Language of document : ECLI:EU:F:2013:50

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

tal-24 ta’ April 2013

Kawża F‑73/11

CB

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/181/10 — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih CB jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/181/10, ikkomunikata b’ittra mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tal-20 ta’ Awwissu 2010, u kkonfermata wara eżami mill-ġdid, li rrifjutatlu l-aċċess għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija kompetizzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż sostnuti minn CB. CB għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Diplomi ppreżentati jew esperjenza professjonali ċċertifikata — Evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27; Anness III, Artikolu 5)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Organizzazzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni u modalitajiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Kompetizzjoni kkaratterizzata minn parteċipazzjoni numeruża — L-użu ta’ eżamijiet ta’ preselezzjoni — Verifika li l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni stabbiliti mill-Avviż ta’ Kompetizzjoni ġew sodisfatti — Deċiżjoni ta’ esklużjoni mogħtija wara l-eżamijiet ta’ preselezzjoni — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 4 u 5)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Modalitajiet għat-teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ pubblikazzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

1.      L-avviż ta’ Kompetizzjoni jista’ jillimita ruħu li jieħu mill-ġdid, mingħajr ma jispeċifika l-livell ta’ esperjenza meħtieġ għall-pożizzjoni li għandha timtela, formula ġenerali, u jħalli, konsegwentement, lill-Bord tal-Għażla r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk il-kwalifiki u d-diplomi prodotti kif ukoll l-esperjenza professjonali ppreżentata minn kull kandidat jikkorrispondu għal-livell meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal u għaldaqstant mill-Avviż ta’ Kompetizzjoni għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kategorija intiża minnu.

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għandu setgħa diskrezzjonali, fl-evalwazzjoni tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati, kemm fir-rigward tan-natura u t-tul tagħhom kif ukoll ir-rapport xi ftit jew wisq mill-qrib li jistgħu jippreżentaw mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li għandha timtela. Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha li tivverifika li l-eżerċizzju mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha ma ġiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Fir-rigward ta’ Avviż ta’ Kompetizzjoni li jindika esperjenza professjonali fil-qasam tan-negozjar f’livell internazzjonali li jikkostitwixxi assi għall-finijiet tal-għażla tal-kandidati, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew imsemmija minn dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni, b’mod partikolari sa fejn dawn il-funzjonijiet jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni għan-negozjati bejn l-Unjoni u l-Istati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, huwa permess lill-Bord tal-Għażla, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li jinterpreta dan l-assi bħala li kienu jikkonċernaw biss lin-negozjati pubbliċi internazzjonali, u dan mingħajr ksur tal-Avviż ta’ Kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li ma jittieħidx inkunsiderazzjoni li tali esperjenza ma tistax tiġi kkwalifikata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, il-Bord tal-Għażla ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-istess xogħol ta’ kandidat darbtejn biex jagħżel il-kandidati. Fil-fatt, il-Bord tal-Għażla jfittex l-ammissjoni tal-kandidati li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza, liema fatt jimplika, b’mod partikolari, li għandu l-iktar esperjenzi possibbli. Issa, fil-każ fejn kandidat, li l-istess xogħol tiegħu jkun ġie rikonoxxut darbtejn jew iktar, ikun ġie ammess u kandidati li jibbenefikaw minn ħafna iktar esperjenzi, liema ġew rikonoxxuti darba waħda biss, ikunu ġew esklużi, din is-sitwazzjoni tikser, konsegwentement, l-għan tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 42 sa 44, 52, 63 u 74)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Ġunju 1972, Marcato vs Il‑Kummissjoni, 44/71, punt 14; 12 ta’ Lulju 1989, Belardinelli et vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 225/87, punti 13 u 14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Ġunju 1997, Carbajo Ferrero vs Il‑Parlament, T‑237/95, punt 48; 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑214/99, punt 70; 28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il‑Kummissjoni, T‑332/01, punti 39 u 40; 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, punti 64 u 65

2.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tiddetermina l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u ma huwiex l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tiċċensura l-għażla tagħha ta’ jekk il-limiti ta’ din is-setgħa ma ġewx osservati.

Fil-kuntest ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-imsemmija awtorità tista’, meta torganizza kompetizzjoni ġenerali, tipprovdi, fl-Avviż ta’ Kompetizzjoni, l-ewwel fażi ta’ preselezzjoni tal-kandidati mill-Bord tal-Għażla bl-għan li tattira biss lil dawk fosthom li għandhom il-kwalifiki meħtieġa sabiex jiġu ammessi li jieħdu sehem fil-kompetizzjoni fil-qasam ikkonċernat, dan sabiex tissodisfa b’hekk ir-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni razzjonali tal-kompetizzjoni, skont il- prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

F’dan il-kuntest, il-proċess li jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-proċeduri tal-kompetizzjoni kkaratterizzati minn parteċipazzjoni numeruża, li jivverifika biss wara t-testijiet ta’ preselezzjoni jekk il-kandidati jissodisfaw il-kundizzjonijiet partikolari ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni huwa skont l-Artikoli 4 u 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-interess tal-istituzzjoni li tiddisponi biss mill-kandidati li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet tal-kompetizzjoni, kif ukoll għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l-punti 81 sa 83)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs Il‑Kummissjoni, T‑207/02, punti 38 sa 40

3.      Fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-punti minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni lill-kandidati fid-dawl tal-pubblikazzjonijiet tagħhom, fil-każ fejn il-Bord tal-Għażla jista’ jattribwixxi massimu ta’ erba’ punti, ma jistax ikollu korrispondenza matematika bejn, minn naħa, in-numri ta’ paġni u n-numru ta’ pubblikazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ punti attribwiti mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 94)