Language of document : ECLI:EU:C:2024:439

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Mejju 2024 (*)

“Appell – Strument ta’ għajnuna qabel l-adeżjoni – Sussidji – Investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Sanzjonijiet amministrattivi – Esklużjoni mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u għall-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni – Pubblikazzjoni tal-esklużjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Ewropea – Proporzjonalità tas-sanzjonijiet – Nuqqas ta’ tismija tal-assenza ta’ sentenza definittiva jew ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva”

Fil-Kawża C‑130/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑2 ta’ Marzu 2023,

Vialto Consulting Kft., stabbilita fi Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn S. Paliou u A. Skoulikis, dikigoroi,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Adamopoulos, F. Behre u R. Pethke, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Vialto Consulting Kft. (iktar ’il quddiem “Vialto”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni (T‑537/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:852), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors ta’ Vialto intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni Ewropea tad‑29 ta’ Ġunju 2018, li permezz tagħha hija ġiet eskluża għal perijodu ta’ sentejn mill-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mill-proċeduri tal-għoti ta’ sussidji, mill-proċeduri ta’ strumenti finanzjarji (għall-istrumenti ta’ investiment partikolari u għall-intermedjarji finanzjarji), mill-proċeduri ta’ prezzijiet irregolati mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), u mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat‑2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall‑11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU 2015, L 58, p. 17), u ordnat il-pubblikazzjoni ta’ din l-esklużjoni fuq is-sit internet tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, hija titlob il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minnha minħabba din id-deċiżjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 105a tar-Regolament Nru 966/2012, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 286, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 966/2012”), intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-identifikazzjoni tar-riskji u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha toħloq u tħaddem sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u esklużjoni.

L-għan ta’ din is-sistema għandu jkun li jiffaċilita:

[...]

(b)      l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 106(1);

[...]”

3        Skont l-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 966/2012:

“1.      L-awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċeduri tal-akkwist irregolati minn dan ir-Regolament fejn:

[...]

(e)      l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti f’li jikkonforma mal-obbligi ewlenin fit-twettiq ta’ kuntratt iffinanzjat mill-baġit, li jkun wassal għat-terminazzjoni bikrija tiegħu jew għall-applikazzjoni ta’ danni likwidati jew multi kuntrattwali oħrajn jew li jkun ġie skopert wara kontrolli, verifiki jew investigazzjonijiet minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, l-[Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)] jew il-Qorti tal-Awdituri;

[...]

2.      Fin-nuqqas ta’ sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1, jew fil-każ imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ta’ aġir imsemmi f’dawk il-punti, b’kont meħud tal-fatti stabbiliti jew sejbiet oħra li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108.

[...]

Il-fatti u s-sejbiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)      fatti stabbiliti fil-kuntest ta’ verifiki jew investigazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF jew verifika interna, jew kwalunkwe aċċertament, verifka jew kontroll ieħor li jitwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal awtorizzanti;

[...]

3.      Kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità kontraenti meħuda skont l-Artikoli 106 sa 108 jew, fejn applikabbli, kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108, għandha ssir f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari tal-gravità tas-sitwazzjoni, inkluż l-impatt fuq l-interessi finanzjarji u l-immaġini tal-Unjoni, iż-żmien li jkun għadda mill-aġir rilevanti, it-tul u r-rikorrenza tiegħu, l-intenzjoni jew il-grad ta’ negliġenza, l-ammont limitat kontestat għall-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew kwalunkwe ċirkostanza attenwanti oħra, bħal kemm l-operatur ekonomiku jkun ikkollabora mal-awtorità rilevanti kompetenti u l-kontribut tiegħu għall-investigazzjoni kif rikonoxxut mill-awtorità kontraenti, jew l-iżvelar tas-sitwazzjoni ta’ esklużjoni permezz tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

[...]

16.      Sabiex fejn meħtieġ, jissaħħaħ l-effett ta’ deterrent ta’ esklużjoni u/jew tiġi rinfurzata penali finanzjarja, il-Kummissjoni għandha, soġġett għal deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha l-informazzjoni li ġejja dwar l-esklużjoni u, fejn applikabbli, il-penali finanzjarja fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d), (e) u (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)      l-isem tal-operatur ekonomiku kkonċernat;

(b)      is-sitwazzjoni ta’ esklużjoni b’referenza għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(c)      it-tul ta’ żmien tal-esklużjoni u/jew l-ammont tal-penali finanzjarja.

Meta d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni u/jew il-penali finanzjarja tkun ittieħdet, abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-pubblikazzjoni għandha tindika li ma hemm l-ebda sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali. F’dawk il-każijiet, informazzjoni dwar kwalunkwe appell, l-istatus tiegħu u l-eżitu tiegħu, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni riveduta tal-awtorità kontraenti għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien. Fejn tkun ġiet imposta penali finanzjarja, il-pubblikazzjoni għandha tindika wkoll jekk dik il-penali tħallsitx.

[...]

17.      L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex tiġi ppubblikata fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[...]

(b)      fejn il-pubblikazzjoni tikkawża ħsara sproporzjonata lill-operatur ekonomiku kkonċernat jew inkella tkun sproporzjonata abbażi tal-kriterji tal-proporzjonalità stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-ammont tal-penali finanzjarja;

[...]”

4        Il-premessa 21 tar-Regolament 2015/1929 kienet tipprovdi:

“Huwa importanti li jkun jista’ jissaħħaħ l-effett ta’ deterrent miksub permezz tal-esklużjoni jew il-penali finanzjarja. F’dak ir-rigward, l-effett ta’ deterrent għandu jissaħħaħ bil-possibbiltà li tiġi ppubblikata l-informazzjoni marbuta mal-esklużjoni u/jew il-penali finanzjarja, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data stipulati fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50)] u fid-Direttiva [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)]. Dan għandu jikkontribwixxi biex jiżgura li l-aġir ikkonċernat ma jirrepetix ruħhu. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi speċifikat f’liema sitwazzjonijiet m’għandhiex issir pubblikazzjoni. Fl-evalwazzjoni tagħha, l-awtorità kontraenti għandha tqis kull rakkomandazzjoni tal-bord. Sa fejn huma kkonċernati l-persuni fiżiċi, id-data personali għandha tiġi ppubblikata biss f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati mis-serjetà tal-aġir jew l-impatt tiegħu fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 22 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

6        L-appellanti hija kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż li tipprovdi servizzi ta’ konsulenza lil impriżi u entitajiet fis-settur privat u pubbliku.

7        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas‑17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU 2006, L 210, p. 82), l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-pajjiżi msemmija fl-Annessi I u II ta’ dan ir-regolament, fosthom ir-Repubblika tat-Turkija, sabiex tallinja ruħha progressivament mar-regoli u l-politiki tal-Unjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, l-acquis tal-Unjoni, bl-għan tal-adeżjoni tagħhom. L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat‑12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas‑17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (ĠU 2007, L 170, p. 1), jipprevedi, skont il-prinċipji ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna, li l-Kummissjoni għandha tafda l-ġestjoni ta’ ċerti azzjonijiet lill-pajjiż benefiċjarju, filwaqt li żżomm ir-responsabbiltà finali għall-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali. Il-ġestjoni ddeċentralizzata tkopri, għall-inqas, il-ġestjoni tas-sejħiet għall-offerti, l-aġġudikazzjoni u l-ħlasijiet.

8        Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim qafas mar-Repubblika tat-Turkija li jiddefinixxi b’mod ġenerali r-regoli għall-kooperazzjoni dwar l-għajnuna taħt l-IPA kif ukoll ftehim ta’ finanzjament. L-istruttura ta’ eżekuzzjoni magħżula, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 718/2007, kienet is-Central Finance and Contracts Unit (CFCU). Wieħed mill-proġetti ffinanzjati fil-kuntest ta’ dan il-ftehim kien il-proġett TR2010/0311.01 “Digitization of Land Parcel Identification System” (diġitalizzazzjoni ta’ sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula ta’ artijiet). Dan tal-aħħar ġie ffinanzjat b’madwar EUR 37 miljun u kien jinkludi tliet partijiet. It-tielet parti ġiet eżegwita fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizzi mogħti fid‑19 ta’ Settembru 2014 bejn iċ-CFCU u konsorzju kkostitwit minn ħames parteċipanti, fosthom l-appellanti, u kkoordinat minn Agrotec SpA, permezz tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi bir-referenza TR2010/0311.01–02/001.

9        Wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni minħabba suspetti ta’ atti ta’ korruzzjoni jew frodi mwettqa fil-kuntest ta’ dan il-proġett, abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), l-OLAF iddeċieda li jwettaq verifiki fil-bini tal-appellanti.

10      Waqt verifika mwettqa mit‑12 sal‑14 ta’ April 2016, ġie rrilevat li l-appellanti kienet irrifjutat li tipprovdi lill-OLAF ċerta informazzjoni.

11      Wara l-għeluq tal-investigazzjoni tal-OLAF, iċ-CFCU informat lil Agrotec dwar dan, kif ukoll bil-konklużjoni ta’ dan l-uffiċċju li tgħid li l-appellanti kienet kisret l-Artikolu 25 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi msemmi fil-punt 8 ta’ din is-sentenza. Iċ-CFCU informat ukoll lil Agrotec bid-deċiżjoni tagħha li teskludi lill-appellanti minn dan il-kuntratt, fl-aspetti kollha tiegħu, u li tkompli bl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. Konsegwentement, iċ-CFCU talbet li Agrotec tittermina minnufih l-attivitajiet tal-appellanti, jiġifieri mill‑11 ta’ Novembru 2016 u tieħu l-passi meħtieġa sabiex teskludiha mill-konsorzju, jiġifieri, billi tabbozza addendum għall-istess kuntratt.

12      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, innotifikata lill-appellanti fl‑4 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet l-esklużjoni tagħha għal perijodu ta’ sentejn mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti, għall-għoti ta’ sussidji u ta’ strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, skont ir-Regolament 2015/323, kif ukoll l-inklużjoni tagħha għal perijodu ta’ sentejn fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES), stabbilita mill-Artikolu 108(1) tar-Regolament Nru 966/2012.

13      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-premessa 77 tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-esklużjoni kienet iġġustifikata fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tirriżulta mill-fatt li Vialto kienet ipprekludiet lill-OLAF milli jwettaq l-investigazzjoni tiegħu u milli jivverifika jekk l-allegazzjonijiet ta’ frodi u/jew ta’ korruzzjoni kinux issostanzjati, u mill-prova tal-ksur minn Vialto, fis-sens tal-Artikolu 106(3) tar-Regolament Nru 966/2012, ta’ wieħed mill-obbligi prinċipali tagħha fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, peress li hija kienet irrikonoxxiet espliċitament fl-osservazzjonijiet tagħha lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 966/2012 li hija rrifjutat li tagħti lill-OLAF l-aċċess għad-data mitluba.

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika s-sanzjoni ta’ esklużjoni fuq is-sit internet tagħha, skont l-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-premessa 80 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-miżura ta’ pubblikazzjoni kienet iġġustifikata mill-fatt li Vialto kienet ipprekludiet lill-OLAF milli jwettaq l-investigazzjoni tiegħu u li dan in-nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali essenzjali ma kienx ippermetta l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Settembru 2018, Vialto introduċiet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għall-kumpens għad-danni materjali u morali tagħha. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Vialto qajmet ħames motivi.

16      L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal‑11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303). It-tielet motiv kien ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Finalment, il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

17      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha bħala infondati. Konsegwentement, hija ċaħdet ukoll it-talbiet għal kumpens ta’ Vialto, peress li dawn kienu bbażati fuq l-istess illegalitajiet bħal dawk invokati insostenn tat-talbiet għal annullament li hija ċaħdet.

18      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

 Ittalbiet talpartijiet

19      Permezz tal-appell tagħha Vialto titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu bħala manifestament infondat, u

–        tikkundanna lil Vialto għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

21      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji bbażati, l-ewwel tnejn, fuq żbalji ta’ liġi u fuq żnaturament tal-fatti fl-analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet, fuq żball ta’ liġi fir-rigward taċ-ċaħda tat-talbiet għal kumpens.

 Fuq lewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

22      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Vialto tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 160, 164, 175, 177 u 182 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-miżura ta’ pubblikazzjoni tal-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

23      B’mod partikolari, minn naħa, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li din il-miżura kienet tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità minkejja l-assenza ta’ motivazzjoni speċifika u distinta meta mqabbla mal-motivazzjoni li tiġġustifika s-sanzjoni tal-esklużjoni, jiġifieri l-gravità tan-nuqqas imwettaq. Għalkemm il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-miżura ta’ pubblikazzjoni kellha tkun is-suġġett ta’ analiżi ta’ proporzjonalità indipendenti minn dik imwettqa għas-sanzjoni ta’ esklużjoni, hija ma evalwatx il-fatt li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ pubblikazzjoni tal-esklużjoni ma kinitx differenti mill-motivazzjoni relatata mas-sanzjoni ta’ esklużjoni u li din ma kinitx speċjali.

24      Barra minn hekk, Vialto tikkontesta n-natura xierqa tal-miżura ta’ pubblikazzjoni sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Tali pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma tibbenefika lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda għandha l-funzjoni unika li tiddiswadi lit-terzi li jikkuntrattaw mal-Kummissjoni minn eventwali ksur tar-regoli.

25      Fl-aħħar nett, Vialto tikkontesta l-motiv tas-sentenza appellata li jinsab fil-punt 182 tagħha, fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fir-rigward tal-miżura ta’ pubblikazzjoni, li xejn ma kien jippermetti li jitqies li din kienet tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità għas-sempliċi raġuni li hija kienet intiża li tipproteġi l-istess għan leġittimu. Din l-evalwazzjoni ma hijiex motivata u l-fatt li kemm is-sanzjoni ta’ esklużjoni kif ukoll il-miżura ta’ pubblikazzjoni jistgħu jkollhom l-istess għan leġittimu ġenerali ma jirrendix il-miżura ta’ pubblikazzjoni awtomatikament konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

26      Min-naħa l-oħra, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ elementi li jiġġustifikaw, b’mod distint, is-sanzjoni ta’ esklużjoni u l-miżura ta’ pubblikazzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali aċċettat, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx għamlet distinzjoni stretta bejn l-elementi li jiġġustifikaw is-sanzjoni ta’ esklużjoni u dawk li jiġġustifikaw il-miżura ta’ pubblikazzjoni, qabel ma kkunsidrat li dan mhux neċessarjament iwassal għal konfużjoni bejn iż-żewġ motivazzjonijiet li jiġġustifikaw dawn il-miżuri, li tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, mill-premessi 77 u 80 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li ż-żewġ motivazzjonijiet kienu identiċi. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012 jirrendi neċessarja l-identifikazzjoni tal-motivazzjoni li tippermetti li tiġi ġġustifikata, minbarra l-esklużjoni tal-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi, l-adozzjoni tal-miżura addizzjonali ta’ pubblikazzjoni.

27      Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-ewwel aggravju bħala manifestament infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

28      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012, meta jkun jidher neċessarju li jissaħħaħ l-effett dissważiv tal-esklużjoni u/jew tas-sanzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha, bla ħsara għal deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, tippubblika fuq is-sit internet tagħha l-informazzjoni li tirrigwarda l-esklużjoni u, jekk ikun il-każ, is-sanzjoni finanzjarja.

29      Għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li s-sanzjoni ta’ esklużjoni u l-miżura ta’ pubblikazzjoni huma żewġ miżuri distinti, u li l-Kummissjoni tista’ tadotta l-miżura ta’ pubblikazzjoni meta hija tqis li dan huwa neċessarju sabiex jissaħħaħ l-effett dissważiv tas-sanzjoni ta’ esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

30      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 21 tar-Regolament 2015/1929, li minnha jirriżulta, essenzjalment, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jsaħħaħ l-effett dissważiv tas-sanzjoni ta’ esklużjoni u tas-sanzjoni finanzjarja billi jipprevedi l-possibbiltà li tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwar l-esklużjoni, peress li tali miżura tista’ tikkontribwixxi sabiex l-aġir inkwistjoni ma jerġax iseħħ.

31      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, essenzjalment, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li, għalkemm dawn iż-żewġ miżuri ma humiex ekwivalenti fl-effetti tagħhom, peress li s-sanzjoni ta’ esklużjoni hija prinċipalment punittiva filwaqt li l-miżura ta’ pubblikazzjoni għandha iktar għan ta’ dissważjoni u ta’ prevenzjoni, dawn xorta jibqgħu komplementari peress li huma intiżi għall-istess għan li jwasslu lill-persuni kkonċernati kollha sabiex jirrinunzjaw għal eventwali ksur tar-regoli.

32      It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni speċifika u distinta li tiġġustifika l-miżura tal-pubblikazzjoni meta mqabbla mal-motivazzjoni li tiġġustifika s-sanzjoni ta’ esklużjoni, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-istituzzjonijiet jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita sew, li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-istituzzjoni kkonċernata għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament wara l-att li hija tadotta, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni ma għandhiex neċessarjament tkun eżawrjenti, sakemm tkun suffiċjenti, li jkun il-każ meta l-istituzzjoni kkonċernata tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169).

34      F’dan il-każ, mill-premessa 80 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-pubblikazzjoni kienet iġġustifikata mill-fatt li Vialto kienet ipprekludiet lill-OLAF milli jwettaq l-investigazzjoni tiegħu u li dan in-nuqqas serju tal-obbligi kuntrattwali essenzjali kien ippreġudika l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

35      Kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 175 tas-sentenza appellata, din il-premessa tesponi b’mod ċar kif il-miżura ta’ pubblikazzjoni tidher iġġustifikata. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tiddeċiedi li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx iddistingwiet strettament l-elementi li jiġġustifikaw is-sanzjoni ta’ esklużjoni minn dawk li jiġġustifikaw il-miżura ta’ pubblikazzjoni ma kienx, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li kien hemm konfużjoni bejn iż-żewġ motivazzjonijiet li jiġġustifikaw dawn il-miżuri, li tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

36      It-tielet nett, Vialto ssostni wkoll l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-punti 175 u 173 tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat, f’dan l-aħħar punt, li l-miżura ta’ pubblikazzjoni kellha tkun is-suġġett ta’ analiżi ta’ proporzjonalità indipendenti minn dik imwettqa għas-sanzjoni ta’ esklużjoni, anki jekk il-fatti li wasslu għal dawn iż-żewġ miżuri setgħu jkunu komuni u studjati fl-istess ħin.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 172 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 106(17)(b) tar-Regolament Nru 966/2012 jipprevedi li “[l]-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex tiġi ppubblikata [...] fejn il-pubblikazzjoni tikkawża ħsara sproporzjonata lill-operatur ekonomiku kkonċernat jew inkella tkun sproporzjonata abbażi tal-kriterji tal-proporzjonalità stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-ammont tal-penali finanzjarja”.

38      Issa, il-kriterji ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 106(3) ta’ dan ir-regolament jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni u/jew ta’ sanzjoni finanzjarja.

39      Għaldaqstant, mill-Artikolu 106(17)(b) tar-Regolament Nru 966/2012 ma jirriżultax li l-analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ pubblikazzjoni għandha neċessarjament tirrigwarda elementi differenti minn dawk meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-analiżi dwar il-proporzjonalità tas-sanzjoni ta’ esklużjoni. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tirreferi, għall-finijiet tal-analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ pubblikazzjoni, b’mod partikolari għall-kriterji ta’ proporzjonalità relatati mas-sanzjoni ta’ esklużjoni. Għalhekk, is-sempliċi fatt li huma, essenzjalment, l-istess raġunijiet li huma invokati sabiex jiġġustifikaw iż-żewġ tipi ta’ miżuri ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn kull waħda minn dawn il-miżuri tkun is-suġġett, bħal f’dan il-każ, ta’ ġustifikazzjoni.

40      Ir-raba’, fir-rigward tan-natura xierqa tal-miżura ta’ pubblikazzjoni sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 105a ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u topera sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni. L-għan ta’ din is-sistema hija, b’mod partikolari, li tiffaċilita l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 106(1) tal-imsemmi regolament.

41      Ċertament, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 105a tar-Regolament Nru 966/2012 jirriżulta li s-sanzjoni ta’ esklużjoni hija intiża sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-miżura ta’ pubblikazzjoni bħala miżura li ssegwi l-istess għan.

42      Madankollu, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri huma komplementari. Barra minn hekk, u fuq kollox, it-tisħiħ tal-effett dissważiv tas-sanzjoni ta’ esklużjoni u tas-sanzjoni finanzjarja permezz tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-esklużjoni jsegwi wkoll, eventwalment, l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fil-fatt, tali miżura ta’ pubblikazzjoni, sa fejn hija intiża sabiex l-operaturi ekonomiċi ma jiksrux l-obbligi tagħhom fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, tikkontribwixxi manifestament sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

43      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-miżura ta’ pubblikazzjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

44      Il-ħames nett, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ elementi li jiġġustifikaw, b’mod distint, is-sanzjoni ta’ esklużjoni u l-miżura ta’ pubblikazzjoni billi rrikonoxxiet, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx għamlet distinzjoni bejn l-elementi li jiġġustifikaw is-sanzjoni ta’ esklużjoni, minn naħa, u l-miżura ta’ pubblikazzjoni, min-naħa l-oħra, sabiex tasal għall-konklużjoni li dan mhux neċessarjament iwassal għal konfużjoni bejn iż-żewġ motivazzjonijiet li jiġġustifikaw dawn il-miżuri, li tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-punt 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, li l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża ma għamlitx distinzjoni stretta bejn l-elementi li jiġġustifikaw l-esklużjoni u dawk li jiġġustifikaw il-pubblikazzjoni ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jitqies li kien hemm konfużjoni bejn iż-żewġ motivazzjonijiet li jiġġustifikaw dawn il-miżuri, li tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

46      Konsegwentement, sa fejn l-ilment ibbażat fuq l-iżnaturament ma jistax jikkontesta l-fondatezza tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv.

47      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

 Fuq ittieni aggravju

 Largumenti talpartijiet

48      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 183 sa 186 tas-sentenza appellata meta qieset li l-assenza ta’ preċiżjoni dwar l-ineżistenza ta’ sentenza definittiva jew ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva li tikkonċernaha fil-pubblikazzjoni tal-esklużjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni kienet konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012.

49      L-ewwel nett, in-nuqqas ta’ tismija, f’din il-pubblikazzjoni, dwar l-ineżistenza ta’ sentenza jew ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva jikkostitwixxi ksur ta’ forma sostanzjali. Fil-fatt, dan huwa rekwiżit ċar u inkundizzjonat li għandu l-għan li jinforma lil terzi u li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu tiżgwidahom. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-ksur ta’ din il-formalità ma kellux effett dannuż fuq is-sitwazzjoni legali u materjali ta’ Vialto.

50      It-tieni nett, Vialto tikkontesta l-applikazzjoni b’analoġija, fil-punt 183 tas-sentenza appellata, tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill (T‑443/11, EU:T:2014:774, punt 98), dwar il-ksur ta’ regola dwar il-konsultazzjoni ta’ kumitat.

51      It-tielet nett, il-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li l-ommissjoni msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza ġiet irrimedjata mill-Kummissjoni fl‑24 ta’ Ottubru 2018 ma għandhiex tkun element determinanti fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Il-legalità tal-att tal-Unjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-elementi materjali u legali eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tiegħu.

52      Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tat-tieni aggravju bħala manifestament infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

53      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012 jeżiġi, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni relatata mas-sanzjoni ta’ esklużjoni tippreċiża li ma kienx hemm sentenza definittiva jew deċiżjoni amministrattiva definittiva fir-rigward tal-operatur ekonomiku kkonċernat. F’każ bħal dan, din l-informazzjoni għandha tkun issupplimentata b’informazzjoni relatata ma’ appelli possibbli, il-progress tagħhom u l-eżitu tagħhom, kif ukoll ir-reviżjoni possibbli tad-deċiżjoni mill-awtorità kontraenti.

54      Vialto ssostni li l-assenza ta’ din it-tismija tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, li għandu l-effett li jippreġudika s-sitwazzjoni legali u materjali tagħha.

55      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata, fl-eżaminazzjoni tal-att inkwistjoni, li dan ma ġiex regolarment adottat, huwa l-obbligu tagħha li tislet il-konsegwenzi tal-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u, għaldaqstant, tannulla l-att ivvizzjat minn tali vizzju (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ tismija, fil-pubblikazzjoni fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, għall-fatt li Vialto ma kinitx is-suġġett ta’ sentenza definittiva jew ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva ma hijiex relatata mal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni tal-esklużjoni mill-Kummissjoni, iżda tikkostitwixxi fatt sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

57      F’dan il-każ, ma hijiex il-miżura ta’ pubblikazzjoni bħala tali li hija s-suġġett tar-rikors għal annullament, iżda d-deċiżjoni kkontestata. Din tal-aħħar tipprevedi espressament, fl-Artikolu 2 tagħha, li l-pubblikazzjoni għandha ssemmi l-assenza ta’ sentenza definittiva. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjoni ma hija vvizzjata b’ebda illegalità u ma hemm l-ebda żball fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 184 tas-sentenza appellata, li din l-assenza ta’ tismija ma tistax titqies li ppreġudikat is-sitwazzjoni legali u materjali ta’ Vialto u li ma kinitx tikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali. Fil-fatt, l-assenza ta’ din it-tismija ma jistax ikollha effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni tal-esklużjoni.

59      Fir-rigward tar-rettifika sussegwenti tal-ommissjoni mill-Kummissjoni, mis-sentenza appellata jirriżulta li r-raġuni li tinsab fil-punt 185 tas-sentenza appellata, introdotta bl-espressjoni avverbjali “barra minn hekk”, hija ta’ natura superfluwa meta mqabbla mal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 184 ta’ dik is-sentenza.

60      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ rettifika sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

61      Konsegwentement, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud, bħala parzjalment infondat u, parzjalment, ineffettiv.

 Fuq ittielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

62      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Vialto ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn qieset, fil-punti 194 sa 196 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir li bih hija kkritikata l-Kummissjoni ma kinitx issodisfatta. Issa, l-iżbalji ta’ liġi li jivvizzjaw is-sentenza appellata, kif esposti fl-ewwel u fit-tieni aggravju tal-appell, juru l-eżistenza ta’ aġir illegali tal-Kummissjoni, li għandu jwassal għall-annullament tal-punti 195 u 196 tas-sentenza appellata li ċaħdet it-talbiet għal kumpens.

63      Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

64      Sa fejn, fi kwalunkwe każ, it-tielet aggravju jista’ jiġi ddikjarat fondat biss jekk l-ewwel u t-tieni aggravju kienu huma stess ġew iddikjarati fondati, li ma huwiex il-każ, hemm lok li dan it-tielet aggravju jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-appell kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

65      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

66      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

67      Peress li l-Kummissjoni talbet li Vialto tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Vialto Consulting Kft. hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.