Language of document : ECLI:EU:F:2007:184

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

25 ta’ Ottubru 2007

Kawża F-71/05

Arcangelo Milella u Delfina Campanella

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Elezzjonijiet – Kumitat tal-Persunal – Ħatra tar-rappreżentanti tat-taqsima lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni stabbilit fil-Lussemburgu fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni – Prinċipju ta’ tqassim globali proporzjonali għar-riżultati elettorali – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih A. Milella u D. Campanella jitolbu l-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni “Persunal u Amministrazzjoni”, tat-18 ta’ April 2005, li titlob formalment lit-taqsima lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni stabbilit fil-Lussemburgu tosserva, meta taħtar ir-rappreżentanti tagħha fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal tal-Kummissjoni, “[l]-indikazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni”, u t-tieni nett, id-deċiżjoni ta’ l-istess Direttur Ġenerali, tal-11 ta’ Mejju 2005, li tikkonferma r-regolarità tal-ħatriet magħmula mill-Kumitat Lokali tal-Lussemburgu, fis-26 ta’ April u fl-10 ta’ Mejju 2005, tar-rappreżentanti tagħha fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal; il-konstatazzjoni ta’ l-illegalità tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Lokali tal-Lussemburgu tas-26 ta’ April u ta’ l-10 ta’ Mejju 2005.

Deċiżjoni:         Id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni “Persunal u Amministrazzjoni” tat-18 ta’ April 2005 hija annullata safejn din talbet formalment lit-taqsima lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni stabbilit fil-Lussemburgu tosserva “[l]-indikazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni”. Id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni “Persunal u Amministrazzjoni” tal-11 ta’ Mejju 2005 hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Kawżi dwar l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal – Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja – Qafas proċedurali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Kawżi dwar l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal – Interess ġuridiku – Status ta’ elettur

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra intiża sabiex tiżgura r-regolarità tal-ħatra tar-rappreżentanti ta’ taqsima lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal ta’ din l-istituzzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Rappreżentanza – Kumitat tal-Persunal – Elezzjonijiet – Ħatra tar-rappreżentanti ta’ taqsima lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal ta’ din l-istituzzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 1)

1.      Għalkemm il-qrati Komunitarji għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kawżi elettorali fir-rigward tal-ħatra tal-membri tal-Kumitati tal-Persunal, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar rikors minn uffiċjali, dan l-istħarriġ ġudizzjarju jiġi eżerċitat biss fil-kuntest tar-rikorsi diretti kontra l-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward ta’ l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-superviżjoni li hija tiżgura f’dan il-qasam.

(ara l-punt 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Settembru 1976, De Dapper et vs Il-Parlament, 54/75, Ġabra p. 1381, punt 24; 27 ta’ Ottubru 1987, Diezler et vs KES, 146/85 u 431/85, Ġabra p. 4283, punt 5

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser u Del Amo Martinez vs Il-Parlament, T‑182/94, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1197, punti 29 u 30

2.      Fir-rigward tal-korpi li jirrappreżentaw lill-uffiċjali, kull elettur għandu interess li r-rappreżentanti ta’ l-organizzazzjoni tiegħu jiġu eletti taħt kundizzjonijiet u abbażi ta’ sistema elettorali li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw il-proċedura elettorali f’dan il-qasam. Fil-kawżi li jirrigwardaw dawn il-korpi, l-istatus ta’ elettur ta’ uffiċjal jagħti interess suffiċjenti li jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu. Is-sempliċi status ta’ elettur tar-rikorrent huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li huwa mhuwiex qed jaġixxi biss fl-interess tal-liġi jew ta’ l-istituzzjoni.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Diezler et vs KES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Jannar 1996, Blanchard vs Il-Kummissjoni, T‑368/94, Ġabra p. II‑41, punti 35 u 37; 14 ta’ Lulju 1998, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑192/96, ĠabraSP p. I‑A‑363 u II‑1047, punt 27; 22 ta’ Novembru 2005, Vanhellemont vs Il-Kummissjoni, T‑396/03, ĠabraSP p. I‑A‑355 u II‑1587, punt 29

3.      Id-deċiżjonijiet meħuda mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni “Persunal u Amministrazzjoni” biex tiġi żgurata r-regolarità tal-ħatra tar-rappreżentanti ta’ taqsima lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal ta’ din l-istituzzjoni jidħlu fil-kuntest ta’ l-obbligu ta’ kull istituzzjoni li tiżgura r-regolarità ta’ l-elezzjonijiet tal-korpi rappreżentattivi tal-persunal u, għaldaqstant, jikkostitwixxu deċiżjonijiet li jistgħu direttament jagħtu lok għal ilment.

(ara l-punt 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: De Dapper et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Marzu 1990, Maindiaux et vs KES, T‑28/89, Ġabra p. II‑59, punt 32; 14 ta’ Lulju 1994, Grynberg u Hall vs Il-Kummissjoni, T‑534/93, ĠabraSP p. I‑A‑183 u II‑595, punt 21; Marx Esser u Del Amo Martinez vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34

4.      Deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tagħmel pressjoni fuq it-taqsima lokali tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni sabiex hija taħtar ir-rappreżentanti tagħha fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal billi tuża l-metodu ta’ Hondt, meta l-leġiżlazzjoni dwar il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni tagħti libertà sħiħa lil kull taqsima lokali tal-persunal fir-rigward tal-metodu li għandu jintuża għall-ħatra tar-rappreżentanti tagħha, sakemm il-metodu jkun konformi mal-prinċipju ta’ tqassim globali proporzjonali għar-riżultati elettorali msemmi fl-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tagħha, għandha tiġi annullata.

Fil-fatt, billi mxiet b’dan il-mod, l-imsemmija awtorità kisret id-dmir li hija għandha li tiżgura li l-uffiċjali jkollhom il-possibbiltà li jaħtru r-rappreżentanti tagħhom bil-libertà kollha u, b’hekk, marret lil hinn mill-missjoni tagħha li tfittex li timpedixxi jew li tissanzjona biss l-irregolaritajiet manifesti, f’dan il-każ dawk imwettqa fil-konfront tar-regola tat-tqassim globali proporzjonali.

Barra minn hekk, billi mxiet b’dan il-mod, l-imsemmija awtorità kisret ukoll id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li hija biss il-Laqgħa Ġenerali ta’ l-uffiċjali ta’ l-istituzzjoni fis-servizz fil-post ta’ l-impjieg ikkonċernat li għandha tiffissa l-kundizzjonijiet għall-ħatra tar-rappreżentanti tal-Kumitat Lokali fil-Kumitat Ċentrali tal-Persunal.

(ara l-punti 70, 71, 75, 77 u 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: De Dapper et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Maindiaux et vs KES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32