Language of document : ECLI:EU:C:2017:356

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Mejju 2017 (*)

“Appell – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni żbaljata – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika – Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot”

Fil-Kawża C‑562/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-5 ta’ Diċembru 2014,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Darius Nicolai Spirlea,

Mihaela Spirlea,

residenti f’Capezzano Pianore (l-Italja),

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, D. Hadroušek u J. Vláčil, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning, bħala aġent,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni (T‑306/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:816), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Darius Nicolai Spirlea u ta’ Mihaela Spirlea intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Ġunju 2012 li tirrifjutalhom l-aċċess għal żewġ talbiet għal informazzjoni mressqa minn din l-istituzzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011, fil-kuntest tal-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

3        Skont il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu [15(3) TFUE].”

4        Il-premessa 11 tal-imsemmi regolament tistipula:

“Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

5        L-Artikolu 1 tal-istess regolament jipprevedi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu [15(3) TFUE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti,

b)      li jistabbilixxi regoli li jiżguraw l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u

(ċ)      li jimmpromwovi prattika amministrattiv tajba fl-aċċess għad-dokumenti.”

6        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…].”

7        L-Artikolu 4(2) u (6) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

 II.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ġenituri ta’ wild li miet f’Awwissu 2010, allegatament b’riżultat ta’ trattament terapewtiku li kien jinvolvi l-użu ta’ ċelloli staminali awtologi li ġew amministrati lilu fi klinika privata f’Düsseldorf (il-Ġermanja) ressqu, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2011, ilment quddiem id-Direttorat Ġenerali (DG) “Saħħa” tal-Kummissjoni.

9        F’dan l-ilment huma jsostnu, essenzjalment, li din il-klinika privata setgħet twettaq l-attivitajiet terapewtiċi tagħha minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi, li għalhekk kisru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 324, p. 121).

10      Wara dan l-ilment, il-Kummissjoni fetħet proċedura EU Pilot, bir-referenza 2070/11/SNCO, u kkuntattjat lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex tivverifika sa liema punt l-avvenimenti deskritti fl-ilment, dwar il-prattika tal-imsemmija klinika privata, setgħu jiksru r-Regolament Nru 1394/2007.

11      B’mod partikolari, fl-10 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żewġ talbiet għal informazzjoni (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kontenzjużi”, li din tal-aħħar ikkonformat ruħha magħhom rispettivament fis-7 ta’ Lulju u fl-4 ta’ Novembru 2011.

12      Fit-23 ta’ Frar u fil-5 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti talbu l-aċċess, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001, għal dokumenti li fihom informazzjoni dwar it-trattament tal-ilment tagħhom. B’mod partikolari, huma talbu sabiex jikkonsultaw, minn naħa, l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-4 ta’ Novembru 2011 kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-dokumenti kontenzjużi.

13      Fis-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni rrifjutat, permezz ta’ żewġ ittri separati, it-talbiet għal aċċess tar-rikorrenti għal dawn l-osservazzjonijiet u għal dawn id-dokumenti.

14      Fit-30 ta’ Marzu 2012, l-imsemmija rikorrenti ressqu quddiem il-Kummissjoni talba konfermattiva skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

15      Fit-30 ta’ April 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija fl-ilment kif ukoll tal-osservazzjonijiet trażmessi mill-awtoritajiet Ġermaniżi wara t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, hija ma setgħetx tikkonstata l-allegat ksur, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 1394/2007. Il-Kummissjoni informathom ukoll li, fl-assenza ta’ provi supplimentari min-naħa tagħhom, kien ser jiġi propost li l-investigazzjoni tingħalaq.

16      Fil-21 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni rrifjutat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħti aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Essenzjalment hija qieset li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jaffettwa l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, hija qieset li f’dan il-każ aċċess parzjali għall-imsemmija dokumenti ma kienx possibbli abbażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-aħħar nett, hija kkonstatat li ma kien jeżisti l-ebda interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

17      Fis-27 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-proċedura EU Pilot 2070/11/SNCO kienet ingħalqet definittivament.

 III.      Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors għaliex infondat.

19      Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja intervjenew insostenn tat-talbiet ta’ dawn ir-rikorrenti, filwaqt li r-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

20      Insostenn tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, l-imsemmija rikorrenti qajmu, essenzjalment, erba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew, tal-20 ta’ Marzu 2002, dwar ir-relazzjonijiet mal-lanjant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju [COM(2002) 141 finali] (ĠU 2002,C 244, p. 5).

21      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet suċċessivament dawn il-motivi u, għaldaqstant, ir-rikors fit-totalità tiegħu.

 IV.      It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22      Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata.

24      Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata.

25      Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

26      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dan l-Istat Membru jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

 V.      Fuq l-appell

28      Insostenn tal-appell tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jressaq tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li wasslet għall-applikazzjoni żbaljata ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għal dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri u, it-tielet wieħed, fuq żball tal-Qorti Ġenerali sa fejn din irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċedura EU Pilot ingħalqet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

A.      Fuq l-ewwel aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-Renju tal-Isvezja jfakkar li l-prinċipju tal-ikbar trasparenza possibbli huwa applikabbli għall-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 TUE, mill-Artikolu 15 TFUE u mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa jsostni li, skont is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), il-kontroll mill-pubbliku tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet huwa wieħed mill-bażijiet ta’ soċjetà demokratika u li l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati strettament, kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

30      Ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 63 u 80 tas-sentenza appellata huma vvizzjati minn żball ta’ liġi, għaliex il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ma kellhiex tiddeċiedi li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, biex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, relatati ma’ proċedura EU Pilot, abbażi tal-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tapplika għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti u, min-naħa l-oħra, kellha tiddeċiedi li f’dan il-każ il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti kontenzjużi.

31      Dan l-Istat Membru jikkritika l-evalwazzjonijiet magħmula fil-punt 56 tas-sentenza appellata u jsostni li d-differenzi bejn il-proċedura EU Pilot u l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma iktar mill-eventwali similaritajiet bejniethom, b’tali mod li ma huwiex iġġustifikat li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li jifformaw parti mill-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiġi applikata għad-dokumenti li jifformaw parti minn proċedura EU Pilot.

32      Skont ir-Renju tal-Isvezja, qabel kollox, ma jistax jiġi validament sostnut, bil-kontra tad-dikjarazzjoni esposta fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-uniku għan tal-proċedura EU Pilot huwa li jiġi evitat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sa fejn din il-proċedura għandha natura u finalità differenti minn dik li hija b’mod partikolari intiża li tippermetti li l-Kummissjoni titlob informazzjoni ta’ natura purament fattwali. Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkomunika mal-Istat Membru, fil-kuntest tal-proċeduri EU Pilot, mingħajr ma takkużah, f’dan l-istadju, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, huwa verament rari li d-dokumenti tal-proċeduri EU Pilot ikunu jinkludu teħidiet ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ eventwali proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

33      Ir-Renju tal-Isvezja jqis li mill-punti 47 sa 49 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738) jirriżulta b’mod ċar li, lil hinn mir-rekwiżiti kwalitattivi li għandhom jiġu ssodisfatti mill-proċedura relatata mad-dokument ikkonċernat, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tippreżupponi wkoll li n-numru ta’ dawn id-dokumenti huwa suffiċjentement kbir. Huwa jsostni li, għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, huma vvizzjati bi żball ta’ liġi u li t-tħassib dwar effikaċja amministrattiva, li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, ma jeżistix meta talba għal aċċess tkun tirrigwarda biss żewġ dokumenti.

34      Ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja jsostnu li l-proċeduri EU Pilot jistgħu jkunu jirrigwardaw firxa wiesgħa ta’ każijiet li jvarjaw minn sitwazzjonijiet purament fattwali għal każijiet li huma paragunabbli għall-fażi prekontenzjuża tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’tali mod li deċiżjoni dwar l-iżvelar tad-dokumenti li huma s-suġġett ta’ talba għal aċċess hija possibbli biss wara evalwazzjoni konkreta tagħhom. Ir-Repubblika tal-Finlandja tqis ukoll li eżami dwar il-mod li bih Stat Membru jirrispetta d-dritt tal-Unjoni ma huwiex suffiċjenti biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tad-dokumenti relatati ma’ dan l-eżami, u li hija d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali prevista fl-Artikolu 258 TFUE li tikkostitwixxi l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ġenerali.

35      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dan l-argument.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      In-natura u l-karatteristiċi essenzjali tal-proċeduri EU Pilot huma esposti fil-punti 10 u 11 tas-sentenza appellata u ma huma kkontestati minn l-ebda waħda mill-partijiet fl-appell.

37      Barra minn hekk, dawn il-konstatazzjonijiet huma kkonfermati mir-Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar l-Inizjattiva “EU Pilot” tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 2010 [COM(2010) 70 finali], u mit-Tieni Rapport dwar l-inizjattiva “EU Pilot” tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2011 [COM(2011) 930 finali]. B’mod partikolari, fil-paġna 3 ta’ dan l-aħħar rapport, il-Kummissjoni pprovdiet karatterizzazzjoni tal-proċedura EU Pilot:

“Il-Proġett EU Pilot huwa l-għodda ewlenija li għandha l-Kummissjoni biex tikkomunika mal-Istati Membri parteċipanti dwar materji li jikkonċernaw kwistjoni dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-[Unjoni] jew tal-konformità tal-liġi fi Stat Membru mal-liġi tal-UE, u dan fi stadju bikri, (jiġifieri qabel ma l-ksur tal-proċedura tkun mibdija [tinbeda proċedura għal ksur] taħt l-Artikolu 258 […] TFUE). Kull fejn jista’ jkun hemm rikors għal proċedura ta’ ksur, bħala regola ġenerali jintuża l-proġett EU Pilot qabel ma l-Kummissjoni tieħu l-ewwel pass f’tali proċediment taħt l-Artikolu 258 […] TFUE. Dan jissostitwixxi l-prassi regolari preċedenti fejn il-Kummissjoni bagħtet ittri amministrattivi għal dan il-għan.”

38      Minn dawn il-konstatazzjonijiet u minn dawn ir-rapporti jirriżulta li l-proċedura EU Pilot tikkostitwixxi proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li tippermetti li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex irrispettat u applikat korrettament fi ħdan dawn tal-aħħar. Dan it-tip ta’ proċedura huwa intiż li jsolvi eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni b’mod effikaċi billi jiġi evitat, sa fejn possibbli, il-ftuħ formali ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

39      Il-funzjoni tal-proċedura EU Pilot hija għalhekk dik li tiġi ppreparata jew evitata proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738), li d-dokumenti relatati ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-fażi prekontenzjuża jistgħu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Fil-punt 65 tal-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “jista’ jiġi preżunt li l-iżvelar tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul il-fażi prekontenzjuża tagħha, għandu r-riskju li jibdel in-natura ta’ din il-proċedura kif ukoll jimmodifika l-iżvolġiment tagħha, u li, għalhekk, dan l-iżvelar jikkonċerna, fil-prinċipju, ksur għall-protezzjoni [, bħala prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni] tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001”.

41      Konsegwentement, fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija fil-punt preċedenti, id-dokumenti kollha, irrispettivament minn jekk kinux ġew stabbiliti matul il-fażi informali ta’ din il-proċedura, jiġifieri qabel ma l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, jew matul il-fażi formali tagħha, jiġifieri wara li din l-ittra ntbagħtet, ġew meqjusa bħala koperti minn din il-preżunzjoni.

42      Ċertament, fl-imsemmija kawża ma kinitx ġiet applikata l-proċedura EU Pilot peress li din ġiet introdotta biss b’effett mis-sena 2008.

43      Madankollu, hekk kif ikkonstatat, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-proċedura EU Pilot sempliċement ifformalizzat jew tat struttura għall-iskambji ta’ informazzjoni li tradizzjonalment iseħħu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul il-fażi informali ta’ investigazzjoni dwar ksur eventwali tad-dritt tal-Unjoni.

44      Għalkemm, fil-punt 78 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità ma tapplikax għad-dokumenti li, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess, jkunu għadhom ma ġewx inklużi f’fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja pendenti, dan ir-raġunament ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għad-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot, li huma evidentement limitati mill-appartenenza tagħhom għal proċedura amministrattiva pendenti.

45      Għalhekk, sakemm, matul il-fażi prekontenzjuża ta’ investigazzjoni magħmula fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot, jeżisti riskju li n-natura u l-iżvolġiment tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġu mibdula, jew li l-għanijiet ta’ din il-proċedura jiġu ppreġudikati, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat hija ġġustifikata, b’mod konformi mas-soluzzjoni magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738). Dan ir-riskju jeżisti sal-mument tal-għeluq tal-proċedura EU Pilot u sal-mument li jiġi definittivament deċiż li l-proċedura formali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru ma tinfetaħx.

46      Din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 66).

47      Fir-rigward tal-allegat obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’mod konkret u individwali d-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot li għalihom qed jintalab aċċess, il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta, billi għamlet riferiment għall-punt 68 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738), osservat, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li tali obbligu jċaħħad il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità mill-effett utli tagħha.

48      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, konstatazzjoni li ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-proċedura EU Pilot inkwistjoni kienet “investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

49      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx tinvoka preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-għanijiet ikkonċernati mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati mal-proċedura EU Pilot, u r-risposta tagħha għal din il-kwistjoni, fil-punti 63 u 80 tas-sentenza appellata, kienet waħda affermattiva.

50      F’dak li jirrigwarda l-eventwali effett tal-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2012, imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, fuq l-obbligu ta’ żvelar tad-dokumenti kontenzjużi, għandu jiġi osservat li din l-ittra ma tikkostitwixxix id-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li ma tibdiex proċedura formali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda tħabbar biss l-intenzjoni preliminari tagħha li tagħlaq l-investigazzjoni. Id-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li ma tibdiex proċedura formali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ttieħdet biss fis-27 ta’ Settembru 2012, bl-għeluq tal-proċedura EU Pilot inkwistjoni. Konsegwentement, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata, tal-21 ta’ Ġunju 2012, ġiet adottata wara l-ittra tat-30 ta’ April 2012, xorta jibqa’ l-fatt li din id-deċiżjoni ġiet adottata qabel iċ-ċaħda tal-ftuħ ta’ proċedura formali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tas-27 ta’ Settembru 2012. Għalhekk, l-ittra tat-30 ta’ April 2012 ma għandha l-ebda effett fuq il-possibbiltà li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tibbaża ruħha, meta tinvoka l-eċċezzjoni relatata mal-proċeduri ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikabbli fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti biex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot, mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti mitluba.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

B.      Fuq it-tieni aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

53      Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Repubblika tal-Finlandja, isostni li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 94 u 95 tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi, peress li din qieset żbaljatament li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li, f’dan il-każ, ma kien jeżisti ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi, abbażi tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba li l-aħjar mod kif jinqeda l-interess ġenerali kien li tiġi ffinalizzata l-proċedura EU Pilot mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Filwaqt li jagħmel riferiment għall-punt 44 tas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-kompitu tal-Kummissjoni huwa tabilħaqq li tivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti u mhux li tiddeċiedi liema huwa l-aħjar mod li bih jista’ jinqeda l-interess ġenerali.

54      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw dan l-argument.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Fil-punt 97 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, insostenn tat-talba tagħhom għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu llimitaw ruħhom li jinvokaw biss allegazzjonijiet ġenerali, li jgħidu li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u baqgħu ma speċifikawx ir-raġunijiet konkreti li jiġġustifikaw sa liema punt tali żvelar għandu jaqdi l-interess ġenerali. Issa, hekk kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fl-istess punt tas-sentenza appellata, sabiex jistabbilixxu l-fatt li, f’dan il-każ, l-iżvelar tad-dokumenti kontenzjużi kien jissodisfa tali neċessità, dawn ir-rikorrenti kellhom juru l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tat-tielet inċiż tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jista’ jiġġustifika tali żvelar.

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hija l-parti li tinvoka l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandha ssemmi b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u li l-espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri għandu l-preċedenza fuq raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 93 u 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda element ippreżentat f’din il-kawża ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil-punt 97 tas-sentenza appellata, kemm dwar l-oneru tal-prova tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kif ukoll dwar il-fatt li dawn tal-aħħar illimitaw ruħhom li jallegaw, b’mod ġenerali, li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika teżiġi li huma jkollhom aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, mingħajr ma esponew il-motivi konkreti li jiġġustifikaw li tali protezzjoni tiġi kkunsidrata interess pubbliku superjuri, huma vvizzjati minn żball ta’ liġi.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Isvezja ma huwiex fondat meta jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet validament tqis li, f’dan il-każ, ma kien jeżisti ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti abbażi tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

59      Għalhekk, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

C.      Fuq it-tielet aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-Renju tal-Isvezja, filwaqt li jikkritika l-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li taċċetta l-argument li ċ-ċirkustanzi li seħħew wara deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokument abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 kellhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ tali deċiżjoni li huma jwettqu abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Dan l-Istat Membru jqis li, f’dan il-każ, għalkemm l-għeluq tal-proċedura EU Pilot seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din iċ-ċirkustanza kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fid-dawl tar-Regolament Nru 1049/2001.

61      L-imsemmi Stat Membru jsostni li, jekk ċirkustanzi ġodda jkunu jistgħu jiġu eżaminati biss fil-kuntest ta’ talba ġdida għal aċċess għad-dokumenti indirizzata lill-istituzzjoni kkonċernata, il-konsegwenza ta’ tali sistema tkun li jkun hemm proċeduri paralleli u titwil tal-proċeduri, kif ukoll spejjeż amministrattivi għola għal min jagħmel it-talba. Barra minn hekk, insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ proċeduri fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, li ma tistax tiġi trasposta għad-deċiżjonijiet adottati abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont ir-Renju tal-Isvezja, il-Qorti Ġenerali messha pjuttost ħadet inkunsiderazzjoni l-punti 37 sa 41 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Koninklijke Grolsch vs Il-Kummissjoni (T‑234/07, EU:T:2011:476).

62      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw dan l-argument.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63      Hekk kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha l-att ġie adottat (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju tal-appell, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-għeluq tal-proċedura EU Pilot inkwistjoni, li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

65      Konsegwentement, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 VI.      Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

67      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

68      Peress li r-Renju tal-Isvezja tilef fl-aggravji tiegħu u peress li l-Kummissjoni talbet li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, hemm lok li dan l-Istat Membru jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

69      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Renju tal-Isvezja huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnutimill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.