Language of document : ECLI:EU:T:2024:127

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

28 ta’ Frar 2024 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Applikazzjoni mill-BĊE tal-interessi ta’ rkupru skont id-dritt Awstrijak fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 395 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u wara deċiżjoni li imponiet sanzjoni pekunjarja amministrattiva skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1024/2013 – Proporzjonalità”

Fil-Kawżi T‑647/21 u T‑99/22,

Sber Vermögensverwaltungs AG, li kienet Sberbank Europe AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn MFellner, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn K. Lackhoff, J. Poscia u M. Ioannidis, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn J. Schmoll, F. Koppensteiner u A. Posch, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn F. Schalin, President, I. Nõmm (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

–        wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

–        wara li rat l-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li għaldaqstant iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħha bbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Sber Vermögensverwaltungs AG, titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ECB-SSM-2021-ATSBE-7 tat‑2 ta’ Awwissu 2021, u ECB-SSM-2021-ATSBE-12 tal‑21 ta’ Diċembru 2021, rispettivament. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ittieħdu skont l-Artikolu 4(1)(d) u (3) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), moqrija flimkien mal-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68; ĠU 2013, L 321, p. 6; ĠU 2017, L 20, p. 2; u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29), u l-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-Bundesgesetz über das Bankwesen (Bankwesengesetz) (il-Liġi dwar is-Settur Bankarju) tat‑30 ta’ Lulju 1993 (BGBl 532/1993), kif emendata mill-Bundesgesetz, mit dem das Bankwesengesetz, das Börsegesetz 2018, das Finalitätsgesetz, das Finanzmarkt-Geldwäsche-Gesetz, das Sanierungs- und Abwicklungsgesetz, das Wertpapieraufsichtsgesetz 2018 und das Zentrale Gegenparteien-Vollzugsgesetz geändert werden (il-Liġi Federali li Temenda l-Liġi dwar l-Attivitajiet Bankarji, il-Liġi dwar il-Boroż ta’ Studju 2018, il-Liġi dwar l-Iskop, il-Liġi dwar il-Ħasil tal-Flus fis-Swieq Finanzjarji, il-Liġi dwar ir-Ristrutturazzjoni u l-Ħlas, il-Liġi dwar is-Sorveljanza tat-Titoli 2018 u l-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni tal-Kontropartijiet Ċentrali) tat‑28 ta’ Mejju 2021 (BGBl. I, 98/2021) (iktar ’il quddiem il-“BWG”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu Awstrijaka suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE.

3        Fl‑1 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti informat lill-BĊE u lill-Finanzmarktaufsichtsbehörde (l-Awtorità għas-Sorveljanza tas-Swieq Finanzjarji, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“FMA”) li l-iskoperturi tagħha fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kienu qabżu l-limitu għal skoperturi kbar previst fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013 matul is-sena 2015. Hija enfasizzat li ma kinitx għadha taqbeż l-imsemmija limitu.

4        Fil‑15 ta’ Frar 2019, il-BĊE ddeċieda li jimponi fuq ir-rikorrenti sanzjoni pekunjarja amministrattiva skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 fl-ammont ta’ EUR 630 000 għal ksur tal-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013, minħabba li nqabżu l-limiti għal skoperturi kbar stabbiliti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, fuq bażi individwali u kkonsolidata. Sabiex jiddetermina l-ammont ta’ din is-sanzjoni, huwa ddistingwa l-ksur imwettaq fuq bażi kkonsolidata (li jista’ jagħti lok skont il-kalkolu mwettaq għal sanzjoni fl-ammont ta’ EUR 520 000) mill-ksur imwettaq fuq bażi individwali (li jista’ jagħti lok skont il-kalkolu mwettaq għal sanzjoni fl-ammont ta’ EUR 330 000). Sa fejn iż-żewġ istanzi ta’ ksur kienu jirriżultaw mill-istess fatti, il-BĊE qies li l-impożizzjoni akkumulata ta’ dawn iż-żewġ ammonti ma kinitx proporzjonata u, għaldaqstant, iffissa l-ammont tal-imsemmija sanzjoni għal EUR 630 000.

5        Fis‑17 ta’ Frar 2021, il-BĊE informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jimponi fuqha interessi ta’ rkupru fuq is-somom ikkonċernati minħabba li nqabżu l-imsemmija limiti skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG u kkomunikalha abbozz ta’ deċiżjoni f’dan is-sens.

6        Fit‑3 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan l-abbożż ta’ deċiżjoni.

7        Fid‑29 ta’ Ġunju 2021, il-BĊE ta lir-rikorrenti l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar verżjoni riveduta tal-abbozz ta’ deċiżjoni, wara l-emenda, fit‑28 ta’ Mejju 2021, tal-Artikolu 97(1) tal-BWG.

8        Fis‑6 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-verżjoni riveduta tal-abbozz ta’ deċiżjoni.

9        Fit‑2 ta’ Awwissu 2021, il-BĊE adotta d-deċiżjoni ECB-SSM-2021-ATSBE-7 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021”), li timponilha interessi ta’ rkupru għall-qbiż tal-limiti li seħħ bejn Frar u Ġunju 2015, f’ammont ta’ EUR 2 120 926.08.

10      L-ewwel, il-BĊE fakkar li r-rikorrenti kienet informatu, kif ukoll lill-FMA, li waħda mill-iskoperturi tagħha kienet qabżet il-limitu ta’ 25 % tal-fondi proprji eliġibbli tagħha previst mill-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013.

11      It-tieni, il-BĊE enfasizza li r-rikorrenti kienet qabżet l-imsemmi limitu, minn naħa, fuq bażi individwali, għal 59 jum ta’ xogħol fil-perijodu bejn il‑5 ta’ Frar u d‑29 ta’ Ġunju 2015 u, min-naħa l-oħra, fuq bażi kkonsolidata, għal 53 jum ta’ xogħol fil-perijodu bejn l‑10 ta’ Frar u d‑29 ta’ Ġunju 2015. Hija rrilevat li l-limitu kien inqabeż għal erba’ xhur kalendarji.

12      It-tielet, minn dan il-BĊE ddeduċa li, abbażi tal-Artikolu 4(1)(d) u (3), kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, kien hemm lok li jiġu imposti interessi ta’ rkupru fuq ir-rikorrenti skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG għall-ksur tal-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013 kemm fuq bażi individwali, f’ammont ta’ EUR 1 105 359.95, kif ukoll fuq bażi kkonsolidata, f’ammont ta’ EUR 2 120 926.08.

13      Fit‑30 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti talbet l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021 skont l-Artikolu 24(1), (5) u (6) tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-BĊE tal‑14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47).

14      Fit‑12 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors fil-Kawża T‑647/21, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021.

15      Fil‑25 ta’ Ottubru 2021, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (iktar ’il quddiem il-“BAR”) ta opinjoni li fiha qies li d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021, l-ewwel nett, kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 99(e) tal-BWG, it-tieni nett, kienet tikser il-prinċipju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli u, it-tielet nett, kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-BĊE li jimponi interessi ta’ rkupru talli jinqabżu l-iskoperturi l-kbar kemm fil-livell individwali kif ukoll f’dak ikkonsolidat.

16      Fl‑21 ta’ Diċembru 2021, il-BĊE adotta deċiżjoni ġdida, id-deċiżjoni ECB-SSM-2021-ATSBE-12 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021”), li, skont il-punt 3.1 tagħha, “tissostitwixxi u temenda d-deċiżjoni tat‑[2 ta’ Awwissu 2021]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, skont il-punt 3.3 tagħha, “tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tad-deċiżjoni [tat‑2 ta’ Awwissu 2021]”.

17      Il-BĊE żamm l-istess ammont ta’ interessi ta’ rkupru bħal dak li huwa kien impona fid-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021.

18      Fid-dawl tal-opinjoni tal-BAR, l-ewwel, il-BĊE żied li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ istituzzjoni skont l-Artikolu 395 tar-Regolament Nru 575/2013, l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG kienet taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa marbuta mill-awtorità kompetenti, li ma tħallilha ebda marġni ta’ evalwazzjoni. L-elementi msemmija fl-Artikolu 99(e) tal-BWG fir-rigward tas- “sanzjonijiet punittivi” huma, għaldaqstant, irrilevanti. It-tieni, il-BĊE enfasizza l-fatt li mill-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaċi kien jirriżulta li, fil-każ li l-limiti jinqabżu fuq bażi kemm individwali kif ukoll ikkonsolidata, interessi ta’ rkupru kellhom jinġabru fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aspetti. It-tielet, huwa qies li, kuntrarjament għal dak li kien irrileva l-BAR, l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-trattament tal-proċeduri amministrattivi ma kienx ġie miksur fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u osserva li l-BAR, huwa stess, kien qies li t-tul tal-proċedura ma kellux effett fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

 Ittalbiet talpartijiet

19      Fil-Kawża T‑647/21, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

20      Il-BĊE u r-Repubblika tal-Awstrija jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Barra minn hekk, fit‑28 ta’ Jannar 2022 il-BĊE ppreżenta talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’din il-kawża, li ġiet magħquda fil-mertu fil‑31 ta’ Mejju 2022.

22      Fil-Kawża T‑99/22, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

23      Il-BĊE u r-Repubblika tal-Awstrija jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

24      Wara li l-partijiet nstemgħu f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

 Fuq irrikors filkawża T99/22

25      L-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021 jistgħu, essenzjalment, jinqasmu f’seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li jinsab fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Karta”) u fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), it-tieni, fuq il-kontestazzjoni tan-natura definittiva tad-deċiżjoni tal-BĊE tal‑15 ta’ Frar 2019 bi ksur tar-regoli tad-dritt Awstrijak, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 49 tal-Karta u tal-Artikolu 7 tal-KEDB u tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, ir-raba’, fuq ksur tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36, is-sitt, fuq ksur tal-obbligu tal-BĊE li jiddeċiedi f’terminu raġonevoli u, is-seba’ nett, fuq użu ħażin ta’ poter.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

26      Ir-rikorrenti ssostni li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li jinsab fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, peress li l-BĊE diġà impona fuqha sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 630 000 għal fatti identiċi. Hija ssostni li dan il-prinċipju japplika wkoll fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu ta’ natura kriminali u tqis li din il-klassifikazzjoni tapplika għall-interessi ta’ rkupru, sa fejn dawn imorru lil hinn miċ-ċaħda tal-vantaġġ ekonomiku miksub mill-ksur tal-Artikolu 395 tar-Regolament Nru 575/2013. Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, VTB Bank (Austria) (C‑52/17, EU:C:2018:648), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk l-interessi ta’ rkupru għandhomx natura kriminali jew le.

27      Il-BĊE, sostnut mir-Repubblika tal-Awstrija, iqis li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

28      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59), li llum huwa stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

29      L-Artikolu 50 tal-Karta jinkludi dritt li jikkorrispondi għal dak previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li t-tifsira u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB. Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 23 u 60).

30      L-Artikolu 50 tal-Karta jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”. Għalhekk, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel huwa l-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni, in-natura stess tal-ksur u, it-tielet, il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta fuq il-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 26). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-azzjonijiet u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, iżda testendi, indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt nazzjonali, għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 30).

32      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-perijodu kontenzjuż, “[i]stituzzjoni m’għandhiex iġġarrab skopertura, wara li jiġi kkunsidrat l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu skont l-Artikoli 399 sa 403 [tal-imsemmi regolament], għal klijent jew grupp ta’ klijenti konnessi li l-valur tagħhom jaqbeż il-25 % tal-kapital eliġibbli tagħha” u, “[f]ejn dak il-klijent ikun istituzzjoni jew fejn grupp ta’ klijenti konnessi jinkludi istituzzjoni waħda jew aktar, dak il-valur ma għandux jaqbeż il‑25 % tal-kapital eliġibbli tal-istituzzjoni jew EUR 150 miljun, liema minnhom ikun l-ogħla, bil-kondizzjoni li s-somma tal-valuri tal-iskopertura, wara li jiġi kkunsidrat l-effett tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu skont l-Artikoli 399 sa 402 [ta’ dan ir-regolament], għall-klijenti konnessi kollha li mhumiex istituzzjonijiet ma tkunx taqbeż il-25 % tal-kapital eliġibbli tal-istituzzjoni”.

33      Barra minn hekk, skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG, “Il-FMA għandha timponi interessi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fuq l-impriżi responsabbli konformement mal-Artikolu 30(6) [ta’ din il-liġi] u fuq il-korp ċentrali fil-każ ta’ assoċjazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu konformement mal-Artikolu 30a tal-imsemmija liġi, għall-ammonti li ġejjin: […] 2 % tal-qbiż tal-limitu għal riskji kbar previst fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013, ikkalkolat kull sena, għal 30 jum, ħlief fil-każ ta’ qbiż awtorizzat tal-limitu konformement mal-Artikolu 395(5) ta’ dan ir-regolament, ta’ miżuri superviżorji skont l-Artikolu 70(2) ta’ din il-liġi jew ta’ dejn eċċessiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu”.

34      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ġiet imposta fuqha, fil‑15 ta’ Frar 2019, permezz ta’ deċiżjoni li saret definittiva, sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 630 000 skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 bħala repressjoni ta’ ksur ikkostitwit minn qbiż tal-limiti għal riskji kbar stabbiliti mill-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013. Ma huwiex ikkontestat mill-BĊE li l-interessi ta’ rkupru li huwa impona fid-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021 kienu marbuta mal-istess fatti.

35      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li s-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi imposti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta.

36      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li s-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi imposti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 huma ċarament mibnija fuq il-multi li l-Kummissjoni Ewropea tista’ timponi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u natura u grad ta’ severità ekwivalenti. Fil-fatt, dawn is-sanzjonijiet għandhom l-istess għan dissważiv, bħalma jsegwi espressament mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jippreċiża li l-“penali applikati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”, u tal-istess severità fl-ammont, li jista’ jilħaq 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali totali tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi, li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-klassifikazzjoni għandha, għaldaqstant, tiġi applikata b’analoġija għall-imsemmija sanzjonijiet.

37      Fit-tielet lok, u konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk l-interessi ta’ rkupru imposti skont il-punt (2) tal-Artikolu 97(1) tal-BWG jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta.

38      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) u tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), ipprovduta mir-Repubblika tal-Awstrija fin-nota ta’ intervent, isegwi li l-interessi ta’ rkupru huma kklassifikati bħala miżuri prudenzjali mingħajr natura punittiva.

39      B’mod iktar partikolari, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet f’deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 1999 li, fir-rigward tal-ewwel kriterju rilevanti, jiġifieri l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, mill-istruttura tal-BWG kien jirriżulta li l-leġiżlatur Awstrijak ma kienx ikklassifika l-Artikolu 97 tal-imsemmija liġi fost id-dispożizzjonijiet kriminali. F’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet kriterju, jiġifieri n-natura stess tal-ksur u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni, hija ddeċidiet li, “la l-għan u n-natura tas-sanzjoni u lanqas in-natura jew il-portata tal-gravità tagħha [...] ma jinkludu din il-kawża fil-qasam tad-dritt kriminali”. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-interessi ta’ rkupru kienu applikati “mingħajr eżami ta’ ħtija” u kienu intiżi li “jiżguraw il-funzjonament tajjeb ta’ sistema bankarja li toffri protezzjoni suffiċjenti lill-kredituri, billi jiżguraw il-likwidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u billi jillimitaw ir-riskji waqt l-għoti ta’ krediti” billi jipprevedu, meta jinqabżu l-limiti applikabbli għall-investimenti l-kbar, kontribuzzjoni “li hija relatata mal-qbiż tal-limiti u li għandha tikkumpensa l-vantaġġ ekonomiku miksub b’mod indebitu minn dan il-qbiż”.

40      Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaċi għandu jiġi dedott li l-applikazzjoni tal-interessi ta’ rkupru skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta.

41      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mis-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, VTB Bank (Austria) (C‑52/17, EU:C:2018:648, punti 40 sa 42). Fil-fatt, filwaqt li qieset li l-interessi ta’ rkupru imposti b’applikazzjoni ta’ verżjoni preċedenti tal-Artikolu 97 tal-BWG kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2013/36, li jirrigwarda s-“sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra”, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreferiet il-klassifikazzjoni ta’ “miżura amministrattiva” minflok dik ta’ “sanzjoni amministrattiva”, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tagħha mogħtija fil-kuntest tal-analiżi tal-miżuri ta’ korrezzjoni finanzjarja implimentati mill-Istati Membri sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li tikklassifika bħala “miżura amministrattiva” l-obbligu li jitħallas lura vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru mill-BĊE taħt il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG għal aġir li diġà kien is-suġġett ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1024/2013 ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ ne bis in idem.

43      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36

44      Ir-rikorrenti targumenta li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru fil-konfront tagħha tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36. L-ewwel, hija tfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija imposta fuq il-BĊE kemm fl-adozzjoni ta’ sanzjoni kif ukoll ta’ miżura amministrattiva. It-tieni, hija ssostni li l-BĊE huwa obbligat japplika l-Artikolu 99(e) tal-BWG, fid-dawl tal-Artikolu 70 tal-imsemmija direttiva li huwa jiżgura t-traspożizzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 99(e) tal-BWG japplika mhux biss għas-sanzjonijiet amministrattivi, iżda wkoll għall-miżuri amministrattivi l-oħra. It-tielet, ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tal-kriterji ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, fil-preżenza ta’ ksur minuri, ta’ tul minimu, li ma wassalx għall-istabbiliment ta’ vantaġġ favur tagħha u fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħha, il-BĊE kellu jimponilha interessi ta’ rkupru ta’ ammont ħafna iktar baxx, jew saħansitra ebda interess.

45      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE li ma eżaminax il-proporzjonalità tal-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru kemm fuq bażi kkonsolidata kif ukoll fuq bażi individwali. Hija tinnota, f’dan ir-rigward, li s-sanzjoni pekunjarja amministrattiva kienet ġiet iffissata fl-ammont ta’ EUR 630 000 minflok ta’ EUR 840 000 sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-qbiż tal-limiti fuq bażi individwali u fuq bażi kkonsolidata kien jirriżulta mill-istess aġir. Hija tikkritika lill-BĊE li ma segwiex approċċ ekwivalenti fid-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021, u li ma pprovdiex motivazzjoni adegwata fuq dan il-punt.

46      Il-BĊE jirribatti, fl-ewwel lok, li l-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG ma jħallilu ebda marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilu jeżamina l-proporzjonalità tal-miżura abbażi tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 99(e) tal-BWG.

47      Fit-tieni lok, il-BĊE jsostni li l-Artikolu 97(1) tal-BWG jikkostitwixxi strument speċifiku, li jopera indipendentement minn kriterji suġġettivi bħar-responsabbiltà għall-ksur tal-limiti applikabbli għal riskji kbar, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ osservanza tal-imsemmija limiti b’livell għoli ta’ effettività li fir-rigward tiegħu l-qrati Awstrijaċi ma esprimew ebda riżerva ta’ natura kostituzzjonali fir-rigward tal-proporzjonalità tiegħu.

48      Fit-tielet lok, il-BĊE jfakkar li l-interpretazzjoni tiegħu tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG hija konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaċi. Minn dan jirriżulta, l-ewwel, li l-applikazzjoni tagħha hija ta’ natura awtomatika, it-tieni, li l-klassifikazzjoni ta’ “irkupru ġenerali ta’ vantaġġi miksuba indebitament jew li x’aktarx jinkisbu indebitament” ġiet aċċettata fil-konfront tagħha u, it-tielet, li għalhekk hija la kienet marbuta u lanqas awtorizzata tapplika l-Artikolu 99(e) tal-BWG li jittrasponi l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2016/36 fl-implimentazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG.

49      Fir-raba’ lok, il-BĊE jsostni li, fl-eventwalità stess li l-Qorti Ġenerali tqis li kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG, xorta jibqa’ l-fatt li l-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 99(e) tal-BWG u fl-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36 ma humiex rilevanti.

50      L-ewwel, skont il-BĊE, l-Artikolu 99(e) tal-BWG jirregola biss l-ammont tal-multi u ma jistax jikkonċerna dak tal-interessi ta’ rkupru.

51      It-tieni, dejjem skont il-BĊE, il-parametri li jinsabu fl-Artikolu 99(e) tal-BWG u l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36 huma applikabbli biss għad-determinazzjoni tat-tip ta’ deċiżjoni sa fejn ikun xieraq, jiġifieri sa fejn ikunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija. Issa, minn naħa, l-imsemmija parametri li jirrigwardaw il-gravità u t-tul tal-ksur, l-ammont tal-profitti magħmula jew tat-telf evitat, it-telf ikkawżat lil terzi jew il-livell ta’ kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti ma humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG. Min-naħa l-oħra, il-kriterju tal-intenzjoni li wasslet għat-twettiq tal-ksur li jinsab fl-Artikolu 70 biss tal-imsemmija direttiva lanqas ma huwa xieraq.

52      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-kriterji previsti fl-Artikolu 99(e) tal-BWG ma humiex applikabbli in concreto għall-adozzjoni tal-miżura amministrattiva prudenzjali, peress li jikkonċernaw pjuttost sanzjonijiet. Huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-kapaċità finanzjarja li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li jinsab ukoll fil-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tiegħu, li jeskludi li jiġu imposti interessi ta’ rkupru fil-każ ta’ dejn eċċessiv tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Hija żżid li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru għal qbiż ta’ livelli kemm fil-livell individwali kif ukoll f’dak ikkonsolidat hija konformi mal-ġurisprudenza u hija ta’ natura proporzjonata.

53      Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva 2013/36, il-“penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi”.

54      Skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Applikazzjoni effettiva tal-penali u l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ sanzjonar mill-awtoritajiet kompetenti”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiddeterminaw it-tip ta’ penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra u l-livell ta’ penali amminstrattivi pekunarji, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn adatt:

(a)      il-gravità u kemm idum iseħħ il-ksur;

(b)      il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(c)      is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, kif indikat, pereżempju, mill-valur tal-bejgħ totali ta' persuna ġuridika jew l-introjtu annwali ta' persuna fiżika;

(d)      l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, sa fejn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)      it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur, sa fejn dan ikun jista’ jiġi ddeterminat;

(f)      il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti;

(g)      il-ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(h)      kwalunkwe konsegwenza sistemika potenzjali tal-ksur. ”

55      Fid-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021, il-BĊE enfasizza espliċitament li “l-Artikolu 97(1) tal-BWG ma jattribwixxi ebda libertà ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kompetenti dwar l-impożizzjoni jew le ta’ interessi ta’ rkupru” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “lanqas ma jattribwixxilha libertà ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi speċifiċi fid-determinazzjoni tal-ammont tal-interessi li għandhom jiġu imposti”. Huwa bbaża din il-konklużjoni fuq il-pożizzjoni tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), li minnha jsegwi li l-leġiżlazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni biss “in-nuqqasijiet fl-osservanza jew fil-qbiż tal-limiti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), sentenza Nru 95/17/0139 tal‑15 ta’ Mejju 2000), li “r-raġunijiet li għalihom [ġie segwit] aġir differenti minn dak previst mil-leġiżlatur huma irrilevanti” (Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), sentenza Nru 95/17/0139 tas‑26 ta’ April 1999) u li l-awtorità kompetenti “hija prekluża milli tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ illegalità tal-ksur” (Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), sentenza Nru 95/17/0139 tal‑15 ta’ Mejju 2000).

56      Għaldaqstant, il-BĊE ma eżaminax in-natura proporzjonata tal-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li huwa qies li kien prekluż milli jagħmel dan minħabba l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG mill-qrati Awstrijaċi.

57      Għaldaqstant, dan il-motiv jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk il-BĊE segwiex interpretazzjoni korretta tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG billi qies li huwa ma kellu ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tiegħu.

58      Fl-ewwel lok, sa fejn inkwistjoni hemm l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għaldaqstant, meta l-Qorti Ġenerali jkollha tistħarreġ il-fondatezza tal-applikazzjoni mill-BĊE tad-dritt nazzjonali li jittrasponi direttiva, l-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali tkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-imsemmi dritt nazzjonali meta minn dan tirriżulta konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà mad-direttiva li hija tiżgura t-traspożizzjoni tagħha. F’tali ipoteżi, il-kritika intiża sabiex tikkontesta l-fondatezza tal-interpretazzjoni tal-imsemmija qrati għandha tiġi miċħuda mill-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence et vs BĊE, T‑133/16 sa T‑136/16, EU:T:2018:219, punti 84 sa 92).

60      Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-interpretazzjoni tal-qrati nazzjonali ma tkunx tippermetti li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ direttiva.

61      Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni timplika li, bħal qorti nazzjonali, il-Qorti Ġenerali tinterpreta, jekk ikun neċessarju, id-dritt nazzjonali sa fejn ikun possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva trasposta sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24).

62      Għalkemm l-obbligu li jsir riferiment għad-dritt tal-Unjoni fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u għalkemm ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi, madankollu, l-obbligu li tiġi emendata, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Jekk ma tkunx tista’ tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali, bħall-qorti nazzjonali li hija inkarigata tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ikollha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi fejn ikun meħtieġ ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li hija kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 58 u 61).

64      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1), mal-Artikolu 65(1) u mal-premessa 37 ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem bħala li jimplika li hija l-FMA u, konsegwentement, il-BĊE, li għandu jiddetermina t-tip ta’ miżura amministrattiva billi jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, li jimplika neċessarjament l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tagħhom u jeskludi li dawn ikunu f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata.

65      L-ewwel, dan isegwi mill-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2013/36.

66      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li għalkemm it-titolu tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36 jagħmel riferiment biss għas-“sanzjonijiet”, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jsegwi li din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll id-determinazzjoni tat-tip ta’ “miżuri amministrattivi oħra”. Għaldaqstant, l-enfasi fuq l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha — li tagħhom hija pprovduta lista mhux eżawrjenti — tapplika wkoll fir-rigward tagħhom.

67      Sussegwentement, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-“awtoritajiet kompetenti” msemmija fl-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36 huma dawk li “iwettqu l-funzjonijiet u d-dmirijiet previsti f’din id-Direttiva”, jiġifieri, fir-rigward tal-Awstrija, il-FMA u, fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE.

68      Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 65(1) u l-Artikolu 70 jinsabu fl-istess taqsima tad-Direttiva 2013/36, dwar is-“Setgħat superviżorji, setgħat ta’ impożizzjoni ta’ penali u dritt ta’ appell”, b’tali mod li l-kunċett ta’ “miżuri amministrattivi” li jinsab f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandu jitqies li għandu l-istess tifsira. Għaldaqstant, peress li mis-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, VTB Bank (Austria) (C‑52/17, EU:C:2018:648) isegwi li l-interessi ta’ rkupru jikkostitwixxu miżura amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva 2013/36, l-applikazzjoni tagħhom hija rregolata mill-Artikolu 70 ta’ din l-istess direttiva.

69      It-tieni, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36, peress li l-premessa 37 tagħha turi l-intenzjoni tal-leġiżlatur li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha”.

70      It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu tal-BĊE li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha jimplika li huwa jwettaq eżami taċ-ċirkustanzi rispettivi tal-każ inkwistjoni meta jadotta miżura amministrattiva.

71      Ir-raba’, minn dan jirriżulta li interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG li tqiegħed lill-BĊE f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata tipprekludih milli jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u twassal sabiex din id-dispożizzjoni ssir inkompatibbli mal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36.

72      Ċertament, mill-formulazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG isegwi li l-awtomatiċità tal-impożizzjoni tal-interessi ta’ rkupru hija kkumpensata mit-teħid inkunsiderazzjoni, minn din id-dispożizzjoni stess, ta’ żewġ ċirkustanzi li fihom ksur tal-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013 ma jwassalx għall-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru. Dan huwa l-każ meta l-istituzzjoni ta’ kreditu, minn naħa, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni amministrattiva tal-awtorità kompetenti li timponilha t-teħid ta’ ċerti miżuri minħabba r-riskju li ma tkunx tista’ tonora l-impenji tagħha fil-konfront tal-kredituri tagħha jew sabiex tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, skont l-Artikolu 70(2) tal-BWG jew, min-naħa l-oħra, tkun f’sitwazzjoni ta’ dejn eċċessiv.

73      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-enfasi mil-leġiżlatur Awstrijak ta’ żewġ ċirkustanzi li fihom ksur tal-Artikolu 395(1) tar-Regolament Nru 575/2013 ma jwassalx għall-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru ma tistax tkun ekwivalenti għat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-“ċirkustanzi kollha” rilevanti mill-awtorità kompetenti, previst fl-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36.

74      Bl-istess mod, il-fatt li l-interessi ta’ rkupru imposti skont il-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ “miżura amministrattiva” iktar milli ta’ “sanzjoni amministrattiva” fis-sens tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva 2013/36 ma jippermettix li l-impożizzjoni awtomatika tagħhom issir kompatibbli mal-Artikolu 70 tal-imsemmija direttiva.

75      Għalkemm huwa minnu li, minħabba din id-differenza fin-natura, l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ma jistax neċessarjament ikollu l-istess intensità meta inkwistjoni jkun hemm miżura amministrattiva, bħall-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru jew sanzjoni amministrattiva jew, a fortiori, sanzjoni pekunjarja amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36 ma huwiex limitat għas-sanzjonijiet amministrattivi, iżda jinkludi wkoll il-miżuri amministrattivi.

76      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36, fis-sens li jimplika marġni ta’ evalwazzjoni tal-BĊE li jippermettilu, jekk ikun il-każ, li ma jimponix interessi ta’ rkupru jekk huwa jqis li ċ-ċirkustanzi jimplikaw deċiżjoni f’dan is-sens.

77      L-ewwel, il-formulazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG ma teskludix espliċitament il-possibbiltà li l-FMA ikun jista’ jkollha, skont il-każ, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-opportunità li tapplikahom.

78      It-tieni, fit-Taqsima XXII tal-BWG hemm ukoll l-Artikolu 99(e), li jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36, li minnu jirriżulta li, fid-determinazzjoni tat-tip ta’ sanzjoni jew ta’ miżura li għandha tiġi adottata bi tweġiba għal ksur tar-Regolament Nru 575/2013, il-FMA għandha, sa fejn dan ikun xieraq, tieħu inkunsiderazzjoni l-istess ċirkustanzi bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 70 tad-Direttiva 2013/36, li l-lista tagħhom hija wkoll ippreżentata bħala mhux eżawrjenti. Għaldaqstant, ir-riferiment għall-“miżuri” li jinsab f’dan l-artikolu jista’ jinftiehem kompletament bħala li jinkludi l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG.

79      It-tielet, ir-rikonoxximent tal-BĊE ta’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG ma jaffettwax b’mod negattiv lir-rikorrenti, b’tali mod li ma jistax jiġi limitat mill-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq.

80      Fir-raba’ lok u konsegwentement, sa fejn il-BĊE adotta d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021 billi qies li l-impożizzjoni ta’ interessi ta’ rkupru kienet ta’ natura awtomatika, huwa bbaża ruħu fuq premessa żbaljata fid-dritt, li vvizzjat l-eżami tiegħu tan-natura proporzjonata tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 97(1) tal-BWG, peress li wasslitu sabiex ma jeżaminax iċ-ċirkustanzi tal-każ.

81      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jintlaqa’ u, għalhekk, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq irrikors filkawża T647/21

82      Il-BĊE jsostni li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021 ma għadx għandu skop peress li din ġiet issostitwita bid-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021, li daħlet fis-seħħ fil-jum tan-notifika tad-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021. Minn dan jirriżulta li s-suġġett tar-rikors ma għadux jeżisti u li deċiżjoni fuq il-mertu ma tkun tagħti ebda benefiċċju lir-rikorrenti.

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-irtirar, jew it-tħassir f’ċerti ċirkustanzi, tal-att ikkontestat mill-istituzzjoni konvenuta jwassal sabiex ir-rikors għal annullament ma jibqax ikollu skop, peress li jwassal, għar-rikorrent, għar-riżultat mixtieq u jagħtih sodisfazzjon sħiħ. Madankollu, l-imsemmi rikorrent jista’ jżomm interess fl-annullament ta’ att imħassar fil-mori tal-kawża jekk l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi ġuridiċi. (ara d-digriet tas‑6 ta’ Lulju 2011, SIR vs Il-Kunsill, T‑142/11, mhux ippubblikat, EU:T:2011:333, punti 18 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għalhekk, fir-rigward ta’ att imħassar fil-mori tal-kawża, ipoteżi ta’ żamma ta’ tali interess teżisti meta l-att li jkun ħassru jkun huwa stess is-suġġett ta’ rikors għal annullament, b’tali mod li l-ewwel att ikun jista’ jerġa’ jsir applikabbli wara l-annullament eventwali tat-tieni att (ara d-digriet tal‑20 ta’ Ottubru 2011, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni, T‑95/09, mhux ippubblikat, EU:T:2011:610, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, IT-712/15, EU:T:2017:900, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi kkonstatat li, għal raġunijiet analogi, rikorrent għandu jitqies li għandu interess li jikseb l-annullament ta’ att li ġie rtirat, meta l-att li jkun irtirah huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

85      Madankollu, ġie deċiż li t-tressiq ta’ talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mill-istituzzjoni konvenuta li ssostni li l-att ikkontestat ġie rtirat seta’ jixbah rikonoxximent impliċitu, iżda ċert li ma kienx għadu jeżisti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jimplika li hija ma tistax iktar tipprevalixxi ruħha minnu anki fil-każ ta’ annullament tal-att li rtirah (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Settembru 1997, Antillean Rice Mills vs Il-Kummissjoni, T‑26/97, EU:T:1997:131, punt 14).

86      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża hija kkaratterizzata minn xebh kbir kemm tal-kontenut tad-deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Awwissu 2021 u tal‑21 ta’ Diċembru 2021 kif ukoll tal-motivi mqajma mir-rikorrenti fiż-żewġ rikorsi tagħha. Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-punti 17 u 18 iktar ’il fuq, il-BĊE segwa l-istess raġunament fid-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021 bħal dak li huwa kien żviluppa fid-deċiżjoni tiegħu tat‑2 ta’ Awwissu 2021, filwaqt li kkompletah fid-dawl tal-opinjoni tal-BAR. Dan huwa rifless fiċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ppreżentat argument analogu fiż-żewġ rikorsi. Tali kundizzjonijiet partikolari jimplikaw li d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021 hija vvizzjata bl-istess illegalità bħal dik ikkonstatata fil-punti 44 sa 81 iktar ’il fuq, ċirkustanza li ssaħħaħ il-konklużjoni dwar l-impossibbiltà għall-BĊE li jinvokaha, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Versobank vs BĊE, C‑803/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:630, punti 167 sa 169).

87      Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jiġi deċiż li l-annullament tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2021 ma jistax ikollu l-effett li jagħmel id-deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2021 applikabbli mill-ġdid, b’tali mod li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T‑647/21.

 Fuq lispejjeż

88      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef fil-Kawża T‑99/22, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti fl-imsemmija kawża mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

89      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż. Fir-rigward tal-Kawża T‑647/21, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-BĊE għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti fl-imsemmija kawża, kif mitlub minn din tal-aħħar.

90      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha f’dak li jirrigwarda kemm il-Kawża T‑99/22 kif ukoll il-Kawża T‑647/21.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T647/21 u T99/22 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq il-Kawża T647/21.

3)      Fil-Kawża T99/22, id-Deċiżjoni ECB-SSM-2021-ATSBE-12 tal21 ta’ Diċembru 2021 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) hija annullata.

4)      Il-BĊE huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Sber Vermögensverwaltungs AG.

5)      Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Schalin

Nõmm

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Frar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.