Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správním soudem (ir-Repubblika Ċeka) fil-31 ta’ Diċembru 2020 – TanQuid Polska Sp. z. o. o. vs Generální ředitelství cel

(Kawża C-711/20)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: TanQuid Polska Sp. z. o. o.

Konvenut: Generální ředitelství cel

Domandi preliminari

Il-prodotti li huma suġġetti għad-dazju tas-sisa huma ttrasportati skont arranġament ta’ sospensjoni ta’ dawn tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE 1 f’sitwazzjoni fejn l-uffiċċju tad-dwana ta’ Stat Membru wieħed qabel mal-moviment tal-prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju minn maħżen tat-taxxa lil negozjant irreġistrat stabbilit fi Stat Membru ieħor, minkejja li l-kundizzjonijiet għall-moviment ta’ dawk il-prodotti taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma kinux oġġettivament issodisfatti, wara li ġie stabbilit fi stadju sussegwenti tal-proċedura li n-negozjant irreġistrat ma kienx jaf bil-moviment tal-prodotti, minħabba frodi ta’ terzi?

L-għoti ta’ garanzija ta’ dazju tas-sisa, kif previst fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, mogħtija għal skop għajr il-moviment ta’ prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju bejn maħżen tat-taxxa u negozjant irreġistrat stabbilit fi Stat Membru ieħor jipprekludi l-bidu dovut tal-moviment taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, jekk l-għoti tal-garanzija kien irreġistrat fid-dokumenti li jakkumpanjaw għall-finijiet tal-moviment tal-prodotti taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għan-negozjant irreġistrat u kkonfermat mill-awtorità doganali tal-Istat Membru?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39)