Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-8 ta’ Frar 2022 – Right to Know CLG vs An Taoiseach

(Kawża C-84/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Right to Know CLG

Konvenut: An Taoiseach

Domandi preliminari

Rekords ta’ laqgħat formali tas-setgħa eżekuttiva ta’ gvern ta’ Stat Membru, li fihom membri tal-gvern huma meħtieġa li jiltaqgħu u jaġixxu bħala awtorità kollettiva, għandhom jiġu kkaratterizzati, għall-fini ta’ talba għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali inkluża fihom, bħala “komunikazzjonijiet interni” jew bħala “proċedimenti” ta’ awtorità pubblika fit-tifsira ta’ dawk il-kliem kif stipulati, rispettivament, fl-Artikolu 4(1)(e) u fl-inċiż (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2), rispettivament, tad-Direttiva 2003/4/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE?

Il-prinċipju ta’ res judicata (kif diskuss f’Köbler, Kawża C-224/01 1 , u ġurisprudenza sussegwenti) jestendi lil hinn mid-dispożittiv tas-sentenza preċedenti, u jinkludi, barra minn hekk, konstatazzjonijiet ta’ fatt u liġi li jidhru fis-sentenza preċedenti? Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ res judicata huwa limitat għal kawża ta’ estoppel, jew jestendi għal “issue estoppel”?

Fi proċedimenti pendenti bejn partijiet rigward allegat nuqqas ta’ osservanza mad-Direttiva 2003/4/KE konċernanti talba speċifika għal informazzjoni ambjentali, fejn applikant jew il-persuna li tagħmel it-talba irnexxielu jew irnexxielha jkollu jew ikollha deċiżjoni annullata b’uħud mill-ilmenti bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni Ewropea sostnuti u oħrajn miċħuda, il-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività tipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ res judicata bbażata fuq “issue estoppel” li teħtieġ li qorti nazzjonali, fi proċedimenti ġodda li jikkonċernaw deċiżjoni oħra dwar l-istess talba, li teskludi lil tali applikant jew persuna li tagħmel it-talba milli tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni oħra fuq raġunijiet ibbażati fuq il-liġi tal-Unjoni li kienu preċedentement miċħuda iżda, fiċ-ċirkustanzi, mhux appellati?

Ir-risposta għat-tielet domanda iktar ’il fuq hija affettwata mill-fatti li: (i) l-ebda rinviju għal deċiżjoni preliminari ma sar lill-Qorti tal-Ġustizzja; u (ii) ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kienet inġabet għall-attenzjoni tal-qorti nazzjonali mill-ebda waħda mill-partijiet?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375.

1 Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003 (EU:C:2003:513).