Language of document : ECLI:EU:C:2021:907

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Novembru 2021 (*)

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000

Id-Direttiva 2004/38

Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011

Id-dritt tar-Renju Unit

Regoli dwar l-effett tal-falliment fuq id-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni awtorizzati

Regoli dwar l-effett tal-falliment fuq id-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni mhux awtorizzati

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-libertà ta’ stabbiliment

Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

Fuq il-proporzjonalità tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

Fuq l-ispejjeż


“Rinviju preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24(1) – Leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li tissuġġetta l-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, mill-massa fallimentari ta’ drittijiet għall-pensjoni misluta minn skema ta’ pensjoni għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, għall-finijiet tat-taxxa, tal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni – Impożizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit fi proċedura ta’ insolvenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex jeżerċita, b’mod permanenti, attività għal rasu fir-Renju Unit – Drittijiet għall-pensjoni misluta minn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni minn skema ta’ pensjoni stabbilita u awtorizzata għall-finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu – Esklużjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-pensjoni mill-benefiċċju tal-imsemmija esklużjoni mill-massa fallimentari – Applikazzjoni għal dawn id-drittijiet għall-pensjoni ta’ skema ta’ esklużjoni mill-massa fallimentari nettament inqas vantaġġuża għall-persuna li tkun falliet”

Fil-Kawża C‑168/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (business and property courts, insolvency and companies list) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Qrati Kummerċjali u tal-Proprjetà, Reġistru tal-Insolvenzi u tal-Kumpanniji), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2020, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2020, fil-proċedura

BJ, li qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ amministratur tal-falliment ta’ is-sur M,

OV, li qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ amministratur tal-falliment ta’ M

vs

Is-sinjura M,

MH,

ILA,

Is-sur M,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla li qiegħdha taġixxi bħala Presidenta tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BJ u OV, li qegħdin jaġixxu fil-kwalità ta’ amministraturi tal-falliment tas-sur M, minn D. J. Rhee, QC, C. Harrison, barrister, u I. Gill, solicitor,

–        għas-sinjura M, MH, ILA u għas-sur M, minn G. Peretz, QC, J. Briggs, barrister, u S. Gilchrist, solicitor,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, L. Malferrari u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 49 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BJ u OV, li qegħdin jaġixxu fil-kwalità ta’ amministraturi tal-falliment tas-sur M (iktar ’il quddiem l-“amministraturi”) u s-sinjura M, MH, ILA u s-sur M (iktar ’il quddiem, flimkien, “M et ”) fir-rigward tat-talba mill-amministraturi, favur il-massa fallimentari, tad-drittijiet għall-pensjoni tas-sur M, ċittadin Irlandiż, misluta minn skema ta’ pensjoni stabbilita fl-Irlanda u awtorizzata abbażi tad-dritt fiskali Irlandiż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

4        Skont kliem l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli”:

“1.      Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-“Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti”.

2.      Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

b)      l-assi li jiffurmaw parti mill-propjetà [li huma s-suġġett tal-ispussessar] u t-trattament ta’ l-assi meħtieġa minn jew li jmissu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment;

[…]”.

5        Ir-regolament Nru 1346/2000 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19 bir-rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biss ir-Regolament Nru 1346/2000 s’li huwa applikabbli ratione temporis għall-imsemmi każ.

 Id-Direttiva 2004/38

6        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali [Ugwaljanza fit-trattament]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali [ugwaljanza fit-trattament] bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. […]”.

 Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011

7        Il-premessa 1 tar-regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), hija fformulata kif ġej:

“Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità [(ĠU 1968, L 257, p. 2),] ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.”

8        Skont kliem l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba n-nazzjonalità tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

 Regoli dwar l-effett tal-falliment fuq id-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni awtorizzati

9        Il-Welfare Reform and Pensions Act 1999 (il-Liġi tal-1999 li Tirriforma l-Protezzjoni Soċjali u l-Pensjonijiet, iktar ’il quddiem il-“WRPA 1999”), li daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Mejju 2000, tipprevedi, fl-Artikolu 11 tagħha:

“Effett tal-falliment fuq id-drittijiet għall-pensjoni: l-iskemi awtorizzati

(1)      Meta jingħata digriet ta’ falliment kontra persuna wara applikazzjoni għal falliment jew petizzjoni ppreżentata wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-artikolu, kull drittijiet li hija għandha taħt skema ta’ pensjoni awtorizzata huma esklużi mill-massa fallimentari tagħha.

(2)      F’dan l-artikolu, ‘skema ta’ pensjoni awtorizzata’ tfisser:

(a)      skema ta’ pensjoni rreġistrata taħt l-Artikolu 153 tal-Finance Act 2004 [il-Liġi tal-Finanzi tal-2004];

[…]

(h)      kull arranġamenti ta’ pensjoni ta’ kull tip li jistgħu jkunu previsti minn regolamenti adottati mis-Sectetary of State [is-Segretarju għall-Istat];

[…]”.

10      Dwar l-Iskemi ta’ pensjoni awtorizzati, l-amministraturi jistgħu, abbażi tal-Artikolu 15 tal-WRPA 1999, jitolbu quddiem qorti l-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ pensjoni meqjusa bħala “eċċessivi”.

11      L-Occupational and Personal Pension Schemes (Bankruptcy) (no 2) (Regulations) 2002 [ir-Regolamenti Nru 2 tal-2002 dwar Skemi ta’ Pensjoni Professjonali u Personali (falliment)] (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti 2/2002”) jipprevedu, fl-Artikolu 2(1)(c) tagħhom:

“Arranġamenti ta’ pensjoni inkwistjoni:

(1)      L-arranġamenti inkwistjoni għall-finijiet tal-Artikolu 11(2)(h) tal-[WRPA 1999] (l-“iskemi ta’ pensjoni awtorizzati”) huma arranġamenti […]

[…]

(c)      li għalihom japplika l-Artikolu 308A tal-[Income Tax (Earnings and Pensions) Act 2003] [l-Att tal-2003 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Remunerazzjonijiet u Pensjonijiet)] (eżenzjoni ta’ kontribuzzjonijiet għal skema ta’ pensjoni barranija);

[…]”.

12      L-Artikolu 308A tal-Income Tax (Earnings and Pensions) Act 2003 [l-Att tal-2003 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Remunerazzjonijiet u Pensjonijiet)], iktar ’il quddiem l-“ITEPA”] jipprevedi:

“Eżenzjoni ta’ kontribuzzjonijiet għal skema ta’ pensjoni barranija

(1)      Ma hemm ebda responsabbiltà għat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ remunerazzjoni fil-każ fejn il-persuna li timpjega tħallas kontribuzzjonijiet taħt skema ta’ pensjoni barranija li tissodisfa l-kundizzjonijiet fir-rigward ta’ impjegat li huma membru migrant rilevanti ta’ skema ta’ pensjoni.

(2)      Fis-subartikolu (1)

“skema ta’ pensjoni barranija li tissodisfa l-kundizzjonijiet” u

“membru migrant rilevanti”

għandhom l-istess tifsira bħal dik fl-Iskeda 33 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 (skemi ta’ pensjoni barranin: benefiċċju għall-membru migrant).”

13      Il-kunċett ta’ “skema ta’ pensjoni barranija” (“overseas pension scheme”), fis-sens tal-Artikolu 308A tal-ITEPA, huwa ddefinit fl-Artikolu 150(7) tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 kif ġej:

“[…] “skema ta’ pensjoni barranija” tfisser skema ta’ pensjoni (apparti minn skema ta’ pensjoni rreġistrata) li

(a)      hija stabbilita f’pajjiż jew f’territorju barra mir-Renju Unit, u

(b)      tissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti għall-finijiet ta’ dan is-subartikolu permezz ta’ regolamenti adottati mill-Bord of Inland Revenue [il-Bord tad-Awtorità tat-Taxxa].”

14      Il-Pension Schemes (Categories of Country and Requirements for Overseas Pension Schemes and Recognised Overseas Pension Schemes) Regulations 2006 [ir-Regolamenti tal-2006 dwar skemi ta’ pensjoni (Kategoriji ta’ Pajjiż u Rekwiżiti għal Skemi ta’ Pensjoni Barranin u l-Iskemi ta’ Pensjoni Barranin Rikonoxxuti)] kienu jipprevedu li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 150(7)(b) tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 huma ssodisfatti jekk, b’mod partikolari, l-iskema hija waħda ta’ pensjoni professjonali, jekk, fil-pajjiż jew fit-territorju li fiha din ġiet stabbilita, jeżisti korp li jikkontrolla l-iskemi ta’ pensjoni professjonali u li jikkontrolla l-iskema inkwistjoni u jekk l-iskema hija rikonoxxuta għall-finijiet tat-taxxa.

15      Sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ pensjoni barranija li tissodisfa l-kundizzjonijiet” (qualifying overseas pension scheme), fis-sens tal-Artikolu 308A tal-ITEPA u, għalhekk, sabiex tkun tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, skema ta’ pensjoni barranija għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 5 tal-Iskeda 33 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 li l-paragrafu wieħed tiegħu jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din l-iskeda, skema ta’ pensjoni barranija hija skema ta’ pensjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet jekk:

(a)      l-amministratur ikun innotifika lid-Awtorità tat-Taxxa li l-iskema hija skema ta’ pensjoni barranija u jkun ipproduċa provi li din hija skema ta’ pensjoni barranija kif jista’ jkun rikjest mill-Awtorità tat-Taxxa,

(b)      l-amministratur tal-iskema jkun impenja ruħu mal-Awtorità tat-Taxxa li jinformaha jekk l-iskema ma tibqax tkun skema ta’ pensjoni barranija,

(c)      l-amministratur tal-iskema jkun impenja ruħu mal-Awtorità tat-Taxxa li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti kollha dwar l-informazzjoni prevista għall-kristalizzazzjoni tal-benefiċċju imposti fuq l-amministratur tal-iskema, […]

[…]”.

 Regoli dwar l-effett tal-falliment fuq id-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni mhux awtorizzati

16      L-Artikolu 12 tal-WRPA 1999 jipprevedi:

“Effett tal-falliment fuq id-drittijiet għall-pensjoni: l-Iskemi mhux awtorizzati

(1)      Is-Segretarju għall-Istat jista’ jipprevedi dispożizzjonijiet, permezz ta’ regolamenti, li d-drittijiet li persuna tislet minn skema ta’ pensjoni mhux awtorizzata, fil-każ ta’ digriet ta’ falliment maħruġ kontra dik il-persuna, jiġu esklużi mill-massa fallimentari tagħha […]

(2)      Regolamenti adottati taħt dan l-artikolu jistgħu, b’mod partikolari, jipprevedu:

(a)      li drittijiet misluta minn skema ta’ pensjoni mhux awtorizzata jiġu esklużi mill-massa tal-beni tal-individwu,

(i)      permezz ta’ digriet maħruġ fuq talba tiegħu mressqa quddiem qorti maħtura, jew

(ii)      konformament ma ftehim li jissodisfa l-kundizzjonijiet konkluż bejnu u bejn it-trustee fil-falliment;

(b)      li d-deċiżjoni tal-qorti jekk toħroġx l-imsemmi digriet fir-rigward ta’ persuna għandha tittieħed b’riferiment għall-

(i)      bżonnijiet probabbli ġejjiena tal-persuna u tal-familja tagħha, u

(ii)      probabbiltà li huwa jirċievi benefiċċji (fil-forma ta’ pensjoni jew f’forma oħra) abbażi ta’ drittijiet li huwa għandu taħt arranġamenti oħra ta’ pensjoni u (jekk ikun il-każ) kemm huwa probabbli li dawn il-benefiċċji x’aktarx ikunu xierqa sabiex jissodisfaw dawn il-bżonnijiet; […]”.

17      Konformement mal-Artikolu 12(2) tal-WRPA 1999, l-Artikoli 4 sa 6 tar-Regolamenti 2/2002 jippermettu li l-persuna li tkun falliet titlob lill-qorti li quddiema tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza teskludi totalment jew parzjalment mill-massa fallimentari tagħha d-drittijiet li hija tislet minn skema ta’ pensjoni mhux awtorizzata, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet li din il-persuna jew il-familja tagħha jista’ jkollhom fil-ġejjieni, jew li mal-amministratur tiegħu jinnegozja ftehim li jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu effett simili.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Qabel ma ġie ddikjarat fallut, is-sur M kien jeżerċita l-attività tiegħu ta’ promotur ta’ proprjetà immobbli prinċipalment, jekk mhux esklużivament, fl-Irlanda, u dan permezz ta’ MMC, kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Irlandiż.

19      Fl-2002, din il-kumpannija stabbilixxiet, bħala korrispettiv għall-ħlas, mis-sur M, ta’ premium ta’ darba ta’ EUR 6 161 256, skema ta’ pensjoni professjonali fil-forma ta’ assigurazzjoni sottoskritta m’ILA u irregolata mid-dritt Irlandiż, li abbażi tagħha kellhom jitħallsu benefiċċji fid-data tal-irtirar tas-sur M jew tal-mewt prematura tiegħu.

20      Fis-16 ta’ Lulju 2009, is-sur M u s-sinjura M stabbilixxew S Industries, kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Irlandiż, li tagħha s-sur M kien amministratur sal-14 ta’ April 2012 kif ukoll impjegat mill-1 ta’ Diċembru 2009 sal-31 ta’ Jannar 2011.

21      Permezz ta’ att awtentiku tal-31 ta’ Awwissu 2009, S Industries stabbilixxiet skema ta’ pensjoni, irregolata mid-dritt Irlandiż, li minnha seta’ jibbenefika l-persunal ta’ din il-kumpannija iżda fejn fir-realtà l-uniċi benefiċjarji kienu s-sur M, is-sinjura M u binhom RM (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

22      Din l-iskema ġiet ikkonċepita speċifikament sabiex tkun tista’ tiġi awtorizzata bħala skema ta’ benefiċċji tal-irtirar hekk kif iddefinita mid-dritt fiskali Irlandiż.

23      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2009, l-awtoritajiet tat-taxxa Irlandiżi informaw lil MH li din l-iskema kienet ġiet awtorizzata bħala skema ta’ benefiċċji tal-irtirar għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali Irlandiża, b’effett mit-30 ta’ Awwissu 2009.

24      Permezz ta’ att ta’ trasferiment tas-7 ta’ Diċembru 2009, MMC ittrasferiet l-assigurazzjoni sottoskritta m’ILA lil MH, lis-sur M u lis-sinjura M bħala amministraturi tal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex din l-iskema tiżgura li s-sur M ikollu pensjoni li tkun xierqa fid-dawl tal-assigurazzjoni sottoskritta. Minħabba dan il-fatt, l-imsemmija assigurazzjoni ġiet integrata fl-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      Fix-xahar ta’ Novembru 2010, wara l-waqa’ tas-suq tal-proprjetà immobbli Irlandiż, MMC tqiegħdet taħt likwidazzjoni fl-Irlanda fuq talba tan-National Asset Management Agency (l-Aġenzija Nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Assi, l-Irlanda) li kienet xtrat id-dejn li din il-kumpannija kellha mal-Bank tal-Irlanda.

26      Mix-xahar ta’ Frar 2011, is-sur M għex parzjalment f’Londra (ir-Renju Unit). Mix-xahar ta’ Lulju 2011, is-sur M u s-sinjura M ittrasferrixew ruħhom b’mod permanenti lejn Londra.

27      Matul perijodu sal-31 ta’ Awwissu 2011, l-amministraturi tal-skema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali wettqu diversi pagamenti favur is-sur M, sa fejn dan kien laħaq l-età ta’ 60 sena fl-2010. Ebda kontribuzzjoni ma ġiet imħallsa f’din l-iskema f’isem is-sur M jew is-sinjura M wara li dawn ittrasferixxew ruħhom lejn ir-Renju Unit.

28      Fil-mument tat-trasferiment tiegħu lejn ir-Renju Unit, is-sur M kellu dejn personali kunsiderevoli b’mod partikolari fil-konfront tal-Aġenzija Nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Assi, fejn l-ammont totali tal-krediti ta’ piż fuq il-patrimonju tiegħu kien jaqbeż, skont l-amministraturi, il-biljun Ewro.

29      Permezz ta’ att tas-26 ta’ Lulju 2011, is-sur M tneħħa mill-mandat tiegħu ta’ amministratur tal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, MH u s-sinjura M baqgħu l-uniċi amministraturi ta’ din l-iskema.

30      Mix-xahar ta’ Awwissu 2011, is-sur M kerha uffiċji f’Londra sabiex jeżerċita attivitajiet ta’ konsulenza fi tranżazzjonijiet u f’kostruzzjonijiet ta’ proprjetà immobbli fir-Renju Unit.

31      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2012, il-konsulent fiskali tas-sur M informa lill-awtoritajiet tat-taxxa Irlandiżi li dan tal-aħħar kien attwalment residenti f’Londra u ppreżenta lill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit kemm id-dikjarazzjoni tal-VAT tas-sur M għall-perijodu li jagħlaq fil-31 ta’ Lulju 2012 kif ukoll id-dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu għall-perijodu li jagħlaq fil-5 ta’ April 2012.

32      Fit-13 ta’ April 2012, S Industries ġiet irreġistrata abbażi tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, jiġifieri tal-Companies Act 2006 (il-Liġi tal-2006 tar-Renju Unit dwar il-kumpanniji) bħala kumpannija barranija li stabbilixxiet stabbiliment fir-Renju Unit. Mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din il-kumpannija jirriżulta li d-data tal-ftuħ ta’ dan l-istabbiliment kienet l-1 ta’ Diċembru 2011, li s-sede tiegħu kienet tinsab f’Londra u li s-sur M kien l-amministratur tiegħu u li s-sinjura M kienet kemm l-amministratriċi kif ukoll is-segretarja tal-kumpannija.

33      Fit-2 ta’ Novembru 2012 is-sur M ġie ddikjarat fallut mill-High Court of Justice (England & Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) fuq petizzjoni tal-istess ġurnata ppreżentata minn dan tal-aħħar.

34      Permezz ta’ talba mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju fl-1 ta’ Novembru 2018, l-amministraturi talbu, favur il-massa fallimentari, id-drittijiet relatati mal-assigurazzjoni inkluża fl-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-amministraturi, din l-assigurazzjoni kellha, fid-19 ta’ Awwissu 2020, valur ta’ EUR 8 462 870.24, fatt li s-sur M jikkontesta.

35      Fid-difiża tagħhom, is-sur M et sostnew li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21, 45 u 49 TFUE, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, jimponi li d-drittijiet misluta mill-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu esklużi mill-massa fallimentari inkwantu drittijiet misluta minn skema ta’ pensjoni awtorizzata previsti fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999. Sussidjarjament, huma jitolbu li l-qorti tar-rinviju tordna l-esklużjoni tal-imsemmija drittijiet mill-massa fallimentari abbażi tal-Artikolu 12 tal-WRPA 1999.

36      Il-qorti tar-rinviju tosserva, qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa paċifiku li l-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx irreġistrata mal-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 153 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 u li għalhekk l-imsemmija skema ta’ pensjoni ma tikkostitwixxix skema ta’ pensjoni awtorizzata, hekk kif previst fl-Artikolu 11(2)(a) tal-WRPA 1999 fejn id-drittijiet huma esklużi mill-massa fallimentari abbażi tal-Artikolu 11(1).

37      Dik il-qorti barra minn hekk tindika li l-għan tal-Artikoli 11 sa 16 tal-WRPA 1999 huwa li d-drittijiet għall-pensjoni jkunu kkonċepiti u l-vantaġġ fiskali relatat magħhom jingħata sabiex jingħata sostenn finanzjarju lill-individwi fil-kuntest tal-irtirar ġejjieni tagħhom u mhux li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-kredituri fil-każ ta’ falliment tal-individwi qabel l-irtirar tagħhom u li, ħlief għal każijiet ta’ kontribuzzjonijiet imsejjħa “eċċessivi”, dawn id-drittijiet jiġu esklużi mill-massa fallimentari.

38      L-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 hija, b’mod ġenerali, limitata għall-iskemi awtorizzati fiskalment peress li waħda mill-karatteristiċi ta’ dawn l-iskemi hija li l-benefiċċji li jistgħu jitħallsu abbażi tagħhom huma limitati.

39      Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji li jistgħu jitħallsu abbażi ta’ skemi mhux awtorizzati, hekk kif previsti fl-Artikolu 12 tal-WRPA 1999, ma humiex limitati, u dan jista’, skont il-qorti tar-rinviju, jispjega r-raġuni li għaliha dawn ma humiex esklużi mill-massa fallimentari b’mod sħiħ iżda biss sal-ammont tal-bżonnijiet raġonevoli tal-persuna li tkun falliet u tal-familja tagħha u permezz tal-kunsens tal-amministraturi tal-falliment jew ta’ qorti li għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

40      Ir-reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 153 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 ta’ skema ta’ pensjoni barranija bħall-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li twassal għall-esklużjoni mill-massa fallimentari tad-drittijiet misluta minn din l-iskema abbażi tal-Artikolu 11(1) tal-WRPA 1999 hija, bħala prinċipju, possibbli. Din tagħti lok għal vantaġġi fiskali, bħall-eżenzjoni fiskali tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema kif ukoll tad-dħul u tal-valuri addizzjonali tiegħu, iżda tkun tippreżenta wkoll inkonvenjenti, bħal, b’mod partikolari, il-limitazzjoni tal-ħlasijiet li jistgħu jitwettqu mill-iskema mingħajr ma jiġi ġġenerat dejn fiskali.

41      B’konsegwenza ta’ dan, tali reġistrazzjoni ma tikkostitwixxix sempliċi formalità iżda proċess li jġib miegħu konsegwenzi sostanzjali.

42      Barra minn hekk huwa evidenti li huwa iktar probabbli li ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, iktar milli ċittadini tar-Renju Unit, ikunu kisbu drittijiet għall-pensjoni li jaqgħu taħt skemi li ma humiex irreġistrati abbażi tal-Artikolu 153 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004.

43      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li jista’ jkun li l-amministraturi ta’ skema ta’ pensjoni stabbilita b’tali mod li tissodisfa r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni imposti mil-leġiżlazzjoni fiskali Irlandiża, bħall-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunux neċessarjament iridu li din l-iskema tkun tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni imposti mil-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit.

44      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, ladarba tkun tissodisfa r-rekwiżiti imposti mir-Regolamenti tal-2006 msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, l-iskema ta’ pensjoni, b’mod partikolari jekk din tkun skema ta’ pensjoni professjonali li hija kontrollata minn korp stabbilit fil-pajjiż jew fit-territorju li fiha din ġiet stabbilita, tista’ tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ pensjoni barranija”, fis-sens tal-Artikolu 150(7) tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004.

45      Madankollu, fil-każ fejn l-amministraturi tal-iskema ta’ pensjoni kkonċernati ma jkunux bdew il-proċess neċessarju sabiex din l-iskema tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 5.1 tal-Iskeda 33 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004, dwar, b’mod partikolari, in-notifika tal-iskema lill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit, il-produzzjoni tal-prova, quddiem dawn l-awtoritajiet, li din hija skema ta’ pensjoni u l-impenn tal-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti ta’ informazzjoni lill-imsemmija awtoritajiet, l-imsemmija skema ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ pensjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 308A tal-ITEPA, b’tali mod li d-drittijiet misluta minn din l-iskema ma jkunux esklużi mill-massa fallimentari abbażi tal-Artikolu 11(1) tal-WRPA 1999.

46      Għalkemm, ċertament, ma kienx diffiċli li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti, u ma kinux jimplikaw, fil-prattika, l-osservanza ta’ rekwiżiti partikolarment ħorox, ma hemmx, b’mod ġenerali, wisq interess għall-amministraturi ta’ skema ta’ pensjoni li jibdew il-proċess neċessarju sabiex din tista’ ssir “skema ta’ pensjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 308A tal-ITEPA.

47      Il-kwistjoni tkun differenti fis-sitwazzjoni, li madankollu ma hijiex dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ikun ippjanat li jitħallsu kontribuzzjonijiet fl-iskema minn jew f’isem benefiċjarji li stabbilixxew ruħhom fir-Renju Unit.

48      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, għalkemm l-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ pensjoni mhux awtorizzata”, fis-sens tal-Artikolu 12 tal-WRPA 1999, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-esklużjoni mill-massa fallimentari tad-drittijiet misluta minn tali skema huma inqas vantaġġużi mill-perspettiva tal-persuna li tkun falliet sa fejn dawn jipprevedu skema li tipprevedi inqas protezzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tal-persuna li tkun falliet mid-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 għall-iskemi ta’ pensjoni awtorizzati.

49      F’dak li jirrigwarda, wara dan, l-analiżi tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni prinċipali li tqum hija dik ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam ta’ esklużjoni tad-drittijiet għall-pensjoni mill-massa fallimentari jistax ikollhom xi effett fuq id-dritt ta’ stabbiliment jew jekk dawn jaqgħux b’mod ieħor taħt l-Artikolu 49 TFUE.

50      L-imsemmija qorti tosserva li f’dan ir-rigward is-sur M et sostnew li la huwa neċessarju li jintwera li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jista’ jkollhom effett dissważiv fuq il-libertà ta’ stabbiliment u lanqas li s-sitwazzjoni tal-ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti titqabbel ma dik fl-Istat Membru ta’ oriġini.

51      Pjuttost, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti għandha titqabbel mas-sitwazzjoni taċ-ċittadini nazzjonali f’dan l-istess Stat Membru. L-esklużjoni tad-drittijiet għall-pensjoni mill-massa fallimentari ta’ persuna li eżerċitat id-dritt tagħha għall-moviment liberu hija “vantaġġ soċjali” iggarantit mill-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

52      Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-amministraturi min-naħa l-oħra jsostnu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni, b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, ma jikkostitwixxux, anki meqjusa bħala tali, ostakolu għad-dritt ta’ stabbiliment tas-sur M. Fil-fatt, milli jidher dawn ma ddiswadewħx milli jeżerċita dan id-dritt. Barra minn hekk lanqas ma ntwera li dawn id-dispożizzjonijiet huma globalment inqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Irlandiż. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE, sa fejn dawn ma ġewx armonizzati fuq livell tad-dritt tal-Unjoni, id-differenzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza.

53      Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tindika li hija waslet għall-konklużjoni proviżorja li l-effett tal-falliment fuq id-drittijiet għall-pensjoni akkumulati fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha minn persuna li teżerċita d-dritt ta’ stabbiliment bħala ħaddiem għal rasu fi Stat Membru ieħor qabel ma tiġi ddikjarata falluta hemmhekk jippreżenta rabta’ suffiċjentement stretta mal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE.

54      Dik il-qorti tqis li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tar-Renju Unit fil-qasam ta’ esklużjoni tad-drittijiet għall-pensjoni mill-massa fallimentari li abbażi tagħhom il-protezzjoni integrali prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 tista’ tkun ta’ benefiċċju biss għal dawk li jisiltu drittijiet minn skemi ta’ pensjoni awtorizzati, għalkemm dawn ma humiex espliċitament ikkonċepiti b’riferiment għaċ-ċittadinanza, x’aktarx li jikkonċernaw porzjon kunsiderevolment iktar għolja ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ stabbiliment fir-Renju Unit milli ta’ ċittadini tar-Renju Unit u jinvolvu, għalhekk, diskriminazzjoni fit-tgawdija ta’ vantaġġ soċjali li hija pprojbita kemm mill-Artikolu 49 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

55      Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li tali diskriminazzjoni, jekk tiġi kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għad-domandi tagħha, tista’ tiġi eliminata billi l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni u dan billi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tiġi estiża għal skema ta’ pensjoni awtorizzata jew irreġistrata mill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stat Membru ieħor, u dan anki peress li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati, li huwa dak li jiġi żgurat li d-drittijiet għall-pensjoni jiġu protetti b’mod sħiħ fil-każ ta’ falliment biss jekk dawn huma misluta minn skemi awtorizzati jew irreġistrati jew inkella rrikonoxxuti mill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti fl-Istat Membru fejn dawn ġew stabbiliti.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (business and property courts, insolvency and companies list) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Qrati Kummerċjali u tal-Proprjetà, Reġistru tal-Insolvenzi u tal-Kumpanniji), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Meta ċittadin ta’ Stat Membru jkun eżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 21, 49 TFEU u d-Direttiva [2004/38] peress li jkun iċċaqlaq jew stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit, huwa kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Artikolu 11 [tal-WRPA 1999] jissuġġetta l-esklużjoni, mill-massa fallimentari, tad-drittijiet għall-pensjoni [misluta minn] skema tal-irtirar, inklużi dawk stabbiliti u approvati għall-finijiet tat-taxxa fi Stat Membru ieħor, għall-fatt li, fil-mument tal-falliment, l-iskema tal-irtirar tkun irreġistrata skont l-Artikolu 153 [tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004] jew stabbilita mill-Artikolu 2 [tar-Regolamenti 2/2002] u għalhekk tkun approvata għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit?

2)      Sabiex tingħata risposta għall-[din id-]domanda, huwa rilevanti jew neċessarju:

a)      li jiġi ddeterminat jekk l-individwu jkunx stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit sabiex, primarjament, jiddikjara l-falliment tiegħu fir-Renju Unit?

b)      li jittieħdu inkunsiderazzjoni (i) il-protezzjonijiet li jistgħu jkunu disponibbli għall-persuna li tkun falliet fir-rigward ta’ skemi tal-irtirar li ma humiex approvati taħt l-Artikolu 12 tal-WRPA 1999 u li tittieħed inkunsiderazzjoni (ii) il-possibbiltà għall-amministraturi tal-falliment li jirkupraw ammonti fir-rigward ta’ arranġamenti tal-pensjoni approvati?

c)      li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li huma suġġetti għalihom skemi tal-irtirar irreġistrati u approvati għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

57      Preliminarjament, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, hekk kif tosserva wkoll il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ rtirar”), sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar din it-talba peress li din tressqet qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri l-perijodu li skada fil-31 ta’ Diċembru 2020.

58      Barra minn hekk, sa fejn huwa paċifiku li s-sur M huwa ċittadin tal-Unjoni minħabba n-nazzjonalità Irlandiża tiegħu, li eżerċita, konformement mad-dritt tal-Unjoni, id-dritt tiegħu li jirrisjedi fir-Renju Unit qabel tmiem l-imsemmija perijodu ta’ tranżizzjoni u li huwa għadu jirrisjedi hemmhekk wara dan il-perijodu, huwa intitolat li jibbenefika, abbażi tal-Artikolu 10(1)(a) tal-ftehim ta’ rtirar, mill-protezzjoni offruta minn dan il-ftehim.

59      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 25(1) tal-ftehim ta’ rtirar, is-sur M, inkwantu ħaddiem għal rasu, għandu, fl-“Istat ospitanti” tiegħu, jiġifieri r-Renju Unit, bla ħsara għal-limiti stabbiliti fl-Artikoli 51 u 52 TFUE, li huma irrilevanti fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 49 TFUE, fosthom “li jibdew u jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom”.

60      Fit-tieni lok, sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob risposta għad-domandi tagħha fir-rigward tal-Artikoli 21 u 49 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi ddeterminat liema minn dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 21(1) TFUE, li jistipula b’mod ġenerali d-dritt, għal kull ċittadin tal-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jiġi espress speċifikament fl-Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, fl-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u fl-Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant, jekk il-kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 49 TFUE jew l-Artikolu 56 TFUE, ma jkunx neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 34, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Barra minn hekk, konformement ma ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom (sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 19, kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jisiltu direttament mit-Trattat FUE, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ Oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jissoġġornaw hemmhekk sabiex jeżerċitaw attività ekonomika (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 44).

64      Issa, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ mingħajr ebda dubju taħt l-Artikolu 49 TFUE.

65      Fil-fatt, huwa paċifiku li, qabel ma ġie ddikjarat fallut fir-Renju Unit, is-sur M telaq mill-Irlanda, fejn huwa kien jeżerċita attività ekonomika għal rasu prinċipalment jekk mhux saħansitra esklużivament fis-suq Irlandiż, sabiex jinstalla ruħu b’mod permanenti fir-Renju Unit sabiex jeżerċita din l-istess attività fis-suq ta’ dan l-Istat.

66      Barra minn hekk, fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali huma inkwistjoni drittijiet għall-pensjoni misluta mis-sur M minn skema ta’ pensjoni, li tirriżulta minn attività bħala persuna li taħdem għal rasha eżerċitata fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, qabel ma stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru ospitanti (ara, b’analoġija, sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 22).

67      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 49 TFUE huwa b’mod ċar applikabbli għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE.

68      L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, li jirrifletti l-Artikolu 18 TFUE billi jissanċixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, applikabbli għal kull ċittadin tal-Unjoni li jissoġġorna fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi ta’ din id-direttiva.

69      Fil-fatt, sa fejn, skont kliemu, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 japplika biss “[b]la ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja” din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli b’mod awtonomu jekk tkun teżisti regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni prevista mit-Trattat FUE li tkun applikabbli għas-sitwazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jiġi implimentat permezz ta’ regola speċifika, b’mod partikolari, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, permezz tal-Artikolu 45 TFUE, fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, permezz tal-Artikolu 49 TFUE, u fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, permezz tal-Artikoli 56 sa 62 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑51/08, EU:C:2011:336, punt 80, u tat-18 ta’ Ġunju 2019, L-Awstrija vs Il-Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ b’mod ċar taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità implimentat, fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, mir-regola speċifika li tinsab fl-Artikolu 49 TFUE, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38.

72      Għaldaqstant, id-domandi preliminari, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl biss tal-Artikolu 49 TFUE.

73      Għalhekk, hemm lok li jitqies li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, mill-massa fallimentari ta’ drittijiet għall-pensjoni misluta minn skema ta’ pensjoni għar-rekwiżit li, fil-mument tal-falliment, l-iskema kkonċernata kienet awtorizzata għall-finijiet tat-taxxa f’dan l-Istat, meta dan ir-rekwiżit huwa impost f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni li kien, qabel il-falliment tiegħu, eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu, b’mod permanenti, f’dan l-istess Stat, sabiex hemmhekk jeżerċita attività ekonomika għal rasu, jislet drittijiet għall-pensjoni minn skema ta’ pensjoni stabbilita u awtorizzata għall-finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

74      Preliminarjament, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda ċittadin Irlandiż, is-sur M, li fir-rigward tiegħu nfetħet proċedura ta’ falliment fir-Renju Unit konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000 peress li hemmhekk huwa kien ittrasferixxa ruħu u ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu wara li kien ittrasferixxa l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli qabel ma ġie ddikjarat fallut.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li, konformement mar-regola dwar il-liġi applikabbli prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 jimponi ruħu bħala regola li taqa’ taħt il-lex fori concursus bl-ebda mod ma jimplika li din id-dispożizzjoni hija eżentata minn stħarriġ fir-rigward tal-konformità tagħha mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE.

76      Fil-fatt, għalkemm id-dritt sostantiv tal-insolvenza, peress li ma kienx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tad-dritt tal-Unjoni, għadu sal-ġurnata tal-llum fil-parti l-kbira tiegħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, madankollu dawn l-Istati huma obbligati li jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE.

77      Hekk kif tesponi l-qorti tar-rinviju, ir-regoli tad-dritt tar-Renju Unit fil-qasam tal-insolvenza li jirregolaw l-assi li huma s-suġġett tal-ispussessar essenzjalment jipprevedu żewġ tipi ta’ protezzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tal-persuna li falliet.

78      L-ewwel protezzjoni, imsemmija “protezzjoni deheb” mis-sur M et, prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 għad-drittijiet misluta mill-“iskemi ta’ pensjoni awtorizzati” li minnhom jifformaw parti l-iskemi ta’ pensjoni rreġistrati abbażi tal-Artikolu 153 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 u l-“iskemi ta’ pensjoni barranin li jissodisfaw il-kundizzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 308A tal-ITEPA, hija protezzjoni kemm kompleta, sa fejn, bħala prinċipju, id-drittijiet kollha għall-pensjoni huma esklużi mill-massa fallimentari, kif ukoll awtomatika, sa fejn il-persuna li tkun falliet għandha d-dritt għal tali esklużjoni meta r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fiskali jkunu ssodisfatti f’dak li jirrigwarda l-iskema kkonċernata, anki jekk, fil-kuntest tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, minn naħa, il-kontribuzzjonijiet imsejħa “eċċessivi” jistgħu jiġu rkuprati mill-amministraturi għall-benefiċċju tal-massa fallimentari u, min-naħa l-oħra, il-ħlasijiet li jistgħu jitwettqu mill-amministratur tal-iskema mingħajr ma jiġi ġġenerat dejn fiskali huma limitati.

79      Min-naħa l-oħra, it-tieni protezzjoni, msejħa “protezzjoni bronż” mis-sur M et, prevista fl-Artikolu 12 tal-WRPA 1999 għad-drittijiet misluta minn “skemi ta’ pensjoni mhux awtorizzati”, hija protezzjoni kemm parzjali, sa fejn id-drittijiet għall-pensjoni jiġu esklużi mill-massa fallimentari biss sal-ammont tal-bżonnijiet ġejjiena tal-persuna li tkun falliet u tal-familja tagħha, kif ukoll diskrezzjonali, sa fejn il-benefiċċju ta’ din l-esklużjoni għandu jintalab mill-persuna li tkun falliet u jingħata jew mill-amministratur tal-falliment jew permezz ta’ digriet ta’ esklużjoni maħruġ minn qorti li għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

80      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, billi jirrifjuta l-esklużjoni ta’ drittijiet għall-pensjoni mill-massa fallimentari hekk kif previst f’din id-dispożizzjoni jammontax għal restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment sanċita fl-Artikolu 49 TFUE, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu jiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali liċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jixtiequ jeżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, billi jostakola l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ tali attività. Għalhekk, kull tfixkil għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li tikkonsisti fi trattament iddifferenzjat taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra meta mqabbla maċ-ċittadini nazzjonali, previst minn liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ Stat Membru jew li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tali liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva jew ta’ prattiċi amministrattiva, huwa pprojbit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 27).

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola tal-ugwaljanza fit-trattament li tinsab kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, minkejja li applikabbli mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta, min-natura tagħha stess, tista’ taffettwa iktar il-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli l-ħaddiema nazzjonali u meta konsegwentement hija tirriskja li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil dawn tal-ewwel, sakemm din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Sabiex dispożizzjoni nazzjonali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra bl-esklużjoni taċ-ċittadini nazzjonali (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 27).

84      Lanqas ma huwa neċessarju, f’dan ir-rigward, li jiġi stabbilit li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni taffettwa, fil-prattika, proporzjon sostanzjalment ikbar ta’ ħaddiema migranti. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tista’ tipproduċi tali effett (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Larcher, C‑523/13, EU:C:2014:2458, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punti 31 u 32).

85      Għalkemm il-prinċipji sanċiti fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 80 sa 84 ta’ din is-sentenza, li hija l-qofol tal-argumenti magħmula mis-sur M u li hija, essenzjalment, meqjusa rilevanti mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-evalwazzjoni proviżorja tagħha tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, ġew ċertament żviluppati wara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn (C‑237/94, EU:C:1996:206, punt 21), fil-kuntest speċifiku tar-regola tal-ugwaljanza fit-trattament prevista kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, dawn ma japplikawx biss għall-ħaddiema migranti impjegati iżda dawn japplikaw ukoll, mutatis mutandis, fil-kuntest tal-Artikolu 49 TFUE, għall-ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom, bħal ma huwa s-sur M (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 23).

86      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom l-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jiżvantaġġjaw lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 33, u tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fid-dawl tal-prinċipji sanċiti fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 80 sa 84 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif tagħmel, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju, li, għalkemm l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema migranti u għall-ħaddiema nazzjonali, din id-dispożizzjoni, minħabba n-natura stess tagħha u, b’mod partikolari, minħabba li ma tippermettix li tintalab l-awtorizzazzjoni ta’ skema ta’ pensjoni barranija wara l-falliment, fatt li għandu jiġi vverifikat mil-qorti tar-rinviju, tista’ taffettwa, fil-prattika, proporzjon sostanzjalment ikbar ta’ ħaddiema migranti milli ta’ ħaddiema nazzjonali u konsegwentement hija tirriskja li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil dawn tal-ewwel, b’tali mod li din id-dispożizzjoni nazzjonali għandha titqies bħala li hija indirettament diskriminatorja, sakemm din ma hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonali mal-għan imfittex minnha.

88      Fil-fatt, hekk kif tesponi l-qorti tar-rinviju, il-ħaddiema nazzjonali li jaħdmu għal-rashom għandhom jibbenefikaw, bħala regola ġenerali, mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni stabbiliti u akkumulati fir-Renju Unit peress li, ta’ sikwit, minħabba l-vantaġġi fiskali li jirriżultaw abbażi tad-dritt fiskali tar-Renju Unit, dawn l-iskemi jkunu rreġistrati abbażi tal-Artikolu 153 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 u, għaldaqstant, ikunu awtorizzati għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit.

89      Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom ikollhom, fil-parti l-kbira tal-każijiet, drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni stabbiliti u awtorizzati għall-finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew fi Stat Membru ieħor fejn huma kienu ekonomikament attivi, li ma jkunux, bħala regola ġenerali, awtorizzati għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit, b’tali mod li, anki fid-dawl tal-fatt li ma huwiex possibbli li titressaq talba għal awtorizzazzjoni wara l-falliment għal dawn l-istess skemi, fatt li għandu jiġi vverifikat mil-qorti tar-rinviju, id-drittijiet għall-pensjoni misluta minn dawn l-iskemi jibbenefikaw, ta’ sikwit, biss mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 12 tal-WRPA 1999 għall-Iskemi ta’ pensjoni mhux awtorizzati, li hija nettament iktar limitata.

90      Skont il-qorti tar-rinviju, l-amministraturi ta’ tali skemi ta’ pensjoni barranin ma jibdewx, bħala regola ġenerali, il-proċessi neċessarji, anki jekk dawn ma humiex, bħala tali, diffiċli li jitwettqu, sabiex dawn l-iskemi jkunu barra minn hekk awtorizzati fir-Renju Unit sabiex iservu l-bżonnijiet individwali ta’ wħud mill-benefiċjarji tagħhom permezz tar-reġistrazzjoni tal-iskema kkonċernata abbażi tal-Artikolu 153 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004 jew tal-issodisfar tar-rekwiżiti sabiex dawn ikunu jikkostitwixxu “skemi ta’ pensjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 308A tal-ITEPA.

91      Il-qorti tar-rinviju tindika madankollu li reġistrazzjoni, abbażi tal-Artikolu 153 tal-Liġi tal-Finanzi tal-2004, ta’ skemi ta’ pensjoni barranin bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, bħala prinċipju, possibbli iżda tikkostitwixxi proċess li x’aktarx iġib miegħu konsegwenzi sostanzjali peress li din tagħti lok għal ċerti żvantaġġi, relatati, mal-limitazzjoni tal-ħlasijiet li jistgħu jitwettqu mill-iskema mingħajr ma jiġi ġġenerat dejn fiskali.

92      Dik il-qorti tosserva wkoll li għalkemm, fil-prattika, ir-rekwiżiti sabiex tali skemi ta’ pensjoni barranin jiġu awtorizzati bħala “skema ta’ pensjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 308A tal-ITEPA, ma jimplikawx l-osservanza ta’ rekwiżiti partikolarment ħorox, madankollu ma hemmx, b’mod ġenerali, wisq interess għall-amministraturi ta’ dawn l-iskemi li jibdew il-proċessi neċessarji sabiex din r-rekwiżiti ħlief, li ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ikun ippjanat li jitħallsu kontribuzzjonijiet fl-iskema minn jew f’isem benefiċjarji li stabbilixxew ruħhom fir-Renju Unit.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, sa fejn dan jissuġġetta l-benefiċċju tal-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, ta’ drittijiet għall-pensjoni mill-massa fallimentari għar-rekwiżit tal-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tat-taxxa tal-skema ta’ pensjoni li minnha jinsiltu dawn id-drittijiet, inkluż meta inkwistjoni jkun hemm, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skema ta’ pensjoni stabbilita u diġà awtorizzata fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat qabel ma stabbilixxa ruħu b’mod permanenti fir-Renju Unit, imur kontra r-regola tal-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 49 TFUE u, għaldaqstant, jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbit minn din id-dispożizzjoni, ħlief jekk dan l-ostakolu huwa ġġustifikat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

94      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti magħmula mill-amministraturi.

95      Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat, essenzjalment, fuq il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari fuq il-punti 24 u 25 tas-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49), li jgħid li ma jistax jiġi sostnut li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali x’aktarx li tiddiswadi lil ħaddiem għal rasu milli juża l-libertà tiegħu ta’ stabbiliment sa fejn, fil-każ ta’ falliment ieħor fl-Istat Membru ospitanti, ikun hemm ir-riskju li d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni ma jibbenefikawx minn protezzjoni xierqa peress li, fil-mument tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà, il-falliment ikun avveniment fil-ġejjieni u ipotetiku li għandu jitqies bħala ċirkustanza wisq inċerta u indiretta fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

96      Fil-fatt, il-protezzjoni xierqa, fil-każ ta’ falliment, ta’ drittijiet għall-pensjoni akkumulati fl-Istat Membru ta’ oriġini minn ċittadin tal-Unjoni hija fattur li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni minn dan iċ-ċittadin fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċita attività professjonali b’mod permanenti, speċjalment jekk dan iċ-ċittadin diġà akkumula drittijiet għal pensjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jew fi Stat Membru ieħor fejn kien ekonomikament attiv.

97      Għaldaqstant, il-falliment ta’ ħaddiem migrant ekonomikament attiv u li jaħdem għal rasu, għalkemm jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, avveniment fil-ġejjieni u ipotetiku fil-mument ta’ meta dan il-ħaddiem jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi ċirkustanza wisq inċerta u indiretta, sabiex jiġi eskluż li l-miżura nazzjonali inkwistjoni hija ta’ natura li tostakola l-libertà ta’ stabbiliment.

98      Fit-tieni lok, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument li jgħid li persuna li tiċċaqlaq volontarjament lejn Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk hija tiddikjara l-falliment tagħha jew meta tkun konxja mill-falliment probabbli tagħha f’dan l-Istat ma tkunx tista’, fl-ebda każ, tiġi awtorizzata tikkontesta s-sistema ta’ insolvenza ta’ dan l-Istat Membru li tikkostitwixxi l-lex fori concursus, abbażi ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE.

99      Fil-fatt, anki jekk jitqies li s-sur M, billi stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit, kellu l-intenzjoni li hemmhekk jiddikjara l-falliment tiegħu sabiex, b’mod partikolari jew prinċipalment, ikun jista’ jibbenefika minn ċerti vantaġġi mogħtija mid-dritt tar-Renju Unit dwar l-insolvenza, bħal ma huwa t-terminu relattivament qasir ta’ tnax-il xahar li warajh il-persuna li tkun falliet hija bħala prinċipju lliberata mill-falliment, filwaqt li dan it-terminu kien, skont l-amministraturi, ta’ tnax-il sena fl-Irlanda, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-proċess li jinstab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza, f’moħħ is-sur M, ta’ “abbuż ta’ dritt” jew ta‘ xi “frodi”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 24).

100    Issa, huwa paċifiku li s-sur M kien, qabel il-falliment tiegħu, effettivament ċaqlaq iċ-ċentru prinċipali tal-interessi tiegħu mill-Irlanda lejn ir-Renju Unit u b’dan il-mod assuma l-konsegwenzi kollha ta’ tali għażla, inkluż l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ dan il-pajjiż, u dan kellu bħala konsegwenza li l-qrati tar-Renju Unit ikunu kompetenti biex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000, b’tali mod li huwa lanqas ma jista’ jiġi kkritikat li wettaq “forum shopping”.

101    Fit-tielet lok, skont l-amministraturi, is-sur M ma jistax, billi jinvoka libertà fundamentali, iwettaq “cherry picking”, li jippermettilu li joħloq sistema ta’ insolvenza “à la carte” billi jagħżel l-elementi tas-sistema ta’ insolvenza previsti mid-dritt tar-Renju Unit li huma favorevoli għalih u billi jirrifjuta dawk li ma humiex favorevoli għalih sa fejn tali approċċ ikun ta’ ħsara għall-effett utli tar-Regolament Nru 1346/2000.

102    F’dan ir-rigward, b’żieda ma dak li diġà ġie espost fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 jifforma parti minn grupp iktar wiesa’ ta’ regoli tar-Renju Unit dwar l-insolvenza, li wħud minnhom huma iktar favorevoli minn oħrajn għall-persuna li tkun falliet, din id-dispożizzjoni għandha, sa fejn hija tipprevedi skema ta’ protezzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni awtorizzati li huma nettament iktar vantaġġużi, għall-persuna li tkun falliet, mill-iskema prevista fl-Artikolu 12 tal-WRPA 1999 applikabbli għad-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni mhux awtorizzati, tkun konformi bħala tali mal-libertajiet fundamentali.

103    Fir-raba’ lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li jgħid li l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 ma jaqax taħt l-Artikolu 49 TFUE peress li l-imsemmi Artikolu 11 japplika biss wara li tkun ġiet eżerċitata l-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri fil-mument tal-falliment tal-ħaddiem migrant. Barra minn hekk, il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ ostakolu ma tistax titqiegħed f’dubju minħabba s-sempliċi fatt li, milli jidher, l-imsemmi Artikolu 11, effettivament, ma kellux effett dissważiv fuq is-sur M peress li dan tal-aħħar stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit minkejja dan l-istess artikolu.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-impossibbiltà li ħaddiem migrant iressaq, wara l-falliment, talba għall-finijiet li jibbenefika, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni li jirriżultaw minn skema ta’ pensjoni awtorizzata fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jew fi Stat Membru ieħor li fih huwa kien ekonomikament attiv, mill-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, mill-massa fallimentari, hekk kif prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, tista’, prima facie, tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju minn tali ħaddiem migrant tal-libertà tiegħu ta’ stabbiliment billi jistabbilixxi ruħu b’mod permanenti fir-Renju Unit, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sur M, effettivament, ġiex jew ma ġiex disważ milli jistabbilixxi ruħu fir-Renju Unit minħabba l-eżistenza ta’ din il-leġiżlazzjoni.

105    Iktar minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-artikoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali jikkostitwixxu dispożizzjonijiet fundamentali għall-Unjoni u li kull ostakolu, anki ta’ importanza minuri, għal din il-libertà huwa pprojbit (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-libertà ta’ stabbiliment

106    Hekk kif jissemma fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, sa fejn dan jissuġġetta l-benefiċċju tal-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, ta’ drittijiet għall-pensjoni mill-massa fallimentari għar-rekwiżit tal-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tat-taxxa tal-iskema ta’ pensjoni li minnha jinsiltu dawn id-drittijiet, anki meta inkwistjoni jkun hemm, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skema ta’ pensjoni stabbilita u diġà awtorizzata fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, imur kontra r-regola tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE u, għalhekk, jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbit minn din id-dispożizzjoni, ħlief jekk tali ostakolu huwa ġġustifikat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, fatt li għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tkun tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija tkun trid tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 jikkostitwixxi restrizzjoni għall-libertà ta’ stabbiliment minħabba li min-natura tiegħu jiddiskrimina indirettament minħabba n-nazzjonalità, sa fejn tali restrizzjoni hija aċċettata biss jekk tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Madankollu, l-eżami tan-natura oġġettivament iġġustifikata tar-restrizzjoni inkwistjoni jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak relatat ma eventwali ġustifikazzjoni abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, minn dan isegwi li dawn iż-żewġ eżamijiet għandhom isiru bl-istess mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 105).

 Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

110    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern tar-Renju Unit ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li mil-linji gwida tad-dipartiment tal-insolvenza jirriżulta li, skont dan il-korp pubbliku tar-Renju Unit, jeżisti obbligu ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-iskemi ta’ pensjoni rikonoxxuti jew awtorizzati fl-Istati Membri, b’tali mod li d-drittijiet misluta minn dawn l-iskemi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjoni mill-massa fallimentari prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, u dan jagħti l-wieħed x’jifhem, hekk kif isostni s-sur M, li, skont l-evalwazzjoni ta’ dan id-dipartiment, l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

111    Barra minn hekk, għalkemm, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ma tanalizzax b’mod speċifiku eventwali ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni inkwistjoni fid-dawl ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, dik il-qorti tosserva, f’dak li jirrigwarda l-għan tal-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, li d-drittijiet għall-pensjoni huma kkonċepiti u l-vantaġġ fiskali relatat magħhom jingħata sabiex l-individwi jingħataw sostenn finanzjarju fil-kuntest tal-irtirar futur tagħhom u mhux sabiex il-kredituri jkunu protetti fil-każ li l-individwi jfallu qabel ma jirtiraw u li, ħlief fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet imsejħa “eċċessivi”, dawn id-drittijiet huma esklużi mill-massa fallimentari.

112    Meqjus dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea ssostni, essenzjalment, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali l-għan ta’ politika soċjali marbut mal-garanzija, għall-persuna li tkun falliet, ta’ ċertu livell ta’ drittijiet għall-pensjoni sabiex din ikun jista’ jkollha dħul xieraq u għalhekk tevita li ssir ta’ piż fuq l-Istat.

113    Jekk, bla ħsara għal verifika minn naħa tal-qorti tar-rinviju, tali raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali tista’ tiġi aċċettata, jidher li din għandha tkun ippreċiżata fid-dawl tal-għan speċifiku tal-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 bħala li hija intiża li tiżgura bilanċ ġust bejn protezzjoni xierqa tal-interessi tal-persuna li tkun falliet u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-kredituri tal-persuna li tkun falliet relatati mal-irkupru, minn tal-inqas parzjali, tal-kreditu tagħhom fil-massa fallimentari.

 Fuq il-proporzjonalità tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

114    Għalkemm l-għan ta’ protezzjoni bbilanċjata tal-interessi neċessarjament kunfliġġenti tal-persuna li tkun falliet u tal-kredituri tagħha fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni tal-persuna li tkun falliet imfittex mill-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif diġà ġie mfakkar fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tinvolvi din id-dispożizzjoni nazzjonali tista’ tkun iġġustifikata, li din tkun xierqa li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

115    Tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ jekk ir-restrizzjoni għall-libertà ta’ stabbiliment li jinvolvi l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, sa fejn din id-dispożizzjoni tillimita l-benefiċċju tal-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, mill-massa fallimentari li hija tipprevedi biss għad-drittijiet għall-pensjoni li joriġinaw minn skemi ta’ pensjoni awtorizzati għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit bl-esklużjoni, b’mod partikolari, tad-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni li ma ġewx awtorizzati għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit iżda fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, bħal ma huwa l-Istat Membru ta’ oriġini tal-ħaddiem migrant li d-drittijiet għall-pensjoni tiegħu huma inkwistjoni, li huma s-suġġett ta’ esklużjoni parzjali u diskrezzjonali mill-massa fallimentari abbażi tal-Artikolu 12 tal-WRPA 1999.

116    F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, f’dak li jirrigwarda skemi ta’ pensjoni diġà awtorizzati għall-finijiet tat-taxxa fi Stat Membru tal-Unjoni u mhux fir-Renju Unit, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni addizzjonali u minn qabel tal-falliment ta’ tali skemi ta’ pensjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit bħala kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex id-drittijiet għall-pensjoni inkwistjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 huwiex proporzjonali għal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni.

117    F’dan il-kuntest, għandu jiġi indikat li, jekk tali rekwiżit ikun intiż li jillimita l-esklużjoni mill-massa fallimentari tad-drittijiet misluta minn skemi ta’ pensjoni li huma rregolati u suġġetti għal superviżjoni, dan’ x’aktarx ikun imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sa fejn l-effett tiegħu jkun li mill-benefiċċju tal-esklużjoni jiġu esklużi d-drittijiet għall-pensjoni misluta minn skemi ta’ pensjoni awtorizzati għall-finijiet tat-taxxa fi Stat Membru u mhux fir-Renju Unit sa fejn dawn l-iskemi huma wkoll irregolati u suġġetti għal superviżjoni, anki jekk, eventwalment, b’mod differenti.

118    Barra minn hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk teżistix relazzjoni bejn ir-regoli fiskali dwar ir-regoli u s-superviżjoni tal-iskemi ta’ pensjoni u l-għan tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni li donnu huwa dak li jiġi żgurat, fi proċedura ta’ insolvenza, bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna li tkun falliet marbuta mal-esklużjoni ta’ dawn id-drittijiet għall-pensjoni mill-massa fallimentari u dawk tal-kredituri marbuta ma inklużjoni massima ta’ dawn id-drittijiet fil-massa fallimentari.

119    Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fiskali ta’ skema ta’ pensjoni bħala rekwiżit sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn ċerti vantaġġi fiskali marbutin mal-kontribuzzjonijiet għal tali skema u mal-benefiċċji mħallsa minnha jidher li ma għandu ebda rabta mal-impożizzjoni ta’ dan l-istess rekwiżit barra minn kull kuntest fiskali bħala kundizzjoni sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, mill-massa fallimentari prevista fl-Artikolu 11 tal-WRPA 1999, b’mod partikolari jekk, bħal ma huwa l-każ fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna li tkun falliet ma tinvoka ebda wieħed minn dawn il-vantaġġi fiskali.

120    Fi kliem ieħor, għalkemm, fil-kuntest tal-fiskalità, rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ta’ skema ta’ pensjoni jista’ jkun iġġustifikat sabiex ikunu jistgħu jiġu limitati u kontrollati l-vantaġġi fiskali relatati magħha, tali loġika tista’ tkun assenti meta tali rekwiżit jiġi impost fil-kuntest speċifiku tal-insolvenza, b’mod partikolari, fid-dawl tar-regoli li jiddeterminaw l-assi li huma s-suġġett tal-ispussessar.

121    Barra minn hekk, jekk, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-għan ta’ dan ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-finijiet tat-taxxa kien li jiġi ggarantit li l-iskema ta’ pensjoni li minnha l-persuna li tkun falliet tislet id-drittijiet tagħha hija skema li hija s-suġġett ta’ ċerta pubbliċità, b’tali mod li dawn id-drittijiet ma jiġux sotratti b’mod abbużiv mill-kredituri tal-persuna falluta, l-imsemmija dispożizzjoni tkun tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju jekk jiġi kkonfermat li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, id-dritt tar-Renju Unit dwar l-insolvenza jipprevedi li, fil-kuntest tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, il-persuna li tkun falliet hija obbligata li tiddikjara mal-amministraturi l-attivi kollha tagħha inklużi d-drittijiet għall-pensjoni li hija tista’ tislet minn skema ta’ pensjoni barranija.

122    Barra minn hekk, għalkemm, hekk kif isostnu l-amministraturi, l-għan tal-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ awtorizzazzjoni fir-Renju Unit minn qabel il-falliment ta’ skema ta’ pensjoni barranija diġà awtorizzata fi Stat Membru kien li jippermetti li l-awtoritajiet tat-taxxa Brittanniċi jivverifikaw jekk l-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni hijiex tabilħaqq skema ta’ pensjoni barranija li ġiet effettivament awtorizzata, tali obbligu x’aktarx li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju. Fil-fatt, jekk, kif huwa l-każ fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru li fih ġiet stabbilita l-iskema ta’ pensjoni jikkonfermaw bil-miktub u mingħajr dubju li din l-iskema tabilħaqq ġiet awtorizzata konformement mal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru, l-impożizzjoni ta’ kontroll intiż li jiżgura li din l-awtorizzazzjoni tabilħaqq ingħatat tkun superfluwa u tkun tidher sproporzjonata anki peress li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri huma marbutin minn dover ta’ fiduċja reċiproka.

123    Fl-aħħar, jidher li anki r-restrizzjoni li tinvolvi l-Artikolu 11 tal-WRPA 1999 tkun sproporzjonata, fatt li wkoll għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jekk ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni fiskali għandu imperattivament jiġi ssodisfatt l-iktar tard fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-falliment, u għalhekk jeskludi l-possibbiltà li l-persuna li tkun falliet titlob l-awtorizzazzjoni tal-iskema ta’ pensjoni barranija inkwistjoni wara din id-data sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-esklużjoni mill-massa fallimentari tad-drittijiet misluta minn din l-iskema prevista minn din id-dispożizzjoni.

124    Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, mill-massa fallimentari ta’ drittijiet għall-pensjoni misluta minn skema ta’ pensjoni għar-rekwiżit li, fil-mument tal-falliment, l-iskema kkonċernata kienet awtorizzata għall-finijiet tat-taxxa f’dan l-Istat, meta dan ir-rekwiżit huwa impost f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni li kien, qabel il-falliment tiegħu, eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu, b’mod permanenti, f’dan l-istess Stat, sabiex hemmhekk jeżerċita attività ekonomika għal rasu, jislet drittijiet għall-pensjoni minn skema ta’ pensjoni stabbilita u awtorizzata għall-finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, ħlief jekk ir-restrizzjoni għall-libertà ta’ stabbiliment li tinvolvi l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali hija ġġustifikata meta hija tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

 Fuq l-ispejjeż

125    Peress li l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-esklużjoni, bħala prinċipju integrali u awtomatika, mill-massa fallimentari ta’ drittijiet għall-pensjoni misluta minn skema ta’ pensjoni għar-rekwiżit li, fil-mument tal-falliment, l-iskema kkonċernata kienet awtorizzata għall-finijiet tat-taxxa f’dan l-Istat, meta dan ir-rekwiżit huwa impost f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni li kien, qabel il-falliment tiegħu, eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu, b’mod permanenti, f’dan l-istess Stat, sabiex hemmhekk jeżerċita attività ekonomika għal rasu, jislet drittijiet għall-pensjoni minn skema ta’ pensjoni stabbilita u awtorizzata għall-finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, ħlief jekk ir-restrizzjoni għall-libertà ta’ stabbiliment li tinvolvi l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali hija ġġustifikata meta hija tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.