Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Awwissu 2023 – DL vs Land Berlin

(Kawża C-501/23, Finanzamt Wilmersdorf)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DL

Konvenut: Land Berlin

Domandi preliminari

L-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (tfassil mill-ġdid) 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ewropew dwar l-insolvenza”) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-post ta’ operazzjoni ta’ persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew kwalunkwe attività professjonali indipendenti, jikkostitwixxi wkoll stabbiliment meta l-attività eżerċitata ma tirrikjedix l-użu ta’ mezzi umani u ta’ assi?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ewropew dwar l-insolvenza għandha tiġi interpretata fis-sens li meta persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew kwalunkwe attività professjonali indipendenti ma għandhiex stabbiliment fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, teżisti preżunzjoni fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha huwa l-post fejn hija eżerċitata l-attività ta’ negozju jew l-attività professjonali indipendenti?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ewropew dwar l-insolvenza għandu jiġi interpretat fis-sens li għal persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew kwalunkwe attività professjonali indipendenti mingħajr ma jkollha stabbiliment fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, teżisti preżunzjoni konformement mal-ewwel sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament u fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha huwa l-post tar-residenza abitwali tagħha?

____________

1     ĠU 2016, L 141, p. 19, rettifika fil-2016, L 349, p. 9.