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ referendum li [għandu] jinżamm taħt l-awspiċji tal-[ONU] sabiex il-popolazzjoni awtoktona tat-territorju tkun tista’ teżerċita liberament id-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni”.

26      Fl-24 ta’ Ottubru 1970, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir-Riżoluzzjoni 2625 (XXV), intitolata “Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali relatati mar-relazzjonijiet ta’ ħbiberija u l-kooperazzjoni bejn l-Istati skont il-[k]arta tan-Nazzjonijiet Uniti”, li permezz tagħha hija approvat din id-dikjarazzjoni, li t-test tagħha huwa anness ma’ din ir-riżoluzzjoni. L-imsemmija dikjarazzjoni tistabbilixxi b’mod partikolari li “[l-]Istati kollha għandhom l-obbligu li josservaw [id-dritt tal-popli li jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom] skont id-dispożizzjonijiet tal-[k]arta” u li “t-territorju ta’ kolonja jew territorju ieħor mhux awtonomu għandu, abbażi tal-Karta, status separat u distint minn dak tat-territorju tal-Istat li jamministrah; dan l-istatus separat u distint abbażi tal-[k]arta jibqa’ jeżisti sakemm il-poplu tal-kolonja jew tat-territorju mhux awtonomu ma jeżerċitax id-dritt tiegħu li jieħu d-deċiżjonijiet għalih innifsu skont il-[k]arta u, b’mod iktar partikolari, [skont] l-għanijiet u l-prinċipji [tagħha]”.

27      Fl-20 ta’ Awwissu 1974, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-ONU li kien qiegħed jipproponi li jorganizza, taħt l-awspiċji ta’ din tal-aħħar, referendum fis-Saħara tal-Punent.

28      Fis-16 ta’ Ottubru 1975, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, fil-kapaċità tagħha ta’ organu ġudizzjarju prinċipali tal-ONU u wara talba mressqa mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU fil-kuntest tax-xogħlijiet tagħha dwar id-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent, tat opinjoni konsultattiva (Saħara tal-Punent, opinjoni konsultattiva, QIĠ Ġabra 1975, p. 12, iktar 'il quddiem l-“opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent”), li fil-paragrafu 162 tagħha kkunsidrat is-segwenti:

“L-elementi u l-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tal-Qorti juru l-eżistenza, fil-mument tal-kolonizzazzjoni Spanjola, ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ fedeltà bejn is-sultan tal-Marokk u ċerti tribujiet li jgħixu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Dawn juru wkoll l-eżistenza ta’ drittijiet, inklużi ċerti drittijiet relatati mal-art, li kienu jikkostitwixxu rabtiet ġuridiċi bejn it-territorju Mawritan, fis-sens mifhum mill-Qorti, u t-territorju tas-Saħara tal-Punent. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tikkonkludi li l-elementi u l-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tagħha ma jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ebda rabta ta’ sovranità territorjali bejn it-territorju tas-Saħara tal-Punent, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk jew it-territorju Mawritan, min-naħa l-oħra. Il-Qorti b’hekk ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ natura li jbiddlu l-applikazzjoni tar-Riżoluzzjoni [tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU] 1514 (XV) fir-rigward tad-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent u b’mod partikolari tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni permezz tal-espressjoni libera u awtentika tar-rieda tal-popolazzjonijiet tat-territorju. […]”

29      Fit-tmiem tal-analiżi, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja rrispondiet kif ġej, f’din l-opinjoni konsultattiva, għad-domandi li kienu sarulha mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU:

“Il-Qorti hija tal-opinjoni,

[…]

li s-Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet El Hamra) ma kienx territorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonizzazzjoni minn Spanja.

[…]

li t-territorju kellu, mar-Renju tal-Marokk, rabtiet ġuridiċi bil-karatteristiċi indikati fil-paragrafu 162 ta’ din l-opinjoni;

[…]”

30      F’diskors mogħti fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija opinjoni konsultattiva, ir-re tal-Marokk qies li “d-dinja kollha [kienet] irrikonoxxiet li s-Saħara [tal-Punent] kienet fil-pussess” tar-Renju tal-Marokk u li “kien l-obbligu tiegħu li jirkupra b’mod paċifiku dan it-territorju”, filwaqt li appella, għal dan il-għan, għall-organizzazzjoni ta’ mixja li ġabret 350 000 ruħ.

31      Fis-6 ta’ Novembru 1975, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU adotta r-Riżoluzzjoni 380 (1975) fuq is-Saħara tal-Punent, fejn “[iddeplora] l-mixja” imħabbra u “[talab] li[r-Renju tal-]Marokk jirtira immedjatament mit-territorju tas-Saħara tal-Punent il-parteċipanti kollha għal [din] il-mixja”.

32      Fis-26 ta’ Frar 1976, ir-Renju ta’ Spanja informa lis-Segretarju Ġenerali tal-ONU li, minn din id-data, huwa kien qiegħed itemm il-preżenza tiegħu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent u li minn dak il-mument kien qiegħed iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni tiegħu.

33      Sadanittant inqala’ kunflitt armat f’dan ir-reġjun bejn ir-Renju tal-Marokk, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario.

34      Fl-10 ta’ Awwissu 1979, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja kkonkludiet ftehim ta’ paċi mal-Front Polisario, li permezz tiegħu hija rrinunzjat għal kull talba territorjali fuq is-Saħara tal-Punent.

35      Fil-21 ta’ Novembru 1979, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir-Riżoluzzjoni 34/37 dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, fejn hija “reġgħet irrepetiet id-dritt inaljenabbli tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza, skont il-Karta tal-[ONU] […] u l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni tagħha 1514 (XV)”, “ddeplorat bil-qawwa l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mill-persistenza tal-okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill-Marokk”, “talbet immedjatament lir-Renju tal-Marokk jimpenja ruħu wkoll fid-dinamika tal-paċi u jtemm l-okkupazzjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent” u “rrakkomandat għal dan il-għan li l-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dewwiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, skont ir-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-[ONU]”.

36      Il-kunflitt bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario kompla sakemm, fit-30 ta’ Awwissu 1988, il-partijiet bħala prinċipju aċċettaw proposti ta’ regolament li saru, b’mod partikolari, mis-Segretarju Ġenerali tal-ONU u li kienu jipprevedu b’mod partikolari t-tħabbir ta’ waqfien mill-ġlied kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ referendum ta’ awtodeterminazzjoni taħt il-kontroll tal-ONU.

37      Sal-lum, dan ir-referendum għadu ma sarx u r-Renju tal-Marokk jikkontrolla l-parti l-kbira tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, li ħajt tar-ramel mibni u kkontrollat mill-armata tiegħu jissepara mill-bqija ta’ dan it-territorju, ikkontrollat mill-Front Polisario.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2012, Front Polisario ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

39      Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Front Polisario invoka ħdax-il motiv.

40      Fid-difiża tiegħu, il-Kunsill talab għaċ-ċaħda tar-rikors għaliex inammissibbli jew, fin-nuqqas ta’ dan, għaliex infondat, kif ukoll għall-kundanna tal-Front Polisario għall-ispejjeż.

41      Permezz tad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea tħalliet tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

42      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, eżaminat l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jgħidu li r-rikors kien inammissibbli peress li l-Front Polisario ma kienx stabbilixxa l-eżistenza tal-personalità ġuridika tiegħu u tal-locus standi tiegħu, minn naħa, u li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet tikkonċernah la direttament u lanqas individwalment, min-naħa l-oħra. Hija ċaħdet dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, rispettivament, fil-punti 34 sa 60 u 61 sa 114 tas-sentenza appellata.

43      Fir-rigward tal-locus standi tal-Front Polisario, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 73 sa 103 tas-sentenza appellata, li l-għan tad-deċiżjoni kkontestata kien l-approvazzjoni tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, qabel ma kkunsidrat li dan il-ftehim “japplika wkoll” għas-Saħara tal-Punent. Sussegwentement, “billi [ttieħdet] inkunsiderazzjoni din il-konklużjoni”, kif espost fil-punt 104 ta’ dik is-sentenza, hija qieset rispettivament, fil-punti 105 sa 110 u 111 sa 114 tal-imsemmija sentenza, li l-Front Polisario kellu jitqies li huwa kkonċernat kemm direttament kif ukoll individwalment mill-imsemmija deċiżjoni.

44      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali bdiet l-eżami tal-ħdax-il motiv ta’ annullament invokati mill-Front Polisario insostenn tat-talbiet tiegħu billi esponiet dan li ġej, fil-punti 116 u 117 tas-sentenza appellata:

“116      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mill-argumenti mressqa mill-Front Polisario insostenn tal-motivi kollha tiegħu jirriżulta li r-rikors tiegħu huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din approvat l-applikazzjoni, fis-Saħara tal-Punent, tal-Ftehim kopert minnha. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq, fir-rigward tal-effett dirett u individwali fuq il-Front Polisario tad-deċiżjoni kkontestata, huwa preċiżament mill-fatt li dan il-ftehim japplika wkoll għas-Saħara tal-Punent li l-Front Polisario huwa direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

117      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Front Polisario jinvoka numru ta’ motivi, fosthom l-ewwel żewġ motivi li jirrigwardaw il-legalità esterna tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-oħrajn jirrigwardaw il-legalità interna tagħha. Essenzjalment, ir-rikorrent jinvoka illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li din tikser id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt internazzjonali. Dawn il-motivi kollha fil-verità jittrattaw il-kwistjoni tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ projbizzjoni assoluta ta’ konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali li jista’ jiġi applikat għal territorju kkontrollat de facto minn Stat terz, mingħajr madankollu s-sovranità ta’ dan l-Istat fuq dan it-territorju ma hija rrikonoxxuta mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, mill-Istati l-oħra kollha (iktar ’il quddiem “territorju kkontestat”), kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan ir-rigward, tal-limiti ta’ din is-setgħa u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha.”

45      Il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat u ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi, billi qieset b’mod partikolari li l-ebda wieħed minnhom ma kien jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ projbizzjoni assoluta, għall-Unjoni, li jiġi konkluż ma’ Stat terz ftehim li jista’ jiġi applikat għal “territorju kkontestat”.

46      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali madankollu rriżervat diversi argumenti relatati, skont din, mal-kwistjoni sussidjarja dwar taħt liema kundizzjonijiet l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu japprovaw il-konklużjoni ta’ tali ftehim.

47      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali għamlet analiżi ta’ din il-kwistjoni fil-punti 223 sa 247 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, hija essenzjalment qieset li, filwaqt li għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tat-tmexxija tar-relazzjonijiet barranin tal-Unjoni, il-Kunsill kellu l-obbligu, meta kellu l-intenzjoni li japprova ftehim li japplika għal “territorju kkontestat” bħas-Saħara tal-Punent u intiż sabiex jiffaċilita l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju, li jeżamina minn qabel l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari li jiżgura ruħu li l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti ma jsirx għad-detriment tal-popolazzjoni tal-imsemmi territorju u ma jkunx jinvolvi l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-Kunsill kien naqas milli jwettaq dan l-obbligu.

48      Dawn il-konklużjonijiet wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fil-punt 247 tas-sentenza appellata, li l-“Kunsill [kien] naqas mill-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni” u, konsegwentement, annullat din tal-aħħar “inkwantu hija tapprova l-applikazzjoni tal-ftehim [ta’ liberalizzazzjoni] għas-Saħara tal-Punent”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

49      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali meta ressaq l-appell tiegħu, il-Kunsill talab li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikoli 133 sa 136 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ April 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

51      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-2, 13, 18 u tal-24 ta’ Mejju 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament awtorizza lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju tal-Belġju jintervjenu fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja iktar 'il quddiem ma pparteċipat fl-ebda fażi tal-proċedura, filwaqt li r-Renju tal-Belġju ma pparteċipax fil-fażi orali tal-proċedura.

52      Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Ġunju 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lill-Confédération marocaine de l’agriculture und du développement rural (Comader) tintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

53      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        taqta’ definittivament il-kawża billi tiċħad ir-rikors, u

–        tikkundanna lil Front Polisario għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

54      Il-Front Polisario jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        preliminarjament, tiddikjara l-appell inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad l-appell għaliex infondat;

–        iktar sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-Kunsill għall-annullament tas-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-motivi miċħuda fl-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mill-Front Polisario kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

55      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell.

56      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u l-Comader ukoll jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell.

 Fuq it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

57      Skont l-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-fażi orali tal-proċedura ġiet magħluqa wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fit-13 ta’ Settembru 2016.

58      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill indika lill-Qorti tal-Ġustizzja li dawn il-konklużjonijiet kienu jittrattaw fil-fehma tiegħu kwistjoni ta’ liġi li ma kienet la tqajmet fl-appell tiegħu u lanqas ma kienet invokata minn xi waħda mill-partijiet, jiġifieri dik tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Huwa ssuġġerixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura fl-ipoteżi fejn il-kawża kellha tiġi deċiża abbażi ta’ din il-kwistjoni.

59      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2016, il-Comader ressaq talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura bbażata fuq motivi analogi għal dawk invokati mill-Kunsill.

60      F’dan ir-rigward, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE jirriżulta li l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta fil-pubbliku, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li jeżiġu l-intervent tiegħu, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni tagħhom (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 57, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Andersen, C‑303/13 P, EU:C:2015:647, punt 33).

61      Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-imsemmija konklużjonijiet, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li jkunu eżaminati fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bażi li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 62, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 26).

62      Minkejja dan, l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna f’kull ħin il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument ta’ liġi li ma kienx ġie indirizzat mill-partijiet.

63      F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ liġi li jirreferu għalihom il-Kunsill u l-Comader tqajmu mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, insostenn tal-aggravju li permezz tiegħu l-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-analiżi tal-locus standi tal-Front Polisario magħmula mill-Qorti Ġenerali.

64      Barra minn hekk, dawn l-argumenti ta’ liġi ġew invokati matul is-seduta u ġew argumentati fit-tul mill-partijiet kollha.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

66      Il-Front Polisario jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-appell billi jsostni, essenzjalment, li l-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza meħtieġa sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali ġuridikament applikabbli għas-Saħara tal-Punent u li tqegħid inkwistjoni tas-sentenza appellata, li sempliċement tannulla d-deċiżjoni kkontestata “inkwantu hija tapprova l-applikazzjoni tal-[Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni] għas-Saħara tal-Punent”, għalhekk ma hija tal-ebda interess għall-Kunsill.

67      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi jesponu, prinċipalment, li istituzzjoni tal-Unjoni bħall-Kunsill tista’ tippreżenta appell mingħajr ma għandha bżonn tipprova interess ġuridiku. Sussidjarjament, huma jsostnu li dan ir-rekwiżit huwa, fi kwalunkwe każ, issodisfatt f’dan il-każ peress li l-Kunsill għandu interess li jikseb l-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn, permezz ta’ din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali parzjalment annullat id-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tista’ tippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għalkollox, fit-talbiet tagħha.

69      Barra minn hekk, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-istess statut jirriżulta li sabiex jappellaw minn sentenza tal-Qorti Ġenerali, f’kawża fejn ma jkunux involuti l-Unjoni kontra l-membri tal-persunal tagħha, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhom jipprovaw l-ebda interess ġuridiku (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil, C‑141/02 P, EU:C:2005:98, punt 48, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 45).

70      F’dan il-każ, minn dan isegwi li l-Kunsill, li tilef fit-talbiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, ma għandu jipprova ebda interess ġuridiku sabiex jippreżenta dan l-appell.

71      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-Front Polisario kontra dan l-appell għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

72      Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jinvoka sitt aggravji, fejn l-ewwel u t-tieni wieħed huma bbażati fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-analiżi tal-locus standi in judicio tal-Front Polisario u dik tal-locus standi tiegħu. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-portata tal-istħarriġ ġuridiku tagħha fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi barranin tal-Unjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ne ultra petita. Il-ħames aggravju jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ ċerti regoli tad-dritt internazzjonali. Fl-aħħar nett, is-sitt aggravju huwa dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti applikabbli għall-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni.

73      Qabelxejn għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju tal-appell, li jikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-locus standi tal-Front Polisario, u b’mod iktar partikolari, fi ħdan dan l-aggravju, l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar ir-raġunament li l-Qorti Ġenerali għamlet, fil-punti 73 sa 103 tas-sentenza appellata, għall-kwistjoni preliminari dwar jekk il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kienx japplika jew le għas-Saħara tal-Punent.

 Is-sentenza appellata

74      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qabelxejn sostniet, essenzjalment, fil-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Front Polisario sabiex jistabbilixxi l-eżistenza tal-locus standi tiegħu, l-eżami ta’ dan il-locus standi kien jeħtieġ li jiġi ddeterminat qabelxejn jekk il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kienx japplika jew le għas-Saħara tal-Punent.

75      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 74 sa 88 tas-sentenza appellata, li fid-dawl tal-argumenti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Front Polisario f’dan ir-rigward, din il-kwistjoni kienet timplika hija stess, li l-imsemmi ftehim jiġi interpretat. Barra minn hekk, hija kkunsidrat, fil-punti 89 sa 94 u 98 tas-sentenza appellata, li tali interpretazzjoni kellha ssir skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ natura konswetudinali mfakkra fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 95 sa 98 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, ma kienx rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tar-rikors li kellha tiddeċiedi, bid-differenza ta’ dak li kien ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91).

76      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali interpretat, fil-punti 99 sa 102 tas-sentenza appellata, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, billi sostniet dan li ġej:

“99      Konformement ma’ […] l-[A]rtikolu [31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna], jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest li fih jidħol trattat internazzjonali bħall-[Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni]. L-elementi kollha msemmija fil-punti 77 sa 87 iktar ’il fuq jagħmlu parti minn dan il-kuntest u juru li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jafu dwar l-applikazzjoni, mill-awtoritajiet Marokkini, tad-dispożizzjonijiet tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] ukoll għall-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk u ma kkontestawx din l-applikazzjoni. Bil-kontra, il-Kummissjoni kkooperat, b’ċertu mod, mal-awtoritajiet Marokkini fid-dawl ta’ din l-applikazzjoni u rrikonoxxiet ir-riżultati tagħha, billi inkludiet impriżi stabbiliti fis-Saħara tal-Punent fost dawk inklużi fil-lista msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq.

100      Għandu jitfakkar ukoll li teżisti diverġenza bejn it-teżijiet rispettivi tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk fir-rigward tal-istatus internazzjonali tas-Saħara tal-Punent. Filwaqt li t-teżi tal-Unjoni hija suffiċjentement u korrettement spjegata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (ara l-punti 74 u 75 iktar ’il fuq), huwa paċifiku li r‑Renju tal-Marokk għandu idea tal-affarijiet li hi għal kollox differenti. Fil-fehma tiegħu, is-Saħara tal-Punent jagħmel parti sħiħa mit-territorju tiegħu.

101      B’hekk, fl-Artikolu 94 tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni], ir-riferiment għat-territorju tar-Renju tal-Marokk seta’ jinftiehem mill-awtoritajiet Marokkini bħala li jinkludi s-Saħara tal-Punent jew, mill-inqas, l-iktar parti importanti tiegħu kkontrollata mir-Renju tal-Marokk. Minkejja li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu, hekk kif diġà ġie osservat, kuxjenti dwar din it-teżi sostnuta mir-Renju tal-Marokk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk ma jinkludi ebda klawżola interpretattiva u ebda dispożizzjoni oħra li jkollha bħala riżultat li teskludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

102      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-[Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni] ġie konkluż tnax‑il sena wara l-approvazzjoni tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] u filwaqt li dan il-ftehim kien ġie implementat matul dan il-perijodu kollu. Li kieku l-istituzzjonijiet tal-Unjoni xtaqu jikkontestaw l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent, kif emendat bid-deċiżjoni kkontestata, huma setgħu jinsistu sabiex tiġi inkluża, fit-test tal-[Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni], klawżola li teskludi tali applikazzjoni. In-nuqqas tagħhom fuq dan il-punt juri li huma aċċettaw, mill-inqas impliċitament, l-interpretazzjoni tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] u tal-[Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni] mid-deċiżjoni kkontestata, skont liema dawn il-ftehim japplikaw ukoll għall-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk.”.

77      Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, imqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tiegħu, kellu jiġi interpretat fis-sens li kien “japplika wkoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent”.

 L-argumenti tal-partijiet

78      Il-Kunsill jakkuża lill-Qorti Ġenerali li ppreżumiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li, jekk il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kien japplika għas-Saħara tal-Punent, il-Front Polisario kien awtomatikament suxxettibbli li jkun direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata. Issa, tali preżunzjoni hija żbaljata fil-liġi. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali stess kienet iddeċidiet preċedentement fid-digriet tat-3 ta’ Lulju 2007, Commune de Champagne et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑212/02, EU:T:2007:194, punti 90 sa 94), deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u Stat terz ma tipproduċi l-ebda effetti legali fit-territorju tal-parti l-oħra għal dan il-ftehim. Għalhekk is-sitwazzjoni ta’ tali territorju tkun irregolata biss mid-dispożizzjonijiet adottati minn din il-parti l-oħra, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sovrana tagħha. Barra minn hekk, l-effetti li dan il-ftehim jipproduċi fuq dan it-territorju joriġinaw biss mill-fatt li, billi ddeċidiet li tirratifika dan l-istess ftehim, l-imsemmija parti l-oħra kkonsentiet li tintrabat minn dan tal-aħħar u impenjat ruħha li tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minnu. Għaldaqstant, il-fatt li tintlaqa’ l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali sa fejn dan ir-rikors jikkonċerna l-effetti ta’ dan il-ftehim internazzjonali fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra jwassal lill-qorti tal-Unjoni sabiex tmur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha billi tiddeċiedi dwar il-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tad-drittijiet jew tal-obbligi li jirriżultaw, għal Stat terz, minn ftehim li dan tal-aħħar ikkonsenta għalih liberament u b’mod sovran. Issa, dan huwa eżattament dak li għamlet il-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, billi għamlet l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent kundizzjoni preliminari għal-locus standi tal-Front Polisario. Fl-aħħar nett, il-Kunsill jenfasizza li l-fatt li s-Saħara tal-Punent hija “territorju kkontestat” fid-dritt internazzjonali huwa irrilevanti għar-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmi digriet, li huwa jaqbel miegħu kompletament.

79      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt, invokat b’mod partikolari fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni japplika “de facto”, f’ċerti każijiet, għas-Saħara tal-Punent, ma jista’ jiġi kkunsidrat la bħala element ta’ kuntest u lanqas bħala prassi ulterjorment segwita, fis-sens tal-Artikolu 31(2) u (3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tiġġustifika li l-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi interpretat fis-sens li dawn iż-żewġ ftehimiet japplikaw għal dan it-territorju mhux awtonomu. Barra minn hekk, minkejja li ma kienet ġiet inkluża l-ebda klawżola li teskludi espressament lis-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk fir-rigward tal-istatus ta’ dan it-territorju mhux awtonomu, invokat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, dan il-fatt ma jiġġustifikax li jitqies li l-imsemmija ftehimiet japplikaw għall-imsemmi territorju, fid-dawl tal-Artikolu 31(3)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kkodifikat fl-Artikolu 34 ta’ din il-konvenzjoni u mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010 Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91), tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, imfakkar diversi drabi mill-Unjoni fil-pożizzjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett, kif ukoll fil-prassi internazzjonali rilevanti fil-qasam tal-applikazzjoni territorjali tat-trattati.

80      B’risposta, il-Front Polisario josserva li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għas-Saħara tal-Punent, mhux bil-għan li tiġbed minnha xi preżunzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, iżda sabiex tiddetermina l-kuntest ta’ fatt u ta’ liġi li kellu jiġi eżaminat fih il-locus standi tiegħu. Fil-fatt, il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew fit-tul li dan il-ftehim ma kienx applikabbli għall-imsemmi territorju, qabel ma rrikonoxxew, fir-risposta tagħhom għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, u sussegwentement matul is-seduta quddiem din il-qorti, li s-sistema ta’ tariffi preferenzjali li kien jinkludi kienet effettivament applikata, f’ċerti każijiet, għall-prodotti li joriġinaw minnu. Issa, dan l-element jiddistingwi fundamentalment l-imsemmi ftehim miż-żewġ ftehimiet paragunabbli konklużi mir-Renju tal-Marokk mal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Kif jirriżulta mill-punti 73, 88 u 98 sa 102 tas-sentenza appellata, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 103 ta’ dik is-sentenza, li tgħid li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni “japplika wkoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent”, hija bbażata, mhux fuq konstatazzjoni ta’ fatt, iżda fuq interpretazzjoni ġuridika ta’ dan il-ftehim, li saret mill-imsemmija qorti abbażi tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

82      Il-pożizzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett jaqblu definittivament, sa fejn l-imsemmija konklużjoni tal-Qorti Ġenerali tinsab fil-qalba stess tal-argumenti rispettivi ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma setax jiġi interpretat fis-sens li kien ġuridikament applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet dwar il-legalità tad-drittijiet jew tal-obbligi li jirriżultaw, għall-parti l-oħra, minn dan il-ftehim li hija kienet ikkonsentiet għalih liberament u b’mod sovran. Issa, l-analiżi ta’ dan l-allegat żball ta’ liġi timplika, fi kwalunkwe każ, li tiġi eżaminata preliminarjament il-fondatezza tal-konklużjoni miġbuda mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, l-eventwali drittijiet u obbligi tal-parti l-oħra għal dan il-ftehim, f’dak li jikkonċerna dan it-territorju, ma humiex suxxettibbli li jkunu ġew affettwati.

83      Għalhekk għandha tiġi vverifikata l-fondatezza tar-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali, wara li ddeskriviet il-kuntest li kien ġie konkluż fih il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, fil-punti 99 u 100 tas-sentenza appellata, suċċessivament iddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim fid-dawl tat-termini tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fil-punt 101 ta’ dik is-sentenza, u wara eżaminat il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni stess, fil-punt 102 tal-imsemmija sentenza, qabel ma waslet għall-konklużjoni espressa fil-punt 103 tal-istess sentenza.

84      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt 101 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jipprevedi li dan il-ftehim japplika “għat-territorju tar-Renju tal-Marokk”. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali sostniet li r-riferiment għar-Renju tal-Marokk li jinsab f’dan l-artikolu seta’ jinftiehem mill-awtoritajiet tal-imsemmija Stat bħala li jinkludi s-Saħara tal-Punent u li, minkejja li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu jafu b’tali pożizzjoni, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma kien jinkludi l-ebda klawżola interpretattiva u lanqas ebda dispożizzjoni oħra li kellha l-konsegwenza li teskludi dan it-territorju mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

85      Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-pożizzjoni tar-Renju tal-Marokk li s-Saħara tal-Punent tagħmel parti integrali mit-territorju tiegħu, it-tieni nett, tal-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu jafu b’din il-pożizzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u, it-tielet nett, tal-assenza ta’ stipulazzjoni li teskludi lis-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim, il-partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kellhom jitqiesu li kienu taċitament qablu sabiex it-termini “territorju tar-Renju tal-Marokk” li jinsabu fl-Artikolu 94 tiegħu jiġu interpretati fis-sens li dan l-artikolu kien jinkludi wkoll l-imsemmi territorju.

86      Issa, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tkun tista’ tislet konsegwenzi ġuridiċi korretti mill-assenza ta’ stipulazzjoni li teskludi lis-Saħara tal-Punent mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim, il-Qorti Ġenerali kellha tosserva mhux biss ir-regoli ta’ interpretazzjoni in bona fide stabbiliti fl-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iżda wkoll dik prevista fl-Artikolu 31(3)(ċ) li jipprovdi li l-interpretazzjoni ta’ trattat għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet għal dan it-trattat (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Minkejja li hemm sovrapożizzjoni, parzjali, bejn il-portata tad-diversi regoli rilevanti ta’ dritt internazzjonali applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, ir-regola kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna kif ukoll il-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, kull waħda minn dawn ir-regoli għandha l-awtonomija tagħha, b’tali mod li hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni mfakkar, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti huwa, kif esponiet il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-punti 54 sa 56 tal-opinjoni konsultattiva tagħha fuq is-Saħara tal-Punent, prinċipju tad-dritt internazzjonali applikabbli għat-territorji mhux awtonomi kollha u għall-popli kollha li għadhom ma kisbux l-indipendenza. Barra minn hekk, dan jikkostitwixxi dritt opponibbli erga omnes kif ukoll prinċipju essenzjali tad-dritt internazzjonali (Timor tal-Punent, [Il-Portugall vs L-Awstralja], sentenza, QIĠ Ġabra 1995, p. 90, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Għaldaqstant, dan il-prinċipju jagħmel parti mir-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni.

90      Skont l-imsemmi prinċipju, kif ippreċiżat mir-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU, imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, “[i]t-territorju ta’ kolonja jew ta’ territorju ieħor mhux awtonomu għandu, abbażi tal-[Karta tan-Nazzjonijiet Uniti], status separat u distint”.

91      B’mod iktar partikolari, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU, fid-diversi riżoluzzjonijiet tagħha ddedikati għas-Saħara tal-Punent, esprimiet b’mod irripetut ix-xewqa tagħha “li l-popolazzjoni awtoktona tat-territorju titħalla teżerċita liberament id-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni”, kif irrilevat il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-punti 62, 64 u 68 tal-opinjoni konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent.

92      Fid-dawl tal-istatus separat u distint irrikonoxxut lit-territorju tas-Saħara tal-Punent, abbażi tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, fil-konfronti ta’ dak ta’ kull Stat, inkluż ir-Renju tal-Marokk, it-termini “territorju tar-Renju tal-Marokk” li jinsabu fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jistgħux, kif issostni l-Kummissjoni u kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiġu interpretati b’mod li s-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim.

93      F’dan il-każ, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 3 tas-sentenza appellata, li s-Saħara tal-Punent kien jinsab fuq il-lista tat-territorji mhux awtonomi fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti sa mis-sena 1963, l-imsemmija qorti madankollu ma kkunsidratx il-konsegwenzi tal-istatus li għandu s-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt internazzjonali, fir-rigward tal-inapplikabbiltà tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għal dan it-territorju.

94      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-regola konswetudinali kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tipprevedi li, sakemm ma tirriżultax intenzjoni differenti minn trattat jew ma jkunx stabbilit mod ieħor, dan it-trattat jorbot lil kull parti kontraenti għalih fir-rigward tat-“territorju tagħha” kollu.

95      Għalhekk, mill-imsemmija regola, imqiegħda fil-perspettiva tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jirriżulta li trattat jorbot, bħala regola ġenerali, Stat, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-terminu “territorju”, flimkien mal-aġġettiv possessiv “tagħha” li jsegwi, mal-ispazju ġeografiku li fuqu dan l-Istat jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu rrikonoxxuta lill-entitajiet sovrani mid-dritt internazzjonali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe territorju ieħor, bħal territorju li jista’ jkun jinsab taħt il-ġurisdizzjoni biss jew taħt l-unika responsabbiltà internazzjonali tal-imsemmi Stat.

96      F’dan ir-rigward, u kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, mill-prassi internazzjonali jirriżulta li, meta trattat ikun japplika mhux biss għat-territorju ta’ Stat, iżda wkoll lil hinn minn dan it-territorju, dan it-trattat għandu jipprevedi dan espressament, kemm jekk ikun territorju li jinsab “taħt il-ġurisdizzjoni” ta’ dan l-Istat, kif jistabbilixxi pereżempju l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni kontra t-tortura u pieni oħra jew trattament krudili, inuman jew degradanti, adottata fi New York fl-10 ta’ Diċembru 1984, kif ukoll jekk ikun territorju “li [l-imsemmi Stat] imexxi r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu”, bħalma jistipula pereżempju l-Artikolu 56(1) tal-Konvenzjoni Ewropea ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

97      Għalhekk, ir-regola konswetudinali kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tipprekludi hija wkoll a priori li s-Saħara tal-Punent jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

98      Dan espost, mill-imsemmija regola konswetudinarja jirriżulta wkoll li trattat jista’, b’deroga għar-regola ġenerali mfakkra fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, jorbot Stat fil-konfronti ta’ territorju ieħor jekk tali intenzjoni tkun tirriżulta minn dan it-trattat jew jekk ma jkunx stabbilit mod ieħor.

99      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ippreżumiet li, sa fejn il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu jafu bil-pożizzjoni tar-Renju tal-Marokk, li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni seta’ kien japplika għas-Saħara tal-Punent, dawn l-istituzzjonijiet kienu taċitament aċċettaw din il-pożizzjoni, kif ġie sostnut fil-punt 85 ta’ din is-sentenza

100    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, abbażi tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li r-regola tinsab fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, it-trattati ma għandhom la jippreġudikaw u lanqas jibbenefikaw lil suġġetti terzi mingħajr il-kunsens tagħhom (ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punti 44 u 52).

101    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, kif tfakkar fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 95 sa 97 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi prinċipju ma kienx rilevanti għall-finijiet tal-eżami tar-rikors imressaq quddiemha, b’differenza minn dak li kienet iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91), għaliex iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal dan ir-rikors huma differenti minn dawk li jikkaratterizzaw il-kawża li wasslet għal dik is-sentenza.

102    B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 96 u 97 tas-sentenza appellata, li l-Unjoni ma kienet ikkonkludiet ebda ftehim ta’ assoċjazzjoni dwar il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent differenti minn dak li jorbotha mar-Renju tal-Marokk, filwaqt li fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91), din kienet ikkonkludiet ftehim ta’ assoċjazzjoni mhux biss mal-Istat ta’ Iżrael, iżda wkoll mal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (OLP) li kienet taġixxi f’isem u għall-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża.

103    Issa, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, il-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali interpretazzjoni, peress li applikazzjoni għas-Saħara tal-Punent tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, kienet twassal sabiex dan il-ftehim jaffettwa lil “terz”.

104    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fl-opinjoni konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent, li l-Qorti Ġenerali stess irreferiet għaliha fil-punt 8 tas-sentenza appellata, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-Saħara tal-Punent “ma kienx teritorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonizzazzjoni mir-Renju ta’ Spanja”, minn naħa, u li l-provi u l-informazzjoni pprovduta lilha “ma kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ebda rabta ta’ sovranità territorjali” bejn dan it-territorju u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra.

105    B’mod iktar preċiż, f’dan ir-rigward, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja enfasizzat, fl-opinjoni konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent, li l-popolazzjoni ta’ dan it-territorju kienet tibbenefika, abbażi tad-dritt internazzjonali ġenerali, mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni, kif ġie espost fil-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza, fejn, min-naħa tagħha, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU, fil-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 34/37 tagħha dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, iċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, irrakkomandat li l-Front Polisario, “rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dewwiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent”, kif il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 14 tas-sentenza appellata u kif fakkret il-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

106    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu jiġi kkunsidrat li huwa “terz” fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu. Bħala tali, dan it-terz jista’ jiġi affettwat mill-implementazzjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni fil-każ li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali implementazzjoni hijiex ta’ natura li tippreġudikah jew inkella li tkunlu ta’ benefiċċju. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’kull każ, l-imsemmija implementazzjoni għandha tirċievi l-kunsens ta’ tali terz. Issa, f’dan il-każ, is-sentenza appellata ma turix li l-poplu tas-Saħara tal-Punent wera tali kunsens.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jiġi kkunsidrat li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ dritt internazzjonali tal-effett relattiv tat-trattati, li japplika fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 101 u 103 tas-sentenza appellata, li l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk kellhom jiġu kkunsidrati li qablu b’mod taċitu sabiex jinterpretaw it-termini “territorju tar-Renju tal-Marokk” li jinsabu fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-sens li kienu jinkludu t-territorju tas-Saħara tal-Punent.

109    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt 102 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali qieset hemmhekk li, li kieku l-Kunsill u l-Kummissjoni xtaqu jopponu l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, huma setgħu jitolbu li tiddaħħal fil-ftehim klawżola li teskludi tali applikazzjoni, u kompliet tgħid li l-“omissjoni” tagħhom fuq dan il-punt kienet turi li kienu jaċċettaw impliċitament li jikkunsidraw li dan il-ftehim, l-istess bħall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, huwa applikabbli għall-imsemmi territorju.

110    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 30(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jikkodifika r-regola li tgħid li, meta trattat ikun jippreċiża li huwa suġġett għal trattat preċedenti jew sussegwenti jew li ma għandux jiġi kkunsidrat li huwa inkompatibbli ma’ dan it-trattat l-ieħor, id-dispożizzjonijiet ta’ dan jipprevalu.

111    Issa, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni huwa, kif jirriżulta mill-punti 18, 20 u 21 tas-sentenza appellata, ftehim li għandu l-għan li jemenda ftehim preċedenti bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, jiġifieri l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u, b’mod iktar preċiż, id-dispożizzjonijiet previsti minn dan il-ftehim preċedenti fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti tal-agrikoltura u tas-sajd. Għal dan il-għan, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, kif jirriżulta mill-istess punti tas-sentenza appellata, emenda erbgħa mis-96 artikolu tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u l-Artikolu 94 ta’ dan tal-aħħar ma huwiex wieħed minnhom, u jissostitwixxi tlieta mill-ħames protokolli li jakkumpanjaw dan il-ftehim. Dawn l-emendi huma ta’ natura eżawrjenti, kif jikkonferma l-iskambju ta’ ittri bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li huwa bbażat fuqhom il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni.

112    Minn dan jirriżulta li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jikkostitwixxu trattati suċċessivi konklużi bejn l-istess partijiet u li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, bħala trattat sussegwenti dwar aspetti preċiżi u limitati ta’ qasam diġà ampjament irregolat minn ftehim preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li huwa suġġett għal dan tal-aħħar.

113    Fid-dawl ta’ tali rabta partikolari, li ma hijiex ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkunsidrat, skont ir-regola kkodifikata fl-Artikolu 30(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li ma ġewx emendati espliċitament mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għandhom jipprevalu għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sabiex tiġi evitata kwalunkwe inkompatibbiltà bejniethom.

114    Minn dan isegwi li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma setax jinftiehem, fil-mument meta ġie konkluż, fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu kien jinkludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent, u li ma kienx meħtieġ li tiġi inkluża klawżola li teskludi espressament dan it-territorju mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni.

115    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kunsill u l-Kummissjoni kellhom jiġu kkunsidrati li aċċettaw li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kienu japplikaw għat-territorju tas-Saħara tal-Punent minħabba li kienu naqsu milli jinkludu, fit-tieni ftehim, klawżola li teskludi tali applikazzjoni.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kellu jiġi interpretat fis-sens li kien japplika għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, u b’mod iktar preċiż għall-parti ta’ dan it-territorju kkontrollata mir-Renju tal-Marokk, peress li tali interpretazzjoni ma setgħet tiġi ġġustifikata la mit-test tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, la mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, u lanqas, fl-aħħar nett, mill-fatti li kienu jikkonċernaw il-konklużjoni ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet, hekk kif invokati fil-punti 101 u 102 tas-sentenza appellata.

117    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-analiżi li saret mill-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, abbażi tal-elementi ta’ fatt invokati fil-punti 77 sa 87 tal-istess sentenza.

118    Il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija punti juru, qabelxejn, li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu jafu, fil-mument tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, bil-fatt li l-awtoritajiet Marokkini kienu ilhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent sa minn diversi snin. Sussegwentement, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fl-ebda mument ma opponew din l-applikazzjoni u l-Kummissjoni kkooperat f’dan sa ċertu punt. Fl-aħħar nett, is-sistema ta’ tariffi preferenzjali stabbilita mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u emendata bil-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni hija, f’ċerti każijiet, applikata “de facto” għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent sa mill-konklużjoni tat-tieni wieħed minn dawn il-ftehimiet, kif fakkru l-Kunsill u l-Kummissjoni fin-noti tagħhom u matul is-seduta.

119    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li din il-prassi sussegwenti għall-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kienet tiġġustifika li dan il-ftehim u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni jiġu interpretati fis-sens li t-territorju tas-Saħara tal-Punent kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, fl-istess ħin kemm tal-kuntest tiegħu kif ukoll ta’ kwalunkwe prassi ulterjorment segwita fl-applikazzjoni ta’ dan it-trattat li permezz tiegħu huwa stabbilit il-qbil tal-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmi trattat.

121    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 77, 83 u 87 tas-sentenza appellata, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu enfasizzaw, l-istess bħall-Front Polisario, li, għalkemm is-sistema ta’ tariffi preferenzjali prevista mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mill-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kienet applikata f’ċerti każijiet għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, din l-applikazzjoni kienet ta’ natura “de facto”.

122    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, kuntrarjament għal dak li jippreskrivi l-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, jekk tali applikazzjoni, f’ċerti każijiet, kinitx tfisser l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet intiż sabiex jemenda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

123    Barra minn hekk, allegata volontà tal-Unjoni tradotta fi prassi ulterjuri u li tikkonsisti f’li jiġi kkunsidrat minn issa ’il quddiem li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni huma ġuridikament applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent kienet neċessarjament timplika li jiġi ammess li l-Unjoni kellha l-intenzjoni li teżegwixxi dan il-ftehim b’mod inkompatibbli mal-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u tal-effett relattiv tat-trattati, meta din tal-aħħar kienet fakkret ripetutament il-bżonn li jiġu osservati dawn il-prinċipji, kif tenfasizza l-Kummissjoni.

124    Issa, tali eżekuzzjoni hija neċessarjament inkonċiljabbli mal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tat-trattati in bona fide, li jikkostitwixxi prinċipju obbligatorju tad-dritt internazzjonali pubbliku applikabbli għas-suġġetti ta’ dan id-dritt li huma partijiet kontraenti għal trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 49, kif ukoll tat-23 ta’ Jannar 2014, Manzi u Compagnia Naviera Orchestra, C‑537/11, EU:C:2014:19, punt 38).

125    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll meta kkunsidrat li l-prassi ulterjuri invokata fil-punti 99 u 102 tas-sentenza appellata kienet tiġġustifika li l-imsemmija ftehimiet jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ġuridikament għat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

126    Għalhekk, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kellu jiġi interpretat fis-sens li japplika ġuridikament għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, qabel ma ħadet din il-konklużjoni bħala premessa tal-analiżi tagħha tal-locus standi tal-Front Polisario, kif ġie indikat fil-punti 43, 44 u 74 ta’ din is-sentenza, l-appell għandu jiġi milqugħ, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati wkoll l-aggravji u l-argumenti l-oħra tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

127    Għalhekk, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rikors

128    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ għalhekk tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

129    F’dan il-każ, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża.

130    F’dan ir-rigward, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament.

131    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li l-argument imressaq mill-Front Polisario sabiex jiġi stabbilit li għandu locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq l-affermazzjoni li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni, li l-imsemmija deċiżjoni approvat il-konklużjoni tiegħu, huwa applikat, fil-prattika, f’ċerti każijiet, għas-Saħara tal-Punent meta dan ma jagħmilx parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk.

132    Kif jirriżulta mill-motivi esposti fil-punti 83 sa 125 ta’ din is-sentenza, il-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għandu madankollu jiġi interpretat, skont ir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, fis-sens li ma japplikax għat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

133    Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra li bihom il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors, għandu jiġi kkunsidrat li l-Front Polisario ma jistax fi kwalunkwe każ jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-argumenti li huwa invoka, li għandu locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

134    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

136    L-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

137    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill talab il-kundanna tal-Front Polisario u peress li dan tal-aħħar tilef, dan għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn din l-istituzzjoni.

138    L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

139    F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża, kif ukoll il-Kummissjoni, li kienu intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

140    Fl-aħħar nett, peress li l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura tal-appell abbażi tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjenti li ma hijiex Stat Membru jew istituzzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

141    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-Comader għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), hija annullata.

2)      Ir-rikors tal-Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra u du rio de oro (Front Polisario) huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      Le Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra u du rio de oro (Front Polisario) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni Ewropea u l-Confédération marocaine de l’agriculture und du développement rural (Comader) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.