Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2023 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-771/23)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (riformulazzjoni) 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1)    Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, minħabba l-użu ta’ bażi legali żbaljata għall-adozzjoni tad-Direttiva 2023/1791 (Artikolu 194(2) TFUE) minkejja l-fatt li l-miżuri previsti minn din id-direttiva għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-għażla tal-Polonja bejn sorsi differenti tal-enerġija u fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tagħha.

Fl-opinjoni tal-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE billi naqsu milli jadottaw id-direttiva kkontestata fuq il-bażi tad-dispożizzjoni tat-Trattat imsemmija preċedentement, li teħtieġ l-unanimità fil-Kunsill, minkejja l-fatt li d-direttiva kkontestata għandha impatt sinjifikattiv fuq l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti tal-enerġija u fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

2)    Motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 5(4) TUE, flimkien mal-Artikoli 296 u 191(3) TFUE, minħabba l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jinvolvu spejjeż sproporzjonati għall-kisba tal-għanijiet imfittxija.

Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li d-direttiva kkontestata ġiet adottata mingħajr ma tqiesu l-ispeċifiċitajiet eżistenti fl-Istati Membri differenti u li l-miżuri previsti fihom sabiex titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq kombustibbli ta’ natura fossili ma jistgħux jintlaħqu jew iwasslu għal spejjeż sproporzjonati għall-kisba tal-għanijiet imfittxija.

____________

1     GU 2023, L 231, p 1.