Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Zaragoza (Spanja) fit-12 ta’ Jannar 2024 – CP vs Nissan Iberia SA

(Kawża C-21/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Zaragoza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CP

Konvenut: Nissan Iberia SA

Domandi preliminari

Teżisti bażi legali fid-dritt tal-Unjoni rigward id-differenza bejn possibbiltà u obbligu li tinbeda azzjoni għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jew, għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li ladarba l-persuna leża tkun saret taf jew setgħet raġonevolment issir taf kemm bil-fatt li ġarrbet dannu minħabba l-imsemmi ksur kif ukoll bl-identità tal-awtur ta’ dan il-ksur, hija għandha tibda din l-azzjoni, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri?

Sabiex tinbeda azzjoni għad-danni quddiem l-awtorità ġudizzjarja, għandu jkun hemm stennija sakemm is-sanzjoni ssir definittiva jew, għall-kuntrarju, għandu jitqies li jekk id-deċiżjoni tal-Comisión [Nacional del Mercado y Competencia (CNMC)] (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni), ippubblikata fl-intier tagħha, tinkludi l-identità tal-awturi tal-ksur inkwistjoni, it-tul eżatt tiegħu u l-prodotti kkonċernati mill-ksur, l-azzjoni għad-danni tista’ tinbeda quddiem il-qrati u li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri?

Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni fl-intier tagħha fuq is-sit internet uffiċjali u pubbliku taċ-CNMC għandha tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti, fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni, għall-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tas-sunt tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li d-deċiżjonijiet taċ-CNMC huma ppubblikati biss fuq l-imsemmi sit internet uffiċjali?

____________