Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Mejju 2011(*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jirrigwardaw l-elementi ta’ spejjeż li jirriżultaw minn obbligi ta’ servizz pubbliku dwar għajnuna mill-Istat – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali ta’ terz – Sigriet professjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Trattament ugwali – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru”

Fil-Kawżi magħquda T‑109/05 u T‑444/05,

Navigazione Libera del Golfo Srl (NLG), li qabel kienet Navigazione Libera del Golfo SpA, stabbilita f’Napoli (l-Italja), irrappreżentata minn S. Ravenna, u A. Abate, avukati,

rikorrenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Taljana, inizjalment irrappreżentata minn I. Braguglia, bħala aġent, u M. Fiorilli, avvocato dello Stato, sussegwentement minn M. Fiorilli u R. Adam I., bħala aġent, u fl-aħħar nett minn I. Bruni, avvocato della Stato,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u A. Vitro, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑444/05,

u minn

Caremar SpA, stabbilita f’Napoli, irrappreżentata inizjalment minn G. M. Roberti, A. Franchi u G. Bellitti, sussegwentement minn M. Roberti, G. Bellitti u I. Perego, avukati,

intervenjenti fil-Kawżi T‑109/05 u T‑444/05,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni D (2005) 997, tat-3 ta’ Frar 2005, u D (2005) 9766, tat-12 ta’ Ottubru 2005, li rrifjutaw l-aċċess lir-rikorrenti għal ċerta data li ma hijiex riprodotta fil-verżjoni ppubblikata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/163/KE, tas-16 ta’ Marzu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat mħallsa mill-Italja lill-kumpanniji marittimi Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (Gruppo Tirrenia) (ĠU 2005, L 53, p. 29),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skont l-Artikolu 255 KE:

“ 1.      Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

3.      Kull istituzzjoni msemmija hawn fuq għandha telabora fir-Regoli ta’ Proċedura tagħhad-disposizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tagħha.”

2        Skont l-Artikolu 287 KE:

“Il-membri ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Komunità, ikunu meħtieġa ukoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirreferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.”

3        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previsti fl-Artikolu 255 KE.

4        Taħt it-titolu “Għan”, l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistipula li dan huwa intiża li “jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni previsti fl-Artikolu 255 [KE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

5        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.”

6        Skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-finijiet tiegħu, “dokument” ifisser “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

7        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiddefinixxi l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, jistipula kif ġej:

“ […]

2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7. L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

8        L-Artikolu 7, intitlolat “Proċessar ta’ applikazzjonijiet fil-bidu”, jipprovdi:

“1.      Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa’ 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.

[…] ”

9        Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 [KE] u 195 [KE], rispettivament.”

10      Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jiddefinixxi l-proċeduri applikabbli għall-eżerċizzju, mill-Kummissjoni Ewropea, tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 88 KE li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

11      Taħt it-titolu “Drittijiet tal-partijiet interessati”, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“1.      Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

2.      Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

3.      Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skont l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

12      L-Artikolu 25, intitolat “Riċevitur tad-deċiżjonijiet”, jipprovdi:

“Deċiżjonijiet meħudha […] għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika [dawn id-deċiżjonijiet] lill-Istat Membru kkonċernat mingħajr dewmien u biex tagħti lill-dan ta’ l-aħħar l-opportunità li jindika lill-Kummissjoni liema informazzjoni jikkonsidra li għandha tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali.”

13      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2003) 4582, tal-1 ta’ Diċembru 2003, dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat (ĠU C 297, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat”), li tiddeskrivi l-modalitajiet ta’ trattament li l-Kummissjoni beħsiebha tirriżerva għall-applikazzjonijiet ppreżentati mill-Istati Membru bħala destinatarji ta’ deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat sabiex ċerti partijiet minnhom jitqiesu bħala koperti bis-sigriet professjonali u b’hekk ma jkunux jidhru fil-verżjoni ppubblikata tad-deċiżjoni, tipprovdi fil-punt 3.1:

“Is-sigrieti kummerċjali jistgħu jikkonċernaw biss l-informazzjoni relatata ma’ impriża li għandha valur ekonomiku reali, jew potenzjali, u li l-iżvelar jew l-użu tagħha jista’ jkollu valur ekonomiku għal impriżi oħra. Bħala eżempji klassiċi, jistgħau jissemmew il-metodi għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż tal-manifattura u tad-distribuzzjoni, il-metodi sigrieti tal-manifattura [...] u l-proċedura ta’ manifattura, is-sorsi ta’ provvista, il-kwantitajiet prodotti u mibjugħa, l-ishma tas-suq, il-listi tal-klijenti u tad-distributuri, l-istrateġiji kummerċjali, l-istruttura tal-prezzijiet tal-produzzjoni, il-politika tal-bejgħ u l-informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni interna tal-impriża.”

14      Huwa wkoll b’mod partikolari pprovdut fil-punt 3.2, intitolat “Tagħrif ieħor kunfidenzjali” li l-informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni u mal-ispejjeż ta’ servizzi pubbliċi normalment ma humiex ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenzjali oħra għalkemm jistgħu jirrigwardaw is-sigrieti kummerċjali jekk il-kriterji stabbiliti fil-punt 3.1 huma sodisfatti.

 Il-fatt li wasslu għall-kawża u l-proċedura

15      Fid-deċiżjoni tagħha 2005/163/EC, tas-16 ta’ Marzu 2004, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja lill-kumpanniji marittimi Adriatica, Caremar, Siremar, u Saremar u Toremar (Gruppo Tirrenia) (ĠU 2005, L 53, p. 29), il-Kummissjoni parzjalment laqgħet talba ppreżentata mill-awtoritajiet Taljani sabiex titneħħa, fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni, id-data relatata mal-elementi tal-ispiża tal-kumpaniji marittimi Adriatica, Caremar, Siremar, u Saremar u Toremar (iktar ’il quddiem, il-grupp “Tirrenia Group”) li jinsabu fit-tabelli inklużi fil-punti 128 u 140 tal-imsemmija deċiżjoni.

16      Il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, Navigazione Libera del Golfo Srl (NLG), il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni 2005/163, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

17      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2004, S. Ravenna, avukat tar-rikorrenti, talbet lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tibgħatilha t-test sħiħ tad-Deċiżjoni 2005/163, inkluża “d-data analitika li ma [kinitx] riprodotta fit-tabelli inklużi fil-[premessi] 128 u 140 tal-[imsemmija] deċiżjoni, inkluża l-elementi dettaljati ta’ spejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar u b’mod partikolari dwar is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri pprovduti fuq il-linja Napoli/Capri, kemm permezz ta’ vapuri kif ukoll permezz ta’ mezzi veloċi”.

18      Id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Enerġija u Trasport” tal-Kummissjoni wieġeb għall-applikazzjoni ta’ aċċess għall-imsemmija dokumenti, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Diċembru 2004, li biha irrifjuta l-aċċess għad-data tat-tabelli li jinsabu fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163. Huwa kkunsidra li l-imsemmija premessi kienu koperti mill-eċċezzjoni pprovduta fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li l-istituzzjoni tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika. Hija speċifikat li l-imsemmija data għandha tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.

19      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Jannar 2005, S. Ravenna ppreżentat applikazzjoni konfermatorja, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001.

20      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2005 li għandha n-numru ta’ riferenza D (2005) 997 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti, peress li kkunsidra li l-iżvelar tad-data mitluba rigward it-tqassim tal-ispejjeż għal kull kumpannija fil-kalkolu tal-kumpens annwali mogħti għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi tal-grupp Tirrenia u jikkostitwixxi vantaġġ għal impriżi oħra. Skont il-Kummissjoni, din it-tip ta’ informazzjoni ma ġietx ikkomunikata lill-partijiet interessati li lilhom id-deċiżjoni ġiet nnotifikata skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 287 KE, li ma tiżvelax lill-partijiet interessati l-informazzjoni li, min-natura tagħhom, huma koperti bis-sigriet kummerċjali. Hija tiġġustifika r-rifjut, a fortiori, permezz tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn il-pubblikazzjoni tal-ispejjeż tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati.

21      Il-Kummissjoni żiedet li l-ebda interess pubbliku superjuri ma jiġġustifika li titwarrab in-neċessità li jiġu protetti l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji billi ssir pubblika l-informazzjoni relatata mal-funzjonament intern tagħhom. Hija kkunsidrat, ukoll, li aċċess parzjali għad-dokument, kif ippprovdut mill-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, kien diġà ngħata.

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2005 ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, irreġistrati bin-numru ta’ riferenza T‑109/05.

23      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Settembru 2005 tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, Caremar SpA tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tall-Kummissjoni.

24      Peress li l-Kummissjoni eċċeppiet l-inammissibbiltà tar-rikors fir-risposta tagħha, għar-raġuni li l-imsemmi rikors ma kienx ġie ppreċedut minn applikazzjoni inizjali u wara konfermattiva tar-rikorrenti stess, skont l-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, S. Ravenna, waqt li speċifikat espliċitament li kellha mandat mir-rikorrenti, tenniet, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2005, l-applikazzjoni tagħha ta’ aċċess għal dokumenti. Hija talbet speċifikament il-komunikazzjoni tad-dokumenti biss li fihom informazzjoni u data dettaljata trasmessa mill-awtoritajiet Taljani sabiex tiġġustifika l-ispejjeż addizzjonali differenti sostenuti kull sena minn Caremar fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kienu ngħatawlha għat-trasport ta’ passiġġieri fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri (l-Italja), kemm permezz ta’ vapuri kif ukoll permezz ta’ mezzi veloċi.

25      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2005, id-DĠ “Enerġija u Trasport” tal-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għall-imsemmija dokumenti, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija mmotivat ir-rifjut tagħha billi speċifikat li, peress li dawn l-imsemmija documenti ġew mill-awtoritajiet Taljani, huwa kellu, skont l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 5(4)(b) tad-Deċiżjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom, tal-tal-5 ta’ Diċembru 2001 li emendat ir-regolament intern tagħha (ĠU L 345, p. 94), tikkonsulta lill-awtoritajiet Taljani li għarrfuh li huma jopponu l-iżvelar tad-dokumenti.

26      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti dwar l-ispejjeż addizzjonali sostenuti kull sena mill-kumpannija marittima Caremar sabiex teżegwixxi l-obbligi ta’ servizz pubbliku li kienu ngħatawlha fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri.

27      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ottubru 2005 bin-numru ta’ riferenza D (2005) 9766 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma r-rifjut inizjali tad-DĠ “Enerġija u Trasport” tat-28 ta’ Lulju 2005. Sa fejn l-awtoritajiet Taljani kienu opponew l-iżvelar ta’ data dwar l-ispejjeż addizzjonali sostnuti minn Caremar sabiex tipprovdi s-servizz pubbliku fil-linji kkonċernati u s-sussidju annwali mogħti lill-kumpannija għall-eżekuzzjoni ta’ din il-missjoni, huwa kkunsidra li għandha ssir applikazzjoni tal-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa speċifika li, peress li l-awtoritajiet Taljani kienu opponew espliċitament għall-iżvelar ta’ din id-data, huwa ma setax jiggarantixxi aċċess parzjali għad-dokument inkwistjoni skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, skont hi, ma kinux rilevanti għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni konfermattiva, l-argumenti, li għalihom tirreferi r-rikorrenti fl-applikazzjoni tagħha, rigward l-Artikoli 87 KE u 88 KE, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjiali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10), u l-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma proċeduri rigward l-għajnuna mill-Istat u huma drittijiet tal-partijiet f’dawn il-proċeduri. Id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, stipulat fir-Regolament Nru 1049/2001, ma jiddependix fuq il-kwalità jew l-interessi speċifiċi tal-applikant.

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2005 ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, irreġistrata bin-numru ta’ riferenza T‑444/05.

29      Permezz ta’ digrieti tad-19 ta’ Settembru 2006 tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Taljana ġew ammessi sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

30      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Ottubru 2006, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li Caremar tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

31      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Diċembru 2006 il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Kawżi T‑109/05 u T‑444/05 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

32      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilu.

33      Skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali għamlet żewġ domandi bil-miktub lill-partijiet. Permezz tal-ewwel domanda, innotifikata lill-partijiet fl-10 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ntalbet tispeċifika jekk hija kienx għad għandha interess ġuridiku fil-Kawża T‑109/05 fid-dawl tal-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tat-tieni deċiżjoni kkontestata, li hija s-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑444/05. Permezz tat-tieni domanda, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi eventwali, għal dawn il-kawżi, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389).

34      Ir-rikorrenti rrispondiet li hija għandha interess ġuridiku fil-Kawża T‑109/05 tant li l-Kummissjoni żammet l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, osservat li, għalkemm iż-żewġ rikorsi itendu, essenzjalment, li jiksbu aċċess għall-istess dokumenti, ir-rikors fil-Kawża T‑444/05 kien issostitwit bir-rikors fil-Kawża T‑109/05, li sar għalhekk mingħajr suġġett.

35      Għat-tieni domanda, il-Kummissjoni rrispondiet billi speċifikat li l-awtoritajiet Taljani kellhom jimmotivaw l-oppożizzjoni abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li nuqqas possibbli ta’ motivazzjoni ma jkollu bl-ebda mod xi effett, f’din il-kawża, fuq il-legalità tal-att, peress li r-rifjut motivat tal-awtoritajiet Taljani jorbotha u jobbligha li tiċħad l-applikazzjoni ta’ aċċess.

36      Fit-22 ta’ Jannar 2009, il-Qorti Ġenerali ħadet it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, li titlob lill-Kummissjoni sabiex jiċċaraw x’riedet tgħid meta hija sostniet, fir-risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2008, li “r-rikors fil-Kawża T‑444/05 kien issostitwit minħabba r-rikors fil-Kawża T‑109/05”, li kien għalhekk sar irrilevanti. Il-Qorti Ġenerali stednitha sabiex tispeċifika jekk hija minn dan tiddeduċix li hija kienet effettivament irtirat l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li hija s-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑109/05, u jekk dan ma kienx il-każ, jekk hi għandhiex l-intenzjoni li tirtira din l-ewwel deċiżjoni.

37      Il-Kummissjoni rrispondiet li r-rikors fil-Kawża T‑444/05 kien ippreżentat biss minħabba l-fatt li l-ewwel rikors ma kienx debitament preċedut mill-fażi amministrattiva f’isem ir-rikorrenti u li, minħabba dan il-fatt, kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Għal din ir-raġuni, it-tieni rikors se jissostitwixxi l-ewwel wieħed, li ma għandux lok li jeżisti iżjed b’mod awtonomu u, f’dan is-sens, isir mingħajr suġġett.

38      Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2009, Tirrenia di Navigazione vs Il‑Kummissjoni (T‑265/04, T‑214/04, u T‑504/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra), li annullat id-Deċiżjoni 2005/163, il-Qorti Ġenerali saqsiet it-tielet domanda bil-miktub, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, innotifikata fis-17 ta’ Marzu 2009, li fiha stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi tal-imsemmija sentenza għall-Kawżi T‑109/05 u T‑444/05.

39      Ir-rikorrenti kkunsidrat li hija għad għandha interess ġuridiku attwali fiż-żewġ kawżi minħabba n-neċessità li jkollha data relatata mal-ammont ta’ spejjeż attwalment sostnuti min Caremar, fir-rigward ta’ servizzi pubbliċi mogħtija fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri, kif ukoll sussidji li ngħatawlha għal dan il-għan sa fejn dawn id-dokumenti jistgħu jippermettulha li tibda kull azzjonijiet ġudizzjarji eventwali.

40      Il-Kummissjoni kkunsidrat li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2005/163 mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorsi fil-Kawżi T‑109/05 u T‑444/05 kienu saret mingħajr għan, peress li r-rikorrenti ma għadx għandha interess li titlob l-annullament ta’ deċiżjonijiet li jirrifjutawlha l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

41      Miżuri ġodda ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġew adottati skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tas-7 ta’ April 2010.

42      Permezz ta’ digriet tal-12 ta’ April 2010, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura sabiex tipproduċi ċertu numru ta’ dokumenti.

43      Waqt is-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2010, il-Qorti Ġenerali nnutat li l-Kummissjoni rrinunzjat l-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà fil-Kawża T‑444/05.

44      Permezz ta’digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, il-Qorti Ġenerali fetħet mill-ġdid, skont l-Artikolu 62 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-proċedura orali. Il-partijiet ġew mistiedna sabiex jikkummentaw dwar il-konsegwenzi li huma ġibdu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

 It-talbiet tal-partijiet

45      Fil-Kawża T‑109/05, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

46      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–                  tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–                 tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

47      Caremar titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa t-talbiet tal-Kummissjoni;

–        tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

48      Fil-Kawża T‑444/05, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tiddikjara inapplikabbli għall-fatti f’din il-kawża, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

49      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

50      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Qorti Ġenerali għandha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat.

51      Il-Kummissjoni titlob essenzjalment li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħal infondat.

52      Caremar titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni waqt li tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–         tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Dwar ir-rikors fil-Kawża T‑109/05

1.     Fuq is-suġġett tal-kawża

a)     L-argumenti tal-partijiet

53      Il-Kummissjoni ssostni li s-suġġett tar-rikors huwa limitat għad-dokumenti mitluba biss fil-fażi amministrattiva u mhux, kif issostni r-rikorrenti, għal-elementi ta’ spejjeż marbuta ma’ obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ Caremar għal għaxar vjaġġi kuljum lejn il-gżira ta’ Capri. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti emendat is-suġġett tal-kawża.

54      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra, fir-risposta tagħha tas-27 ta’ Marzu 2009 għad-domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali li, wara s-sentenza Tirrenia di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il ‘fuq, li annullat id-Deċiżjoni 2005/163, ir-rikorsi fil-Kawżi T‑109/05 u T‑444/05 saru mingħajr suġġett, peress li r-rikorrenti ma għandhiex interess li titlob l-annullament ta’ deċiżjonijiet li rrifjutawlha l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

55      Ir-rikorrenti ssostni li t-talba tagħha tikkonsisti essenzjalment fil-ksib tad-data u tad-dokumenti relatati għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq Caremar fuq il-linja marittima Napoli-Beverello/Capri.

56      Fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub li kienet notifikata lilha fl-10 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti indikat li hija għad għandha interess ġuridiku fil-Kawża T‑109/05 sakemm il-Kummissjoni żżomm l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Hija tenniet din il-pożizzjoni fir-risposta tagħha tat-23 ta’ Marzu 2009, għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li hija ġibdet għal dawn ir-rikorsi fis-sentenza Tirrenia di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, li annullat id-Deċiżjoni 2005/163.

57      Caremar tikkunsisdra li t-talba inizjali tar-rikorrenti hija limitata għat-test sħiħ tad-Deċiżjoni 2005/163 kif ukoll għad-data analitika mhux riprodotta fil-premessi 128 u 140 tal-istess deċiżjoni. Waqt is-seduta, Caremar kkunsidrat li dan ir-rikors kien nieqes minn suġġett peress li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2005/163 mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Tirrenia di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, id-data li tinsab fil-premessi 128 u 140 tal-imsemmija deċiżjoni ma teżistix iktar. Hija tikkonkludi minn dan li l-kundizzjonijiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni huwa sodisfatti f’din il-kawża.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Għandu jiġi osservat li t-talba ta’ aċċess għal dokumenti, kif jirriżulta fl-ittra tal-24 ta’ Novembru 2004, tikkonsisti fil-kisba tat-test sħiħ tad-Deċiżjoni 2005/163, inkluża d-data analitika li ma hijiex riprodotta fit-tabelli inklużi fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163, inklużi l-elementi ddettaljati tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar u li jirrigwardaw b’mod partikolari u speċifiku s-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri żgurata mil-linja marittima Napili-Beverello/Capri.

59      Fir-rikors tagħha kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ddikjarat li riedet tikseb id-data dwar l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-obbligi ta’ servizz pubbliku sostnuti minn Caremar għall-vjaġġi mal-gżira ta’ Capri.

60      Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-Kummissjoni u Caremar, ma kien hemm f’din il-kawża, bidla fis-suġġett tal-kawża, li hija intiża għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, sa fejn ir-rikorrenti kienet biddlet is-sustanza tad-dokumenti relattivi għat-talba inizjali tagħha. Għalkemm ir-rikorrenti, matul il-proċedura bil-miktub, speċifikat id-dokumenti li hija xtaqet tikseb, madankollu għandu jiġi li l-elementi ddettaljati tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti kull sena mill Caremar u li jirrigwardaw b’mod partikolari u speċifiku s-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri pprovdut i fuq il-linja marittima Napoli-Beverello/Capri kemm permezz ta’ vapuri kif ukoll permezz ta’ mezzi veloċi li huma fost id-dokumenti mitluba fit-talba inizjali.

61      Dwar l-argument li dan ir-rikors ma għandux suġġett sa fejn ir-rikorrenti ma għandux iktar interess li jitlob l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata ewwel wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2005/163 mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Tirrenia di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, peress li l-data li tinsab fil-premessi 128 u 140 tal-imsemmija deċiżjoni ma għadhiex teżisti, lanqas dan ma jista’ jiġi aċċettat.

62      Fil-fatt, għandu jitfakkar li kull persuna tista’ titlob aċċess għal kull dokument ta’ istituzzjonijiet, mingħajr ebda ġustifikazzjoni partikolari għal aċċess għad-dokumenti mitluba. Għalhekk, persuna li jkun ġie rrifjutat lilha l-aċċess għal dokument jew parti minn dokument, għal din ir-raġuni biss, għandu diġà interess fl-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T‑174/95, Ġabra p. II‑2289, punti 66 u 67, u tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, punt 26). Anki jekk id-Deċiżjoni 2005/163 kienet ġiet annullata, id-dokumenti li jkunu stabbilew id-data analitika tal-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163 għadhom jeżistu.

63      Minn dan isegwi li, minkejja l-annullament tad-Deċiżjoni 2005/163, ir-rikorrenti għad għandha interess ġuridiku kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata sa fejn id-dokumenti mitluba ma kinux żvelati u li l-ewwel deċiżjoni kkontestata għadha fis-seħħ. Għalhekk, dan ir-rikors intiż għal annullament tal-imsemmija deċiżjoni ma sarx mingħajr suġġett.

2.     Fuq l-ammissibbiltà

a)     L-argumenti tal-partijiet

64      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni formali ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli għar-raġuni li l-fażi prekontenzjuża obbligatorja saret mill-avukat tar-rikorrenti f’isimha proprju u għan-nom tagħha stess u mhux mir-rikorrenti nnifisha.

65      Filwaqt li tirrikonoxxi li hija dejjem kienet konxja mill-fatt li S. Ravenna kienet qed taġixxi fil-kuntest ta’ attività professjonali fl-interess tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis madankollu li hija ma tistax taġixxi f’isem ir-rikorrenti fil-fażi kontenzjuża meta hija ma kinitx għamlet iż-żewġ fażijiet inizjali tal-proċedura ta’ aċċess f’isimha proprju.

66      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tinvoka interess individwali, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, peress li l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti ta’ istituzzjonijiet ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ kwalunkwe interess, iżda huwa rregolat fuq il-prinċipji u fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament 1049/2001.

67      Ir-rikorrenti tirrispondi li l-argumenti tal-Kummissjoni huma wisq legalistiċi, għaliex hija kienet taf li hi kienet regolarment irrappreżentata u difiża minn S. Ravenna. Barra minn hekk, il-kontenut tat-talba hija mmotivata b’mod suffiċjenti sabiex jinftiehem li din it-talba tirrigwarda l-preżervazzjoni tad-drittijiet tagħha għal rimedju ġudizzjarju eventwali.

68      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li hija tista’ ġustament tiġi kkunsidrata bħala direttament u individwalment ikkonċernata fis-sens tar-raba’ pargrafu tal-Artikolu 230 KE sa fejn id-Deċiżjoni 2005/163 ssemmiha b’mod espliċitu.

69      Caremar ssostni t-talbiet tal-Kummissjoni, peress li tikkunsidra li hija S. Ravenna li għandha tintroduċi, bħala attur fil-proċedura prekontenzjuża, ir-rikors għal annullament kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

70      Għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva ta’ aċċess għal dokumenti, irregolata mir-Regolament Nru 1049/2001, isseħħ f’żewġ stadji suċċessivi, skont l-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmi regolament. L-imsemmi Artikolu 7 jirregola l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali. It-tweġiba għal din l-applikazzjoni li jkun fiha rifjut totali jew parzjali jew in-nuqqas ta’ risposta fit-terminu rikjest tippermetti lill-applikant li jipprezenta applikazzjoni sabiex l-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha. B’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirregola l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali, ir-rifjut totali jew parzjali tal-aċċess għad-dokumenti mitluba f’applikazzjoni konfermatorja jippermetti lill-applikant jippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-istituzzjoni, għall-eżerċizzju tar-rikors għal annullament.

71      Qabelkollox għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni inizjali tal-24 ta’ Novembru 2004 kif ukoll l-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess għad-dokumenti tal-4 ta’ Jannar 2005 saret u ġiet iffirmata minn S. Ravenna, avukat tar-rikorrenti, mingħajr ma issemma espliċitament, bħala tali, li hemm rabta ta’ rappreżentanza mar-rikorrenti.

72      Madankollu, jirriżulta mit-termini tal-applikazzjoni inizjali li S. Ravenna kienet qed taġixxi għan-nom tar-rikorrenti, peress li din tal-aħħar talbet lill-Kummissjoni sabiex tibgħatilha t-test sħiħ tad-Deċiżjoni 2005/163 u kienet spjegat li r-rikorrenti kienet tenħtieġ din l-informazzjoni sabiex ikollha għarfien sħiħ tad-deċiżjoni inkwistjoni.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet taf li S. Ravenna kienet qed tirrappreżenta lir-rikorrenti, peress li hija ssemmiet fl-ittra tad-DĠ “Enerġija u Trasport” tas-7 ta’ Diċembru 2004, bi tweġiba għall-applikazzjoni inizjali għal aċċess għal dokumenti, “il-kumpannija NLG li inti tirrappreżenta.” Barra minn hekk, hija wżat, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, l-espressjonijiet li ġejjin: “id-deċiżjoni nnotifikata lill-klijent tiegħek” u “l-interessi tal-klijent tiegħek”.

74      Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-kontenut tal-ittri kemm ta’ S. Ravenna kif ukoll tal-Kummissjoni, li S. Ravenna kienet qed taġixxi f’isem ir-rikorrenti matul il-fażi amministrattiva.

75      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikors huwa ammissibbli.

3.     Fuq il-mertu

76      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-l-eċċezzjoni pprovduta fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tat-tieni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-tielet wieħed, fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u r-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

77      Għandu jiġi eżaminat qabelkollox ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

a)     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

78      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma analizzatx l-oġġett tal-applikazzjoni tagħha għal dokumenti li jikkonsisti fl-iżvelar ta’ dokumenti li fihom l-informazzjoni dwar l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ Caremar relatati mal-linja Napoli-Beverello/Capri. Hija lanqas ma eżaminat id-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat li tipprovdi espressament fil-punti 14 u 17 dwar in-neċessità li tiġi ppublikata d-data dwar l-ispejjeż addizzjonali, skont l-obbligi ta’ servizz pubbliku.

79      Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-iżvelar ta’ informazzjoni rigward il-ġurisprudenza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark ”), u għamlet applikazzjoni parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405).

80      Il-Kummissjoni u Caremar isotnu li l-argumenti dwar nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata huma totalment infondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

81      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tagħti b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, safejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 59).

82      Fir-rigward ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti, meta l-istituzzjoni inkwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f’kull każ, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li jkun qiegħed jintalab l-aċċess għalihom ikunu effettivament jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, b’anloġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi u van der Wal vs Il-Kummissjoni, C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1, punt 24). Madankollu, jista’ jkun impossibbli li jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ kull dokument, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, u, għaldaqstant, mingħajr mal-eċċezzjoni tiċċaħħad mill-finalità essenzjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, T‑264/04, Ġabra p. II‑911, punt 37).

83      Fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, hija għalhekk l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jaqax fl-ambitu tal-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relattiva għal din l-eċċezzjoni hijiex reali.

84      Il-motivazzjoni għal deċiżjoni li tirrifjuta aċċess għal dokumenti għandhom jinkludu, għall-inqas għal kull kategorija ta’ dokumenti kkonċernata, ir-raġunijiet speċifiċi li l-istituzzjoni inkwistjoni tikkunsidra li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jaqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet pprovduti mir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 56, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 101).

85      F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni għal aċċess mir-rikorrenti tirrigwarda d-dokumenti li ġejjin: it-test sħiħ tad-Deċiżjoni 2005/163, inkluża d-data analitika li ma hijiex riprodotta fit-tabelli inklużi fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163, inklużi magħha l-elementi dettaljati tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar u li jirrigwardaw is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri pprovduti fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri, kemm permezz ta’ vapur kif ukoll permezz ta’ mezzi veloċi.

86      Il-Kummissjoni mmotivat ir-rifjut tagħha li tiżvela d-dokumenti mitluba fit-termini li ġejjin:

“ […]

1.      Suġġett tal-applikazzjoni

L-applikazzjoni tiegħek għal ċerta data li tinsab fit-tabelli ta’ [premessi] 128 u 140 tad-deċiżjoni [2005/163]. Fil-fatt, fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni [2005/163], li inti għandek, it-tqassim tal-ispejjeż tħalla barra, filwaqt li l-ammont tal-ispejjeż jidher.

2.       Protezzjoni ta’ interessi kummerċjali

Id-data mħollija barra mill-verżjoni tad-Deċiżjoni [2005/163] ddestinata lill-pubbliku tirrigwarda t-tqassim tal-ispejjeż li ttieħed inkunsiderazzjoni, għal kull waħda mill-kumpaniji reġjonali, fil-kalkolu tal-kumpens annwali mogħti għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali.

L-iżvelar tad-data f’ċifri jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-kumpaniji involuti u jkun ta’ vantaġġ għal kumpanniji oħra. Din hija data relatata mal-funzjonament intern tal-impriżi tal-grupp Tirrenia. L-informazzjoni ta’ din in-natura ma hijiex ikkomunikata lill-partijiet interessati li lilhom hija nnotifikata d-deċiżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [KE]. Konsegwentement, id-data koperta mis-sigriet kummerċjali tħalliet barra mid-deċiżjoni nnotifikata lill-klijent tiegħek, il-kumpannija Navigazione Libera del Golfo [NLG] permezz ta’ ittra rreġistrata tal-20 ta’ Lulju 2004.

Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija marbuta, skont l-Artikolu 287 [...] KE li ma tiżvelawx lill-partijiet interessati informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperti bis-sigriet professjonali, bħal, b’mod partikolari, data dwar il-funzjonament intern tal-kumpannija benefiċjarja.

A fortiori, ir-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, jipprojbixxi l-komunikazzjoni ta’ tali data. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati u tikser l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

3.      Aċċess parzjali

It-talba aċċess tirrigwarda biss data f’ċifri li kienu tħallew barra mill-verżjoni ppubblikata. Dawn id-data kollha koperti mill-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali. Aċċess parzjali għad-dokument, kif iprovdut fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaldaqstant ikun diġà ingħata.

[…] ”

87      Rigward il-motivazzjoni relatata mar-rifjut li tiġi żvelata d-data informazzjoni analitika fit-tabelli inklużi fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tippreċiża b’mod espliċitu fil-punt 2 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata li l-iżvelar ta’ data f’ċifri mitluba mir-rikorrenti jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji involuti u jikkostitwixxi vantaġġ għall-impriżi l-oħra u tkun tikser l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tippreċiża wkoll li din id-data hija koperta mis-sigriet kummerċjali u li, barra minn hekk, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999, tali data ma hijiex ikkomunikata lill-partijiet interessati. Fil-punt 4 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika li ma jkunx hemm in-neċessità li jiġu protetti l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji billi l-informazzjoni relatata mal-funzjonament interni tagħhom tiġi ppubblikata.

88      Dwar l-ilmenti li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għaliex hija ma applikatx id-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u naqset milli tispjega l-applikazzjoni tas-sentenza Altmark u tas-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar, skont ġurisprudenza stabbilita, li ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni hija dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att li tissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu għandhiex tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 100, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Għaldaqstant, fir-rigward tad-data analitika li tinsabu fil-punti 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163, l-ewwel deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, b’tali mod li jippermetti lir-rikorrenti li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda u li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

90      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrestrinġiet is-suġġett tal-applikazzjoni għal dokumenti, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 1 tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, għad-data f’ċifri biss li jinsabu fit-tabelli inklużi fil-premessi 128 tad-Deċiżjoni 2005/163. Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tieni parti tal-applikazzjoni tar-rikorrenti dwar id-data dettaljata li biha hija tista’ tikkalkula l-ispejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar u li jirrigwardaw speċifikatament is-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri pprovduti fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri, kemm bil-vapur kif ukoll minn mezzi veloċi.

91      Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni għaliex l-iżvelar ta’ dokumenti li fihom l-imsemmija data jista’ effetticament jippreġudika aspett kwalunkwe tal-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali, ir-rikorrenti ma setgħetx tkun taf il-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda sabiex tiddefendi d-drittijiet tiegħu u l-Qorti Ġenerali nnifisha, konsegwentement, ma tistax tevalwa għaliex id-dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet bbażati fuq l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, punti 115 sa 118, 122, 125, 127).

92      Minn dan isegwi li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Kummissjoni ma kkomunikatx ir-raġunijiet li bihom ir-rikorrenti tista’ tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tar-rifjut ta’ aċċess għall-elementi ta’ spejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar rigward is-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri pprovdut fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri kemm permezz ta’ vapuri kif ukoll permezz ta’ mezzi veloċi.

93      Għaldaqstant, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata peress li din hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-applikazzjoni speċifika għal elementi ddettaljati tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar dwar is-servizzi u trasport ta’ passiġġieri żgurati fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri kemm permezz ta’ vapuri kif ukoll permezz ta’ mezzi veloċi.

94      Madankollu, għandha tiġi eżaminata l-legalità fil-mertu tal-ewwel deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda d-data analitika tal-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163, peress li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward kienet suffiċjenti.

b)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni pprovduta fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

95      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel parti hija bbażata fuq bażi ġuridika żbaljata u t-tieni parti fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-għażla tal-bażi legali

–       L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti tinnota li l-Kummissjoni, sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ Caremar, tibbaża ruħha mhux biss fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999, fuq l-Artikolu 287 KE kif ukoll fuq il-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.

97      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod żbaljat fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2004 fuq il-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat. Sa fejn l-ewwel deċiżjoni kkontestata tikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut tas-7 ta’ Diċembru 2004 u għaldaqstant tibbaża ruħha fuq l-istess dispożizzjonijiet dwar il-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat, din hija vvizzjata minn difett ta’ forma.

98      Fl-ipoteżi fejn għandu jsir riferiment għall-imsemmija komunikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li din tal-aħħar tipprevali fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn il-kunċetti ta’ sigriet professjonali u/jew informazzjoni kunfidenzjali huma iktar speċifiċi u komprensivi mill-Artikolu 4 tar-Regolament 1049/2001.

99      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti hija fattwalment inkorretta, peress li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma ssemmix il-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-istat, iżda hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

100    Caremar issostni l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

101    Skont il-ġurisprudenza, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tweġiba għall-applikazzjoni inizjali ma hija xejn ħlief teħid ta’ pożizzjoni inizjali, li tagħti lill-applikant il-possibbiltà li jitlob lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jeżamina mill-ġdid il-pożizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 47, u Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 35).

102    Konsegwentement hija biss il-miżura adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li għandha n-natura ta’ deċiżjoni u li tissostitwixxi kompletament it-teħid ta’ pożizzjoni preċedenti, li tista’ tipproduċi effetti legali ta’ natura li jista’ jkollhom inċidenza fuq l-interessi tal-applikant u, minħabba f’hekk, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punti 47 u 48; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Co‑Frutta vs Il-Kummissjoni punt 84 iktar ’il fuq, punti 34 sa 36). Minn dan isegwi li r-riposta għall-applikazzjoni inizjali ma tipproduċix effetti ġuridiċi u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat.

103    F’din il-kawża, il-risposta tal-DĠ “Enerġija u Trasport” tas-7 ta’ Diċembru 2004 issemmi biss il-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tikkunsidra li d-data mitluba hija kunfidenzjali skont l-imsemmija komunikazzjoni.

104    L-ewwel deċiżjoni kkontestata, adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li tikkostitwixxi l-unika miżura fil-natura ta’ deċiżjoni u li tissostitwixxi kompletament it-teħid ta’ pożizzjoni preċedenti tas-7 ta’ Diċembru 2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punti 47 u 48, ara wkoll, f’dan is-sens, Co‑Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 34 sa 36), ma jirreferux għall-imsemmija komunikazzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

105    Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-motivazzjoni li fuqha d-DĠ “Enerġija u Trasport” ibbaża ruħu fit-teħid ta’ pożizzjoni inizjali u li ma kinitx invokata mis-Segretarju Ġenerali fl-ewwel deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 2003, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑47/01, Ġabra p. II‑4441, punti 28 sa 33).

106    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       L-argumenti tal-partijiet

107    Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-iżvelar ta’ data li tikkorrispondi għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ Caremar ma jistax jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Id-data relatata mal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku tirrigwarda metodi ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ manifattura, ta’ distribuzzjoni, ta’ sigrieti tal-kummerċ, u għaldaqstant ma tistax tkun sigriet kummerċjali.

108    Ir-rikorrenti tikkunsidra li r-rispett tat-trasparenza impost mis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ipprovdut fl-Artikoli 87 KE u 88 KE, jimponi li jkunu pubbliċi l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, peress li dan jirrigwarda servizzi ta’ interess pubbliku. Dan ir-rekwiżit ta’ żvelar u ta’ trasparenza, li jirriżulta mit-trattat, kien ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (Ġurnal Uffiċjali, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420), u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 3577/92. Ir-rekwiżit ta’ trasparenza huwa iktar neċessarju f’din il-kawża, peress li Caremar ma ntgħażlitx permezz ta’ sejħa għal offerti għal kuntratt pubbliku.

109    Hija tqis ukoll li r-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela d-data korrispondenti għall-ispejjeż addizzjonali kontenzjużi ma huwiex kompatibbli mas-sentenza Altmark, punt 79 iktar ’il fuq, sa fejn il-Kummissjoni żviluppat regoli vinkolanti ad hoc meta imponiet f’każijiet analogi li ssir analiżi komparattiva tal-ispejjeż tas-servizz kontenzjużi ma’ dawk ta’ impriżi li joperaw f’kundizzjonijiet simili. Tali analiżi tkun inkonsistenti mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u/jew il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali ta’ Caremar.

110    Hija tikkontesta wkoll ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għas-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq sa fejn hija ma hijiex rilevanti għal din il-kawża.

111    Skont hi, l-interess pubbliku jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fil-kuntest tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Hija tikkunsidra li, sa fejn ma hemm l-ebda interess kummerċjali li għandu jiġi protett, ma huwiex meħtieġ li tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar.

112    Hija tinnota wkoll li Caremar la tiġġustifika u lanqas ma tressaq l-iċken prova tan-natura kunfidenzjali tad-data mitluba, u fuq kollox tal-vantaġġi kummerċjali li jista’ jkollha fl-ipoteżi li hija jkollha għarfien ta’ din id-data. Issa, hija tikkunsidra li Caremar ma tinkorri f’ebda riskju kummerċjali meta tagħmel pubbliku din id-data, li tikkorrispondi għat-telf u għas-sussidji mogħtija mill-awtoritajiet Taljani u għaldaqstant ma jaqgħux taħt l-interess kummerċjali.

113    Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni tagħha hija estranja għall-għan ta’ din il-proċedura peress li tikkonċerna t-test sħiħ tad-Deċiżjoni 2005/163. Għalkemm hija tirrikonoxxi li “t-tabelli li jinsabu fil-punti 128 u 140 tad-Deċiżjoni [2005/163] sabiex jirriproduċu l-informazzjoni aggregata limitata fuq l-attivitajiet tal-kumpanniji [tal-grupp Tirrenia]”, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni hija fil-pussess ta’ dokumenti li bihom tista’ tiġi kkalkulata d-data f’ċifri.

114    Ir-rikorrenti tosserva, fir-replika tagħha, li d-dokumenti mitluba huma parzjalment ta’ natura storiku sa fejn jinvolvu sussidji mogħtija lil Caremar fi żmien preċedenti għall-perijodu ta’ ħames snin pprovduta fit-tieni inċiż tal-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.

115    Wara l-mistoqsija miktuba magħmula tal-Qorti Ġenerali dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet ta’ fatti u ta’ dritt tal-imsemmija sentenza ma humiex sodisfatti, peress li dawn huma relatati mal-interpretazzjoni tat-tilet inċiż tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li ma invokatx f’dan il-każ.

116    Il-Kummissjoni twieġeb li hija effettivament ppubblikat id-data globali relatata mal-ispejejż tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku u ħbiet biss id-data relatata mal-elementi tal-prezz ta’ spiża, jiġifieri dwar l-istruttura tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-kumpannija.

117    Filwaqt li l-Kummissjoni tfakkar li s-suġġett ta’ din il-kawża hija limitata biss għad-dokument mitlub matul l-istadju amministrattiv, hija tikkunsidra li r-rikorrenti ma tiħux inkunsiderazzjoni d-distinzjoni magħmula mill-ġurisprudenza bejn il-kunċett ta’ dokumenti u dak ta’ informazzjoni.

118    Fir-rigward tal-portata tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni li n-neċessità enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja li tinżamm konsistenza bejn il-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat u l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti għandha portata ġenerali u tapplika wkoll meta l-Kummissjoni għandha tipproteġi l-interessi kummerċjali ta’ terzi, kemm jekk ikun fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat u fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

119    Caremar issostni li ġustament l-Kummissjoni kkunsidrat li d-data mitluba kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali pprovduta fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija osservat li d-data mħollija barra fit-tabelli inklużi fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163 tirrigwarda l-ispejjez kollha sostnuti minn kull kumpannija reġjonali, id-dħul mill-operat, u l-ammont ta’ sussidji annwali li kienu ngħataw. Bħall-Kummissjoni, hija tikkunsidra li r-rikorrenti ma writex li hemm żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni pprovduta fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, lanqas x’ikun l-interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Madankollu, hija tipproduċi tinvoka dan fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha sabiex titlob lill-istituzzjoni li tiddeċiedi dwar dan il-punt.

120    Fir-rigward tal-portata tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, bħall-Kummissjoni, Caremar issostni li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-preżunzjoni ġenerali li tirriżulta mill-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat li fiha saret l-applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

121    Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif tindika l-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt l-iktar wiesa’ ta’ aċċess għal dokumenti ta’ istituzzjonijiet. Dan japplika għad-dokumenti kollha miżmumu minn istituzzjoni, jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament.

122    Skond l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ġuridika speċifika, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokument speċifikat.

123    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet tal-aċċess għal dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-iktar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Ir-Renju tal-Isvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05, Ġabra p. I‑4723, punt 36).

124    Barra minn hekk, l-eżami mitlub għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti għandu jkun konkret. Fil-fatt, is-sempliċi ċirkustanza li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Bħala prinċipju, tali applikazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għal dokument b’mod konkret u effettivament kienx jippreġudika l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk kienx jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punt 123; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Svezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 123 iktar ’il fuq, punt 49).

125    Barra minn hekk, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku. Għaldaqstant, l-eżami li trid tagħmel l-istituzzjoni sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation/Commission, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punt 69, u Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 115).

126    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tal-eċċezzjoni pprovduta fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

127    F’dan il-kawża, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal dokumenti peress li l-iżvelar tad-data f’ċifri li tinsab fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163 jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti u jikkostitwixxi vantaġġ għal kumpanniji oħra u b’hekk jikser id-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

128    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti li għalihom l-eċċezzjoni hija invokata jista’ jkollhom informazzjoni kunfidenzjali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali. Fil-fatt, id-data f’ċifri li ma hijiex żvelata tikkorrispondi mat-tqassim tal-ispejjeż u mad-dħul tal-grupp Tirrenia minn fejn ittieħed inkunsiderazzjoni l-kumpens annwali mogħti għat-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ġenerali u huma għaldaqstant jistgħu jkunu koperti minn sigrieti kummerċjali.

129    Ċertament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokument tal-istituzzjonijiet jirreferi biss għal dokumenti u mhux għal informazzjoni mifhuma b’mod iktar ġenerali u ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom id-dmir li jwieġbu għal kull talba ta’ informazzjoni ta’ individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rikorrenti effettivament talbet l-aċċess għal dokumenti li fihom tinsab id-data analitak li ma ġietx riprodotta fid-Deċiżjoni 2005/163.

130    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni għamlitx evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni tar-rikorrenti.

131    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa mixtieq li l-istituzzjoni kkonċernata tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    B’hekk hija kkunsidrat ukoll li, f’dak illi jirrigwarda l-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, tali preżunzjonijiet ġenerali jistgħu jirriżultaw mir-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll mill-ġurisprudenza li tirrigwarda d-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punt 55).

133    Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li għall-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuni interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat fil-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat ma jiddisponux mid-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u, għalhekk li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali fejn l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, fil-prinċipju, iwassal għal ħsara lill-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ ispezzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, punt 44 iktar ’il fuq, punt 61).

134    F’din il-kawża, id-dokumenti mitluba jikkkorrispondu għall-verżjoni kunfidenzjali tad-Deċiżjoni 2005/163 kif ukoll għal dawk li bihom ġie permess li tinkiseb id-data f’ċifri li ma hijiex riprodotta fil-premessi 128 u 140 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali.

135    Għalkemm l-imsemmija dokumenti huma parti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-verifika ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali tqis li ma jistax jiġi preżunt li l-iżvelar ta’ elementi ta’ spejjeż addizzjonali marbuta ma’ obbligi ta’ servizz pubbliku kif ukoll tad-dokumenti kollha li bihom tista’ tinkiseb din id-data f’ċifri jippreġudika l-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali ta’ Caremar, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

136    Barra minn hekk, tali preżunzjoni ġenerali tmur kontra l-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, li tipprovdi fil-premessa 17 tagħha li l-informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni u mal-ispejjeż ta’ servizzi pubbliċi normalment ma hijiex ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali oħra.

137    Konsegwentement, f’din il-kawża hija l-Kummissjoni li għandha teżamina jekk l-iżvelar ta’ dokumenti jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali konkretament u effettivament jippreġudikax l-interess protett.

138    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, meta nnutat li d-data mħollija barra tirrigwarda t-tqassim tal-ispejjeż li ttieħed inkunsiderazzjoni għal kull waħda mill-kumpanniji reġjonali fil-kalkolu tal-kumpens annwali mogħti għat-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ġenerali u meta kkunsidrat li l-iżvelar tad-data f’ċifri jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ Caremar, il-Kummissjoni wettqet eżami konkret u effettiv tad-dokumenti inkwistjoni. Fil-fatt, fir-rigward tan-natura tad-dokumenti mitluba li jikkonsistu minn data f’ċifri tal-istess natura, jiġifieri l-elementi differenti tal-ispejjeż ta’ Caremar ibbażati fuq il-kontijiet tagħha tal-operat u li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kumpens annwali kif ukoll il-metodi ta’ kalkolu sabiex jinkisbu, il-Kummissjoni setgħet, meta għaqqdithom taħt isem komuni, tevalwa konkretament u effettivament l-imsemmija data.

139    Fuq il-kwistjoni tal-fondatezza tar-rifjut tal-Kummissjoni li tikkomunika d-dokumenti mitluba, id-data analitika li ma hijiex riprodotta fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163 tikkorrispondi għall-elementi tal-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tas-sussidju annwali u huma bbażati fuq studju ta’ konsulenza dwar l-evalwazzjoni tal-kriterji għas-sottomissjoni tal-kontijiet tal-operat skont il-linja u skont l-istaġun tal-kumpanniji tal-grupp Tirrenia. Dawn l-elementi differenti tal-ispejjeż ibbażati fuq il-kontijiet ta’ operazzjoni ta’ Caremar għas-sena 2000 (premessa 128 tad-Deċiżjoni 2005/163) u l-iżvilupp tal-elementi differenti tal-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-sussidju annwali mill-1992 sal-2000 (premessa 140 tad-Deċiżjoni 2005/163) jinkludu: i) il-kummissjonijiet ta’ aġenzija u l-ispejjeż ta’ akkwist, ii) it-taxxi tal-port u l-ispejjeż ta’ transitu tal-port u spejjeż oħra marbuta mal-moviment ta’ vapuri, iii) l-ispejjeż ta’ eżerċizzju li jikkorrispondu għall-ispejjeż relatati mal-ekwipaġġ, iv) l-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-vapuri, v) l-ispejjeż ta’ deprezzament, vi) l-ispejjeż finanzjarji netti, vii) spejjeż relatati mal-persunal amministrattiv u l-ispejjeż ġenerali, viii) l-ispejjeż l-oħra li jikkorrispondu għat-taxxi u t-tariffi, bl-esklużjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

140    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta, skont l-Artikolu 287 KE, li ma tiżvelax lill-partijiet interessati informazzjoni li, min-natura tagħhom, huma koperti bis-segretezza professjonali, bħal, b’mod partikolari, data dwar il-funzjonament intern tal-impriża benefiċjarja (sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 63). Is-sigrieti kummerċjali huma ddefiniti bħala informazzjoni li mhux biss l-iżvelar tagħha lill-pubbliku, izda wkoll is-sempliċi trażmissjoni tagħha lil persuna differenti minn dik li tkun tat l-informazzjoni tista’ serjament tkun ta’ dannu għall-interessi ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni, T‑353/94, Ġabra p. II‑921, punt 87). Huwa meħtieġ li l-interessi li jistgħu jiġu ppreġudikati mill-iżvelar tal-informazzjoni jkunu oġġettivament jistħoqqilhom protezzjoni. L-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni b’hekk teħtieġ, f’dan ir-rigward, l-ibbilanċjar tal-interessi leġittimi li jipprekludu l-iżvelar tagħha u tal-interess ġenerali, li jitlob li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jsiru kemm bl-ikbar rispett għall-prinċipju ta’ ftuħ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 71, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punt 65).

141    F’din il-kawża, id-data inkwistjoni, kif ukoll dokumenti li fuqhom hija bbażata, li tikkorrispondi għall-kontijiet ta’ operazzjoni kif analizzati minn ditta ta’ awditjar, huma s-sigrieti kummerċjali tal-kumpannija kkonċernata. Fil-fatt il-Kummissjoni, meta kkomunikat din id-data, bagħtet lill-kompetituri ta’ Caremar il-kontijiet tagħha ta’ riżultati fuq diversi snin, li dan iwassal li jibgħat lill-kompetituri l-ispejjeż fuq il-linji differenti ta’ trasport u jista’ jippreġudika l-interessi ta’ din il-kumpannija.

142    Għaldaqstant, ġustament li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-iżvelar ta’ tali data li tikkorrispondi għall-elementi tal-ispejjeż bbażati fuq il-kontijiet tal-operat ta’ Caremar jistgħu jkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tagħha u jikser id-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

143    Ċertament, kif osservat ir-rikorrenti, l-informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni u mal-ispejjeż ta’ servizzi pubbliċi ma humiex normalment ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenzali, dan kif jirriżulta mill-premessa 17 tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.

144    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li huwa speċifikat fil-punt 3.1 tal-imsemmija komunikazzjoni li tali informazzjoni relatata mal-organizzazzjoni u mal-ispejjeż ta’ servizzi pubbliċi tista’ tkun sigriet kummerċjali meta din l-informazzjoni tkun tirrigwarda impriża jew għandha valur ekonomiku reali, jew potenzjali, u l-iżvelar tagħha jew l-użu tagħha jista’ jkollha valur ekonomiku għal impriżi oħra. Għalkemm, kif huwa mqajjem mir-rikorrenti, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza jiġġustifika l-iżvelar tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ sussidju pubblika f’deċiżjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi nnutat li mis-sistema stabbilita mit-Trattati, b’mod partikolari mill-Artikolu 1 UE, mill-Artikoli 254 u 255 KE, kif ukoll mill-prinċipju li jipprovdi li d-deċiżjonijiet jittieħdu bil-miftuħ u mill-eżiġenza ta’ trasparenza fl-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji, stabbiliti f’dawn l-artikoli, jirriżulta li fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jordnaw jew jipprojbixxu espressament il-pubblikazzjoni, l-istituzzjonijiet, bħala regola, għandhom il-fakultà li jagħmlu pubbliċi l-atti li jadottaw. Madankollu, jeżistu eċċezzjonijiet għal din ir-regola sa fejn id-dritt Komunitarju, partikolarment permezz tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li s-sigriet professionali jiġi osservat, jipprekludi l-iżvelar ta’ dawn l-atti u ta’ ċerta informazzjoni li tkun tinsab fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, punt 140 supra, punt 61).

145    Dwar is-sentenza Altmark, punt 79 iktar ’il fuq, li fuqha tibbaża r-rikorrenti sabiex tikkunsidra li l-elementi ta’ spejjeż marbuta ma’ obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom isiru pubbliċi sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-kriterji definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkunsidrat li kumpens mill-Istat kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-parametri li fuqhom il-kumpens huwa kkalkolat għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, iżda ma tispeċifikax li l-elementi ta’ spejjeż marbuta ma’ obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu żvelati.

146    Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat, kif tallega r-rikorrenti, jekk ma hemmx interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumneti minkejja l-preġudizzju li jirriżulta għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ Caremar.

147    Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tiegħu hija rrinunzjata, jekk l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni huwa ġġustifikat minn interess pubbliku superjuri. F’dan il-kuntest, għandu jkun ibbalanċjat mill-istituzzjoni, minn naħa, l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’mod paritkolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri, sehem aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Svezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 123 iktar ’il fuq, punt 45).

148    Barra minn hekk, l-interess partikolari li jista’ jsostni l-applikant għall-aċċess għal dokument li jikkonċernah personalment ma jistax jittiħed inkunsiderazzjoni bħala interess pubbliku superjuri fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 137). Minn dan isegwi li l-interess privat li tinvoka r-rikorrenti jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi tagħha sabiex tippreżenta rikors ma jikkostitwixxix interess pubbliku superjuri fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

149    Dwar l-argument tar-rikorrenti li d-data mitluba kellha tiġi żvelata sa fejn hija tikkonċerna sussidji mogħtija minn Caremar għal perijodu preċedenti ta’ 5 snin, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jkollu, b’mod partikolari, sunt tal-motivi mressqa u li ma huwiex permess li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jitqajmu fil-mori tal-proċedura. Motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Għall-kuntrarju, motiv li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa bbażat fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma fil-mori tal-proċedura għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kien hemm xejn xi jżomm lir-rikorrenti milli jressqu dan il-motiv fl-istadju tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra p. I‑8547, punti 17 sa 19, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, T‑75/06, Ġabra p. II‑2081, punt 136).

150    F’din il-kawża, ir-rikorrenti, meta tallega, fl-istadju tar-risposta, li d-data hija qadima wisq sabiex tiġi kkunsidrata bħala data sensittiva, qajmet tardivament argument ġdid sabiex issostni li l-imsemmija data għandha tiġi żvelata. Ma jistax jiġi deċiż li dan l-ilment huwa limitat għal amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi qabel u huwa għaldaqstant inammissibbli.

151    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

153    Ir-rikorrenti tikkunsidra li saret diskriminazzjoni magħha sa fejn il-Kummissjoni ppubblikat, f’deċiżjoni preċedenti dwar l-għajnuna mill-Istat, l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-ammont ta’ għajnuna korrispondenti [Deċiżjoni 2001/156/KE tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Lulju 2000. dwar għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur is-settur tat-trasport marittimu (kuntratt ġdid ta’ servizzi pubbliċi marittimi) (ĠU L 57, p. 32) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Trasmediterranea”)]. Hija tinnota li l-imsemmija deċiżjoni tirrendi pubblika d-data dwar l-obbligi ta’ servizz pubbliku, linja b’linja, li b’hekk jippermettu lill-kumpanniji kompetituri sabiex jivverifikaw il-fondatezza tagħha.

154    Il-Kummissjoni tirrispondi li d-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrenti ma għandha l-ebda bażi fattwali, sa fejn, fid-deċiżjoni Trasmediterranea, ir-riżultati totali tal-kumpannija nħbew u l-elementi relatati mal-elementi differenti tal-prezz ma ġewx ippubblikati.

155    Fi kwalunkwe każ, il-pubblikazzjoni ta’ data f’deċiżjoni tiddependi fuq l-applikazzjoni għal ipproċessar kunfidenzjali ta’ Stati Membri u/jew ta’ partijiet interessati. Skont il-Kummissjoni, varjazzjoni sempliċi tal-prattika amministrattiva ma tfissirx neċessarjament l-illegalità ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikati jew ma tiġix ippubblikata ċerta data. Hija żżid fir-replika tagħha, li l-kuntesti legali taż-żewġ deċiżjonijiet huma differenti. Fid-deċiżjoni Trasmediterranea, kien neċessarju li jiġu analizzati l-ispejjeż ta’ linji differenti, peress li r-Renju ta’ Spanja kien rabat l-għoti ta’ ħajnuna lil kull linja marittima minkejja li, f’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana kienet ibbażat is-sistema fuq l-ispejjeż totali għal kull operatur.

156    Caremar tinnota li l-approċċ relatat mal-kunfidenzjalità kien simili fid-deċiżjoni Trasmediterranea. Hija osservat li, fid-deċiżjoni Trasmediterranea, id-data relattiva għal kull element tal-ispiża u r-riżultati globali ta’ ġestjoni tal-impriża nħbew. Ġiet ippubblikata biss l-istima globali tal-ispejjeż u tad-dħul li kumpannija responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ servgizz pubbliku rreġistrat fl-istaġun għoli u dak baxx.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

157    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, Ġabra p. II‑2823, punt 150), u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 56).

158    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tikkunsidra li ġiet iddiskriminata sa fejn, fid-deċiżjoni Trasmediterranea, il-Kummissjoni ppubblikat id-data relatata mal-obbligi ta’ servizz pubbliku għal kull linja marittima.

159    Anki jekk jitqies, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti, li s-sitwazzjoni tagħha hija paragunabbli ma’ dik ta’ kull persuna li tixtieq li jkun jaf bid-data relatata mal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku fid-deċiżjoni Trasmediterranea, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreżentat b’mod differenti l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku billi ddistingwiet, speċifikament, meta mqabbla mad-Deċiżjoni 2005/163, l-ispejjeż varjabbli u l-ispejjeż fissi ta’ spejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku, it-total tal-ispejjeż marbuta mal-obbligi ta’servizz pubbliku biss ġie ppubblikat fid-Deċiżjoni Trasmediterranea u fid-Deċiżjoni 2005/163, u mhux id-dettalji ta’ kull spiża meħuda inkonsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kumpens annwali.

160    Minħabba dak li ntqal hawn fuq, ma jistax għaldaqstant jiġi konkluz li r-rikorrenti kienet suġġett għal trattament diskriminatorju.

161    Għaldaqstant, it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 L-argumenti tal-partijiet

162    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, tenfasizza l-ħtieġa għall-protezzjoni tad-data globali mingħajr ma tiġi indirizzata n-natura ad hoc tal-applikazzjoni għal aċċess għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku għal-linja Napoli-Beverello/Capri. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, meta ġġeneralizzat l-applikazzjoni tagħha, kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li, jekk parti biss tad-dokument mitlub huwa koperti minn waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet msemmija qabel, il-partijiet l-oħra tad-dokument huma żvelati. Fil-fatt, mill-ewwel deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax sa fejn l-iżvelar ta’ data parzjali dwar il-linja Napoli-Beverello/Capri jista’ jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ Caremar.

163    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għad-data globali li ġiet ippubblikata fid-Deċiżjoni 2005/163, ma tispjegax ir-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda ta’ aċċess parzjali, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

164    Il-Kummissjoni tirrispondi li d-data mitluba hija dik li tinsab fit-tabelli inklużi fil-premessi 128 u 140 tad-Deċiżjoni 2005/163, li ma tinkludix l-ispejjeż relatati mal-linja unika Napoli-Beverello/Capri.

165    Caremar, bħall-Kummissjoni, issostni li dan il-motiv ma huwiex fondat, peress li kkunsidrat li f’din il-kawża ma setax ikun hemm aċċess parzjali għad-data, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

166    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tallega, insostenn ta’ dan il-motiv, li l-Kummissjoni ħalliet barra parti mill-applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-applikazzjoni tagħha ta’ aċċess għall-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku għal-linja Napoli-Beverello/Capri. Mill-imsemmi motiv ma jirriżultawx ilmenti speċifiċi dwar il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

167    Peress li l-ilmenti tar-rikorrenti jirrigwardaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jsir riferiment għal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-punti 81 sa 93 iktar ’il fuq.

168    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jintlaqa’ parzjalment, għandha tiġi annullata parzjalment l-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif speċifikat fil-punt 93 iktar ’il fuq, u l-kumplament tar-rikors fil-Kawża T-109/05 għandu jiġi miċħud.

B –  Dwar ir-rikors fil-Kawża T-444/05

169    Fil-kuntest tar-rikors tagħha fit-Kawża T-444/05, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-raba’ wieħed, fuq użu ħażin ta’ proċedura u fuq użu ħażin ta’ poter, u l-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ drittijiet tad-difiża. Sussidjarjament, ir-rikorrenti teċċepixxi, fil-kuntest tas-sitt motiv, l-illegalità tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

170    Qabelkollox għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

1.     L-argumenti tal-partijiet

171    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet tliet żbalji meta kkonsultat l-awtoritajiet Taljani skont l-Artikolu 4(1) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u bbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ qbil tal-awtoritajiet Taljani sabiex tiġġustifika rifjut ta’ aċċess għad-data mitluba.

172    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummisjoni, meta kkonsultat lill-awtoritajiet Taljani, kisret ir-regoli ta’ pubblikazzjoni ta’ elementi tal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku li ma jippermettux l-identifikazzjoni, il-kwalifika u l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku u li huma kkumpensati permezz tal-għajnuna mill-Istat, il-pubbliċità tad-data hija rikjesta, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ trasparenza imposta mis-sistema ta’ għajnuna mill-Istat, mill-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.

173    Fit-tieni lok, peress li tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermettu biss li jiġi kkonsultat it-terz awtur tad-dokument inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kellha tikkonsulta lil Caremar u mhux lill-awtoritajiet Taljani, peress li d-dokumenti mitluba ġejjin minn Caremar. Għaldaqstant il-bażi legali magħżula hija żbaljata.

174    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li paragun bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, analiżi tas-sistema previżta mill-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, kif ukoll it-termini tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Marzu 2005, Scippacercola vs Il-Kummissjoni (T‑187/03, Ġabra p. II‑1029), iwasslu għall-konklużjoni li l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 tirreferi għad-dokumenti li l-Istat Membru huwa l-awtur tagħhom.

175    Skont hi, jekk l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt tal-veto fir-rigward tal-iżvelar ta’ dokument li joriġina minn dan l-Istat, l-individwi jkunu awtomatikament esklużi mid-dritt għal aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-istat.

176    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Taljani hija irrilevanti, peress li l-awtoritajiet Taljani u Caremar kellhom jiġu kkonsultati fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999.

177    Il-Kummissjoni qabelkollox tirrispondi li l-ilmenti tar-rikorrenti huma inammissibbli u infondati. L-applikazzjoni tal-awtoritajiet Taljani sabiex ma jiġix żvelat id-dokument abbażi tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija vinkolanti u tista’ tiġi kkontestata biss quddiem qorti Taljana, minkejja li hija tikkostitwixxi l-bażi ta’ att ulterjuri.

178    Rigward it-tliet ilmenti mqajma mir-rikorrenti, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti bbażati fuq allegati rekwiżiti ta’ trasparenza dwar l-għajnuna mill-Istat u tal-Komunikazzjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat huma irrilevanti, peress li l tieni deċiżjoni kkontestata ġiet adottata skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

179    Qabelkollox, rigward il-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li l-pubblikazzjoni ta’ ċerta data f’deċiżjoni tista’ tiddependi fuq il-fatt li l-Istat Membru u/jew l-interessati talbu trattament kunfidenzjali, jew, għall-kuntrarju, awtorizzaw il-pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni.

180    Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 relatat mal-konsultazzjoni ta’ terzi b’mod ġenerali ma huwiex applikabbli f’din il-kawża, peress li d-dokumenti kkomunikati mill-Istati Membri jaqgħu taħt il-lex specialis tal-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament.

181    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament jirreferi mhux biss għad-dokumenti li l-Istati Membri huma l-awturi tagħhom, iżda wkoll għal kull dokument li joriġina minn dawn l-Istati.

182    Hija ssostni wkoll li jirriżulta wkoll mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-ġurisprduenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali li d-dritt rikonoxxut lill-Istat Membri li jeżerċitaw il-veto tagħhom għall-iżvelar tad-dokumenti, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa ġġustifikat mill-fatt li dan ir-regolament huwa la għandu l-għan u lanqas għandu l-effett li jemenda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċess għal dokumenti.

183    In segwitu għal domanda bil-miktub innotifikata lill-partijiet fl-10 ta’ Ottubru 2008 li tistedinhom sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mis-sentenza l-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33, iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hemżet mar-riposta tagħha ittra tal-awtoritajiet Taljani tat-8 ta’ Lulju, 2005, li fiha jirriżulta li dawn tal-aħħar irrifjutaw li jiżvelaw lir-rikorrenti d-dokumenti mitluba għar-raġuni li tali żvelar jista’ jippreġudika l-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali ta’ Caremar, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001. Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani kellhom konsegwentement jimmotivaw l-oppożizzjoni tagħhom abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija żiedet li n-nuqqas eventwali ta’ motivazzjoni ma jaffettwa bl-ebda mod, f’din il-kawża, il-legalità tal-att, peress li r-rifjut motivat tal-awtoritajiet Taljani jorbotha u jobbligha sabiex tiċħad l-applikazzjoni ta’ aċċess u li, fi kwalunkwe każ, hija tista’ tagħti lok biss sabiex ikun hemm deċiżjoni ġdida, identika, fil-mertu, għat-tieni deċiżjoni kkontestatai [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punt 97, u tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 263].

184    Fit-tielet lok, rigward l-ilment li l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet Taljani hija mingħajr suġġett peress li dawn kienu diġà ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tirrispondi li preċiżament minħabba li r-Repubblika Taljana kienet diġà opponiet għall-iżvelar ta’ data analitika li tinsab fit-tabelli li jinsabu fil-premessi 128 u 140 tal-verżjoni kunfidenzjali tad-Deċiżjoni 2005/163 li hija kellha l-obbligu li tikkonsulta l-imsemmi Stat Membru qabel ma tiddeċiedi fuq it-talba ta’ aċċess għal data ta’ natura simili, skont ir-Regolament 1049/2001.

185    Ir-Repubblika Taljana, il-Kunsill u Caremar isostnu l-Kummissjoni f’kull argument tagħha. Ir-Repubblika Taljana u Caremar ifakkru b’mod partikolari li, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T‑168/02, Ġabra p. II‑4135), il-Qorti Ġenerali ċċarat il-portata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi ppreċiżat li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru d-dritt li jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokumenti li joriġinaw minnha mingħajr il-kunsens tagħha minn qabel. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, applikazzjoni tal-Istat Membru, taħt din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi inġunzjoni lill-istituzzjoni li ma tiżvelax id-dokument inkwistjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

186    L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni lment tar-rikorrenti tat-li l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirreferi għad-dokumenti li l-Istat Membru huwa l-awtur tagħhom.

187    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-leġiżlatur Komunitarju, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari abolixxa r-regola tal-awtur li kienet ipprevaliet sa dak iż-żmien. B’hekk kif jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43), mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom, tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58), u mid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 97/632/KE, KEFA, Euratom, tal-10 ta’ Lulju 1997, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew (ĠU L 263, p. 27), tali regola implikat li, meta dokument miżmum minn istituzzjoni għandu bħala awtur persuna fiżika jew ġuridika, Stat Membru, istituzzjoni oħra jew korp Komunitarju ieħor jew kull korp nazzjonali jew internazzjonali ieħor, l-applikazzjoni ta’ aċċess għal dokument għandha tiġi indirizzata direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument (sentenza Svezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 56).

188    Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, mhux talli ma jirreferix biss għad-dokumenti li tagħhom l-Istati Membri huma l-awturi jew li kienu ġew magħmula minn dawn tal-aħħar, iżda l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkonċerna potenzjalment kull dokument “li ġej” minn Stat Membru, jiġifieri d-dokumenti kollha, indipendentement mill-awtur, li Stat Membru jittrażmetti lil istituzzjoni. F’dan il-każ, l-uniku kriterju rilevanti huwa dak tal-provenjenza tad-dokument u tat-tneħħija mill-Istat Membru kkonċernat ta’ dokument li kien fil-pussess tiegħu (sentenza Sveżja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 61).

189    Ir-rikorrenti ssostni wkoll fil-kuntest ta’ dan l-ilment li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istat Membru għandu dritt ta’ veto għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minn dan tal-aħħar u trażmess lill-istituzzjonijiet twassal li ċċaħħad lil kull individwu mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn dak l-Istat.

190    Għandu jitfakkar li, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkkomunika lir-rikorrenti d-dokumenti fuq l-ispejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar sabiex teżegwixxi l-obbligi ta’ servizz pubbliku li ngħatawlha fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri, għar-raġuni li l-awtoritajiet Taljani espliċitament kienu opponew għall-iżvelar tal-imsemmija data skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

191    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jekk l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġi interpretat bħala li jagħti l-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkondizzjonali bl-għan li jirrifjuta, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni Komunitarja, minħabba l-uniku fatt li l-imsemmi dokument ikun ġej minn dan l-Istat Membru, dan ma huwiex kompatibbli mal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar’il fuq, punt 58).

192    Minn naħa l-oħra, diversi elementi huma favur interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4(5), li l-eżerċizzju tas-setgħa li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istat Membru kkonċernat tinsab fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet materjali elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess artikolu, fejn huwa sempliċement irrikonoxxut lill-Istat Membru f’dan ir-rigward setgħa ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni Komunitarja. F’din il-perspettiva, il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru li jirreferi għalih l-Artikolu 5, ma jixbahx dritt ta’ veto diskrezzjonali, iżda lil forma ta’ opinjoni ta’ konferma fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivi ta’ eċċezzjoni bbażati fuq il-paragrafi 1 sa 3 (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 76).

193    Fir-rigward tal-implikazzjonijiet proċedurali tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif interpretat, għandu jiġi nnotat li, peress illi l-implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju hija għalhekk fdata konġuntament mal-istituzzjoni u mal-Istat Membru li eżerċita l-fakultà miftuħa permezz ta’ dan il-paragrafu 5, tali implementazzjoni hija tributarja tad-djalogu li għandu jseħħ bejniethom, dawn għandhom l-obbligu, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 10 KE, li jaġixxu u li jikkooperaw b’mod li l-imsemmija regoli jkunu jistgħu jirċievu applikazzjoni effettiva (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 85).

194    Isegwi, l-ewwel nett, li l-istituzzjoni li lilha saret applikazzjoni ta’ aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru u l-imsemmi Stat Membru għandhom, meta din l-applikazzjoni tkun ġiet innotifikata minn din l-istituzzjoni lill-imsemmi Stat Membru, tibda mingħajr dewmien djalogu leali dwar l-applikazzjoni eventwali tal-eċċezzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi tibqa’ attenta b’mod partikolari għall-ħtieġa li l-istituzzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni fit-termini li fihom l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-regolament jobbligawha tiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni għal aċċess (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 86).

195    Sussegwentement, l-Istat Membru kkonċernat, li, wara dan id-djalogu, jirrifjuta li jiżvela d-dokument inkwistjoni huwa obbligat li jimmotiva dan ir-rifjut fid-dawl tal-imsemmija eċċezzjonijiet. L-istituzzjoni ma tistax fil-fatt taġixxi skont l-oppożizzjoni murija minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk l-imsemmija oppożizzjoni hija nieqsa minn kull motivazzjoni jew jekk din il-motivazzjoni ma hijiex spjegata b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Meta, minkejja l-istedina espressa f’dan is-sens indirizzata mill-istituzzjoni lill-Istat Membru, dan tal-aħħar jibqa’ ma jipprovdilhiex tali motivazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni għandha, jekk din tikkunsidra minn naħa tagħha li ebda waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet ma japplikaw, tagħti aċċess għal dokument mitlub (sentenza Svezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punti 87 u 88).

196    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmi regolament, l-istituzzjoni stess għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni ta’ rifjut kontra l-awtur tal-applikazzjoni għal aċċess. Tali obbligu jimplika li l-istituzzjoni tesponi, fl-imsemmija deċiżjoni, mhux biss l-oppożizzjoni mmanifestata mill-Istat Membru kkonċernat għall-iżvelar tad-dokument mitlub, iżda wkoll raġunijiet invokati mill-imsemmi Stat Membru sabiex tikkonkludi bl-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess ipprovdut fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess Regolament. Tali indikazzjonijiet huma fil-fatt ta’ natura li jippermettu lill-applikant li jifhem l-oriġni u r-raġunijiet tar-rifjut kontrih u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita, skont il-każ, l-istħarriġ li huwa mogħti lilha (sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 89).

197    F ’din il-kawża, mit-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni sempliċement irrifjutat l-aċċess għad-data mitluba għar-raġuni li l-awtoritajiet Taljani espliċitament opponew dan, mingħajr ma speċifikaw fuq liema eċċezzjoni tal-Artikolu 4(1) sa (3) l-awtoritajiet Taljani kienu qed jibbażaw rwieħhom.

198    Il-Kummissjoni ssottomettiet ittra lill-awtoritajiet Taljani tat-8 ta’ Lulju 2005 b’risposta għal domanda bil-miktub mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mis-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, li hija rrispondiet għalihom fit-30 ta’ Ottubru 2008. Mill-ittra tal-awtoritajiet Taljani jirriżulta li dawn tal-aħħar irrifjutaw l-aċċess għad-data mitluba mir-rikorrenti, għar-raġuni li l-iżvelar tagħhom jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ Caremar, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

199    F’din il-kawża, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-legalità tat-tieni deċiżjoni kkontestata skont motivazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ottubru 2008, wara s-sentenza L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tinsab fi ħdan l-istess deċiżjoni u spjegazzjonijiet li jiġu pprovduti iktar tard mill-Kummissjoni ma jistgħux, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni għandha tkun sodisfaċenti fiha nfisha u l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta minn spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija iktar tard, meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 287).

200    Lanqas ma jista’ jiġi ammess li n-nuqqas eventwali ta’ motivazzjoni ma jkollu bl-ebda mod kwalunkwe effett, f’din il-kawża, fuq il-legalità tal-att, peress li r-rifjut motivat tal-awtoritajiet Taljani jorbot lill-Kummissjoni u jista’ jkun hemm lok għal deċiżjoni ġdida analoga abbażi tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

201    Fil-fatt, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni (sentenzi TDI, punt 184 iktar ’il fuq, punt 97, u FNCBV vs Il-Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punt 263) ma hijiex rilevanti f’din il-kawża, peress li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata ma jistax jippermetti lill-Qorti Ġenerali li tistħarrreġ jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Taljani hijiex ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet mogħtija mill-imsemmija awtoritajiet Taljani sabiex tikkonkludi li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pprovduti mill-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 89). Il-fatt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni analoga fuq il-mertu fit-tieni deċiżjoni kkontestata minħabba li hija marbuta bir-rifjut tal-awtoritajiet Taljani, skont is-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, ma għandhiex iċċaħħad lill-Qorti Ġenerali milli teżamina l-legalità tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

202    Konsegwentament, għandha tiġi annullata t-tieni deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet invokati mill-awtoritajiet Taljani sabiex tikkonkludi li għandu tiġi applikata waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pprovduta mill-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr il-ħtieġa li tiddeċiedi fuq l-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tat-tielet motiv lanqas fuq il-ħames motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

A –  Kawża T‑109/05

203    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.

204    F’dan il-każ, peress ir-rikors fil-Kawża T‑109/05 parzjalment intlaqa’, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, din tal-aħħar għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

205    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Caremar, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

B –  Kawża T‑444/05

206    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

207    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Taljana għaldaqstant għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill u Caremar, skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2005) 997, tat-3 ta’ Frar 2005, hija annullata sa fejn tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għall-elementi dettaljati ta’ spejjeż addizzjonali sostnuti kull sena minn Caremar SpA relatati mas-servizzi ta’ trasport pprovduta fuq il-linja Napoli-Beverello/Capri kemm permezz ta’ vapuri kif ukoll permezz ta’ mezzi veloċi.

2)      Il-kumplament tar-rikors fil-Kawża T‑109/05 huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż sostnuti minn Navigazione Libera del Golfo Srl (NLG), din tal-aħħar għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑109/05.

4)      Caremar għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-Kawża T‑109/05.

5)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2005) 9766, tat-12 ta’ Ottubru 2005, hija annullata.

6)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż fil-Kawża T‑444/05.

7)      Ir-Repubblika Taljana, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Caremar għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Firem

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatt li wasslu għall-kawża u l-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Dwar ir-rikors fil-Kawża T‑109/05

1.  Fuq is-suġġett tal-kawża

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq l-ammissibbiltà

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-mertu

a)  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni pprovduta fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Fuq l-ewwel parti, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-għażla tal-bażi legali

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

d)  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Dwar ir-rikors fil-Kawża T-444/05

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż

A –  Kawża T‑109/05

B –  Kawża T‑444/05


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.