Language of document : ECLI:EU:C:2024:300

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)

Kawża C710/22 P

JCDecaux Street Furniture Belgium

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Għajnuna implimentata mill-awtoritajiet Belġjani favur JCDecaux Street Furniture Belgium – Nuqqas ta’ ħlas ta’ kirjiet u ta’ taxxi għal apparati ta’ reklamar installati fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell (il-Belt ta’ Brussell, il-Belġju) – Vantaġġ ekonomiku – Mekkaniżmu ta’ kumpens – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Assenza ta’ kontradizzjoni ta’ motivi – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament”






 Introduzzjoni

1.        Permezz tal-appell preżenti, JCDecaux Street Furniture Belgium (iktar ’il quddiem “JCDecaux”) titlob annullament tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑642/19 (2), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2019/2120 tal‑24 ta’ Ġunju 2019, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33078 (2015/C) (eks 2015/NN) implimentata mill-Belġju affavur JCDecaux Belgium Publicité (3). Il-kawża preżenti tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tesprimi ruħha dwar in-natura u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija msejħa li twettaq fil-kuntest ta’ appell.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2.        Il-ville ta’ Brussell (il-Belt ta’ Brussell, il-Belġju) u JCDecaux ikkonkludew żewġ kuntratti suċċessivi, għal perijodu rispettiv ta’ ħmistax-il sena, li kienu jikkonċernaw l-installazzjoni, fit-territorju ta’ din il-belt, ta’ xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja għar-reklamar u ta’ biċċiet ta’ għamara urbana għall-informazzjoni (iktar ’il quddiem il-“MUPI”), li parti minnhom setgħet tintuża għal finijiet ta’ reklamar (4).

3.        L-ewwel kuntratt, bid-data tas‑16 ta’ Lulju 1984 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑1984”) kien jikkonċerna xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja għar-reklamar u MUPI li baqgħu proprjetà ta’ JCDecaux. Dan il-kuntratt kien jipprovdi b’mod partikolari li din tal-aħħar ma kienet responsabbli għal ebda ħlas lill-Belt ta’ Brussell rappreżentanti kirjiet, drittijiet ta’ okkupazzjoni jew tariffi għax-xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja għar-reklamar u għall-MUPI, iżda kellha tipprovdi lil din il-belt ċertu numru ta’ vantaġġi n natura, jiġifieri li hija kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni, mingħajr ħlas, basktijiet għar-rimi ta’ skart, toilets pubbliċi u gazzetti elettroniċi kif ukoll li tfassal pjan ġenerali tal-belt, pjan turistiku u lukandier u pjan tal-bankini tal-belt. Inkambju għas-servizzi tagħha, JCDecaux kienet awtorizzata tuża għal finijiet ta’ reklamar, ċerti apparati integrati fi jew separati mix-xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja u l-MUPI pprovduti. Kull wieħed minn dawn l-apparati seta’ jintuża għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena li jibda jiddekorri mill-installazzjoni tiegħu kkonstatata fil-minuti miftiehma (5).

4.        Fl‑1998, il-Belt ta’ Brussell ħarġet sejħa għal offerti li kellha bħala l-għan tagħha “il-manifattura, il-provvista, it-tqegħid, it-tħaddim, iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ [MUPI], ta’ xelters għall-passiġġieri u ta’ għamara multimedjali, li parti minnha tista’ tintuża għal finijiet ta’ reklamar”. Sabiex tosserva l-impenji kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt tal‑1984 u sabiex tiżgura t-trasparenza tas-sejħa għal offerti, il-Belt ta’ Brussell elenkat, fl-Anness 10 tal-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt tal-imsemmija sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem l-“Anness 10”), 282 xelter tal-waqfiet tal-karozza tal-linja u 198 MUPI li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1984 (iktar ’il quddiem l-“apparat inkluż fl-Anness 10”) fejn id-dritt ta’ użu ta’ JCDecaux kien għadu ma skadiex skont il-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, billi indikat il-pożizzjoni tagħhom u d-data ta’ skadenza ta’ kull waħda minnhom.

5.        Billi JCDecaux rebħet is-sejħa għal offerti, ġie konkluż it-tieni kuntratt, fl‑14 ta’ Ottubru 1999, bejn din tal-aħħar u l-Belt ta’ Brussell (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑1999”). Dan il-kuntratt, li huwa kkostitwit minn ordni, minn speċifikazzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt u minn annessi ta’ dawn tal-aħħar, inkluż l-Anness 10, issostitwixxa l-kuntratt tal‑1984. Dan kien jipprovdi b’mod partikolari li l-Belt ta’ Brussell saret proprjetarja ta’ biċċiet ta’ għamara urbana installata, permezz tal-ħlas ta’ prezz nett fil-forma ta’ somma f’daqqa għal kull apparat ipprovdut, kompletament mgħammar, installat u operattiv, u li JCDecaux kellha tħallas kera fix-xahar għall-użu ta’ dawn il-biċċiet ta’ għamara urbana għal finijiet ta’ reklamar.

6.        Meta ġie implimentat il-kuntratt tal‑1999, ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 tneħħew qabel id-data ta’ skadenza rispettiva tagħhom prevista f’dan l-anness, filwaqt li apparati oħrajn (iktar ’il quddiem l-“apparati kontenzjużi”) inżammu u baqgħu jintużaw minn JCDecaux lil hinn minn dawn id-dati. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar imsemmija apparati, il-Belt ta’ Brussell ma talbet l-ebda ħlas fil-forma ta’ kirjiet jew taxxi. Din is-sitwazzjoni ntemmet f’Awwissu tal‑2011, meta dawn l-aħħar imsemmija apparati inklużi fl-Anness 10 ġew żarmati.

7.        Fid‑19 ta’ April 2011, Clear Channel Belgium (iktar ’il quddiem “CCB”) ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni li permezz tiegħu hija sostniet li, billi kompliet tuża l-apparati kontenzjużi lil hinn mid-data ta’ skadenza prevista tagħhom mingħajr ma ħallset kera jew taxxa lill-Belt ta’ Brussell, JCDecaux kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

8.        Fl‑24 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u stiednet lir-Renju tal-Belġju u lill-partijiet interessati l-oħrajn sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa tar-Renju tal-Belġju, ta’ CCB u ta’ JCDecaux. Kien hemm diskussjonijiet u skambji addizzjonali bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni.

9.        Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Belġjani indikaw b’mod partikolari li huma kienu aċċettaw iż-żamma u l-użu tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 sabiex jiġi ppreżervat il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984, billi ċerti apparati inklużi f’dan l-aħħar imsemmi anness kienu ġew irtirati qabel iż-żmien fuq talba tal-Belt ta’ Brussell, li, għal raġunijiet partikolarment estetiċi, xtaqet li tinstalla mudelli oħrajn. Skont dawn l-awtoritajiet, ġaladarba JCDecaux, minħabba dan l-istess irtirar qabel iż-żmien, ġarrbet żvantaġġ, kien aċċettabbli li, sabiex jingħata kumpens għal dan, hija setgħet iżżomm għal perijodu itwal minn dak previst għal apparati oħrajn u li ma tintalab tħallas l-ebda kirja jew taxxa għal dawn l-aħħar imsemmija apparati (6). L-awtoritajiet Belġjani rrikonoxxew l-eżistenza ta’ żbilanċ limitat bejn in-numru ta’ apparati irtirati qabel iż-żmien u n-numru ta’ apparati miżmuma lil hinn mid-dati ta’ skadenza rispettivi tagħhom. Minn kalkolu tad-differenza bejn l-iffrankar f’termini ta’ kirjiet u ta’ taxxi li JCDecaux irrinunzjat għalihom billi aċċettat dan l-irtirar qabel iż-żmien u dak f’termini ta’ kirjiet u taxxi li kienet tirċievi biż-żamma ta’ apparati oħrajn lil din mid-dati ta’ skadenza, jirriżulta li hija bbenefikat biss minn vantaġġ finanzjarju ekwivalenti għal massimu ta’ EUR 100 000 sa 150 000 bejn Diċembru tal‑1999 u Diċembru tal‑2011 (7). Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi għajnuna de minimis fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal‑15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis (8).

10.      Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

11.      Fil-premessi 66 sa 69 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddelimitat is-suġġett tal-analiżi tagħha, billi speċifikat b’mod partikolari li, fid-dawl tar-regoli dwar il-preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (9), din tal-aħħar kienet tikkonċerna biss il-miżura li fiha ż-żamma tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 mingħajr il-ħlas la ta’ kirjiet u lanqas ta’ taxxi kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mogħtija lil JCDecaux wara l‑15 ta’ Settembru 2001.

12.      Fil-premessi 72 sa 81 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet marbuta mal-imputabbiltà lill-Istat u mat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat. Hija enfasizzat b’mod partikolari li l-awtoritajiet Belġjani ma jikkontestawx il-fatt li l-miżura inkwistjoni kienet imputabbli lilhom u lanqas li din tal-aħħar kienet wasslet għal lucrum cessans għall-Belt ta’ Brussell f’termini ta’ kirjiet u ta’ taxxi mhux miġbura fuq l-apparati kontenzjużi li suppost kellhom jiġu ssostitwiti bl-apparati koperti mill-kuntratt tal‑1999.

13.      Fil-premessi 82 sa 96 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni analizzat il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku.

14.      F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Kummissjoni rrilevat li, sa mill‑1999 u gradwalment mill-iskadenza tal-awtorizzazzjonijiet ibbażati fuq il-kuntratt tal‑1984, JCDecaux kienet kompliet tuża apparati tar-reklamar fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell mingħajr ma ħallset la kirjiet u lanqas taxxi filwaqt li, skont il-kuntratt tal‑1999, dawn kellhom jiġu rtirati. Skont dan l-istess kuntratt, l-użu ta’ apparati ta’ reklamar ġodda li kellhom jissostitwixxuhom kien jinvolvi l-ħlas ta’ kirjiet u ta’ taxxi (10).

15.      Sussegwentement, il-Kummissjoni osservat li l-awtoritajiet Belġjani kienu rrikonoxxew li, “globalment”, JCDecaux kienet ibbenefikat minn vantaġġ ekonomiku u li kienu qegħdin jikkontestaw sempliċement il-portata tiegħu. Fir-rigward tal-argument tagħhom ibbażat fuq l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, hija fakkret, filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza Orange vs Il-Kummissjoni (11), li kien biss sa fejn intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens rappreżentanti l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi inkarigati b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, skont il-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (12), li dan l-intervent ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, il-kuntratt tal‑1984 u l-kuntratt tal‑1999 huma purament kuntratti kummerċjali, li d-dispożizzjonijiet tagħhom ma jikkonċedux lil JCDecaux funzjoni ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-kumpens allegat, “jekk wieħed jassumi li huwa effettivament ifittex li jikkumpensa l-iżvantaġġ marbut ma’ obbligu potenzjali [ta’ rtirar qabel iż-żmien ta’ ċerti apparati]”, kien jimplika vantaġġ għal JCDecaux. Din il-konklużjoni hija iktar u iktar evidenti “peress li huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat [li din tal-aħħar] sofriet minn żvantaġġ strutturali minħabba li [hija], fuq inizjattiva tagħha stess, aċċettat li tirtira dawn l-[apparati] u li, barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani stess irrikonoxxew li l-kumpens inkwistjoni kien imur lil hinn minn dak li kien meħtieġ mill-iżvantaġġ allegat” (13). Il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-ebda wieħed mill-każijiet previsti fil-punti 69 u 71 tal-avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (14) ma kien preżenti f’dan il-każ, filwaqt li tenniet b’mod partikolari li JCDecaux kienet “fuq inizjattiva tagħha stess” aċċettat li tirtira ċerti apparati koperti mill-kuntratt tal‑1984 (15). Hija żiedet li ma setax jitqies li l-Belt ta’ Brussell aġixxiet bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ kumpens allegat ma kien suġġett għal ebda formalizzazzjoni u għal ebda segwitu, ma jirriżulta minn ebda elementi prodott mill-Kummissjoni li kienu saru xi negozjati bejn il-Belt ta’ Brussell u JCDecaux dwar dan il-mekkaniżmu, u ma kien hemm xejn li jindika li l-Belt ta’ Brussell kienet wettqet analiżi tat-“telf reali ta’ [JCDecaux] marbuta mas-sostituzzjoni antiċipata ta’ ċerti apparati koperti mill-kuntratt tal‑1984 b’paragun mal-benefiċċju li jirriżulta miż-żamma ta’ apparati oħra, li wkoll ġew kompletament deprezzati (l-ispiża ta’ dawn il-pannelli kienet loġikament kompletament irrimborsata – inkluża ż-żieda ta’ [JCDecaux] – permezz tal-użu tagħhom matul il-perijodu legali tal-kuntratt tal‑1984), li jagħmel parti mill-istess kuntratt”(16).

16.      Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkonfermat li l-pożizzjoni tagħha marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ ġiet ikkonfermata b’sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016 (17), li fiha din tal-aħħar ikkonstatat li JCDecaux ma kinitx osservat id-dati ta’ tneħħija previsti fl-Anness 10 għall-apparati kontenzjużi u kienet użat dawn l-apparati mingħajr ebda titolu jew dritt fuq id-dominju pubbliku tal-Belt ta’ Brussell. Il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li JCDecaux permezz ta’ dan kollu kienet wettqet atti oġġettivament illegali li jmorru kontra l-użanzi ta’ lealtà tas-suq, ikkostitwiti mill-użu fin-network tagħha ta’ apparati ta’ reklamar li ma kellhomx ikunu jew ma kellhomx jibqgħu preżenti, li kienu joffrulha vantaġġ kompetittiv illegali li seta’ jiddevja lill-persuni responsabbli mir-reklamar mill-kompetitur tagħha, CCB.

17.      Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet preċedenti li l-att ta’ żamma u ta’ użu minn JCDecaux, bejn is-sena 1999 u s-sena 2011, tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10, mingħajr ma ħallset kirjiet u lanqas taxxi, kellu l-effett li jnaqqas l-ispejjeż li normalment kellhom jinġarru minn din tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-attività tagħha u kien jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku.

18.      Fil-premessi 97 sa 102 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjoni marbuta mas-selettività tal-vantaġġ. B’mod partikolari, hija rrilevat, li l-miżura inkwistjoni kienet essenzjalment miżura individwali u li, f’dan il-każ, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ kienet tippermetti, bħala prinċipju, li tiġi preżunta s-selettività tiegħu.

19.      Fil-premessi 103 sa 121 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija ċaħdet b’mod partikolari l-argument tal-awtoritajiet Belġjani li din il-miżura setgħet tikkostitwixxi għajnuna de minimis fis-sens tar-Regolament Nru 1998/2006.

20.      Fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ikkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

21.      Wara li kkonstatat, fil-premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali peress li ma ġietx ikkomunikata lilha, u fil-premessi 125 sa 130 ta’ din id-deċiżjoni, li din l-għajnuna ma setgħetx titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni, fil-premessi 131 sa 144 tal-imsemmija deċiżjoni, eżaminat il-kwistjoni tal-ammont tal-għajnuna inkompatibbli li kellu jiġi rkuprat. F’dan ir-rigward, hija spjegat li l-“prinċipju ġenerali” li għandu jiġi applikat għall-kalkolu ta’ dan l-ammont kien li jiġi stmat l-ammont ta’ kirjiet u taxxi li l-Belt ta’ Brussell kellha tiġbor fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, filwaqt li speċifikat li dan il-kalkolu kellu “jiġi kkalkulat għal kull skema koperta mill-kuntratt tal‑1984 li nżammet wara l‑15 ta’ Settembru 2001 filwaqt li tittieħed bħala referenza l-kera dovuta skont il-kuntratt tal‑1999 u l-imposti ġeneralment applikabbli għal apparat ta’ reklamar bejn id-data inizjali għat-tneħħija (jekk kien iktar tard mill‑15 ta’ Settembru 2001) jew mill‑15 ta’ Settembru 2001 (jekk id-data inizjali għat-tneħħija kienet qabel il‑15 ta’ Settembru 2001), u d-data li fiha saret effettivament it-tneħħija” (18). Wara li fakkret li hija kienet tqis l-argument tal-awtoritajiet Belġjani marbuta mal-mekkaniżmu ta’ kumpens bħala “infondat”, hija qieset li “l-vantaġġ mogħti lil JCDecaux [kien] l-iffrankar kollu li sar mill-kumpanija billi jkompli jisfrutta l-arranġamenti skont il-kuntratt tal‑1984 minflok ma jissostitwixxihom bil-kuntratt tal‑1999” (19). Għaldaqstant, il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna kellu jsir “mingħajr ma tiġi applikata xi loġika ta’ kumpens” u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, “għal kull arranġament ikkonċernat u għal kull perjodu rilevanti, il-kirjiet eżistenti u l-ħlasijiet li jirriżultaw [mir-regolamenti fiskali tal-2001 u dawk sussegwenti] għal apparat tal-istess erja tal-wiċċ”(20).

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

22.      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2019, JCDecaux ippreżentat rikors intiż għall-annullament tal-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża. B’digriet tat‑22 ta’ April 2020, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-intervent ta’ CCB insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23.      Insostenn tar-rikors tagħha, JCDecaux invokat erba’ motivi, l-ewwel wieħed b’mod prinċipali u t-tlieta l-oħra b’mod sussidjarju. Permezz tal-ewwel motiv, li kien diviż fi tliet partijiet, hija sostniet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll żball ta’ liġi meta qieset li l-użu tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 kien jikkostitwixxi vantaġġ. Permezz tal-ewwel parti, hija lmentat li l-Kummissjoni warrbet bi żball il-mekkaniżmu ta’ kumpens. Permezz tat-tieni parti, hija sostniet li l-Kummissjoni kienet adottat xenarju kontrofattwali żbaljat meta qieset li kellhom jinġabru kirjiet u taxxi għall-apparati kontenzjużi miżmuma lil hinn mid-dati ta’ skadenza rispettivi tagħhom. Permezz tat-tielet parti, hija allegat li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat b’mod żbaljat il-kuntratt tal‑1984 bħala “purament kummerċjali”, filwaqt li rrifjutat, għaldaqstant, li tapplika l-kriterji stabbiliti bis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (21). Permezz tat-tieni motiv, hija sostniet li għajnuna mill-Istat ipotetika kienet tkun kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (22) u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal‑20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-[TFUE] għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (23). It-tielet motiv kien diviż f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, hija lmentat li l-Kummissjoni ma weġbitx suffiċjentement għall-elementi invokati mill-partijiet, li ħabbret qabel iż-żmien, fi stqarrija għall-istampa, l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat u li kisret ir-regoli interni tal-proċedura tagħha. Permezz tat-tieni parti, hija sostniet, b’mod partikolari, li kien impossibbli li jiġi kkwantifikat il-vantaġġ allegat, peress li l-kuntratt tal‑1984 ma kien jipprevedi l-ħlas ta’ ebda kirja, dritt ta’ okkupazzjoni jew tariffa. Permezz tar-raba’ motiv, hija ddikjarat li l-allegata għajnuna mill-Istat hija fi kwalunkwe każ preskritta.

24.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-erba’ motivi u, għaldaqstant, il-kumplament tar-rikors, ikkundannat lil JCDecaux għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni u kkundannat lil CCB għall-ispejjeż tagħha.

25.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li huma rilevanti għall-finijiet tal-appell preżenti, essenzjalment huma dawk marbuta mal-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv kif ukoll mat-tieni parti tat-tielet motiv.

26.      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien b’mod ġust li l-Kummissjoni kienet qieset li ż-żamma u l-użu minn JCDecaux tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 kienu jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE “anki jekk din iż-żamma kienet mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984” (24).

27.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” huwa kunċett legali oġġettiv iddefinit direttament mill-Artikolu 107(1) TFUE, li ma jiddistingwixxix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, b’tali mod li l-fatt li l-għan tal-miżura statali kien li jinżamm l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt tal‑1984 jew li dan l-għan kien konformi mal-prinċipji tad-dritt nazzjonali ma jippermettix li tiġi eskluża ab initio l-klassifikazzjoni ta’ tali miżura bħala “għajnuna mill-Istat” (25).

28.      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li JCDecaux kienet kompliet tuża l-apparati kontenzjużi wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 mingħajr ma tħallas la kera u lanqas taxxa lill-Belt ta’ Brussell kellu l-effett li jnaqqas dawn l-ispejjeż li kienu jolqtu l-baġit tagħha (26). Hija rrilevat li effettivament il-partijiet kienu jaqblu li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal‑1999, JCDecaux setgħet biss tinstalla u tuża fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell dawk il-biċċiet ta’ għamara urbana skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kuntratt, li skonthom hija kellha tħallas kirja u taxxi. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li, skont l-Anness 10, b’deroga mill-klawżoli tal-kuntratt tal‑1999, l-apparati inklużi f’dan l-anness setgħu jkomplu jintużaw minn JCDecaux skont il-kundizzjonijiet previsti fil-kuntratt tal‑1984, iżda biss sad-dati ta’ skadenza previsti fl-istess anness. Hija żiedet li, wara dawn id-dati, dawn l-apparati kellhom jiġu ssostitwiti b’apparati ġodda koperti mill-kuntratt tal‑1999, u għaldaqstant suġġetti għall-obbligu tal-ħlas tat-taxxi u tal-kirja (27). Hija kkonkludiet li l-fatt li kompliet tuża l-apparati kontenzjużi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt tal‑1984 wara l-imsemmija dati ippermetta lil JCDecaux li tevita li tinstalla u tuża apparati ġodda koperti mill-kuntratt tal‑1999 u, konsegwentement, li tħallas il-kirjiet u t-taxxi li kienet obbligata tħallas skont dan l-aħħar imsemmi kuntratt (28). Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll ċerti konstatazzjonijiet li saru mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2016 (29).

29.      Fit-tielet lok (30), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien b’mod ġust li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-argumenti tagħha fuq is-sentenzi Orange vs Il-Kummissjoni (31) u Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (32).

30.      Fir-raba’ lok, filwaqt li essenzjalment irriproduċiet il-kunsiderazzjonijiet esposti dwar dan is-suġġett mill-Kummissjoni (33), il-Qorti Ġenerali vvalidat il-konklużjoni ta’ din tal-aħħar li skontha l-mekkaniżmu ta’ kumpens allegat ma setax jitqies bħala konformi mal-kriterju ta’ aġir ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq (34).

31.      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni fil-premessa li JCDecaux kienet ibbenefikat minn iffrankar f’termini ta’ kirjiet u ta’ taxxi li jikkostitwixxi vantaġġ (35). Fir-rigward tal-kirjiet mhux miġbura, il-Qorti Ġenerali tenniet li, wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal‑1999, JCDecaux setgħet biss tinstalla u tuża fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell biċċiet ta’ għamara skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan il-kuntratt, li skonthom hija kellha tħallas kirja u taxxi (36). Fir-rigward tat-taxxi mhux miġbura, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod partikolari l-argument ta’ JCDecaux li skontu, fl-assenza ta’ sistema fiskali uniformi fit-territorju nazzjonali, kif ukoll fit-territorju tar-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale (ir-reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-Belġju), ir-regolamenti fiskali adottati mill-Belt ta’ Brussell ma setgħux jikkostitwixxu sistema ta’ riferiment. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-każ li dan l-argument kellu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda n-natura selettiva tal-miżura, dan għandu jiġi miċħud, peress li, fil-każ ta’ miżura individwali, is-selettività tal-vantaġġ ekonomiku hija preżunta (37). Fi kwalunkwe każ, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx li dawn ir-regolamenti kienu jikkostitwixxu s-sistema fiskali ta’ riferiment (38). Hija qieset ukoll li kien b’mod ġust li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li r-regolamenti fiskali adottati mill-Belt ta’ Brussell sa mill‑2001 kellhom japplikaw għall-apparati kontenzjużi miżmuma fil-post wara d-data ta’ skadenza rispettiva tagħhom u li l-eżenzjoni applikata mill-Belt ta’ Brussell qabel is-sena taxxabbli 2009 kienet deroga mis-sistema ta’ riferiment li timplika vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat min-naħa ta’ din tal-aħħar (39). Hija eskludiet ir-rilevanza, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, taż-żewġ sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016 (40) li jiddikjaraw li JCDecaux ma kinitx responsabbli għall-ħlas ta’ taxxi komunali fuq ir-reklamar f’dak li jirrigwarda l-kuntratt tal‑1999 (41).

32.      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet spjegat ir-raġunijiet għaliex, fl-opinjoni tagħha, il-vantaġġ li JCDecaux kienet ibbenefikat minnu kien ikbar minn dak stmat mill-awtoritajiet Belġjani (42). Barra minn hekk, hija ċaħdet l-argument ta’ JCDecaux ibbażat fuq l-impossibbiltà li jiġi kkwantifikat dan il-vantaġġ u fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha li jirriżulta li kien ibbażat fuq il-premessa żbaljata li ż-żamma u l-użu tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti kienu jikkostitwixxu vantaġġ biss sa fejn dawn imorru lil hinn minn dak li kien jikkumpensa l-mekkaniżmu ta’ kumpens (43).

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

33.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Novembru 2022, JCDecaux ippreżentat l-appell preżenti. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, li tilqa’ t-talbiet tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza billi tannulla l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Fir-risposta tagħha, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil JCDecaux għall-ispejjeż. CCB irrinunzjat milli tippreżenta risposta.

34.      Waqt is-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2024 instemgħu s-sottomissjonijiet orali ta’ JCDecaux, il-Kummissjoni u CCB u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Ġustizzja. CCB talbet li jinċaħad l-appell, iżda ma semmiet xejn dwar l-ispejjeż.

 Analiżi

35.      JCDecaux tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq motivazzjoni kontradittorja li tivvizzja s-sentenza appellata kif ukoll fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, fit-tieni lok, fuq żnaturament manifest tal-fatti u tal-kuntest ġuridiku applikabbli.

 Fuq lewwel aggravju

 Argumenti talpartijiet

36.      Permezz ta’ dan l-aggravju, JCDecaux prinċipalment issostni li fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali adottat motivazzjoni kontradittorja u wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku. Hija tirrileva li, fil-punti 31 u 40 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet il-konstatazzjonijiet tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2016 li skonthom “hija ma kinitx kisbet l-awtorizzazzjoni espressa tal-Belt ta’ Brussell” u kienet “użat mingħajr titolu jew dritt” fit-territorju ta’ din tal-aħħar numru ta’ apparati inklużi fl-Anness 10. Fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, “fuq il-bażi biss”, li ż-żamma u l-użu, minn JCDecaux, tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 kienu jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku. Skont JCDecaux, għalkemm il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) ikkonstatat li dawn l-apparati nżammu “mingħajr titolu jew dritt”, dan kien minħabba l-fatt li hija kienet ikkonkludiet li ma kienet ingħatat l-ebda awtorizzazzjoni espliċita, u lanqas impliċita, mill-Belt ta’ Brussell sabiex twettaq “interverżjoni” (44) tal-apparati ta’ reklamar. Madankollu, fl-assenza ta’ deċiżjoni jew ta’ intervent min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, bħala definizzjoni, ma jistax ikun hemm għajnuna mill-Istat peress li din tal-aħħar tirrikjedi “tal-inqas” att pożittiv jew negattiv minn dawn l-awtoritajiet. Anki jekk jiġi preżunt li JCDecaux kienet ibbenefikat minn vantaġġ, dan tal-aħħar ikun jirriżulta mill-fatt li hija, minn rajha, użat l-apparati kontenzjużi billi okkupat illegalment id-dominju pubbliku. Tali aġir ma jistax, mingħajr ebda kontradizzjoni manifesta, iservi bħala bażi għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi.

37.      Sussidjarjament, JCDecaux tilmenta li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bit-tieni kontradizzjoni ta’ motivi, sa fejn, fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza, hija ddikjarat li l-vantaġġ li ngħata lilha mill-Belt ta’ Brussell kien jikkostitwixxi għajnuna minkejja li ż-żamma tal-apparati kontenzjużi kienet meqjusa bħala “mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984”. Hija tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma siltet l-ebda konsegwenza minn din id-dikjarazzjoni li kienet tpoġġi f’dubju kemm il-klassifikazzjoni legali magħżula mill-Kummissjoni kif ukoll il-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-għanjuna li għandha tiġi rkuprata (45). Fil-fatt, dik is-sentenza twassal għall-irkupru tal-vantaġġ allegat fl-intier tiegħu, jiġifieri mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż sostnuti minn JCDecaux minħabba l-irtirar qabel iż-żmien ta’ ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 u d-dannu kuntrattwali subit. Skont JCDecaux, jekk il-Qorti Ġenerali tammetti li ż-żamma tal-apparati kontenzjużi setgħet tikkostitwixxi kumpens, allura l-vantaġġ ekonomiku kollu li eventwalment ngħata ma jistax awtomatikament jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

38.      Il-Kummissjoni, qabelxejn issostni li, permezz tal-argumenti tagħha, JCDecaux essenzjalment qiegħda tipprova tikseb evalwazzjoni mil-ġdid tal-fatti, u b’mod iktar speċifiku tat-teorija tagħha tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, li kienet ġiet miċħuda kemm mill-qorti nazzjonali kif ukoll mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, tali evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti ma hijiex koperta mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

39.      Sussegwentement, filwaqt li tirriproduċi ċerti kunsiderazzjonijiet esposti fis-sentenza appellata u li hemm sunt tagħhom fil-punti 27 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li kien b’mod ġust li din tal-aħħar eskludiet ir-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens.

40.      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment minn JCDecaux għas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016, il-Kummissjoni tirrileva li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali huma evalwazzjonijiet fattwali li, ħlief f’każ ta’ żnaturament tad-dritt nazzjonali, ma jaqgħux fi ħdan il-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. Madankollu, JCDecaux sempliċement tikkontesta l-kontenut u l-portata ta’ dik is-sentenza. Barra minn hekk, ma jkunx korrett li jiġi pretiż li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq l-imsemmija sentenza sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ. Fir-rigward tal-argument li JCDecaux tislet mill-allegata ineżistenza ta’ att tal-awtoritajiet pubbliċi, dan huwa inammissibbli, sa fejn huwa marbut mal-kundizzjoni tal-imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat, liema kundizzjoni ma ġietx ikkontestata fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa manifestament infondat peress li l-każ ineżami jikkonċerna att negattiv tal-Belt ta’ Brussell li jikkonsisti fit-tħallija tat-tkomplija tal-użu tal-apparati kontenzjużi mingħajr ma tfittex li tiġbor kirjiet u taxxi.

41.      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza li l-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat u l-kwantifikazzjoni tal-ammont tagħha huma żewġ kwistjonijiet separati. Hija tqis li t-teħid inkunsiderazzjoni tat-teorija tal-kumpens ma jistax ikollha l-effett li twassal għal “evalwazzjoni mill-ġdid tal-mekkaniżmu tal-kalkolu tal-irkupru tal-għajnuna” stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża. Hija żżid li, sabiex jiġi evitat li l-miżura inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-Belt ta’ Brussell kellha twettaq evalwazzjoni tad-dannu allegatament subit minn JCDecaux. Ġaladarba l-Belt ta’ Brussell ma wettqitx tali evalwazzjoni, l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat kien jikkorrispondi għall-kirjiet u t-taxxi li JCDecaux kienet obbligata tħallas matul il-perijodu ta’ użu tal-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti sat-tneħħija effettiva tagħhom. Għaldaqstant, anki jekk il-mekkaniżmu ta’ kumpens kien jeżisti, quod non, dan la jista’ jpoġġi f’dubju l-klassifikazzjoni legali tal-vantaġġ li kienet ibbenefikat minnu JCDecaux u lanqas il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat.

 Evalwazzjoni

42.      Infakkar li, konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni esklużiva, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li fih l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun nisslet minnhom il-Qorti Ġenerali (46).

43.      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, inqis li l-argumenti invokati minn JCDecaux insostenn tal-ewwel aggravju ma humiex intiżi sabiex tinkiseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti li jikkonċernaw il-mekkaniżmu ta’ kumpens jew il-ġurisprudenza nazzjonali. Kif tenfasizza JCDecaux fir-replika tagħha, l-“oġġezzjoni fundamentali” imressqa minnha la tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti u lanqas l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, iżda hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ allegata “kontradizzjoni fundamentali” li hija vvizzjata biha l-motivazzjoni tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (47).

44.      Il-kontradizzjoni ta’ motivi invokata b’mod prinċipali minn JCDecaux hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tistax fl-istess ħin tirrileva, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016, li hija kienet użat mingħajr ebda titolu jew dritt l-apparati kontenzjużi u tikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni marbuta mal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li timplika bħala definizzjoni, deċiżjoni jew intervent mill-awtoritajiet pubbliċi li tagħti jew jagħti vantaġġ. Fir-rigward tal-kontradizzjoni ta’ motivi invokata b’mod sussidjarju minn JCDecaux, din hija bbażata fuq il-fatt li, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-vantaġġ allegat kien jikkostitwixxi għajnuna filwaqt li ammettiet li ż-żamma tal-apparati kontenzjużi setgħet tkun mekkaniżmu ta’ kumpens tal-kuntratt tal‑1984. Fl-opinjoni tiegħi, b’dawn l-argumenti, JCDecaux la tpoġġi f’dubju l-kontenut u lanqas il-portata tas-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016, kif ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, hija tapproprja dawn il-konstatazzjonijiet sabiex issejjes l-argument tagħha mressaq b’mod prinċipali. Barra minn hekk, nosserva li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, JCDecaux, għalkemm tikkonferma mill-ġdid l-eżistenza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, madankollu bl-ebda mod ma tikkontesta l-evalwazzjonijiet esposti fil-punti 25, 26 u 34 sa 41 tas-sentenza appellata u li jivvalidaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li dan il-mekkaniżmu, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, ma jeskludix il-possibbiltà li ngħata vantaġġ lil JCDecaux.

45.      Fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ ukoll li jitwarrab l-aggravju l-ieħor ta’ inammissibbiltà invokat mill-Kummissjoni, li skontu, permezz tal-argument tagħha, ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ att tal-awtoritajiet pubbliċi, JCDecaux tikkontesta għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell il-kundizzjoni marbuta mal-imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat. Għalkemm huwa minnu li dan l-argument ma jidhirx li tressaq f’dawn it-termini minn JCDecaux quddiem il-Qorti Ġenerali, madankollu, jirriżulta mir-rikors tal-appell li jikkostitwixxi, mhux motiv ta’ dritt awtonomu u ġdid li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli peress li tqajjem għall-ewwel darba, iżda sempliċement argument imressaq insostenn tal-motiv ta’ dritt ta’ allegata kontradizzjoni fir-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonferma l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

46.      Madankollu, jiena ma nikkondividix id-dikjarazzjoni ta’ JCDecaux li huwa “fuq il-bażi biss” tal-konstatazzjonijiet inkwistjoni tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet favur l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku fil-każ preżenti. Minn eżami tal-evalwazzjoni tal-ewwel motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali (48) jirriżulta li din tal-aħħar ikkunsidrat li l-fatt li JCDecaux kienet żammet u kompliet tuża l-apparati kontenzjużi lil hinn mid-dati ta’ skadenza rispettivi tagħhom previsti fl-Anness 10 mingħajr ma ħallset la kirjiet u lanqas taxxi kellu l-konsegwenza ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li normalment kienu jiġu sostnuti mill-baġit tagħha. Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq eżami tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal‑1984 u tal-kuntratt tal‑1999, fosthom l-Anness 10, dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti fiskali tal-Belt ta’ Brussell iċċitati fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll osservazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Belġjani waqt il-proċedura prekontenzjuża. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-mekkaniżmu ta’ kumpens allegat minn dawn l-awtoritajiet u minn JCDecaux ma kienx jeskludi l-preżenza ta’ vantaġġ, u dan huwa dovut għal diversi raġunijiet li hemm sunt tagħhom fil-punti 27 sa 30 tal-konklużjonijiet preżenti. Għaldaqstant, ir-riferimenti magħmula f’dan il-kuntest mill-Qorti Ġenerali għall-konstatazzjonijiet tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) jikkostitwixxu biss element wieħed fost oħrajn li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ tali vantaġġ.

47.      Fl-opinjoni tiegħi l-ebda waħda miż-żewġ kontradizzjonijiet ta’ motivi invokati minn JCDecaux ma hija fondata.

48.      Għaldaqstant, minn naħa, huwa minnu li, fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) ikkonstatat li JCDecaux ma kinitx kisbet “l-awtorizzazzjoni espressa tal-Belt ta’ Brussell sabiex tipproċedi għal ‘interverżjoni’ tal-apparati ta’ reklamar” u li “[l]-assenza ta’ reazzjoni ta’ [din tal-aħħar] fir-rigward taż-żamma ta’ [MUPI] wara d-data awtorizzata għal kull waħda ma [setgħetx] tiġi interpretata bħala li tixhed ftehim impliċitu u ċert tal-awtorità pubblika għal deroga mill-iskadenzi maqbula għal kull wieħed minn dawn l-apparati”. Madankollu, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dik is-sentenza, il-qorti tal-appell kienet qiegħda tagħti deċiżjoni esklużivament fid-dawl tal-liġi Belġjana dwar il-prattiċi tal-kummerċ u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, tal‑14 ta’ Lulju 1991 (49), billi ntalbet tiddeċiedi dwar jekk il-fatt li JCDecaux żammet u kompliet tuża ċerti apparati mingħajr ma kienet kisbet l-awtorizzazzjonijiet neċessarji kienx jikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 94 ta’ din il-liġi, att li jmur kontra l-użanzi ta’ lealtà fil-qasam kummerċjali li jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-kompetitur tagħha CCB. F’dan il-kuntest, fl-opinjoni tiegħi, il-konstatazzjonijiet tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) għandhom jinftehmu bħala li jagħmlu riferiment għal assenza ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tad-dritt amministrattiv Belġjan (50). Dan bl-ebda mod ma jeskludi li, mill-perspettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (51), l-attitudni negattiva, jew tal-inqas passiva, tal-Belt ta’ Brussell, li tikkonsisti, b’għarfien sħiħ tal-kuntest, fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni għaż-żamma jew għall-użu, fit-territorju tagħha, ta’ ċertu numru ta’ apparati ta’ reklamar minn JCDecaux lil hinn mid-dati ta’ skadenza previsti u, fuq kollox, fl-astensjoni mill-ġbir tal-kirjiet u tat-taxxi normalment dovuti, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (52). Inżid li JCDecaux ma tistax issostni, kif tagħmel fir-replika, li l-Kummissjoni, billi kklassifikat, fir-risposta tagħha, tali aġir min-naħa tal-Belt ta’ Brussell bħala “att negattiv”, qiegħda tressaq argument ġdid fl-istadju tal-appell. Fil-fatt, il-Kummissjoni b’dan kollu sempliċement twieġeb għall-argument imressaq minn JCDecaux insostenn tal-ilment prinċipali tal-ewwel aggravju tagħha.

49.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni ta’ motivi invokati b’mod sussidjarju, jidhirli li din hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata minn JCDecaux tal-punt 42 tas-sentenza appellata. Kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, dak li l-Qorti Ġenerali riedet tesprimi f’dan il-punt, huwa li, anki jekk jiġu preżunti li huma stabbiliti sal-grad rikjest mil-liġi kemm ir-realtà tal-mekkaniżmu ta’ kumpens kif ukoll ir-rieda tal-Belt ta’ Brussell li jaderixxi miegħu, dan kollu ma jostakolax il-konklużjoni li JCDecaux ibbenefikat minn vantaġġ ekonomiku, peress li, b’mod partikolari, dan il-mekkaniżmu ma kienx jissodisfa l-ewwel kundizzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (53) u ma setax jitqies bħala aġir normali ta’ operatur f’ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, dan kollu jirriżulta b’mod ċar minn qari konġunt tal-punt 42 tas-sentenza appellata u tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċeduh (54). Ġaladarba ġiet miċħuda r-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens invokat, lanqas ma jista’ jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx mill-ġdid fid-dawl ta’ dan il-mekkaniżmu, il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata stabbilit fid-deċiżjoni kontenzjuża.

50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli, iżda infondat.

 Fuq ittieni aggravju

 Argumenti talpartijiet

51.      Permezz ta’ dan l-aggravju, li huwa fformulat f’żewġ partijiet, JCDecaux issostni li l-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti u l-kuntest ġuridiku applikabbli meta kkunsidrat li l-apparati kontenzjużi li ġew miżmuma wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 kienu jaqgħu ipso facto taħt is-sistema legali tal-kuntratt tal‑1999 u, għaldaqstant, kienu suġġetti għall-ħlas ta’ kirjiet u ta’ taxxi.

52.      Permezz tal-ewwel parti, JCDecaux tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 29 u 30 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, qabelxejn, hija ssostni li, konformement mal-“prinċipji bażiċi tad-dritt kuntrattwali”, l-apparati installati skont il-kuntratt tal‑1984 baqgħu irregolati minn dan tal-aħħar sat-tneħħija effettiva tagħhom, anki jekk din seħħet wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10, baqgħu l-proprjetà tagħha, u ma kienu suġġetti għal ebda obbligu ta’ ħlas ta’ kirjiet jew ta’ taxxi (55). Hija tenfasizza li kien inkambju għal investiment kunsiderevoli, li jikkonsisti fit-tfassil, il-manifattura, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ xelters tal-waqfiet tal-karozza tal-linja għar-reklamar u ta’ MUPI pprovduti għad-dispożizzjoni tal-Belt ta’ Brussell, li hija kisbet id-dritt li tuża dawn tal-aħħar għall-finijiet ta’ reklamar, u li l-bilanċ ekonomiku ta’ dan il-kuntratt kien imsejjes fuq obbligi kuntrattwali speċifiċi. Sussegwentement, JCDecaux issostni li l-ebda dispożizzjoni tal-kuntratt tal‑1999 ma kienet tipprovdi għat-tneħħija awtomatika tal-apparati koperti mill-kuntratt tal‑1984 jew ta’ kull biċċa għamara urbana eżistenti oħra; għall-kuntrarju, il-kuntratt tal‑1999 kien jipprovdi espressament li l-apparati installati fl‑1999 jistgħu, u anki għandhom, jikkoeżistu ma’ dawk inklużi fl-Anness 10 mingħajr il-bdil tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għal dawn l-aħħar imsemmija apparati. Hija żżid li lanqas ma kien jeżisti l-obbligu tas-sostituzzjoni, apparat b’apparat u fl-istess postijiet (56), tal-apparati koperti mill-kuntratt tal‑1984 b’apparati ġodda koperti mill-kuntratt tal‑1999. Konsegwentement, iż-żamma ta’ ċerti apparati koperti mill-kuntratt tal‑1984 u li jappartjenu lil JCDecaux ma setgħetx tevita li din tal-aħħar tinstalla u tuża apparati differenti u li jappartjenu lill-Belt ta’ Brussell. Fl-aħħar, JCDecaux tosserva li dawn il-kuntratti jippreżentaw differenzi fundamentali fir-rigward tal-loġika ekonomika li fuqha huma msejsin u l-kundizzjonijiet rispettivi tagħhom. Fl-opinjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġuni valida sabiex “tippreżumi ipotetikament” li, li kieku hija kienet irtirat l-apparati kontenzjużi fid-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10, hija kienet tinstalla fl-istess postijiet numru identiku ta’ apparati koperti mill-kuntratt tal‑1999 u kienet tħallas lill-Belt ta’ Brussell il-kirjiet u t-taxxi korrispondenti għal servizzi sinjifikattivament differenti, irregolati minn dan l-aħħar imsemmi kuntratt. Fir-replika, JCDecaux iżżid li jirriżulta mill-argumentazzjoni tal-Kummissjoni fir-risposta li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn motivazzjoni kontradittorja, sa fejn ma jistax jiġi pretiż simultanjament li l-apparati installati skont il-kuntratt tal‑1984 jaqgħu taħt sistema legali differenti minn dik tal-kuntratt tal‑1999 u li dawn kellhom ikunu suġġetti għall-ħlas ta’ kirjiet u ta’ taxxi previsti minn dan l-aħħar imsemmi kuntratt.

53.      Permezz tat-tieni parti, JCDecaux issostni li, fil-punti 53, 54 u 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tas-sistema legali applikabbli fir-rigward tat-tassazzjoni tal-użu tal-apparati kontenzjużi miżmuma wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10.

54.      F’dan ir-rigward, minn naħa, JCDecaux tiddikjara li l-Qorti Ġenerali wettqet “interpretazzjoni mhux iġġustifikata tal-kuntest ġuridiku” sabiex tikkonkludi, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni bħala sistema ta’ riferiment, ir-regolamenti fiskali tal-Belt ta’ Brussell iċċitati fil-punt 56 ta’ dik is-sentenza, filwaqt li bbażat din il-konklużjoni fuq il-fatt li, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-awtoritajiet Belġjani ma kinux ikkontestaw il-fatt li dawn ir-regolamenti fiskali kienu jikkostitwixxu s-sistema fiskali ta’ riferiment dwar it-tassazzjoni għall-użu ta’ apparat ta’ reklamar fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-komuni jibbenefikaw minn awtonomija fiskali, sanċita fl-Artikolu 170(4) tal-Kostituzzjoni Belġjana (57) u li għaldaqstant ma kinitx teżisti sistema legali uniformi la fit-territorju nazzjonali u lanqas fit-territorju tar-région de Bruxelles-Capitale (ir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-Belġju). Barra minn hekk, kien biss fl‑2001 li l-Belt ta’ Brussell adottat regolamenti fiskali dwar ir-reklamar. Minn dan kollu, JCDecaux tiddeduċi li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tqis li dawk ir-regolamenti fiskali ta’ dik il-belt imsemmija mill-Kummissjoni waħidhom kienu jikkostitwixxu sistema ta’ riferiment, iktar u iktar meta miż-żewġ sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016 (58) kien jirriżulta li l-apparati ta’ reklamar koperti mill-kuntratt tal‑1999 kellhom ikunu eżentati mit-taxxa fuq ir-reklamar.

55.      Min-naħa l-oħra, JCDecaux issostni li l-fatt li hija ma kellhiex tħallas taxxi għall-apparati li hija użat għal finijiet ta’ reklamar fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell ma jistax jikkostitwixxi vantaġġ selettiv peress li, għal diversi snin, CCB ma kellhiex apparati simili suġġetti għal tali taxxa. Hija żżid li, meta CCB użat ulterjorment apparati identiċi f’dan it-territorju, hija kkontestat il-legalità tar-regolament fiskali tal‑15 ta’ Diċembru 2008 quddiem il-qrati Belġjani, li ddikjaraw li dan kien imur kontra l-kostituzzjoni u annullaw it-taxxi miġbura mingħand dan il-kompetitur għas-sena 2009. Hija tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għal sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tal‑4 ta’ Settembru 2018, li inċidentalment skopriet l-eżistenza tagħha u li ġiet ikkonfermata fl-istadju tal-appell b’sentenza tal-Cour de cassation (Belgique) (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju) tal‑1 ta’ Ottubru 2021 (59).

56.      Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li, bl-argumenti tagħha, JCDecaux fir-realtà qiegħda tipprova tikseb eżami mill-ġdid tal-fatti, mingħajr ma turi żnaturament tal-fatti mwettaq mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, it-tieni aggravju huwa infondat f’kull waħda miż-żewġ partijiet tiegħu. B’hekk, fir-rigward tal-ewwel parti, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kuntratt tal‑1999 ma jinkludi fih l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi għat-tneħħija awtomatika tal-apparati ta’ reklamar koperti mill-kuntratt tal‑1984. L-apparati installati skont il-kuntratt tal‑1984 u inklużi fl-Anness 10 baqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, anki wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal‑1999, iżda biss sad-dati ta’ tneħħija previsti f’dan l-anness. Dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, u li ġie ċċarat fil-punti 48 u 49 ta’ dik is-sentenza, huwa li JCDecaux kellha tħallas kirjiet għall-użu ta’ dawn l-aħħar imsemmija apparati, bħalma kien il-każ għall-użu ta’ dawk koperti mill-kuntratt tal‑1999. Għaldaqstant, il-konklużjoni fil-punt 30 tas-sentenza appellata hija fondata. Permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkunsidrat li l-apparati kontenzjużi miżmuma wara d-dati ta’ skadenza previsti kellhom ipso facto jaqgħu taħt is-sistema legali tal-kuntratt tal‑1999. Fir-rigward tat-tieni parti, il-Kummissjoni, qabelxejn, issostni li l-argument ta’ JCDecaux ibbażat fuq l-Artikolu 170(4) tal-Kostituzzjoni Belġjana huwa inammissibbli, peress li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx, matul il-proċedura prekontenzjuża, li r-regolamenti fiskali tal-Belt ta’ Brussell kienu jikkostitwixxu s-sistema ta’ riferiment. Sussegwentement, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għall-punt 63 tas-sentenza appellata, tiddikjara li ma kinitx naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016, iżda eskludiet ir-rilevanza tagħhom għall-analiżi tal-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, sa fejn dawn jirrigwardaw l-għamara urbana koperta mill-kuntratt tal‑1999 u li tappartjeni lill-Belt ta’ Brussell. Fl-aħħar, hija ssostni li l-fatt li CCB kienet ibbenefikat minn eżenzjoni fiskali f’komuni oħrajn tal-Belġju ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-vantaġġ ekonomiku li bbenefikat minnu JCDecaux.

 Evalwazzjoni

57.      Minbarra dak li ġie espost diġà fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell u li tali żnaturament ikun jeżisti meta, mingħajr ma jiġu prodotti provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (60). Ikun jeżisti wkoll meta l-Qorti Ġenerali tkun eċċediet manifestament il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi (61).

58.      F’dan il-każ, permezz tal-ewwel parti, JCDecaux issostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li “l-fatt li tkomplew jintużaw ċerti apparati inklużi fl-Anness 10 skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kuntratt tal‑1984 wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-istess anness [ippermettilha] tevita li tinstalla u tuża apparat ġdid li jaqa’ taħt il-kuntratt tal‑1999 u, konsegwentement, tħallas il-kirjiet u t-taxxi li hija kellha tħallas, skont dan l-aħħar kuntratt”, hija bbażata fuq żnaturament manifest tal-fatti u tal-kuntest ġuridiku applikabbli. Minn dan il-punt 30 jirriżulta li din il-konklużjoni hija bbażata fuq ir-raġunament fi tliet stadji segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata.

59.      F’dan ir-rigward, qabelxejn, fl-opinjoni tiegħi, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega JCDecaux, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żnaturament tal-fatti billi kkonstatat, fl-ewwel stadju, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li “huwa stabbilit bejn il-partijiet li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal‑1999, [hija] setgħet tistabbilixxi u tuża fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell għamara urbana biss fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi kuntratt, li skonthom hija kellha tħallas kera u taxxi”. Għall-kuntrarju, atti differenti tal-proċess juru b’mod ċar il-fondatezza ta’ din il-kunsiderazzjoni. Għaldaqstant, minn naħa, kif sejjer nesponi fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10, il-kuntratt tal‑1984 ma baqax applikabbli. Min-naħa l-oħra, mill‑1999, l-installazzjoni u l-użu ta’ apparati ġodda fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell setgħu jsiru biss fil-kuntest tas-sistema prevista mill-kuntratt tal‑1999. Dwar dan, huwa rilevanti li jiġi rilevat li, kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-Artikolu 1(g) tal-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt (62) kien jipprovdi favur l-offerent li jkun rebaħ is-sejħa għal offerti – f’dan il-każ JCDecaux – esklużività għall-użu tal-apparati ta’ reklamar fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell matul il-perijodu kollu ta’ dan il-kuntratt. Għaldaqstant setgħet tapplika biss is-sistema prevista mill-imsemmi kuntratt.

60.      Sussegwentement, inqis li JCDecaux ma turix li t-tieni stadju tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li skontu jirriżulta mill-“Anness 10 [li], b’deroga mill-klawżoli tal-kuntratt tal‑1999, l-apparati inklużi f’dan l-anness setgħu jkomplu jiġu użati [minnha] fil-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt tal‑1984, jiġifieri mingħajr ħlas la tal-kera u lanqas tat-taxxa, iżda biss sad-dati ta’ skadenza previsti mill-istess anness”, huwa bbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti jew tal-provi. Mill-argumenti ta’ JCDecaux jirriżulta li hija tikkontesta din il-kunsiderazzjoni biss sa fejn, fl-opinjoni tagħha, l-apparati inklużi fl-Anness 10 baqgħu suġġetti għas-sistema tal-kuntratt tal‑1984 sat-tneħħija effettiva tagħhom, anki jekk din kellha ssir wara dawn id-dati ta’ skadenza. Madankollu, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, l-ebda element fil-proċess ma jappoġġja, inqas u inqas b’mod manifest, tali teorija. Anzi għall-kuntrarju, uħud minn dawn l-elementi jikkontradixxuha b’mod dirett. Għaldaqstant infakkar li, fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2016, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li l-użu, minn JCDecaux, tal-apparati kontenzjużi wara d-dati ta’ skadenza rispettivi sar mingħajr ebda titolu u dritt, fatt li, fl-opinjoni tiegħi, jeskludi, bħala prinċipju, li dan l-użu seta’ jkun irregolat mill-kuntratt tal‑1984. Barra minn hekk, jidhirli li, għalkemm l-Anness 10 kien jipprevedi data ta’ skadenza partikolari għal kull wieħed mill-apparati speċifikati fih, dan kien hekk minħabba l-fatt li, sa mhux iktar tard minn din id-data, kull wieħed mill-apparati kkonċernati kellu jiġi rtirat mill-post tiegħu u li, minn dak il-mument, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal‑1984 ma kinux iktar applikabbli għalih. Fi kliem ieħor, kien biss sa dawn id-dati ta’ skadenza li l-apparati inklużi fl-Anness 10 setgħu jikkoeżistu flimkien ma’ dawk installati skont il-kuntratt tal‑1999 mingħajr tibdil tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għall-ewwel imsemmija apparati. Tali perspettiva, mhux talli ma tmurx kontra l-“prinċipji bażiċi tad-dritt kuntrattwali”, kif issostni JCDecaux, iżda jidhirli, fir-realtà, li hija l-unika soluzzjoni konformi ma’ dawn il-prinċipji.

61.      Fl-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, JCDecaux lanqas ma tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali, billi ddikjarat, fit-tielet stadju, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li, wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10, l-apparati inklużi f’dan l-anness “[kellhom jiġu ssostitwiti b’apparati] ġodda li jaqgħu taħt il-kuntratt tal‑1999, u għalhekk suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas tat-taxxi u tal-kera”, hija wettqet evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-provi. Fl-opinjoni tiegħi, dak li l-Qorti Ġenerali kellha l-ħsieb li tesprimi f’dawn it-termini, huwa sempliċement li, wara dawn id-dati, JCDecaux kellha, minn naħa, tkun irtirat l-apparati inklużi fl-Anness 10 u, min-naħa l-oħra, tkun installat apparati ġodda konformement mas-sistema tal-kuntratt tal‑1999. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, nippreċiża li mill-ordni li tifforma parti mill-kuntratt tal‑1999 jirriżulta li JCDecaux kienet obbligata li “tosserva bir-reqqa l-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt”, fosthom l-installazzjoni ta’ 280 biċċa ta’ għamara multimedjali għat-territorju kollu tal-Belt ta’ Brussell, u dan “fit-terminu ta’ 8 xhur kalendarju minn meta tirċievi l-ordni”. Għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara JCDecaux, jiena ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali, b’daqshekk, ikkunsidrat li kien jeżisti obbligu impost fuq JCDecaux li tissostitwixxi b’mod “awtomatiku” u “post b’post” kull wieħed mill-apparati kontenzjużi b’numru ekwivalenti ta’ apparati koperti mill-kuntratt tal‑1999 (63). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq tali ipoteżi fid-deċiżjoni kontenzjuża.

62.      Nikkunsidra li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 30 tas-sentenza appellata, u riprodotta fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija biss il-konsegwenza loġika tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 59 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet u għaldaqstant ma tistax tittieħed bħala li hija bbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti u tal-provi. Fl-opinjoni tiegħi, u għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara JCDecaux, il-Qorti Ġenerali, billi ddikjarat, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li din tal-aħħar setgħet għalhekk tevita li tħallas il-kirjiet u t-taxxi li kien ikollha tħallas skont il-kuntratt tal‑1999, ma ddeċidietx li l-apparati kontenzjużi miżmuma fil-post u użati wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10 kienu jaqgħu “ipso facto” taħt il-kuntratt tal‑1999. Kif iddikjarat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta, fuq il-livell legali, dawn l-apparati la kienu koperti mill-kuntratt tal‑1984 u lanqas mill-kuntratt tal‑1999. Jibqa’ madankollu l-fatt, kif dan ġie kkonstatat b’mod partikolari mill-qrati Belġjani, li l-apparati kontenzjużi li nżammu u ġew użati lil hinn mid-dati ta’ skadenza rispettivi tagħhom ġew hekk miżmuma u użati b’mod illegali. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni fattwali, li kienet tippermetti lil JCDecaux li tiġġenera dħul kbir minn reklamar mingħajr ma tħallas la kirjiet u lanqas taxxi, kien il-kompitu tal-Kummissjoni, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ vantaġġ, li tadotta, tant sabiex nuża l-frażi użata minn din tal-aħħar waqt is-seduta, “xenarju kontrafattwali” (64). Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma eċċedietx b’mod manifest il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-fatti u tal-provi billi vvalidat, f’dan ir-rigward, ix-“xenarju” indikat mill-Kummissjoni u li kien jikkonsisti fl-applikazzjoni, bħala riferiment, tad-dixxiplina fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti kontenzjużi, jiġifieri s-sistema legali tal-kuntratt tal‑1999. Infakkar, fil-fatt, li, fid-dawl tal-klawżola ta’ esklużività inkluża f’dan il-kuntratt, din kienet l-unika sistema applikabbli għall-użu, għal finijiet ta’ reklamar, ta’ apparati tat-tip ta’ dawk inkwistjoni fid-dominju pubbliku tal-Belt ta’ Brussell.

63.      Inżid li, kif irrilevaw il-Kummissjoni u CCB waqt is-seduta, il-fatt li, fil-kuntest tal-kuntratt tal‑1999, b’differenza mill-kuntratt tal‑1984, jitwettaq trasferiment tal-proprjetà tal-biċċiet ta’ għamara urbana favur il-Belt ta’ Brussell, ma huwiex fih innifsu determinanti fir-rigward tal-kwistjoni tal-ħlas tal-kirjiet. Fil-fatt, fil-kawża preżenti, dawn huma kirjiet, mhux għall-kiri vera u proprja tal-għamara urbana, iżda għall-użu ta’ mezzi għal finijiet ta’ reklamar fi spazju pubbliku (65).

64.      It-tieni parti hija diretta kontra l-punti 53, 54 u 56 tas-sentenza appellata u hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tas-sistema legali applikabbli fir-rigward tal-istabbiliment tas-sistema ta’ riferiment u t-tassazzjoni tal-użu tal-apparati kontenzjużi.

65.      Preliminarjament, ninnota li, kif ġara diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax b’mod ċar mill-argumenti ta’ JCDecaux żviluppati insostenn ta’ din it-tieni parti jekk hija tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku jew dawk marbuta man-natura selettiva tal-miżura (66). Jekk jiġi preżunt li jeħtieġ li tintgħażel it-tieni ipoteżi, jidhirli li l-konklużjoni, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li skontha l-argument ta’ JCDecaux għandu jiġi miċħud, peress li, ġaladarba din hija miżura individwali, is-selettività tal-vantaġġ ekonomiku huwa preżunt, tibqa’ fondata b’mod sħiħ (67). F’dan il-każ, ċertament għandna quddiemna għajnuna individwali, u mhux sistema ġenerali ta’ għajnuna.

66.      Fi kwalunkwe każ, inqis li JCDecaux ma pproduċiet l-ebda prova li turi b’mod manifest li, fil-punti kkritikati tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-dritt nazzjonali rilevanti jew li għamlet konstatazzjonijiet jew evalwazzjonijiet li jmorru kontra l-kontenut ta’ dan id-dritt.

67.      Fir-rigward tal-punt 54 tas-sentenza appellata, ma jidhirlix li jirriżulta mill-argumenti ta’ JCDecaux li hija tpoġġi f’dubju bħala tali l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx, matul il-proċedura prekontenzjuża, li r-regolamenti fiskali tal-Belt ta’ Brussell kienu jikkostitwixxu s-sistema fiskali ta’ riferiment. Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali, billi vvalidat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-għażla ta’ dawn ir-regolamenti fiskali bħala sistema ta’ riferiment, ma wettqitx evalwazzjoni li manifestament tmur kontra l-kontenut tal‑Artikolu 170(4) tal-Kostituzzjoni Belġjana. Għalkemm, ċertament, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-awtonomija fiskali tal-komuni fil-Belġju, b’tali mod li s-sistema ta’ tassazzjoni tal-użu tal-apparati ta’ reklamar tista’ tvarja minn komun għal ieħor, ma narax kif dan seta’ jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-każ preżenti, xejn ħlief il-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli fit-territorju tal-Belt ta’ Brussell.

68.      Fir-rigward tal-argument li JCDecaux tislet miż-żewġ sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016, jiena nikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni li skontha, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tinterpretax dawn tal-aħħar b’mod żbaljat, iżda teskludi r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. F’dawn is-sentenzi, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) ikkunsidrat li JCDecaux ma kinitx responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq l-apparati ta’ reklamar prevista mir-regolamenti fiskali tal‑20 ta’ Diċembru 2010 u tal‑5 ta’ Diċembru 2011 peress li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9 ta’ dawn ir-regolamenti fiskali kien jeżenta minn din it-taxxa l-apparati ta’ reklamar li jappartjenu lill-Belt ta’ Brussell. Madankollu, għalkemm l-apparati koperti mill-kuntratt tal‑1999 kienu effettivament proprjetà tal-Belt ta’ Brussell, dan ma kienx jgħodd ukoll għal dawk koperti mill-kuntratt tal‑1984, li kienu proprjetà ta’ JCDecaux. Fir-rigward tal-apparati kontenzjużi li din tal-aħħar żammet fil-post u kompliet tuża wara d-dati ta’ skadenza previsti fl-Anness 10, dawn jibqgħu proprjetà tagħha iżda, kif ġie espost fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-użu tagħhom ma kienx iktar irregolat mill-kuntratt tal‑1984. Għaldaqstant, sa mill-iskadenza tal-imsemmija dati ta’ skadenza, dawn kienu suġġetti għar-regolamenti fiskali adottati mill-Belt ta’ Brussell sa mis-sena 2001. Għaldaqstant, ma jistax jiġi attribwit lill-Qorti Ġenerali xi tip ta’ żnaturament manifest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jew tal-ġurisprudenza nazzjonali li tirrigwardaha.

69.      Fl-aħħar, jiena naqbel mal-Kummissjoni meta ssostni li ċ-ċirkustanza li, għal diversi snin, CCB ma kinitx suġġetta għall-ħlas ta’ taxxa fuq l-apparati ta’ reklamar li hija kienet tuża fit-territorju ta’ komuni oħrajn hija rrilevanti għall-analiżi tal-vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li bbenefikat minnu JCDecaux. Fi kliem ieħor, ma huwiex minħabba li CCB ibbenefikat, f’kull każ, minn eżenzjoni fiskali f’komuni oħrajn minbarra l-Belt ta’ Brussell li l-eżenzjoni fiskali mogħtija lil JCDecaux f’din l-aħħar imsemmija belt kellha ma tiġix ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ddiskutietx b’mod espress din il-kwistjoni fis-sentenza appellata ma huwiex suffiċjenti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ żnaturament manifest tal-fatti jew tal-kuntest ġuridiku applikabbli. Lanqas ma jista’ jikkostitwixxi tali żnaturament il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tal‑4 ta’ Settembru 2018, ikkonfermata fl-istadju tal-appell b’sentenza tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal‑1 ta’ Ottubru 2021, peress li ma jirriżultax mill-proċess li dawn is-sentenzi nġabu għall-konjizzjoni tagħha matul il-proċedura quddiemha.

70.      Fl-opinjoni tiegħi u fid-dawl ta’ dan li ntqal, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

 Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell kollu kemm hu u, konformement mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tikkundanna lil JCDecaux Street Furniture Belgium għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea. Clear Channel Belgium, intervenjenti fl-ewwel istanza, ipparteċipat fil-fażi orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda ma talbitx il-kundanna ta’ JCDecaux għall-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi deċiż li hija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, JCDecaux Street Furniture Belgium vs Il-Kummissjoni (T‑642/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:503).


3      ĠU 2019, L 320, p. 119; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”.


4      B’mod iktar speċifiku, kif jirriżulta mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kontenzjuża, “[i]ż-żewġ kuntratti jirrelataw mal-installazzjoni ta’ għamara urbana bi ħlas minn apparat ta’ reklamar b’daqs ta’ bejn wieħed u ieħor 2 m2, li jikkostitwixxi l-mezz li jista’ jirċievi reklamar […]”. Dawn l-apparati kienu ġeneralment jinkludu żewġ faċċati, b’tali mod li faċċata minnhom kienet intiża għall-wiri tar-reklamar u l-faċċata l-oħra kienet irriżervata għall-Belt ta’ Brussell għall-provvista ta’ informazzjoni amministrattiva u soċjokulturali.


5      Konsegwentement, fl‑1999, meta skada l-kuntratt tal‑1984, ċertu numru ta’ apparati kopert mill-kuntratt tal‑1984 seta’ jibqa’ jintuża sat-tmiem tal-perijodu ta’ użu tagħhom ta’ 15-il sena.


6      Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, sejjer isir riferiment għal dan l-arranġament bil-frażi “mekkaniżmu ta’ kumpens”. JCDecaux esprimiet ruħha f’dan l-istess sens fl-osservazzjonijiet tagħha, billi enfasizzat, b’mod partikolari, li l-użu tal-apparati kontenzjużi ma kienx irregolat mill-kuntratt tal‑1999 u li ż-żamma ta’ dawn tal-aħħar saret fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal‑1984 mingħajr l-inqas trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi. Hija sostniet ukoll li la l-apparati koperti mill-kuntratt tal‑1984 u lanqas dawk koperti mill-kuntratt tal‑1999 ma kienu suġġetti għal taxxa.


7      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, CCB sostniet li l-vantaġġ ekonomiku li bbenefikat minnu JCDecaux minħabba l-użu tal-apparati kontenzjużi wara d-dati ta’ skadenza rispettivi tagħhom kien jeċċedi s-somma ta’ EUR 2 150 000, mhux miżjuda bl-interessi.


8      ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 654.


9      ĠU 2015, L 248, p. 9.


10      Premessa 84 tad-deċiżjoni kontenzjuża


11      Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016 (C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punti 41 sa 44).


12      Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003 (C‑280/00, EU:C:2003:415).


13      Premessa 89 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


14      ĠU 2016, C 262, p. 1.


15      Premessi 91 u 93 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


16      Premessa 94 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


17      Sentenza tal-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016 (id‑Disa’ Awla) fil-kuntest tal-Kawża 2011/AR/140.


18      Premessa 132 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


19      Premessa 134 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


20      Premessa 137 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-regolamenti fiskali inkwistjoni huma msemmija fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 46 u 49 ta’ din id-deċiżjoni. Ara wkoll il-punt 56 tas-sentenza appellata.


21      Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003 (C‑280/00, EU:C:2003:415).


22      ĠU 2012, C 8, p. 15.


23      ĠU 2012, L 7, p. 3.


24      Punt 42 tas-sentenza appellata.


25      Punti 24 sa 26 tas-sentenza appellata.


26      Punt 28 tas-sentenza appellata.


27      Punt 29 tas-sentenza appellata.


28      Punt 30 tas-sentenza appellata.


29      Punt 31 tas-sentenza appellata.


30      Punti 34 sa 36 tas-sentenza appellata.


31      Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016 (C‑211/15 P, EU:C:2016:798).


32      Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003 (C‑280/00, EU:C:2003:415). Il-Qorti Ġenerali eżaminat f’iktar dettall il-kwistjoni tal-kundizzjonijet stabbiliti mill-ġurisprudenza naxxenti minn din is-sentenza fil-punti 66 sa 75 tas-sentenza appellata. Hija ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kuntratt tal‑1984 kien kuntratt purament kummerċjali, b’tali mod li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma kinitx issodisfatta.


33      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Punti 37 sa 41 tas-sentenza appellata.


35      Punt 65 tas-sentenza appellata.


36      Punti 48 u 49 tas-sentenza appellata.


37      Punt 53 tas-sentenza appellata.


38      Punt 54 tas-sentenza appellata.


39      Punt 61 tas-sentenza appellata.


40      Sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016 (RG 2012/9807/A + 2012/9808/A u RG 2012/14576/A u 2014/5965/A).


41      Punt 63 tas-sentenza appellata.


42      Punt 93 tas-sentenza appellata.


43      Punt 95 tas-sentenza appellata.


44      Mis-sentenza tal-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tad‑29 ta’ April 2016 jirriżulta li, bir-riferiment għat-“teorija tal-interverżjoni”, JCDecaux riedet tispjega li hija kienet “żammet biss ċerti biċċiet mill-għamara l-antika wara d-data ta’ skadenza tagħhom sabiex tikseb kumpens għas-sostituzzjoni qabel iż-żmien ta’ għamara antika li setgħet tinżamm, b’għamara ġdida”.


45      F’dan ir-rigward, JCDecaux tindirizza, b’mod iktar partikolari, il-punti 83 sa 89 tas-sentenza appellata.


46      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni (C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Punti 17 sa 76 tas-sentenza appellata.


49      Moniteur belge tad‑29 ta’ Awwissu 1991.


50      Fis-sentenza tagħha, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) irrilevat b’mod partikolari li “l-installazzjoni ta’ għamara urbana fid-dominju pubbliku u l-użu tagħha għal finijiet ta’ reklamar jirrikjedu l-awtorizzazzjoni tal-awtorità pubblika, liema awtorizzazzjoni tista’ tkun espressa f’diversi forom; fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni, l-installazzjoni u l-użu isiru mingħajr titolu u dritt u għaldaqstant huma illegali”. Hija fakkret ukoll li “[k]ull apparat huwa s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni maħruġa għal post u għal perijodu partikolari” u li “[l-] awtorizzazzjonijiet u l-apparati ma humiex interkambjabbli skont kif jidhirlu l-proprjetarju tagħhom”. Barra minn hekk, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tosserva li “CCB [indirizzat] l-azzjoni tagħha kontra [JCDecaux], awtrici tal-prassi kontenzjuża, u mhux kontra l-Belt ta’ Brussell” u li “s-suġġett ta’ din il-kawża [ma kienx] li jiġi mistħarreġ il-mod kif [din tal-aħħar kienet eżegwixxiet] il-kuntratt tal‑1984 u tal-kuntratt pubbliku tal‑1999”.


51      Fis-sentenza tagħha tad‑29 ta’ April 2016, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tenfasizza li hija “ma għandhiex teżamina jekk [JCDecaux] irċevietx xi għajnuna mill-Istat u lanqas li tivvalorizzaha”.


52      Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑480/98, EU:C:2000:559, punti 19 sa 21). Ara wkoll il-punt 68 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE.


53      Sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003 (C‑280/00, EU:C:2003:415).


54      Ara l-punti 25, 26, 28 sa 41, u 68 sa 75 tas-sentenza appellata. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, JCDecaux ma tpoġġix f’dubju l-kunsiderazzjonijiet li bihom il-Qorti Ġenerali b’hekk eskludiet ir-rilevanza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens allegat.


55      Skont JCDecaux, il-Belt ta’ Brussell setgħet l-iktar l-iktar titlob b’mod ġudizzjarju t-tneħħija tal-apparati kontenzjużi u/jew kumpens għad-dannu. Barra minn hekk, hija setgħet tiġbor mingħand JCDecaux it-tariffa li hija stabbilixxiet speċifikament fis‑17 ta’ Settembru 2001 f’każ ta’ okkupazzjoni tad-dominju pubbliku tagħha għal finijiet kummerċjali.


56      F’dan ir-rigward, JCDecaux tirrileva li l-evoluzzjoni tal-postijiet fuq il-mappa loġistika u r-regolamentazzjoni urbanistika spiss jirrikjedu li jinstabu postijiet ġodda.


57      Skont din id-dispożizzjoni, “[l]-ebda tariffa, l-ebda taxxa ma tista’ tiġi stabbilita permezz tal-agglomerazzjoni, mill-federazzjoni tal-komuni u mill-komuni ħlief b’deċiżjoni tal-kunsill tagħhom”.


58      Sentenzi tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tal‑4 ta’ Novembru 2016 (RG 2012/9807/A + 2012/9808/A u RG 2012/14576/A u 2014/5965/A).


59      Sentenza n°F.19.0012.F tal-Cour de cassation belge (il-Qorti tal-Kassazzjoni Belġjana) tal‑1 ta’ Ottubru 2021 (BE:CASS:2021:ARR.20211001.1F.7).


60      Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, PV vs Il‑Kummissjoni (C‑640/20 P, EU:C:2023:232, punti 77 u 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


61      Sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 79), u tas‑16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni (C‑90/15 P, EU:C:2017:123, punt 48).


62      Li kien jipprovdi kif ġej: “Matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha timpenja ruħha sabiex ma titlobx li jiġu eżegwiti u lanqas [li] tawtorizza servizzi li jirrigwardaw għamara mgħammra b’mezzi ta’ reklamar, identiċi jew analogi għal dawk deskritti f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet speċifiċi tal-kuntratt, minn imprendituri oħrajn jew mid-dipartimenti tagħha stess, u dan fir-rigward tat-territorju kollu tagħha”.


63      Nirrileva li huwa previst ukoll, fl-ordni, li “[f]il-każ ta’ sostituzzjoni tal-għamara eżistenti b’mudell ġdid ta’ xelters għall-passiġġieri u ta’ għamara multimedjali, [JCDecaux hija obbligata] li twettaq ix-xogħlijiet ta’ sostituzzjoni f’terminu ta’ 48 sa 72 siegħa skont il-kundizzjonijiet klimatiċi”. Hemm mehmuża ma’ din l-ordni, anness li fih “huma inklużi l-listi ddettaljati tal-postijiet tax-xelters għall-passiġġieri kif ukoll dawk tal-għamara multimedjali installata, u dan bil-ħsieb li [JCDecaux] tkun tista’ tistabbilixxi l-proposta [tagħha] ta’ installazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni mal-għamara eżistenti u tad-dati ta’ tneħħija tal-apparati installati fil-post”.


64      Ara l-punt 67 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE: “Biex jiġi vvalutat dan, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża wara l-miżura għandha tiġi mqabbla mas-sitwazzjoni finanzjarja kieku l-miżura ma tkunx ittieħdet”.


65      Waqt is-seduta, CCB iddikjarat, mingħajr ma ġiet kontradetta minn JCDecaux, li din tal-aħħar kienet tuża għal finijiet ta’ reklamar, fit-territorju tal-komun ġar ta’ Uccle (il-Belġju), apparati installati fuq għamara urbana li kienu proprjetà tagħha u kienet tħallas kirjiet għal dan l-użu.


66      Fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet diġà ifformulat tali kumment. JCDecaux kienet wieġbet, fir-replika, li l-argumenti tagħha ma kinux marbuta man-natura selettiva tal-miżura u li, permezz tar-rikors, hija “[kienet tikkontesta] sempliċement u b’mod ċar ir-rilevanza tal-użu mill-Kummissjoni tar-regolament fiskali tal‑2001 fuq l-apparati tar-reklamar tal-belt sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ favur JCDecaux (quod non) u bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li possibbilment għandha tiġi rkuprata mill-Istat Belġjan”.


67      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60).