Language of document : ECLI:EU:C:2016:536

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2016 (1)

Kawża C‑301/15

Marc Soulier,

Sara Doke

vs

Ministre de la Culture et de la Communication,

Premier ministre

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni – Artikolu 2 – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Artikolu 3 – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Artikolu 5 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tafda lil soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sfruttament tal-kotba li ma humiex disponibbli għal finijiet kummerċjali – Dritt ta’ oppożizzjoni tal-awturi u tal-aventi kawża”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2015, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn minn naħa, Marc Soulier u Sara Doke, u, min-naħa l-oħra, il-Ministre de la Culture et de la Communication (ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni) u l-Premier ministre (prim ministru) dwar il-legalità tad-Digriet Nru 2013‑182, tas-27 ta’ Frar 2013, li japplika l-Artikoli L.134-1 sa L.134-9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali u dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Décret n° 2013‑182, du 27 février 2013, portant application des articles L.134-1 à L.134-9 du code de la propriété intellectuelle et relatif à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle (3), iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”.

4.        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett [materjal protett] ieħor”, jipprevedi dan li ġej b’mod partikolari, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

5.        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jiddisponi:

“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

6.        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jiddikjara, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet differenti għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2, fil-każijiet li jelenka.

7.        Dan l-artikolu jiddisponi wkoll, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet differenti għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni previsti fl-Artikoli 2 u 3, fil-każijiet elenkati fih.

8.        L-imsemmi artikolu jipprevedi wkoll dan li ġej fil-paragrafu 5 tiegħu:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett [materjal protett] ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

B –    Id-dritt Franċiż

Il-liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli

9.        Il-Liġi Nru 2012‑287, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Loi n° 2012‑287, du 1er mars 2012, relative à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle, JORF Nru 53, tat-2 Marzu 2012, p. 3986, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli”), ikkompletat it-Titolu III tal-Ktieb I tal-ewwel parti tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), iddedikat għall-isfruttament tad-drittijiet marbuta mad-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ Kapitolu IV intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli” u li jikkonsisti mill-Artikoli L. 134-1 sa L. 134-9 ta’ dan il-kodiċi. Uħud minn dawn l-artikoli iktar tard kienu ġew emendati jew imħassra, bil-Liġi Nru 2015‑195, tal-20 ta’ Frar 2015, li tinkludi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-proprjetà letterarja u artistika u tal-patrimonju kulturali (Loi n°2015-195, du 20 février 2015, portant diverses dispositions d’adaptation au droit de l’Union européenne dans les domaines de la propriété littéraire et artistique et du patrimoine culturel, JORF Nru 45, tat-22 ta’ Frar 2015, p. 3294).

10.      L-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, kif jirriżultaw minn dawn iż-żewġ liġijiet, huma fformulati kif ġej:

“Artikolu L. 134‑1

Ktieb li ma huwiex disponibbli fis-sens ta’ dan il-kapitolu jfisser ktieb ippubblikat fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 li ma għadux qed jiġi mxerred kummerċjalment minn pubblikatur u li attwalment ma huwiex qed jiġi ppubblikat fil-forma stampata jew diġitali.

Artikolu L. 134‑2

Għandha tinħoloq database pubblika, imqiegħda għad-dispożizzjoni online b’aċċess liberu u mingħajr ħlas minn servizz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li telenka l-kotba li ma humiex disponibbli. Il-librerija nazzjonali ta’ Franza (Bibliothèque nationale de France) għandha tissorvelja l-ħolqien tagħha, l-aġġornament tagħha u r-reġistrazzjoni tan-noti previsti fl-Artikoli L. 134‑4, L. 134-5 u L. 134‑6.

[…]

Artikolu L. 134-3

I.      Meta ktieb jiġi rreġistrat fid-database msemmija fl-Artikolu L. 134‑2 għal iktar minn sitt xhur, id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni tiegħu u r-rappreżentazzjoni tiegħu fil-forma diġitali huwa eżerċitat minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet irregolata mit-Titolu II tal-Ktieb III ta’ din il-parti, awtorizzata għal dan l-għan mill-ministru responsabbli għall-kultura.

Ħlief fil-każ previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑5, ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati, bi ħlas ta’ remunerazzjoni, b’mod mhux esklużiv u għal żmien limitat ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded.

II. Is-soċjetajiet awtorizzati għandhom locus standi in judicio sabiex jiddefendu d-drittijiet li huma responsabbli għalihom.

III. L-awtorizzazzjoni prevista fil-punt I għandha tingħata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni:

[…]

2°      ir-rappreżentazzjoni ugwali tal-awturi u tal-pubblikaturi fost is-soċji u fi ħdan il-korpi diriġenti;

[…]

5°      in-natura ġusta tar-regoli ta’ tqassim tas-somom miġbura bejn l-aventi kawża, irrispettivament minn jekk humiex parti għall-kuntratt tal-pubblikazzjoni. L-ammont tas-somom miġbura mill-awtur jew mill-awturi tal-ktieb ma jistax ikun iżgħar mill-ammont tas-somom miġbura mill-pubblikatur;

6°      il-mezzi probatorji li s-soċjetà tipproponi li timplementa sabiex tidentifika u ssib id-detenturi tad-drittijiet sabiex tqassam is-somom miġbura;

[…]

Artikolu L. 134‑4

I.      L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jew il-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ dan il-ktieb jista’ jopponi għall-eżerċizzju, minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata, tad-dritt ta’ awtorizzazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3. Din l-oppożizzjoni għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-korp imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑2 sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara r-reġistrazzjoni tal-ktieb ikkonċernat fid-database msemmija fl-istess subparagrafu.

Nota ta’ din l-oppożizzjoni għandha tiddaħħal fid-database msemmija fl-istess Artikolu L. 134‑2.

Wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt I, l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jopponi għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ dan il-ktieb jekk iqis li r-riproduzzjoni jew ir-rappreżentazzjoni ta’ dan il-ktieb tista’ tkun ta’ ħsara għall-unur jew għar-reputazzjoni tiegħu. Dan id-dritt huwa eżerċitat mingħajr kumpens.

II. Il-pubblikatur li jkun innotifika l-oppożizzjoni tiegħu fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-punt I ta’ dan l-artikolu huwa marbut jisfrutta, matul is-sentejn ta’ wara din in-notifika, il-ktieb li ma huwiex disponibbli inkwistjoni. Huwa għandu jipproduċi bi kwalunkwe mezz il-prova tal-isfruttament effettiv tal-ktieb lis-soċjetà awtorizzata b’applikazzjoni tal-Artikolu L. 134‑3. Fin-nuqqas ta’ sfruttament tal-ktieb fit-terminu stabbilit, in-nota ta’ oppożizzjoni għandha titħassar mid-database msemmija fl-Artikolu L. 134-2 u d-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tiegħu fil-forma diġitali jiġi eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3.

[…]

Artikolu L. 134‑5

Fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni nnotifikata mill-awtur jew mill-pubblikatur fl-iskadenza tat-terminu previst fil-punt I tal-Artikolu L. 134‑4, is-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet għandha tipproponi awtorizzazzjoni ta’ riproduzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli lill-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ dan il-ktieb fil-forma stampata.

[…]

L-awtorizzazzjoni ta’ sfruttament imsemmija fl-ewwel subparagrafu tingħata mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet b’mod esklużiv għal żmien ta’ għaxar snin li jista’ jiġġedded b’mod taċitu.

[…]

Fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-awtur li jipproduċi bi kwalunkwe mezz il-prova li dan il-pubblikatur ma għandux id-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ ktieb fil-forma stampata, il-pubblikatur li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu ta’ aċċettazzjoni jkun marbut jisfrutta, matul it-tliet snin ta’ wara din in-notifika, il-ktieb li ma huwiex disponibbli inkwistjoni. Huwa għandu jipproduċi lil din is-soċjetà, bi kwalunkwe mezz, il-prova tal-isfruttament effettiv tal-ktieb.

Jekk ma tiġix aċċettata l-proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu jew fin-nuqqas ta’ sfruttament tax-xogħol fit-terminu previst fil-ħames subparagrafu ta’ dan l-artikolu, ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L.134‑3.

[…]

Artikolu L. 134‑6

L-awtur u l-pubblikatur li għandhom id-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt fi kwalunkwe ħin lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3 bid-deċiżjoni tagħhom li jirtirawlha id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-imsemmi ktieb fil-forma diġitali.

L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jirtira lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-istess Artikolu L. 134‑3 id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali jekk huwa jipproduċi l-prova li huwa l-uniku detentur tad-drittijiet iddefiniti fl-imsemmi Artikolu L. 134‑3. Huwa għandu jinnotifikaha b’din id-deċiżjoni.

[…]

Il-pubblikatur li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu huwa marbut jisfrutta l-ktieb ikkonċernat matul it-tmintax‑il xahar ta’ wara din in-notifika. Huwa għandu jipproduċi lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet, bi kwalunkwe mezz, il-prova tal-isfruttament effettiv tal-ktieb.

Is-soċjetà għandha tinforma lill-utenti kollha li tkun tathom awtorizzazzjoni għall-isfruttament tal-ktieb ikkonċernat bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel żewġ subparagrafi ta’ dan l-artikolu. L-aventi kawża ma jistgħux jopponu għat-tkomplija tal-isfruttament tal-imsemmi ktieb mibdi qabel in-notifika matul iż-żmien li jkun għad fadal tal-awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3 jew fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑5, sa massimu ta’ ħames snin u b’mod mhux esklużiv.

Artikolu L. 134‑7

Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ aċċess għad-database prevista fl-Artikolu L. 134‑2, in-natura kif ukoll il-format tad-data miġbura u l-iktar miżuri ta’ reklamar xierqa sabiex tiġi ggarantita l-aħjar informazzjoni possibbli lill-aventi kawża, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3, huma ppreċiżati b’digriet mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat).

Artikolu L. 134‑9

B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel tliet subparagrafi tal-Artikolu L. 321‑9, is-soċjetajiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu L. 134‑3 għandhom jużaw għal skopijiet ta’ għajnuna għall-ħolqien, għal skopijiet ta’ taħriġ tal-awturi tal-kitba u għal skopijiet ta’ promozzjoni tal-qari pubbliku implementati mil-libreriji, is-somom miġbura matul l-isfruttament tal-kotba li ma humiex disponibbli u li ma setgħux jitqassmu minħabba li d-destinatarji tagħhom ma setgħux jiġu identifikati jew misjuba qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu L. 321‑1.

[…]”

11.      Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali kienu ġew ippreċiżati mid-digriet kontenzjuż.

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors, irreġistrat fit‑2 ta’ Mejju 2013, lis-segretarjat tal-kontenżjuz tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat), bil-għan li jiġi annullat id-digriet kontenzjuż minħabba eċċess ta’ poter. Dawn isostnu b’mod partikolari li l-liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli li dan id-digriet japplika hija inkompatibbli mal-limitazzjonijiet u mal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ awtorizzazzjoni tar-riproduzzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur li huma stabbiliti b’mod eżawrjenti mid-Direttiva 2001/29/KE.

13.      Is-Syndicat des écrivains de langue française (sindakat tal-kittieba tal-lingwa Franċiża) (SELF), l-assoċjazzjoni Autour des auteurs u 35 persuna fiżika sussegwentement intervenew fil-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

14.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu li r-rikors jiġi miċħud billi sostnew b’mod partikolari li d-digriet kontenzjuż ma kienx jikser l-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, peress li dan ma kienx joħloq eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tax-xogħol fis-sens ta’ din id-direttiva.

15.      Is-Société française des intérêts des auteurs de l’écrit (soċjetà Franċiża għall-interessi tal-awturi tal-kitba, iktar ’il quddiem is-“SOFIA”) sussegwentement interveniet fil-proċeduri fejn talbet hija wkoll li r-rikors jiġi miċħud. Permezz ta’ digriet tal-ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni tal‑21 ta’ Marzu 2013 (JORF Nru 76, tat-30 ta’ Marzu 2013, p. 5420), din is-soċjetà kienet ġiet awtorizzata teżerċita d-drittijiet diġitali li jirrigwardaw l-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” tas-seklu XX.

16.      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2013, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-kunsill kostituzzjonali (Conseil constitutionnel, Franza) kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità relatata mad-digriet kontenzjuż. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2014, dan tal-aħħar qies l-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali konformi mal-kostituzzjoni, minħabba li, minn naħa, is-sistema ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli li huma jistabbilixxu ma twassalx għal ċaħda ta’ proprjetà, u, min-naħa l-oħra, il-qafas tal-kundizzjonijiet li fihom l-awturi jgawdu minn dawn id-drittijiet ma kienx jikkawżalhom dannu sproporzjonat fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali segwit mil-leġiżlatur.

17.      Skont il-Conseil d’État (kunsill tal-istat), sabiex tiġi żgurata l-valorizzazzjoni ta’ patrimonju miktub li sar inaċċessibbli minħabba nuqqas ta’ tixrid kummerċjali fost il-pubbliku, id-digriet kontenzjuż stabbilixxa sistema maħsuba sabiex tiffavorixxi l-isfruttament diġitali ta’ xogħlijiet riprodotti f’kotba ppubblikati fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001, li ma humiex iktar is-suġġett ta’ tixrid kummerċjali minn pubblikatur u li ma humiex ippubblikati fil-forma stampata jew diġitali. Huwa jinnota, li f’dan il-każ, id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni jew ir-rappreżentazzjoni ta’ dawn il-kotba fil-forma diġitali huwa eżerċitat, wara terminu ta’ sitt xhur mir-reġistrazzjoni tagħhom f’database aċċessibbli għall-pubbliku li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-librerija nazzjonali ta’ Franza, minn soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati għal dan l-għan mill-ministru responsabbli għall-kultura.

18.      Il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jirrileva li l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jew il-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni f’forma stampata fuq dan il-ktieb jista’ jopponi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara r-reġistrazzjoni tal-ktieb fid-database. Barra minn hekk, skont il-Conseil d’État (kunsill tal-istat), anki wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jopponi fi kwalunkwe ħin għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni jekk iqis li r-riproduzzjoni jew r-rappreżentazzjoni tal-ktieb tista’ tkun ta’ ħsara għall-unur jew għar-reputazzjoni tiegħu. Il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iżid jgħid li l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli barra minn hekk jista’ jiddeċiedi, fi kwalunkwe ħin, li jirtira d-dritt, tas-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata, li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 134‑6 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali.

19.      Wara li ċaħdet il-motivi kollha tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbażati fuq bażijiet legali oħra minbarra l-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29, il-qorti tar-rinviju qieset li r-risposta għall-motiv tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet kienet tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 jipprekludux li leġiżlazzjoni, bħal dik stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, tafda lil soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati l-eżerċizzju tad-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ “kotba li ma humiex disponibbli”, filwaqt li tippermetti lill-awturi jew lill-aventi kawża ta’ dawn il-kotba jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[L-Artikoli 2 u 5] tad-Direttiva 2001/29[…] jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik li ġiet [stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali], li tagħti lis-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati d-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ “kotba li ma humiex disponibbli”, filwaqt li jippermettu lill-awturi ta’ dawk il-kotba, jew lill-aventi kawża tagħhom, jopponu jew itemmu din il-prattika, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnha?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domanda preliminari minn M. Soulier u minn S. Doke, mis-SOFIA, mill-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż, Taljan u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Is-SOFIA, il-Gvernijiet Franċiż, Ċek u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni għamlu osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fil-11 ta’ Mejju 2016.

22.      M. Soulier u S. Doke, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu li d-domanda preliminari għandha tingħata risposta fl-affermattiv, filwaqt li s-SOFIA u l-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż u Pollakk huma tal-fehma li għandha tingħata risposta fin-negattiv. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Taljan jissuġġerixxi li tingħata risposta fin-negattiv bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-Gvern Taljan jipproponi li l-qorti tar-rinviju tiġi mistiedna tivverifika konkretament li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tippreġudikax b’mod sproporzjonat id-drittijiet tal-awturi, billi teżamina b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni minn qabel tagħhom, dwar il-possibbiltajiet tagħhom ta’ oppożizzjoni u ta’ rtirar, kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ remunerazzjoni tagħhom.

V –    Analiżi

A –    Il-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23.      Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tafda lil soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati l-eżerċizzju tad-dritt li jawtorizzaw (4), bi ħlas ta’ remunerazzjoni (5), ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni (6) fil-forma diġitali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” hijiex kompatibbli mal-Artikolu 2(a) (7), tad-Direttiva 2001/29 li jistabbilixxi dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni għall-benefiċċju tal-awturi, u mal-Artikolu 5 tagħha li jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal dan id-dritt (8).

24.      Minkejja li l-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 2 u 5 biss tad-Direttiva 2001/29, jiena inqis, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħall-Gvern Ġermaniż u bħall-Kummissjoni, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li tawtorizza, f’ċerti ċirkustanzi, l-isfruttament diġitali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata – għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 (9), iżda wkoll fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tagħha, li jipprevedi d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom lill-pubbliku.

25.      Fil-fatt, l-isfruttament ta’ verżjoni diġitali ta’ ktieb b’tali mod li l-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għaliha jimplika t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, u fil-fehma tiegħi jikkostitwixxi komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (10).

26.      Minn dan jirriżulta li, fis-sens tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-isfruttament diġitali tal-kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxi “riproduzzjoni” u “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħol, li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni individwali u separata tal-awtur (11), sakemm dawn l-atti ma jaqgħux taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (12).

B –    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29

27.      Qabel ma niddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, neskludi qabelxejn ir-rilevanza, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi stabbiliti mill-Artikoli 2 u 4 li dan jistabbilixxi.

28.      Fil-fatt, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinsabx (13) fost l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet elenkati b’mod iddettaljat u eżawrjenti (14) fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 (15).

29.      Barra minn hekk, din is-sistema ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet hija strettament ristretta fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jipprevedi li dawn “għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor [materjal protett] u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet” (16). Konsegwentement, sabiex wieħed ikun jista’ jinvoka eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jeħtieġ ukoll li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva (17).

30.      Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-osservazzjonijiet tas-SOFIA, la l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, wisq inqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jwessgħu l-portata ta’ tali eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet (18).

31.      Tali inizjattiva taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-leġiżlatur Ewropew. Jiena nqis, bħall-Kummissjoni, li, jekk l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jistabbilixxu derogi oħra għad-drittijiet tal-awtur għajr dawk previsti fil-livell Ewropew, iċ-ċertezza legali marbuta mad-drittijiet tal-awtur tkun kompromessa.

C –    Il-portata tad-drittijiet esklużivi ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet u tal-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku, mogħtija mill-Artikoli 2(a) u 3(1) tad-Direttiva 2001/29

32.      Peress li hawnhekk ma hija prevedibbli l-ebda limitazzjoni jew eċċezzjoni li jirreferi għalihom l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, għad trid tiġi eżaminata l-portata tad-drittijiet esklużivi mogħtija mill-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva sabiex din titqabbel mal-leġiżlazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

33.      Mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, bħal dawk tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Memrbi sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-iskop tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (19).

34.      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (20). F’dan il-każ, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/29 huwa li jiġi stabbilit livell għoli (21) ta’ protezzjoni, fost l-oħrajn favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (22).

35.      Skont l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-awturi jgawdu drittijiet esklużivi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom jew il-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku (23).

36.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet esklużivi inkwistjoni kienu ta’ natura preventiva li tippermetti lill-awtur jindaħal bejn utenti potenzjali tax-xogħol tiegħu u r-riproduzzjoni (jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku) (24) li dawn l-utenti jistgħu jippjanaw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir.

37.      Konsegwentement, skont l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-awtur igawdi dritt esklużiv li jiddeċiedi jekk, u, jekk ikun il-każ, meta u kif huwa jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku.

2.      Id-drittijiet esklużivi tal-awtur u leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali

a)      Il-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtur

38.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jeżiġu l-kunsens (25)espliċitu u minn qabel tal-awtur għal kull riproduzzjoni jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu, inkluż fil-forma diġitali. Dan il-kunsens (26) jikkostitwixxi prerogattiva essenzjali tal-awturi.

39.      Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Ewropea derogatorja (27), il-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtur għar-riproduzzjoni jew għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu ma jistax jitneħħa, jiġi preżunt jew jiġi limitat billi jiġi ssostitwit b’kunsens taċitu (28) jew bi preżunzjoni ta’ trasferiment li l-awtur ikollu jopponi għalihom f’terminu stabbilit u f’kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-digriet kontenzjuż, li tissostitwixxi l-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtur b’kunsens taċitu jew bi preżunzjoni ta’ kunsens, iċċaħħad lill-awtur minn komponent essenzjali tad-dritt tiegħu ta’ proprjetà intellettwali.

b)      Il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni u ta’ rtirar kif ukoll id-dritt għal remunerazzjoni jimmodifikaw il-portata tad-drittijiet esklużivi inkwistjoni?

40.      Il-fatt li l-awtur, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu possibbiltajiet taħt ċerti kundizzjonijiet li jopponi (29) għall-eżerċizzju mis-SOFIA tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu fil-forma diġitali (30) jew li jirtira (31) lis-SOFIA d-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni ta’ ktieb jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku fil-forma diġitali ma jbiddel xejn fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni (32).

41.      Barra minn hekk, il-fatt li l-awtur jirċievi remunerazzjoni jew kumpens b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (33) għar-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jew għall-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku ma jbiddel xejn mill-fatt li d-drittijiet esklużivi tiegħu nkisru.

42.      Fil-fatt, id-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jinkludu d-dritt li tinkiseb remunerazzjoni xierqa għall-użu ta’ xogħlijiet iżda ma humiex limitati għal dan l-uniku dritt. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kellha ssir distinzjoni bejn id-drittijiet tal-awtur previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u, pereżempju, id-dritt ta’ natura kumpensatorja (34) tal-artisti u tal-produtturi ta’ fonogrammi li huwa previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

c)      In-nuqqas ta’ tixrid kummerċjali tax-xogħol fost il-pubbliku għandu influwenza fuq il-kontenut tad-drittijiet esklużivi inkwistjoni?

43.      Il-fatt li l-awtur ma jisfruttax bis-sħiħ ix-xogħol tiegħu, pereżempju minħabba nuqqas ta’ tixrid kummerċjali fost il-pubbliku (35), ma jbiddilx id-drittijiet esklużivi tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku.

44.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan iqis li, “fil-konfigurazzjoni klassika tad-dritt tal-proprjetà li ġie żviluppat mill-proprjetà tal-artijiet, dejjem ġie aċċettat li l-liġi [setgħet] tipprevedi – minbarra limitazzjonijiet speċifiċi għal dan id-dritt, li jimponu lill-proprjetarju, minħabba l-interess ġenerali superjuri, jaċċetta [ċerti] atti ta’ terz li jkollhom effett fuq il-possibbiltà tiegħu li jgawdi l-beni tiegħu – każijiet li fihom id-dritt fuq il-beni jispiċċa minħabba n-nuqqas ta’ użu, peress li terzi jagħmlu użu produttiv u b’hekk soċjalment utli minnu. Fil-fatt, minkejja li l-proprjetarju kellu wkoll, fost possibbiltajiet oħra, dik li ma jużax il-beni tiegħu, b’tali mod li d-dritt ta’ proprjetà ma huwiex suġġett għal preskrizzjoni, l-interess li jingħata privileġġ – fil-konfront tal-proprjetarju li jitlef l-interess fil-beni tiegħu u jeskludih għalhekk miċ-ċirku tal-produzzjoni – lill-terz li, minkejja li mingħajr titolu, jagħmel użu effettiv mill-beni u jitħalla jiżviluppa l-potenzjal ekonomiku tiegħu, dejjem ġie rrikonoxxut”.

45.      Fuq il-bażi tat-testi applikabbli hawnhekk, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ f’dan il-każ.

46.      Fil-fatt, ma hija prevista l-ebda sanzjoni jew konsegwenza mid-Direttiva 2001/29 fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżerċizzju jew ta’ eżerċizzju limitat mill-awtur tad-drittijiet esklużivi tiegħu previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, id-drittijiet esklużivi inkwistjoni jibqgħu intatti (36) minkejja li dawn ma humiex “użati” mid-detentur tagħhom.

47.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2012/28 tikkonferma din l-interpretazzjoni.

48.      Din id-direttiva tikkonċerna ċerti użi ta’ xogħlijiet imsejħa “orfni”, jiġifieri xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li d-detentur tagħhom ma setax jiġi identifikat jew inkella, wara li kien ġie identifikat, ma setax jinstab. Din kienet ġiet adottata minħabba li “[f]il-każ ta’ xogħlijiet orfni, m’huwiex possibbli li jinkiseb tali kunsens bil-quddiem biex isiru atti ta’ riproduzzjoni jew tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” (37).

49.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/28 jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni u għad-dritt ta’ tqegħid għad-dipożizzjoni tal-pubbliku previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 rispettivament sabiex jiżguraw li jkun permess għall-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) (38) tad-Direttiva 2001/29 li jirriproduċu xogħlijiet orfni (39) li jkunu jinsabu fil-kollezzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ diġitalizzazzjoni, u sabiex jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.

50.      L-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għall-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/28 għalhekk hija limitata ħafna.

51.      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/28 jipprevedi li “[l]-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jagħmlu użu minn xogħol orfni b’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss sabiex jilħqu għanijiet relatati mal-missjonijiiet tagħhom ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-konservazzjoni, r-restawr ta’, u l-għoti ta’ aċċess kulturali u edukattiv għal, xogħlijiet u fonogrammi miżmuma fil-kollezzjoni tagħhom. L-organizzazzjonijiet jistgħu jkollhom introjtu waqt dawn l-użi, għall-fini esklussiva li jkopru l-ispejjeż tagħhom sabiex jiddiġitizzaw xogħlijiet orfni u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku” (40).

52.      Inqis li jkun paradossali li jiġu imposti rekwiżiti ferm iktar stretti, b’applikazzjoni tad-Direttiva 2012/28, għar-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol orfni minn dawk imposti għall-istess atti ta’ sfruttament relatati mal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (41).

53.      Fil-fatt, b’mod kuntrarju għad-Direttiva 2012/28, li teżiġi tfittxija diliġenti u mmexxija b’bona fide tat-titulari ta’ drittijiet qabel jiġi sfruttat ix-xogħol, ma huwa impost l-ebda approċċ individwali għall-awtur mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. F’konformità mal-Artikolu L. 134‑3 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, meta ktieb jiġi rreġistrat fid-database msemmija fl-Artikolu L. 134‑2, l-awtur għandu terminu ta’ sitt xhur sabiex jopponi għall-eżerċizzju min-naħa tas-SOFIA tad-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni fil-forma diġitali tax-xogħol tiegħu jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku f’din il-forma. Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/28 jeskludi b’mod ċar kull sfruttament għal finijiet kummerċjali tax-xogħol orfni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-isfruttament kummerċjali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli”.

d)      Fuq il-modalitajiet ta’ ġestjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni

54.      Is-SOFIA (42) u l-Gvernijiet Franċiż (43) Ġermaniż u Pollakk iqisu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tolqotx il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tikkostitwixxi biss modalità ta’ ġestjoni ta’ ċerti drittijiet, peress li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludux li l-Istati Membri jiddefinixxu modalitajiet ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur.

55.      Tali fehim tad-drittijiet tal-awtur jidhirli li jmur kontra l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (44). Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, billi jipprevedu d-dritt esklużiv tal-awtur li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tiegħu, jipprevedu wkoll il-mod kif dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati mill-awtur.

56.      Għalkemm huwa veru li d-Direttiva 2001/29 ma tarmonizzax u ma tippreġudikax il-modalitajiet fil-qasam tal-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur li jeżistu fl-Istati Membri (45), il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi ppreveda li l-awtur igawdi, bħala prinċipju, minn drittijiet esklużivi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu u l-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku, eżerċita l-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

57.      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri ma jistgħux iktar jadottaw modalitajiet ta’ ġestjoni li jqegħdu f’diskussjoni l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (46) u dan anki sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali (47). Fil-fatt, qabel ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġestjoni tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, id-detentur ta’ dawn id-drittijiet esklużivi għandu jkun awtorizza lil korp ta’ ġestjoni jiġġestixxi d-drittijiet tiegħu.

58.      Għal finijiet ta’ kompletezza, inqis li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkonfermati bid-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-immaniġġjar [ġestjoni] kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (48) li tiddefinixxi “r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar [ġestjoni] tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv” (49) minkejja li din ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59.      L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/26 jipprevedi li “[d]-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar [ġestjoni] kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja [tiġġestixxi] d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, għat-territorji tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbilment kemm tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kemm tad-detentur tad-drittijiet” (50). Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex konformi ma’ dan l-artikolu.

60.      Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2014/26 jirriżulta b’mod ċar li d-detentur ta’ drittijiet tal-awtur għandu “jagħti kunsens speċifikament għal kull dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li hu jawtorizza lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar [ġestjoni] kollettiv timmaniġġja [tiġġestixxi]”. Dan l-artikolu jżid li “tali kunsens għandu jiġi evidenzjat f’forma dokumentata”.

61.      Il-kunsens jibqa’ għalhekk il-pedament tal-eżerċizzju, minn awtur, tad-drittijiet esklużivi tiegħu.

e)      L-influwenza tal-Memorandum ta’ qbil dwar il-prinċipji ewlenin tad-diġitalizzazzjoni u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet li ma humiex fil-kummerċ, iffirmat fl-20 ta’ Settembru 2011 (51)

62.      Is-SOFIA u l-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż u Pollakk jindikaw, fl-aħħar nett, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kuntest ta’ xogħlijiet immexxija fil-livell tal-Unjoni, li r-riżultati tagħhom kienu ngħataw f’memorandum ta’ qbil dwar il-prinċipji ewlenin tad-diġitalizzazzjoni u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet li ma humiex fil-kummerċ, iffirmat minn assoċjazzjonijiet ta’ libreriji, ġurnalisti, pubblikaturi, awturi u artisti fl‑20 ta’ Settembru 2011, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni (52), minn rappreżentanti ta’ libreriji Ewropej, awturi, pubblikaturi u soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva (iktar ’il quddiem il-“memorandum”). Il-memorandum, li d-Direttiva 2012/28 tirreferi għalih esspressament (53), jipprevedi l-possibbiltà ta’ diġitalizzazzjoni bil-kwantità ta’ kotba li ma humiex disponibbli fil-kummerċ, sabiex jagħmilhom aċċessibbli għall-pubbliku. Dan jippermetti wkoll li l-kunsens tal-awturi għall-ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet ta’ sfruttament korrispondenti jista’ jiġi preżunt, bil-kundizzjoni, minn naħa, li jkunu saru l-isforzi kollha sabiex dawn jiġu informati u, min-naħa l-oħra, li l-interessi tagħhom ikunu protetti permezz ta’ sistemi ta’ nuqqas ta’ adeżjoni jew ta’ rtirar.

63.      Il-premessa 4 tad-Direttiva 2012/28 tipprevedi li “[d]in id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet speċifiċi li qed jiġu żviluppati fl-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet akbar tad-diġitizzazzjoni massiva, bħal fil-każ tal-hekk imsejħa ‘xogħlijiet li mhumiex fil-kummerċ’. Dawn is-soluzzjonijiet iqisu l-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta’ kontenut u utenti differenti u jibnu fuq il-kunsens tal-persuni interessati rilevanti. Dan l-approċċ ġie segwit ukoll fil-[memorandum]. […] Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal dak il-[memorandum], li jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li ftehimiet volontarji konklużi bejn utenti, detenturi tad-drittijiet u organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi dwar liċenzji għall-użu ta’ xogħlijiet li mhumiex fil-kummerċ abbażi tal-prinċipji li jinsabu fih igawdu miċ-ċertezza legali meħtieġa fil-kuntest nazzjonali u f’dak transkonfinali” (54).

64.      Fil-fehma tiegħi, dan il-memorandum ma huwiex ta’ natura legalment vinkolanti li jista’ jillimita l-portata tad-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u jinkludi biss stedina lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-ftehimiet volontarji (55) konklużi bejn l-utenti, id-detenturi ta’ drittijiet u s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet. Issa, ma hemm riferiment għal “ftehimiet volontarji” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

VI – Konklużjoni

65.      Mingħajr ma ninnega l-għan leġittimu li jikkonsisti mill-qawmien mill-ġdid ta’ kotba minsija, jekk hemm bżonn bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, tal-kliem ċar tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tagħha, tan-nuqqas ta’ deroga mill-prinċipju ta’ kunsens espliċitu u minn qabel, kif ukoll tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet oħra differenti tad-dritt tal-Unjoni, li tirrisppondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jipprekludu li leġiżlazzjoni, bħal dik li ġiet stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, tafda lil soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati l-eżerċizzju tad-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ “kotba li ma humiex disponibbli”, anki jekk din tippermetti lill-awturi ta’ dawk il-kotba, jew lill-aventi kawża tagħhom, jopponu jew itemmu dan l-eżerċizzju, taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti minnha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


3–      JORF Nru 51, tal-1 ta’ Marzu 2013, p. 3835. Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli tirrigwarda kotba ppubblikati fi Franza għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1900 sal-31 ta’ Diċembru 2000.


4–      Skont il-Gvern Franċiż, id-dritt li jiġu awtorizzati r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol huwa eżerċitat mis-SOFIA fil-kuntest ta’ mandat legali revokabbli. Dan josserva li, wara terminu ta’ sitt xhur, l-awtur għandu “fi kwalunkwe ħin il-possibbiltà li jeżerċita dritt ta’ rtirar mis-sistema ta’ ġestjoni kollettiva fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi […]”. Ara l-punt 8 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż.


5–      Ara l-Artikolu L. 134‑3 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali.


6–      L-Artikolu L. 122‑1 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali jipprevedi li “[d]-dritt ta’ sfruttament li jappartjeni għall-awtur jinkludi d-dritt ta’ rappreżentazzjoni u d-dritt ta’ riproduzzjoni.” L-Artikolu L. 122‑2 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali jipprevedi li “[r]-rappreżentazzjoni tikkonsisti fil-komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku permezz ta’ proċess kwalunkwe]”. Ara, b’analoġija, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.


7–      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 jsemmi x-xogħlijiet tal-awturi, inkluż xogħlijiet letterarji bħal kotba. F’dan ir-rigward, ninnota li l-uniċi xogħlijiet previsti mid-digriet kontenzjuż huma kotba.


8–      Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, EU:C:2006:549, punt 25).


9–      Fis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer (C‑117/13, EU:C:2014:2196, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-diġitalizzazzjoni ta’ xogħol, inkwantu tikkonsisti essenzjalment fil-konverżjoni ta’ dan tal-aħħar mill-format analogu għall-format diġitali, tikkostitwixxi att ta’ riproduzzjoni tiegħu” u konsegwentement taqa’ taħt id-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.


10–      Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi miftiehem fis-sens wiesa’, hekk kif barra minn hekk tipprovdi espliċitament il-premessa 23 ta’ din l-istess direttiva li tipprevedi li “[d]in id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir.”. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni” jkopri kull trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mod jew mill-proċess tekniku użat [sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 193)]. Fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 19), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[k]if jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 sabiex ikun hemm ‘att ta’ komunikazzjoni’, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih, irrispettivament jekk jutiliżawx din il-possibbiltà jew le”. Il-kunċett ta’ “pubbliku” li jirreferi għalih l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ikopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u barra minn hekk jimplika numru pjuttost kbir ta’ persuni [sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 32)].


11–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 24). Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta jkun hemm trażmissjoni tax-xogħlijiet inklużi f’xandira terrestri u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istess xogħlijiet fuq l-Internet, “kull waħda minn dawn iż-żewġ trażmissjonijiet għandha tiġi awtorizzata individwalment u separatament mill-awturi kkonċernati peress li kull waħda minnhom issir f’kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi, skont metodu differenti ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti u kull waħda intiża għal pubbliku”. Enfasi miżjuda minni. Fil-punt 15 tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li kull att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku għandu jiġi awtorizzat mit-titulari tad-dritt[ijiet] tal-awtur”.


12–      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 36).


13–      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż u Taljan, is-SOFIA (sussidjarjament) kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-digriet kontenzjuż, ma tikkostitwixxix eċċezzjoni jew limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. Il-Gvern Ġermaniż iqis “li tali leġiżlazzjoni hija fundamentalment distinta minn eċċezzjoni jew limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29”. Skont il-Gvern Franċiż, “jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li s-sistema Franċiża tax-xogħlijiet li ma humiex disponibbli taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29, […] din is-sistema ma tikkostitwixxix eċċezzjoni jew limitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva”. Is-SOFIA tipproponi (b’mod totalment sussidjarju) li d-Direttiva 2001/29 tiġi interpretata fis-sens li l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tagħha ma għandhomx natura eżawrjenti, b’tali mod li din ma tipprekludix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tistabbilixxi eċċezzjoni addizzjonali għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ggarantit mill-Artikolu 2 tagħha, bħal f’dan il-każ. Skont il-Gvern Taljan “[i]l-leġiżlazzjoni kontenzjuża tidher […] li qed tirreferi għal kundizzjonijiet u ġustifikazzjonijiet li huma differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva [2001/29]”. Dan iqis li l-liġi inkwistjoni “hija ppreżentata […] bħala tip ta’ liċenzja obbligatorja, għalkemm għandha magħha s-sistema tal-opt-out, li ma hija komparabbli mal-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u tidher li hija totalment bla preċedent fix-xenarju internazzjonali”.


14–      Hekk kif tindika l-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29, “[d]in id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq.”. Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2001/29 ma fihiex eċċezzjoni ġenerali bbażata fuq kriterji astratti bħall-eċċezzjoni tal-“fair use” (użu ġust) prevista pereżempju fl-Artikolu 107 tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur tal-Istati Uniti (17 U.S. Code § 107). Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni tal-aħħar tindika lista ta’ eżempji u b’hekk mhux eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, din madankollu tipprevedi li l-użu ta’ xogħol f’każ partikolari għandu jkun użu ġust, li jimplika li għandhom jiġu eżaminati u bbilanċjati erba’ fatturi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-iskop u n-natura tal-użu tax-xogħol, inkluż jekk dan l-użu huwiex ta’ natura kummerċjali jew għal skopijiet edukattivi mingħajr skop ta’ qligħ, it-tieni nett, in-natura tax-xogħol protett; it-tielet nett, l-ammont u s-sinjifikat tal-parti użata fir-rigward tax-xogħol protett fl-intier tiegħu, u, ir-raba’ nett, l-effett tal-użu fuq is-suq potenzjali jew fuq il-valur tax-xogħol protett.


15–      L-għan ta’ dan l-Artikolu 5 kien b’mod partikolari li jippermetti lill-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-tagħlim u li jżommu bilanċ ġust fil-qasam tad-drittijiet u l-interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet kif ukoll bejniethom u l-utenti tal- materjal protett. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, EU:C:2006:549, punt 78). Il-premessa 14 tad-Direttiva 2001/29 tistabbilixxi li “[d]in id-Direttiva għandha tfittex li tippromwovi tagħlim u kultura billi tipproteġi xogħolijiet u suġġett [materjal protett] ieħor filwaqt li tippermetti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fl-interess pubbliku għall-fini ta’ edukazzjoni u tagħlim”. Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium (C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 54).


16–      Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, EU:C:2006:549, punt 79). Enfasi miżjuda minni.


17–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 181). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punti 25 u 26) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 ma kienx jistabbilixxi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għad-drittijiet imsemmija iżda kien limitat li jispeċifika l-portata tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi preċedenti ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 ma għandux l-għan li jwessa’ l-portata tad-diversi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti fil-paragrafi preċedenti ta’ din id-dispożizzjoni.


18–      Barra minn hekk, peress li d-diversi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 jidderogaw mid-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva, dawn għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punti 22 u 23). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat strettament il-portata ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi differenti u rrifjutat li tapplikahom b’analoġija. Fil-fatt, fil-punti 38 u 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(2)(e) tad-Direttiva 2001/29 sempliċement jipprovdi bażi għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni, previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u għaldaqstant ma jistax jipprovdi bażi għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv għall-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, previst fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.


19–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 27) dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 31) dwar l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.


20–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 34).


21–      Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29 “[k]ull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali”. Din id-direttiva tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari fis-soċjetà tal-informazzjoni, il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali, u tad-drittijiet tal-awtur b’mod partikolari. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 57).


22–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 36).


23–      Jiena inqis, f’konformità mal-osservazzjonijiet tas-SOFIA, li dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-kontenut tad-drittijiet inkwistjoni u jiddeterminaw min huma t-titulari tagħhom. Ara, f’dan is-sens, il-premessa 21 tad-Direttiva 2001/29 li tipprevedi li “[d]in id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità mal-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern”. Enfasi miżjuda minni.


24–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 75), u tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 36) li jirrigwardaw id-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fehma tiegħi, l-istess analiżi legali tapplika għad-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva.


25–      Ara, b’analoġija, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, EU:C:2006:549), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 [kien stabbilixxa] d-dritt esklużiv ta’ l-awtur li jawtorizza jew li jipprojbixxi kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, permezz tal-bejgħ jew b’mod ieħor, ta’ l-oriġinal ta’ xogħol tiegħu jew ta’ kopji tiegħu” (punt 19). Fil-punt 20 ta’ din l-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja żżid tgħid li, “[i]l-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu fih ir-regola dwar l-eżawriment ta’ dan id-dritt. Skond din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ distribuzzjoni dwar l-oriġinal jew kopji ta’ xogħol ma jiġix eżawrit ħlief fil-każ ta’ l-ewwel bejgħ jew ta’ l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fil-Komunità ta’ dan l-oġġett mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu”. Enfasi miżjuda minni.


26–      Ara wkoll il-premessa 6 tad-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Ottubru 2012, dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (ĠU 2012, L 299, p. 5) li tipprevedi li “[i]d-drittijiet esklussivi tad-detenturi tad-drittijiet li jirriproduċu ix-xogħoljiet tagħhom u materjal protett ieħor u li jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku, kif armonizzati skont id-Direttiva 2001/29/KE […] jeħtieġu l-kunsens minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet għad-diġitizzazzjoni jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”.


27–      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28) li jipprevedi b’mod espliċitu li, “meta kuntratt relatat mal-produzzjoni ta’ film ikun konkluż, individwalment jew kollettivament, minn artisti ma’ produttur tal-films, l-artist kopert b’dan il-kuntratt għandu jkun meqjus, suġġett għall-klawsoli kuntrattwali kuntrarji, li jkun ittrasferixxa d-dritt tal-kiri tiegħu”. Ara, għall-kuntrarju, l-argumenti li jien żviluppajt iktar ’il fuq dwar l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29. Ara, wkoll, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/28.


28–      Skont il-Gvern Taljan, il-liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli tistabbilixxi “mekkaniżmu ta’ preżunzjoni ta’ kunsens”. Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkundizzjonax “id-diġitalizzazzjoni ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli għall-kunsens espliċitu minn qabel tal-awtur tiegħu, lanqas ma teżiġi min-naħa tas-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet li tikseb tali kunsens mingħand l-awturi kkonċernati mir-riproduzzjoni jew mill-komunikazzjoni lill-pubbliku fil-forma diġitalizzata tax-xogħlijiet tagħhom”.


29–      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu L.134‑4 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, l-awtur jista’ jopponi għall-isfruttament tax-xogħol matul is-sitt xhur ta’ wara r-reġistrazzjoni tal-ktieb ikkonċernat fid-database speċifikata. Wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu u wara l-isfruttament tax-xogħol tiegħu mis-SOFIA, l-awtur xorta waħda jista’ jopponi għal dan jekk huwa jqis li r-riproduzzjoni jew ir-rappreżentazzjoni ta’ dan il-ktieb tista’ tkun ta’ ħsara għall-unur u r-reputazzjoni tiegħu. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali “[t]ali sitwazzjoni hija improbabbli ħafna, jekk mhux illużorja: tali dannu ma jistax ikun ikkaratterizzat mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ kopja diġitali tax-xogħol, ħlief jekk wieħed jimmaġina kwalità ta’ diġitalizzazzjoni degradata b’mod estrem (iżda dan jaqa’ taħt id-dritt morali tal-awtur, dak marbut mar-rispett tax-xogħol)”. Matul is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li għall-awtur ikun suffiċjenti li jinvoka mingħajr prova oħra dannu għall-unur jew għar-reputazzjoni tiegħu.


30–      Barra minn hekk, inqis li tali proċedura ta’ oppożizzjoni tixbah lil “formalità” pprojbita mill-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971) iffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”). Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkundizzjona u tissuġġetta ż-żamma tat-tgawdija u l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi inkwistjoni relatati mal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” għall-introduzzjoni mill-awtur ta’ oppożizzjoni fi żmien sitt xhur. Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Unjoni, għalkemm ma hijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berne, madankollu għandha l-obbligu li tikkonforma ruħha mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne, skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, adottat f’Genève, fl‑20 ta’ Diċembru 1996, li għalih hija parti kontraenti, li jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tagħha, u li d-Direttiva 2001/29 hija intiża li timplementa. Konsegwentement, l-Unjoni hija marbuta tikkonforma ruħha, b’mod partikolari, mal-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan (C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31–      Ara l-Artikolu L. 134-6 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali. Fid-domanda preliminari, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) min-naħa tiegħu, juża t-termini “[j]temmu”. Barra minn hekk, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-possibbiltà ta’ rtirar min-naħa tal-awtur hija kkundizzjonata għall-prova li huwa l-uniku detentur tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fil-forma diġitali. Fil-fatt, l-Artikolu L. 134‑6 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali jipprevedi li “[l]-awtur u l-pubblikatur li għandhom id-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt fi kwalunkwe ħin lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3 bid-deċiżjoni tagħhom li jirtirawlha d-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-imsemmi ktieb fil-forma diġitali”. Enfasi miżjuda minni. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din il-prova “konsegwentement bl-ebda mod ma hija diskrezzjonali, iżda iktar taqa’ taħt il-probatio diabolica. Fil-verità, l-awtur huwa meħtieġ jipproduċi l-prova ta’ fatt negattiv impossibbli li jiġi stabbilit li jikkonsisti mill-prova li huwa ma ttrasferiex id-drittijiet inkwistjoni”. Matul is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li dikjarazzjoni fuq l-unur tal-awtur li tafferma li huwa kien l-uniku detentur tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fil-forma diġitali kienet suffiċjenti, bir-responsabbiltà għal terz u b’mod partikolari għal pubblikatur, li jipproduċi prova kuntrarja. Skont dan il-gvern, “ikun eċċessiv li jitqies li teżisti limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal kull sistema ta’ ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet tal-awtur li ma tipprevedix awtorizzazzjoni espliċita u individwali min-naħa tal-awturi kkonċernati iżda li tibbaża fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet mis-soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva kkonċernata fil-kuntest ta’ mandat legali revokabbli fi kwalunkwe ħin”.


32–      Mill-Artikolu L. 134‑6 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali jirriżulta wkoll, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-aventi kawża ma jistgħux jopponu għat-tkomplija tal-isfruttament ta’ ktieb mibdi qabel in-notifika tad-deċiżjoni ta’ rtirar lis-SOFIA tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni ta’ dan il-ktieb fil-forma diġitali, u dan “matul iż-żmien li jkun għad fadal tal-awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3 jew fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑5, sa massimu ta’ ħames snin u b’mod mhux esklużiv”.


33–      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu L. 134-3, III, 5º tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali li jipprevedi tqassim tar-remunerazzjoni marbuta mal-isfruttament diġitali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” bejn l-awturi u l-pubblikaturi. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li ma seħħ l-ebda trasferiment ta’ drittijiet ta’ sfruttament diġitali qabel is-snin disgħin. Dawn iqisu li “d-drittijiet ta’ sfruttament diġitali jappartjenu mingħajr l-ebda dubju kompletament għall-awturi biss, li fl-ebda ħin ma setgħu ttrasferewhom lill-pubblikatur, fin-nuqqas ta’ trasferiment espliċitu. Konsegwentement, il-liġi [dwar il-kotba li ma humiex disponibbli], filwaqt li tippreskrivi kompożizzjoni konġunta (bejn awturi u pubblikaturi) tal-korpi tas-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet, timponi li l-awturi jeżerċitaw id-dritt esklużiv tagħhom b’mod kollettiv u li jaqsmu l-prerogattivi tad-drittijiet tal-awtur (jiddeċiedu l-benefiċjarji u l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ sfruttament) fuq l-istess livell ma’ terzi mingħajr titolu legali”. Jiena nqis li, għalkemm id-drittijiet ta’ sfruttament diġitali jappartjenu kompletament għall-awturi biss, fin-nuqqas ta’ trasferiment lil terz bħalma huwa pubblikatur, is-sistema ta’ tqassim tar-remunerazzjoni marbuta mal-isfruttament diġitali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” bejn l-awturi u l-pubblikaturi tippreġudika wkoll id-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium (C‑572/13, EU:C:2015:750, punti 47 u 48).


34–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 35).


35–      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu L. 134‑1 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali.


36–      Ara, a contrario, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1) li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet għal nuqqas ta’ użu tat-trade mark, ħlief għal raġuni valida. Pereżempju, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/95 jipprevedi li “[t]rade mark għandha tkun suġġettibbli għar-revokazzjoni jekk, f’perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma tkunx ġiet użata ġenwinament fl-Istat Membru relattivament għall-merkanzija jew servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu”. Ara, ukoll, l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009.


37 – Enfasi miżjuda minni. Ara l-premessa 7 tad-Direttiva 2012/28.


38–      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/28 “[d]in id-Direttiva tikkonċerna ċerti użi li jsiru minn xogħlijiet orfni minn libreriji, stabbilimenti edukattivi u mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku, u kif ukoll minn arkivji, istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew awdjo u organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku, stabbiliti fl-Istati Membri, biex jintlaħqu għanijiet relatati mal-missjonijiet tagħhom ta’ interess pubbliku”.


39–      Sabiex xogħol ikun jista’ jitqies bħala xogħol orfni, għandha tkun saret tfittxija diliġenti f’bona fide tat-titulari tad-drittijiet fir-rigward tax-xogħol. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/28 jipprevedi li, “[s]abiex jiġi determinat jekk xi xogħol [huwiex] xogħol orfni, l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiżguraw li jitwettaq tiftix diliġenti bona fide fir-rigward ta’ kull xogħol […]. It-tfittxija diliġenti għandha ssir qabel l-użu tax-xogħol”.


40 – Enfasi miżjuda minni.


41–      Ninnota wkoll li, matul is-seduta, is-SOFIA indikat li hija kienet immonopolizzat riżorsi sinjifikattivi sabiex jinstabu l-awturi sabiex tagħtihom remunerazzjoni għar-riproduzzjoni u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom fil-forma diġitali. Meta ġiet mistoqsija dwar ir-raġuni għaliex hija ma kinitx għamlet użu minn dawn ir-riżorsi sabiex tidentifika l-awturi qabel ma tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom u tikseb il-kunsens espliċitu u minn qabel tagħhom, is-SOFIA wieġbet li jkun ferm diffiċli li jinkiseb il-kunsens individwali tal-awturi kkonċernati.


42–      Skont is-SOFIA, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tikkonċernax il-kontenut tad-dritt ta’ riproduzzjoni u l-atti li timplika din il-prerogattiva iżda l-eżerċizzju tad-dritt ta’ riproduzzjoni permezz ta’ mandat legali.


43–      Skont il-Gvern Franċiż, id-digriet kontenzjuż ma jirregolax il-kontenut tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni, iżda jillimita ruħu jirregola l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, f’ċerti kundizzjonijiet, minn soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva awtorizzati mill-ministru responsabbli għall-kultura. Dan iqis li l-eżerċizzju minn soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ma jwassal għall-ebda trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà iżda jikkostitwixxi sempliċiment modalità ta’ eżerċizzju kollettiv ta’ dawn id-drittijiet.


44 – Jiena nappoġġja l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li jipprovdu li “l-leġiżlazzjoni Franċiża li tipprevedi li, f’ċerti ċirkustanzi, dawn id-drittijiet huma eżerċitati mis-soċjetà awtorizzata u mhux mill-awtur fir-rigward tal-kotba li ma humiex disponibbli, tmur manifestament kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 2001/29/KE”. Enfasi miżjuda minni.


45–      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2001/29 li tippreċiża li, “[d]in id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fl-Istati Membri rigward l-immaniġġjar [ġestjoni] tad-drittijiet bħal liċenzji kollettivi estiżi”.


46–      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2010, Luksan (C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 64). Min-naħa l-oħra, bil-kundizzjoni li r-rekwiżit ta’ kunsens espliċitu u minn qabel ikun osservat, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ dan il-kunsens billi jeżiġu, pereżempju, li t-trasferiment tad-drittijiet ta’ sfruttament tad-drittijiet tal-awtur isir bil-miktub. Ara f’dan is-sens, il-premessa 30 tad-Direttiva 2001/29 li tipprevedi li “[i]d-drittijiet imsemmija f’din id-Direttiva jistgħu jiġu trasferiti, assenjati jew regolati mill-għotja ta’ liċenzji kuntrattwali, mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni nazzjonali relevanti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur”.


47–      Il-Gvern Franċiż josserva li l-liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli “tipprevedi l-konservazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet li ma humiex disponibbli, skont modalitajiet li jiżguraw ir-remunerazzjoni tal-awturi u b’hekk ir-rispett tad-drittijiet tal-awtur”. Skont il-Gvern Ġermaniż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija fl-interess tad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll fl-interess ġenerali. Is-SOFIA tippreċiża li, “għalkemm leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 u tikkostitwixxi eċċezzjoni jew limitazzjoni mhux awtorizzata mill-Artikolu 5 tagħha, madankollu għandu jiġi ddeterminat jekk tali leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti mill-ksib ta’ bilanċ ġust bejn id-dritt ta’ proprjetà intellettwali protett mill-Artikolu 17(2) tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], minn naħa, u l-libertà ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11(1) ta’ din il-Karta min-naħa l-oħra”.


48–      ĠU 2014, L 84, p. 72.


49–      Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/26.


50 – Enfasi miżjuda minni.


51–      Il-memorandum huwa disponibbli biss bl-Ingliż fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/out-of-commerce/index_en.htm.


52–      Wara l-firma tal-assoċjazzjonijiet inkwistjoni, wieħed jista’ jaqra “As witnessed by: Michel Barnier, Commissioner for International Market and Services”.


53–      Ara l-premessa 4 tad-Direttiva 2012/28.


54 – Enfasi miżjuda minni.


55 – Enfasi miżjuda minni.