Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Settembru 2022 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-587/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Sipos u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: L-Ungerija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 u 4, interpretati b’rabta mal-Artikolu 10, tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi 1 , billi ma żguratx li l-agglomerazzjonijiet urbani ta’ Kéthely, Marcali, Zalaegerszeg, Keszthely, Zalakaros, Soltvadkert, Pilisvörösvár, Szécsény, Tolna, Köröm, Nagykőrös, Veresegyház, Kiskunhalas, Tököl, Szigetszentmiklós, Hódmezővásárhely, Szentendre, Mezőtúr, Békés, Dabas, Dunavarsány u Szentes għandhom sistemi ta’ ġbir għall-ilma urban mormi u huma konnessi magħhom, jew li sistemi individwali jew sistemi adatti oħra joffru l-istess livell ta’ protezzjoni ambjentali bħas-sistemi ta’ ġbir u ta’ trattament, kif ukoll li l-ilma urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun suġġett, qabel ma jkun skarikat, għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor.

tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5, interpretat b’rabta mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/271/KEE, billi ma żguratx li, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet urbani ta’ Kéthely, Marcali, Zalaegerszeg, Keszthely u Zalakaros, l-ilma urban mormi ikun suġġett għal trattament iktar strett mit-trattament sekondarju.

tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 91/271/KEE, billi ma żguratx il-verifika tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi fir-rigward tal-algomerazzjonijiet urbani ta’ Kéthely, Marcali, Zalaegerszeg, Keszthely, Zalakaros, Soltvadkert, Pilisvörösvár, Szécsény, Tolna, Köröm, Nagykőrös, Veresegyház, Kiskunhalas, Tököl, Szigetszentmiklós, Hódmezővásárhely, Szentendre, Mezőtúr, Békés, Dabas, Dunavarsány u Szentes.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-suġġett tal-kawża jikkonsisti fl-applikazzjoni inadegwata min-naħa tal-Ungerija tad-Direttiva 91/271/KEE. Id-Direttiva tirrigwarda l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma urban mormi u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali. L-għan tad-direttiva huwa li tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi tal-iskariki tal-ilma mormi msemmi f’relazzjoni ma’ setturi industrijali speċifiċi u mal-agglomerazzjonijiet ta’ popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 2 000 ruħ.

Skont il-Kummissjoni, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva b’rabta ma’ total ta’ 22 agglomerazzjoni urbana (Kéthely, Marcali, Zalaegerszeg, Keszthely, Zalakaros, Soltvadkert, Pilisvörösvár, Szécsény, Tolna, Köröm, Nagykőrös, Veresegyház, Kiskunhalas, Tököl, Szigetszentmiklós, Szentendre Hódmezővásárhely, Mezőtúr, Békés, Dabas, Dunavarsány u Szentes) suġġetti għaż-żewġ termini intermedji stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni (il-31 ta’ Diċembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2010).

Ir-raġuni primarja tas-sitwazzjoni kuntrarja għad-dritt tikkonsisti f’li, f’dawn l-agglomerazzjonijiet, il-perċentwal ta’ konnessjonijiet mas-sistemi ta’ ġbir diġà eżistenti huwa baxx. Fit-tieni lok, huwa ta’ problema l-fatt li f’dawn l-agglomerazzjonijiet jintużaw, b’mod inġustifikabbli u fi proporzjon eċċessiv, sistemi individwali jew sistemi adatti oħra li ma jiżgurawx il-livell ta’ protezzjoni ambjentali stabbilit mid-Direttiva.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26