Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Frar 2013 - Polynt u Sitre vs ECHA

(Kawża T-134/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Polynt SpA (Scanzorosciate, l-Italja); u Sitre Srl (Milan, l-Italja) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ED/169/2012 tal-ECHA, dwar l-inklużjoni tas-cyclohexane-1,2-dicarboxylic anhydride, cis-cyclohexane-1,2-dicarboxylic anhydride u tat-trans-cyclohexane-1,2-dicarboxylic anhydride (kollettivament magħrufa bħala "HHPA") bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006  ("REACH"), skont l-Artikolu 59 ta' REACH, sa fejn tikkonċerna lil HHPA u l-monomeri tagħha; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni/liġi: (i) sensitizzaturi respiratorji ma humiex koperti mill-Artikolu 57(f) ta' REACH u (ii) ECHA ma pprovdietx biżżejjed ġustifikazzjoni u provi sabiex turi li HHPA kien ta' "livell ta' tħassib ekwivalenti" għal sustanzi karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni ("sustanzi CMR"), Kategorija 1, peress li:

is-sustanzi CMR jiskattaw effetti irriversibbli filwaqt li, fil-każ ta' HHPA, l-effetti tas-sensitizzazzjoni respiratorja ma humiex irriversibbli;

il-konsumaturi u l-ħaddiema ma humiex esposti għall-HHPA;

l-evalwazzjoni tal-HHPA hija bbażata fuq data antika u li ma hijiex aġġornata; u

l-evalwazzjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data kollha rilevanti.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li r-rikorrenti ma kellhomx l-opportunità jiddefendu b'mod sħiħ il-każ tagħhom minħabba n-nuqqas ta' kriterji oġġettivi li jippermettu li jiġi kkunsidrat jekk sustanza hijiex ta' tħassib ekwivalenti skont l-Artikolu 57(f) REACH, speċjalment fil-każ ta' sensitizzatur respiratorju bħall-HHPA, u peress li ECHA ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli jew ipprovduta mill-industrija matul il-perijodu għal kummenti.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li ECHA kellha għażla ta' miżuri fir-rigward tal-HHPA u billi identifikat l-HHPA bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna ("STSĦ") ikkawżat żvantaġġi lir-rikorrenti li huma sproporzjonati mal-għanijiet mixtieqa.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1-850).