Language of document : ECLI:EU:F:2007:169

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2007

Kawża F-32/06

María del Carmen de la Cruz et

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (OSHA)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal – Ex membri tal-persunal lokali – Iffissar tal-klassifikazzjoni u tar-remunerazzjoni meta l-membru tal-persunal jiġi rreklutat – Ekwivalenza tal-postijiet – Konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. del Carmen de la Cruz, Estrataetxe, Grados, Moral u Sánchez, ilkoll membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ l-OSHA, jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ l-OSHA li jikklassifikawhom fil-grupp tal-funzjoni II, minflok fil-grupp tal-funzjoni III, fil-kuntratti tagħhom ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tat-28 u tad-29 ta’ April 2005 u, għaldaqstant, ir-reintegrazzjoni tad-drittijiet tagħhom mill-1 ta’ Mejju 2005, kif ukoll, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ danni u ta’ interessi għad-dewmien.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet ta’ l-OSHA li jikklassifikaw lir-rikorrenti fil-grupp tal-funzjoni II fil-kuntratti tagħhom ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, iffirmati fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, huma annullati. Il-kumplament tat-talbiet huwa miċħud. L-OSHA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Interess li jitressqu proċeduri

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv preċedenti – Identiċità tas-suġġett u tar-raġuni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Evalwazzjoni tal-funzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt id-diversi gruppi ta’ funzjonijiet

(Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 80(2))

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal kuntrattwali – Klassifikazzjoni

(Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 4 u 80(2))

1.      Att ma jiqafx ikun att li jikkawża preġudizzju lil uffiċjal jekk dan l-uffiċjal jagħti l-kunsens tiegħu għalih. Il-pożizzjoni opposta twassal sabiex iċċaħħad lill-persuna kkonċernata b’dan l-att minn kull possibbiltà li tikkontesta l-att, anki jekk dan huwa illegali, ħaġa li tkun kuntrarja għas-sistema ta’ rimedji stabbilita permezz tat-Trattat u tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 1996, Ortega Urretavizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑587/93, Ġabra p. I‑A‑349 u II‑1027, punt 28

2.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment prekontenzjuż u rikors sussegwenti tirrikjedi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li lment imqajjem quddiem il-qorti Komunitarja jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tkun f’pożizzjoni li tkun taf, b’mod suffiċjentement preċiż, xi kritiki l-parti kkonċernata tkun qed tagħmel kontra d-deċiżjoni kkontestata. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-finalità stess tal-proċedura prekontenzjuża, li l-għan tagħha huwa li tippermetti li tinstab soluzzjoni bonarja tal-kontroversji li jkunu qamu bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni. L-imsemmija awtorità għandha għalhekk tiġi kjarament informata bl-ilmenti mqajma minn min iressaq l-ilment sabiex ikun f’pożizzjoni li tipproponilu eventwali soluzzjoni bonarja.

Minn dan isegwi li, fir-rikorsi ta’ uffiċjali, it-talbiet ippreżentati quddiem il-qorti Komunitarja jistgħu jikkontjenu biss kapijiet ta’ kontestazzjoni bbażati fuq l-istess raġuni bħal dik li fuqha huma bbażati l-kapijiet ta’ kontestazzjoni invokati fl-ilment, għalkemm dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu żviluppati, quddiem il-qorti Komunitarja, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment, iżda li huma marbuta mill-qrib magħhom. Din l-aħħar kundizzjoni m’għandhiex ikollha l-effett li torbot, b’mod rigoruż u definittiv, l-eventwali fażi kontenżjuza, peress li t-talbiet ippreżentati f’dan l-aħħar stadju la jbiddlux r-raġuni u lanqas is-suġġett ta’ l-ilment.

(ara l-punti 38 sa 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il-Kummissjoni, 58/75, Ġabra p. 1139, punt 33; 20 ta’ Mejju 1987, Geist vs Il-Kummissjoni, 242/85, Ġabra p. 2181, punt 9; 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punt 10; 14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punti 9 u 10; 19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gaspari, C‑316/97 P, Ġabra p. I‑7597, punt 17

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Marzu 1990, Alexandrakis vs Il-Kummissjoni, T‑57/89, Ġabra p. II‑143, punt 8; 7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, Ġabra p. I‑A‑211 u II‑939, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet jew l-aġenziji eżekuttivi fl-evalwazzjoni tal-kompiti li jistgħu jaqgħu taħt id-diversi gruppi tal-funzjoni msemmija fl-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jirrigwarda l-osservanza tat-tqassim ta’ dawn il-kompiti bejn l-imsemmija gruppi tal-funzjoni, għandha tkun limitata għall-kwistjoni jekk l-awtorità awtorizzata sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg osservatx limiti raġonevoli u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punt 65)

4.      L-amministrazzjoni twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikklassifika fil-grupp tal-funzjoni II membri tal-persunal bil-kuntratt li ġew assenjati funzjonijiet li l-eżerċizzju tagħhom jirrikjedi tagħrif speċjalizzat ta’ livell għoli, b’mod partikolari f’oqsma bħal-leġiżlazzjoni tal-kontabbiltà u finanzjarja, il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, l-imaniġġjar tad-dokumenti u ta’ l-informazzjoni jew l-informatika. Dawn il-funzjonijiet ċertament jinkludu kompiti ta’ koordinazzjoni, ta’ abbozzar, ta’ immaniġġjar, ta’ superviżjoni, u saħansitra, kultant, ta’ ddisinjar, li jirrikjedu ċertu grad ta’ awtonomija. Tali funzjonijiet jmorru lil hinn mill-kuntest ta’ “kompiti klerikali u segretarjali” jew anki ta’ “amministrazzjoni ta’ uffiċċju” li jaqgħu taħt il-grupp tal-funzjoni II. Għalkemm uħud minnhom jistgħu jikkorrispondu għall-attribuzzjonijiet speċifiċi għall-grupp tal-funzjoni II, huma jaqgħu, fl-intier tagħhom, taħt “kompiti eżekuttivi, kompiti ta’ abbozzar” jew tal-“kontijiet” u “[kompiti] ekwivalenti oħra”, fis-sens ta’ l-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, li jikkaratterizzaw l-attribuzzjonijiet li jaqgħu taħt il-grupp tal-funzjoni III.

Huwa irrilevanti l-fatt li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-kompiti mwettqa minn dawn il-membri tal-persunal jirrigwardaw perijodu li fih huma kienu impjegati bħala membri tal-persunal lokali, billi l-kompiti li kienu assenjati lilhom ma tbiddlux b’mod sinjifikattiv wara r-reklutaġġ tagħhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. Barra minn dan, il-fatt li dawn il-kompiti ġew eżegwiti fil-passat minn dawn il-membri tal-persunal fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-persunal lokali, taħt l-Artikolu 4 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, fil-verżjoni tagħhom applikabbli qabel l-1 ta’ Mejju 2004, ma jistax ikun fattur determinanti għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni xierqa ta’ l-Artikolu 80(2) ta’ dawn il-Kondizzjonijiet.

Huwa irrilevanti wkoll il-fatt li dawn il-membri tal-persunal jwettqu l-kompiti tagħhom taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal temporanju, peress li din hija r-regola prevista fl-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra għall-membri tal-persunal bil-kuntratt kollha, ikun x’ikun il-grupp tal-funzjoni li miegħu jkunu marbuta.

(ara l-punti 72 sa 76)