Language of document : ECLI:EU:T:2011:182

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

14 ta’ April 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ACNO FOCUS – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti FOCUS – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009] ”

Fil-Kawża T‑466/08,

Lancôme parfums et beauté & Cie, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl u J. Pagenberg, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Focus Magazin Verlag GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Schweizer u J. Berlinger, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tad-29 ta’ Lulju 2008 (Każ R 1796/2007‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Focus Magazin Verlag GmbH u Lancôme parfums et beauté & Cie,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, E. Martins Ribeiro u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2009,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2009,

wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-23 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti, Lancôme parfums et beauté & Cie, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ACNO FOCUS.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Kożmetiċi u prodotti tal-make-up”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bulettin tat‑trade marks Komunitarji Nru 27/2004, tat-5 ta’ Lulju 2004.

5        Fis-16 ta’ Settembru 2004, l-intervenjenti, Focus Magazin Verlag GmbH, għamlet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq :

–        it-trade mark verbali FOCUS irreġistrata fil-Ġermanja, fit-23 ta’ Mejju 1996, taħt in-numru 39407564, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 5, 6, 7, 8, 9, 14 sa 16, 18, 20, 21, 24 sa 26, 28 sa 30, 33, 34, 36, 38, 39, 41 sa 42 ;

–        l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Komunitarja FOCUS, li għandha n-numru 453720, ippreżentata fis-17 ta’ Jannar 1997, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 6, 7, 9, 14, 16, 21, 25, 28, 29, 32, 33, 35, 38, 39, 41 u 42.

7        L-oppożizzjoni kienet intiża għall-prodotti kollha indikati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ACNO FOCUS u kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark mazzjonali preċedenti FOCUS u l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja FOCUS.

8        Ir‑raġunijiet invokati insostenn tal‑oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl‑Artikolu 8(1)(b) u fl‑Artikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 40/94 [li saru, rispettivament, l‑Artikolu 8(1)(b) u l‑Artikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 207/2009].

9        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti talbet li, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009), l-intervenjenti tressaq il-prova li t-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS kienet suġġetta għal użu ġenwin matul il-ħames snin li ppreċedew il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja ACNO FOCUS.

10      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru, 2005, l-intervenjenti sostniet, essenzjalment, li t-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS kienet suġġetta, wara r-reġistrazzjoni tagħha, għal diversi proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-Ġermanja li kienu ġew magħluqa kollha fit-13 Jannar 2004, hekk li l-obbligu ta’ użu mit-trade mark preċedenti kellu effett biss fit-13 ta’ Jannar 2009.

11      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti sostniet essenzjalment li t-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS ġiet irreġistrata fil-Ġermanja fit-23 ta’ Mejju 1996 u li din id-data kienet tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94.

12      Permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2007, id-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u, konsegwentement, ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja ACNO FOCUS. Hija ddeċidiet qabel kollox li l-intervenjenti ma kinitx obbligata tressaq il-prova tal-użu mit-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS, peress li din tal-aħħar kienet suġġetta għal proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-Ġermanja li spiċċaw biss fit-13 ta’ Jannar 2004. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sussegwentement ikkunsidrat li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti nazzjonali FOCUS u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ACNO FOCUS kienu identiċi, li s-sinjali kunfliġġenti kienu, meħuda kollha kemm huma, simili u li għaldaqstant kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti fit-territorju Ġermaniż.

13      Fis-16 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/64 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

14      Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell tal-appellanti. Qabel kollox huwa qies li l-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti kien beda biss fit-13 ta’ Jannar 2004. Sussegwentement, rigward ix-xebh tas-sinjali, il-Bord tal-Appell rrrileva li l-element “acno” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien deskrittiv ta’ karatteristika tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri t-trattament tal-akne, u għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti tat-trade mark. Peress li l-element “focus”, li huwa l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jirriproduċi t-trade mark preċedenti nazzjonali u li prodotti huma identiċi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark ACNO FOCUS;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnha quddiem il-Bord tal-Appell.

16      L-UASI u l-intervenjenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali talbet lill-UASI, skont l-Artikolu 64 tar-regoli tal-proċedura tagħha, li jipproduċi l-kopja tal-sentenza tal-Oberlandesgericht München (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) tat-18 ta’ April 2002 (MICRO FOCUS) u dik tas-sentenza tal-Bundespatentgericht (Qorti Federali tal-Brevetti) tal-10 ta’ Lulju 2003 (AMS), it-tnejn li huma ċċitati fir-risposta tal-UASI. L-UASI kkonforma ma’ din it-talba permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2010.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u t-tieni wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

19      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li huwa “mingħajr ekwivoku” li l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirrikjedi, kemm fir-rigward ta’ trade mark nazzjonali preċedenti kif ukoll ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, il-prova ta’ użu ġenwin f’terminu ta’ ħames snin li jibda jgħodd mid-data ta’ reġistrazzjoni. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-punt tal-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS, ma huwiex għaldaqstant neċessarju li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

20      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirrileva li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, ikun possibbli li jiġi kkunsidrat, minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, tal-Artikolu 26(5) tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz, Liġi Ġermaniża dwar it-Trade marks), tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl 1994 I, p. 3082, u BGBl. 1995 I, p. 156), u tal-Artikolu 10(1) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 17, Vol. 1, p. 92), li, fil-każ fejn it-trade mark preċedenti, li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, tkun hija stess suġġetta għal proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-livell nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali”) wara r-reġistrazzjoni tagħha, il-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti, skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ ħames snin ta’reġistrazzjoni”), jista’ jkun, iżda biss f’ċerti każijiet, id-data tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali.

21      Ir-rikorrenti ssostni fil-fatt li għandha ssir distinzjoni skont jekk il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti kinux jew le intiżi mill-proċeduri ta’ oppożizzjoni nazzjonali. Jekk il-proċeduri ta’ oppożizzjoni nazzjonali huma intiżi għall-prodotti u għas-servizzi kollha koperti mit-trade mark preċedenti, il-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni għandu jibda jiddekorri biss mid-data tat-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali. Għall-kuntrarju, jekk il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali ma jirrigwardawx il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark preċedenti, il-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni għandu jkun id-data ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti fejn jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi mhux intiżi mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali.

22      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li, anki jekk l-oppożizzjoni magħmula fil-kuntest tal-proċedimenti nazzjonali tikkostitwixxi raġuni valida għal nuqqas ta’ użu fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, din ir-raġuni tkun valida biss għall-prodotti u għas-servizzi li jkunu s-suġġetti tal-oppożizzzjoni.

23      Konsegwentement, ebda waħda minn dawn it-tliet interpretazzjonijiet ma tippermetti lill-intervenjenti li tinvoka l-prodotti tal-klassi 3 sabiex topponi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

24      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-approċċ adottat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata jwassal għal “riżultat assurd” li l-intervenjenti, li talbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti FOCUS fl-1996 għal prodotti u servizzi li jaqgħu f’25 klassi differenti tista’, minħabba l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li din it-trade mark kienet suġġetta għalihom fil-Ġermanja, liema proċedimenti ngħalqu fl-2004, tipposponi l-obbligu li tingħata l-prova tal-użu mit-trade mark għal diversi snin wara l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha.

25      L-UASI u l-intervenjenti jirrilevaw, li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 26(5) tal-Markengesetz, ma jistax ikun ikun hemm żewġ dati distinti li minnhom jibda jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni, skont jekk dawn il-prodotti jew servizzi koperti mit-trade mark preċedenti humiex intiżi jew le mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali. Il-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni huwa d-data tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali diretti kontra tagħha, jiġifieri, f’din il-kawża, it-13 ta’ Jannar 2004, u jkunu liema jkunu l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti li jkunu intiżi mill-proċeduri ta’ oppożizzjoni nazzjonali, hekk li l-intervenjenti ma hijiex obbligata li tagħti l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

26      L-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li “fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja li jkun għamel notifika [ta’ oppożizzjoni] għandu jġib provi li, waqt il-perijodu ta’ ħames snin qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it- trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha rreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin”.

27      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li għamel oppożizzjoni ma huwiex obbligat li jagħmel il-prova tal-użu ta’ din it-trade mark sakemm, fid-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, it-trade mark Komunitarja preċedenti ġiet irreġistrata għall-inqas ħames snin qabel.

28      Skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 40/94, “[i]l-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità”.

29      Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-intervenjenti kinitx obbligata li tagħti l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti FOCUS, li hija proprjetarja tagħha, għandu għaldaqstant jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Appell kienx b’mod żbaljat iddeċieda fuq id-data tat-13 ta’ Jannar 2004 bħala l-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni, li minnu jiddependi dan l-obbligu.

30      Għalkemm mill-qari flimkien tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali preċedenti tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 40/94 ma jippermettix li tiġi ddeterminata d-data li fiha t-trade marks nazzjonali preċedenti huma kkunsidrati bħala rreġistrati f’kull Stat Membru.

31      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm id-dritt nazzjonali ta’ trade marks ġie armonizzat bid-Direttiva 89/104, madankollu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl (C‑246/05, Ġabra p. I‑4673, punti 26 sa 31), jirriżulta li din id-direttiva ma tarmonizzax l-aspett proċedurali tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, hekk li huwa l-Istati Membru li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippreżentata lilu li għandu jiddetermina l-mument meta tintemm il-proċedura ta’ reġistrazzjoni skont ir-regoli proċedurali tiegħu stess [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 2008, Rajani vs UASI – Artoz-Papier (ATOZ), T‑100/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36].

32      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni rilevanti fir-Regolament Nru 40/94 jew fid-Direttiva 89/104, għandu jsir riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATOZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

33      F’din il-kawża, sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS, kif barra minn hekk ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, għandu jsir riferiment għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, peress li t-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS kienet ġiet irreġistrata fil-Ġermanja.

34      Huwa paċifiku li, fil-Ġermanja, trade mark reġistrata tista’ tkun suġġett, wara r-reġistrazzjoni tagħha, għal proċedimenti ta’ oppożizzjoni. F’dan il-każ, l-Artikolu 26(5) tal-Markengesetz jipprovdi li “meta l-użu ta’ trade mark huwa rikjest fil-ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, fil-każ li saret oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, id-data tar-reġistrazzjoni hija ssostitwita bid-data tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni”.

35      Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, peress li t-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS kienet suġġetta għal diversi proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-Ġermanja, id-data ta’ reġistrazzjoni tagħha għandha tkun issostitwita bid-data tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jiġifieri t-13 ta’ Jannar 2004, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni.

36      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti li d-data tat-13 ta’ Jannar 2004 għandha tiġi kkunsidrata biss għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS li fir-rigward tagħhom infetħu proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-Ġermanja.

37      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, kif indika l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 26(5) tal-Markengesetz ma jagħmilx distinzjoni skont jekk il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali humiex intiżi jew le għal ċerti prodotti nazzjonali jew servizzi koperti mit-trade mark nazzjonali preċedenti. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sabiex issostni li għandha ssir distinzjoni skont jekk il-prodotti u s-servizzi kinux jew le intiżi mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali.

38      Isegwi mid-deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi, iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata u invokati mill-UASI fir-risposta tiegħu, li fihom huma interpretati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(5) tal-Markengesetz, li jirriżulta li l-fatt li l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali huma intiżi għal ċerti prodotti jew għal ċerti servizzi koperti mit-trade mark preċedenti huwa irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni, li huwa fil-każijiet kollha, skont l-imsemmija ġurisprudenza, id-data tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali mressqa kontra t-trade mark nazzjonali preċedenti [sentenza tal-Oberlandesgericht München tat-18 ta’ April 2002 (MICRO FOCUS) u s-sentenza tal-Bundespatentgericht tal-10 ta’ Lulju 2003 (AMS)]. Skont il-qrati Ġermaniżi, it-trade mark preċedenti rreġistrata fil-Ġermanja tikostitwixxi, mal-prodotti u mas-servizzi koperti minnha, “kunċett kummerċjali ġenerali”. Għaldaqstant ma jistax ikun rikjest li l-proprjetarju tagħha jressaq il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark biss fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi koperti mit-trade mark preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Oberlandesgericht München tat-18 ta’ April 2002, iċċitata iktar ’il fuq). Għandu jiżdied li, anki jekk hija tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż kif spjegat fiż-żewġ deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi ċċitati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda deċiżjoni tal-qorti Ġermaniża li ssostni interpretazzjoni differenti.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ddeċieda li l-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS kien beda jiddekorri biss fit-13 ta’ Jananr 2004, hekk li l-intervenjenti ma kellhiex tagħmel il-prova tal-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tar-rikorrenti li, għalkemm l-oppożizzjoni magħmula fil-kuntest tal-proċedimenti nazzjonali tikkostitwixxi raġuni ġusta għan-nuqqas ta’ użu, din ir-raġuni tista’ tgħodd biss għall-prodotti u għas-servizzi li effettivament kienu s-suġġett tal-oppożizzjoni.

41      Dwar l-argument tar-rikorrenti li l-intervenjenti saret ħatja ta’ manuvri sabiex jiġi evitat li tagħti l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark tagħha, għandu jiġi kkonstatat li hija tibbaża fuq allegazzjonijiet mhux sostanzjati minn provi.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

43      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill‑proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir‑reġistrazzjoni tat-trade mark LI għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit‑territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u tat-13 ta’ Settembru 2010, Procter & Gamble vs UASI – Prestige Cosmetics (P&G PRESTIGE BEAUTE), T‑366/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 49].

45      F’din il-kawża, is-sinjali li għandhom jitqabblu huma, minn naħa, it-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS u, min-naħa l-oħra, il-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni ACNO FOCUS. Fil-fatt, filwaqt li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS kif ukolll-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja FOCUS, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu biss fuq it-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS, li ma huwiex ikkontest mill-partijiet. Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, l-eżami għandu jkun limitat għal tqabbil tat-trade mark nazzjonali preċedenti FOCUS mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ACNO FOCUS.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

46      Peress li t-trade mark preċedenti FOCUS hija trade mark nazzjonali rreġistrata fil-Ġermanja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, tal-perspettiva tal-pubbliku Ġermaniż, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell.

47      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda indikazzjoni dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti. Issa, il-konsumaturi tal-prodotti kosmetiċi u tal-make-up, li huma kważi esklużivament nisa, se juru livell għoli ta’ attenzjoni għal dawn il-prodotti u ser ikunu mdorrija li jirrilevaw id-differenzi bejn it-trade marks differenti.

48      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

49      Fid-dawl tan-natura tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri l-prodotti kożmetiċi u l-make-up, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji, li huma ġeneralment informati u raġonevolment attenti u avżati [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2009, Procter & Gamble vs UASI – Laboratorios Alcala Farma (oli), T‑240/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27, u tal-11 ta’ Novembru 2009, REWE‑Zentral vs UASI – Aldi Einkauf (Clina), T‑150/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33], hekk li l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija superjuri għal dik l-attenzjoni li juri dan il-pubbliku fir-rigward ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum.

50      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tqabbil tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni

51      Iż-żewġ sinjali kunfliġġenti huma intiżi għall-prodotti kożmetiċi u ta’ make-up. Għaldaqstant il-prodotti inkwistjoni huma identiċi, kif iddikjara l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

52      Rigward it-tqabbil tas-sinjali, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, teżisti bejniethom ugwaljanza almenu parzjali f’dak li jikkonċerna aspett, jew diversi aspetti rilevanti [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2006, Volkswagen vs UASI – Nacional Motor (Variant), T‑317/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 46, u tat-8 ta’ Settembru 2010, Quinta do Portal vs UASI – Vallegre (PORTO ALEGRE), T‑369/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 21].

53      L-evawlazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il‑perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandu tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni globabli ta’ din il‑probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha “grad medju, jew ogħla, ta’ xebh” mat-trade mark preċedenti, li hija tirriproduċi b’mod identiku billi żżid l-element “acno”. Huwa jirrileva li l-element “acno”, mill-qrib ħafna fonetikament mal-kelma Ġermaniża “akne”, kien jirreferi għal karatteristika tal-prodotti, jiġifieri t-trattament ta’ problemi tal-akne, u għaldaqstant ma setax ikun distintiv. Għaldaqstant, il-kelma “focus”, li ma tirreferi għal ebda karatteristika tal-prodotti kożmetiċi, hija l-element dominanti tas-sinjal ACNO FOCUS. Il-Bord tal-Appell żied li r-regola li l-konsumatur jagħti iżjed attenzjoni għall-bidu ta’ sinjal ma tiġix applikata b’mod mekkaniku, peress li jekk il-parti inizjali ta’ trade mark hija biss deskrittiva tal-prodotti kkonċernati, il-konsumatur jagħti biss ftit attenzjoni. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li x-xerrej Ġermaniż tal-prodotti kosmetiċi jista’ faċilment jikkonċepixxi li s-sinjal ACNO FOCUS huwa d-denominazzjoni li taħtha min jopponi, proprjetarju tat-trade mark preċedenti, beda jikkumerċjalizza linja ġdida ta’ prodotti għat-trattament tal-akne.

55      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti ma humiex simili u li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom.

56      Għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark preċedenti hija kkostitwita mill-uniku elementi verbali “focus”, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn żewġ elementi verbali, “acno” u “focus”. Iż-żewġ sinjali kunfliġġenti għaldaqstant għandhom element komuni “focus”, peress li l-element “acno” jikkostitwixxi l-komponent li jiddistingwihom.

57      Il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni tal-importanza li għandha tingħata lill-elementi “acno” u “focus” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Skont ir-rikorrenti, l-elment “acno”, imqiegħed fl-ewwel pożizzjoni, jiġbed l-atternzjoni. Barra minn hekk, huwa ma huwiex deskrittiv tal-prodotti intiżi, peress li l-prodotti kożmetiċi u ta’ make-up ma humiex intiżi biss għall-prodotti għat-trattament tal-akne. Skont l-UASI u l-intervenjenti, “focus” hija l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li l-element “acno” huwa deskrittiva ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti intiżi, jiġifieri t-trattament tal-akne.

58      Għandu jiġi rrilevat li l-element “acno” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jirreferi, għall-pubbliku rilevanti, għall-kelma Ġermaniża “akne” li għaldaqstant jista’ jiġi assoċjat ma’ prodotti intiżi għat-trattament tal-akne. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma teskludix kompletament tali rabta. Hija fil-fatt tillimita ruħha li tirrileva li l-prodotti kosmetiċi u tal-make-up ma jkoprux biss il-prodotti intiżi għat-trattament tal-akne, hekk li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-element “acno” għandu karattru deskrittiv fit-rigward ta’ mill-inqas parti mill-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark. Issa, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li sinjal ikun deskrittiv fir-rigward ta’ parti biss tal-prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt kategorija msemmija bħala tali fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jipprekludix li r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal tiġi rrifjutata. Fil-fatt, jekk, f’dan il-każ, is-sinjal inkwistjoni kien irreġistrat bħala trade mark Komunitarja għall-kategorija msemmija, ma hemm xejn li jipprekludi l-proprjetarju tagħha milli jużaha wkoll għal prodotti u servizzi ta’ din il-kategorija li għalihom huwa deskrittiv [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELE AID), T‑355/00, Ġabra p. II‑1939, punt 40, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra p. II‑1927, punt 92].

59      Barra minn dan, l-element “acno” ma jippermettix li tiġi ddevjata l-attenzjoni mill-element “focus” sal-punt li jinbidel b’mod suffiċjenti l-mod kif il-pubbliku jipperċepixxi din it-trade mark. Fil-fatt, peress li l-element “acno” huwa deskrittiv ta’ mill-inqas parti mill-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark, għandu jittieħed inkunsideraazzjoni li l-konsumaturi probabbilment jagħtuh importanza inqas, peress li dan l-element ma jkunx kapaċi jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. Konsegwentement, ikkunsidrata kollha kemm hi, l-impressjoni maħluqa mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ddominata mill-element “focus”, b’tali mod li l-element “acno” jidher inqas fl-istampa ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jibqa’ jiftakar, fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element “acno” ma għandux iktar importanza mill-element “focus”. Għall-kuntrarju, kif ġustament indika l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, l-element “focus” huwa l-element dominanti.

61      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-bidu ta’ sinjal huwa importanti fl-impressjoni globali li dan is-sinjal tipproduċi [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punti 64 u 65, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Focus Magazin Verlag vs UASI – Editorial Planeta (FOCUS Radio), T‑357/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36], għandu jitfakkar li din il-kunsiderazzjoni ma tistax tapplika f’kull każ u, fi kwalunkew każ, ma tistax tqiegħed fid-dubju l-prinċipju li skontu l-eżami tax-xebh bejn it-trade marks għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali mogħtija minn dawn it-trade marks, peress li l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala xi ħaga sħiħa u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2007, Trek Bicycle vs UAS – Audi (ALLTREK), T-158/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 70, u PORTO ALEGRE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29].

62      Huwa fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni li għandu jiġi eżaminat il-grad ta’ xebh li jeżisti bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti.

63      Fuq livell viżiv, is-sinjali kunfliġġenti huma ta’ tul differenti u magħmula minn numru ta’ kliem differenti, hekk li dan ma jistax iwassal għal konklużjoni l-identiċità tagħhom. Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti bejniethom, f’dan il-livell, ċertu xebh sa fejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti għandhom komuni bejniethom l-element “focus”.

64      Fuq livell fonetiku, lanqas ma jista’ jiġi konkluż li hemm identiċità bejn is-sinjali inkwistjoni, peress li l-element “acno” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkontribwixxi sabiex tinħoloq differenza fonetika bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li teżisti differenza fil-pronunzja bejn it-trade mark preċedenti, li hija b’mod partikolari qasira (żewġ sillabi), u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (erba’ sillabi). Madankollu, minħabba l-pronunzja komuni tal-kelma “focus” fiż-żewġ trade marks, jista’ jiġi kkunsidrat li jeżisti ċertu xebh fonetiku bejn żewġ sinjali kollha kemm huma [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2008, Tomorrow Focus vs UASI – Information Builders (Tomorrow Focus), T‑90/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 34].

65      Fuq livell kunċettwali, iż-żewġ trade marks huma pjuttost simili peress li t-tnejn jirreferu, permezz tal-kelma “focus”, għall-idea ta’ “konċentrazzjoni intellettwali” jew ta’ “fokalizzazzjoni” [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tomorrow Focus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u tas-16 ta’ Mejju 2007, Merant vs UASI – Focus Magazin Verlag (FOCUS), T‑491/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 57]. Għandu jiġi preżunt li, grazzi għal dan l-element komuni, il-pubbliku Ġermaniż ser jistabbilixxi rabta kunċettwali bejn iż-żewġ trade marks. Fil-fatt, għalkemm is-sinjifikat tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala iktar preċiż sa fejn l-element “acno” jista’ jirreferi għall-kelma “akne”, l-imsemmija trade mark ma hijiex kunċettwalment ’il bogħod mit-trade mark preċedenti hekk li, għall-pubbliku rilevanti, il-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tinftiehem bħala varjanti ta’ FOCUS.

66      Fl-aħħar nett għandu jiġi indikat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2005, Plus vs UASI – Balz u Hiller (Turkish Power) (T‑34/04, Ġabra p. II‑2401), invokata mir-rikorrenti, ma tpoġġix f’dubju din il-konklużjoni dwar ix-xebh tas-sinjali kunfliġġenti. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, kollu kemm hu, is-sinjifikat tas-sinjal Turkish Power huwa differenti mill-messaġġ li jagħti l-uniku element verbali “power” tat-trade mark nazzjonali preċedenti, b’mod partikolari, li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jżid konnotazzjoni distinta lill-uniku kunċett ta’ forza li jagħti l-uniku element verbali “power” tat-trade mark nazzjonali preċedenti. Hija rrilevat ukoll differenzi sinjifikattivi fil-livelli viżiv u fonetiku bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark verbali preċedenti. Issa, f’din il-kawża, kif ġie indikat hawn fuq, mhux biss it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti huma purament verbali, iżda barra minn hekk għandhom ċertu xebh fil-livelli viżiv u fonetiku.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjali kunfliġġenti huma simili għandha tiġi approvata.

 Fuq il-probabbilità ta’ konfużjoni

68      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax‑xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

69      Ġie kkonstatat iktar ’il fuq li hemm ċertu xebh fuq il-livelli viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prodotti inkwistjoni huma identiċi.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari mill-fatt li l-pubbliku rilevanti jiftakar biss stampa imperfetta tat-trade marks inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2010, Farmeco vs UASI – Allergan (BOTUMAX) T‑131/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36], hekk li l-element komuni tagħhom “focus” joħloq ċerti xebh bejniethom, u mill-interdipendenza tad-diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti.

71      Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud, mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm deċiżjoni fuq it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiżi sabiex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Lancôme parfums et beauté & Cie hija kkundannata għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ April 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.