Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2023 – Mndoiants vs Il-Kunsill

(Kawża T-1149/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Sergueï Mndoiants (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: F. Bélot u P. Tkhor, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 sa fejn iżżomm l-isem tar-rikorrent fil-lista li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2014/145 tas-17 ta’ Marzu 2014;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 sa fejn iżżomm l-isem tar-rikorrent fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2014/269 tas-17 ta’ Marzu 2014;

sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, tiddikjara inapplikabbli għar-rikorrent l-kriterju ta’ inklużjoni fil-lista previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni (PESK) 2014/145, kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 2014/269, kif emendati rispettivament bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094 u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1089 tal-5 ta’ Ġunju 2023, minħabba l-illegalità tiegħu;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-obbligu ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni u tad-dritt għal smigħ. Ir-rikorrent jsostni li l-elementi trażmessi mill-Kunsill ma jiġġustifikawx iż-żamma tas-sanzjonijiet fil-konfront tiegħu fid-dawl tan-nuqqas ta’ gravità tagħhom. Il-Kunsill jippersisti wkoll li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-elementi u l-osservazzjonijiet trażmessi mir-rikorrent, b’tali mod li jikser l-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid u ta’ evalwazzjoni mill-ġdid, kif ukoll id-dritt tar-rikorrent li jinstema’.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni. L-elementi invokati mill-Kunsill sabiex iżomm lir-rikorrent fuq il-lista huma insuffiċjenti u bl-ebda mod ma jistabbilixxu li r-rikorrent huwa negozjant ewlieni li jwettaq attivitajiet fir-Russja jew negozjant li jopera f’setturi ekonomiċi li jikkostitwixxu sors sostanzjali ta’ dħul għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-rikorrent iqis li l-miżuri restrittivi imposti fuqu huma, minn naħa, diskriminatorji kontrih, u, min-naħa l-oħra, sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet segwiti minn dawn il-miżuri.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet individwali fundamentali, inklużi id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tal-komunikazzjoni. Billi inkluda lir-rikorrent fil-lista, il-Kunsill aġixxa bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bħala riżultat, dawn l-interferenzi ma jistgħux jitqiesu leġittimi fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjament, il-ħames motiv ibbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni (PESK) 2014/145 u tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 fid-dawl tal-illegalità tagħhom. Il-kriterju (g) il-ġdid imur kontra d-drittijiet tad-difiża previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma huwiex ibbażat fuq bażi fattwali soda biżżejjed u jmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà. Għalhekk, minħabba l-illegalità tiegħu, il-kriterju (g) il-ġdid għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli għar-rikorrent.

____________