Language of document : ECLI:EU:F:2006:112

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA (Assemblea Plenarja)

26 ta' Ottubru 2006 (*)

“Membru tal-persunal temporanju – Kuntratt għal perijodu indefinit – Tkeċċija – Nuqqas ta' suffiċjenza professjonali – Obbligu ta' motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni ”

Fil-kawża F‑1/05,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq skond l-Artikoli 236 KE u 152 EA,

Pia Landgren, exmembru tal-persunal temporanju anzjan tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, residenti f'Turin (l-Italja), irrappreżentata minn M.-A. Lucas, avocat,

rikorrenti,

vs

Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), irrappreżentata mid-direttriċi tagħha, M. Dunbar, assistita minn G. Vandersanden, avocat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja),

kompost minn P. Mahoney, President, H. Kreppel u S. Van Raepenbusch (Relatur), Presidenti ta' Awla, I. Boruta, H. Kanninen, H. Tagaras u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: S. Boni, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' rikors li wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fit-28 ta' April 2005 permezz ta' faks (il-preżentata ta’ l-oriġinal seħħet fit-2 ta' Mejju ta' wara), P. Landgren titlob, b'mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), tal-25 ta' Ġunju 2004, li ttemm il-kuntratt tagħha għal perijodu indefinit bħala membru tal-persunal temporanju (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' tkeċċija").

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem "KUO"), id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal") dwar id-drittijiet u obbligi ta' l-uffiċjali huma applikabbli b'analoġija.

3        Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal:

"Kull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal ikkonċernat. Kull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata."

4        Barra minn hekk, l-Artikolu 47 tal-KUO jipprovdi:

"Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impieg tal-persunal temporanju għandu jieqaf:

[…]

c)       meta l-kuntratt huwa għal perijodu indefinit:

i)       fl-aħħar tal-perijodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt; it-tul tal-perijodu tan-notifika ma jkunx inqas minn xahar għal kull sena kompluta ta’ servizz, suġġett għal minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ għaxar xhur. Madankollu, il-perijodu tan-notifika m’għandux jibda għaddej matul il-vakanzi tal-maternità jew il-vakanzi għall-mard, sakemm it-tali vakanzi tal-mard ma jaqbiżx it-tliet xhur. Barra minn hekk, ikun sospiż matul il-maternità jew il-vakanzi għall-mard suġġett għal-limiti msemmija qabel;

[…] "

5        Skond l-Artikolu 5(b) tal-kuntratt tal-persunal temporanju, tat-3 ta' Jannar 1995, konkluż bejn ir-rikorrenti u l-konvenuta, kif emendat mill-emenda tat-18 ta' Lulju 2000 li jipproroga dan il-kuntratt għal perijodu indefinit:

"This contract may be terminated by the institution or by the staff member for any of the reasons specified in articles 47 to 50 of the CEOS, subject to the conditions laid down in those articles. 

For the purposes of Article 47 § 2.a of the CEOS, should the employee decide to resign, the employee shall give a minimum of three months notice. In derogation from the Article 47 § 2.a of the CEOS, should the Foundation decide to terminate the contract, the Foundation shall give the employee a minimum of six months notice."

(L-istituzzjoni jew l-aġent jistgħu jtemmu l-kuntratt għal kwalunkwe raġuni minn dawk speċifikati fl-Artikoli 47 sa 50 tal-KUO, taħt il-kundizzjonijiet previsti f'dawn l-Artikoli.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 47(2)(a) tal-KUO, jekk l-impjegat jiddeċiedi li jirreżenja, huwa għandu jagħti avviż almenu tliet xhur minn qabel. B'deroga ta' l-Artikolu 47(2) (a), jekk il-Fondazzjoni tiddeċiedi li ttemm il-kuntratt, hija għandha tavża lill-impjegat almenu sitt xhur qabel.)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        P. Landgren, li twieldet fil-21 ta' Ġunju 1947, ġiet impjegata mill-ETF fit-3 ta' Jannar 1995 bħala membru tal-persunal temporanju fil-kategorija C, għal terminu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 1995. Hija ġiet ikklassifikata temporanjament fil-grad C 3, skala 1, imbagħad fil-grad C 1, skala 2, b'emenda tal-1 ta' Lulju 1996 għal kuntratt tagħha ta' impjieg.

7        Il-kuntratt tagħha ġie pprorogat għal perijodu ġdid ta' tliet snin fl-24 ta' Ottubru 1997, imbagħad għal perijodu indefinit fit-18 ta' Lulju 2000.

8        B'mod ġenerali, minn Jannar 1995 sa Diċembru 2001, P. Landgren eżerċitat kemm funzjonijiet ta’ assistenta amministrattiva responsabbli għall-fajls tal-persunal kif ukoll proċeduri ta' reklutaġġ, missjonijiet u leave, u funzjonijiet ta' segretarja għal persuna waħda jew iktar.

9        Ir-rapport dwar iż-żmien ta' prova stabbilit fir-rigward tagħha fl-10 ta' Mejju 1995 jinkludi l-evalwazzjonijiet li ġejjin:

–        fir-rigward ta' "Abbiltà li twettaq id-dmirijiet tagħha": "tajjeb", l-intestatura "Komprensjoni, adattabbiltà, ġudizzju" madankollu ġiet immarkata "insuffiċjenti", iġġustifikata b'nuqqas ta' preċiżjoni, ta' attenzjoni għad-detall u ta’ attenzjoni;

–        fir-rigward ta' "Rendiment" : "tajba", l-intestatura "Ħeffa fl-eżekuzzjoni tax-xogħol" iġġib ukoll l-indikazzjoni "insuffiċjenti", iġġustifikata minn xi dewmien, b'mod partikolari fl-istabbiliment ta' kuntratti tal-persunal;

–        fir-rigward tal-"Kondotta fis-servizz" : "tajba ħafna".

10      L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni ta' P. Landgren, stabbilit fit-13 ta' Mejju 1997 għall-perijodu 1995‑1997, huwa, b'mod ġenerali, pożittiv. Fuq skala bejn 1 u 6, li jvarja bejn "eċċellenti " u " assolutament negattiv", ir-rikorrenti tikseb marka ġenerali ta' "3", li tikkorrispondi għal "sodisfaċenti". Aktar speċifikament, hija tikseb ir-referenzi "tajjeb", għall-intestaturi "Kompetenza" u "Kondotta fis-servizz", u "insuffiċjenti" għall-intestatura "Effikaċja". Għal darba oħra huwa n-nuqqas ta' attenzjoni u ta' ħeffa fl-eżekuzzjoni tal-kompiti li huwa invokat f'dan ir-rigward. Filwaqt li hija enfasizzata l-evalwazzjoni globalment pożittiva, hija mitluba tkun iktar preċiża u li ttejjeb is-"sens politiku" tagħha.

11      It-tieni rapport ta’ evalwazzjoni, stabbilit fis-17 ta' Ġunju 1998 għall-perijodu 1997‑1998, taha nota globali ogħla, jiġifieri "2", li jikkorrispondi għal "tajjeb". Fil-fatt, fil-kummentarju ġenerali tiegħu, l-evalwatur jikkonstata titjib ċar fil-prestazzjoni tar-rikorrenti, filwaqt li josserva, taħt l-intestatura "Effikaċja", li xi progress għadu jista' jsir.

12      It-tielet rapport ta’ evalwazzjoni, stabbilit fis-17 ta' Jannar 2000 għall-perijodu 1999‑2000, jikkonferma n-nota globali ta' "2" u ma jsemmi l-ebda punt dgħajjef, u l-intestaturi kollha ngħataw l-evalwazzjoni "tajba". Ir-rikorrenti madankollu hija mitluba ttejjeb it-"time management" tagħha (organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol). Min-naħa l-oħra, ġiet enfasizzata l-konoxxenza tagħha tal-leġiżlazzjoni u tal-funzjonament ta' l-ETF.

13      Fir-raba' rapport ta' evalwazzjoni, stabbilit fid-29 ta' Marzu 2001 għall-perijodu 2000‑2001, ir-rikorrenti hija attribwita nota globali inqas, jiġifieri "3". Filwaqt li jfaħħar is-sens tal-komunikazzjoni tar-rikorrenti, il-mod tajjeb ta' kif titratta man-nies, il-manjieri tajba tagħha, il-konoxxenza vasta tagħha ta’ l-ETF, il-flessibiltà u l-lejaltà tagħha fil-konfront tal-ġerarkija, ir-rapport jirreferi għal punti dgħajfa fil-qasam informatiku u, taħt l-intestatura "Analiżi u ġudizzju", hija mitluba ma tasalx għal konklużjonijiet mgħaġġla wisq b'mod partikolari meta m'għandhiex informazzjoni kompleta tal-fajls, anki jekk huwa minnu li hija tissottometti proposti tajbin. Fl-aħħar nett, hija tingħata s-suġġeriment li ssegwi taħriġ għat-teħid ta' noti waqt laqgħat.

14      Minn Jannar 2002 sa Jannar 2003 inklużi, ir-rikorrenti kienet impjegata fid-direttorat ta' l-ETF, fejn eżerċitat funzjonijiet ta' segretarja u ta’ assistenta amministrattiv, responsabbli b'mod partikolari għall-missjonijiet u għal-leave tal-membri tad-direttorat.

15      Fid-9 ta' Lulju 2002, il-viċidirettur ta’ l-ETF, is-Sur Hillenkamp, stabbilixxa rapport ta’ evalwazzjoni temporanju li jikkonkludi li Landgren ma kinitx tissodisfa suffiċjentement l-eżiġenzi tal-funzjonijiet tagħha. Din il-konklużjoni tibbaża ruħha fuq nuqqasijiet ikkonstatati fit-thejjija tal-missjonijiet u ż-żamma ta' l-aġendi, attribwiti għal nuqqas ta' organizzazzjoni ta' applikazzjoni, għal kapaċità limitata ta’ użu tas-sistemi informatiċi u għal konoxxenza insuffiċjenti tal-kompiti u ta' l-istruttura ta' l-organizzazzjoni ta’ l-ETF. Madankollu, dan ir-rapport kien jenfasizza l-attitudni pożittiva u l-isforzi ta' Landgren sabiex twettaq il-bosta kompiti tagħha.

16      Fl-aħħar tas-sena 2002, iż-żewġ viċidiretturi, is-Sur Hillenkamp u s-Sur Pescia, stabbilixxew, inkwantu "Reporting officers" (aġenti li jevalwaw), abbozz ta' rapport ta’ evalwazzjoni ta' P. Landgren għas-sena 2002, skond sistema ġdida ta' evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet, li daħal fis-seħħ fix-xahar ta' Jannar ta' l-istess sena.

17      Is-Sur Hillenkamp ikkonferma l-evalwazzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2002 filwaqt li kkonstata nuqqas ta' affidabbiltà u nuqqasijiet gravi f'kważi l-aspetti kollha tal-funzjonijiet eżerċitati, minkejja li huwa enfasizza l-isforzi mwettqa mir-rikorrenti sabiex twettaq il-kompiti tagħha. Huwa afferma li tilef il-fiduċja fil-kwalità tas-servizzi tagħha u kkonkluda li r-rikorrenti ma setgħetx tkompli tassumi l-funzjonijiet tagħha.

18      L-evalwazzjoni tas-sur Pescia kienet ħafna inqas severa peress li huwa kien iqis li l-eżekuzzjoni minn P. Landgren tal-kompiti speċifiċi tagħha kienu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet sodisfaċenti, u saħansitra tajba għal x'uħud minnhom, iżda l-evalwazzjoni globali tiegħu kienet turi dewmien fl-eżekuzjoni u żbalji dovuti għal nuqqas ta’ attenzjoni, li fl-opinjoni tiegħu huma attribwibbli in parti, għal ammont ta' xogħol eċċessiv.

19      Fil-kummenti tagħha dwar dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni, P. Landgren, filwaqt li tikkontesta ċerti kritiki speċifiċi tas-sur Hillenkamp jew f'ġustifikazzjoni minnhom, ammettiet li l-kariga li hija kienet tokkupa kienet eżiġenti wisq għaliha. Hija ġibdet ukoll l-attenzjoni tad-direttorat għall-fatt li d-diffikultajiet tagħha setgħu jiġu attribwiti għal nuqqas temporanju tal-memorja tagħha dovut għall-istat tagħha ta' saħħa, kif ukoll għall-konsegwenzi negattivi ħafna li jikkawżalha t-telf ta' l-impjieg tagħha, fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji tagħha, tas-sitwazzjoni tagħha tal-familja u ta' l-età tagħha. Għaldaqstant hija talbet li tiġi eżaminata l-possibbiltà li tingħata kompiti oħra, inqas eżiġenti, fi ħdan l-istess direttorat jew f'servizzi oħra.

20      Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni qatt ma ġie ffinalizzat u għaldaqstant lanqas ma ġie mdaħħal fil-fajl personali tar-rikorrenti.

21      Fl-1 ta' Frar 2003, ir-rikorrenti ġiet assenjata, mingħajr limitazzjoni ta' żmien, fid-dipartiment "Ewropa ta’ Lvant u ta' l-Ażja Ċentrali" (iktar 'il quddiem "ELAĊ") ta’ l-ETF sabiex tassumi, fil-kuntest ta’ impjieg part time, il-funzjonijiet ta' segretarja tal-kap ta' dipartiment, is-Sinjura Stefani, tal-viċikap tad-dipartiment, is-Sinjura Taurelli, u tal-koordinatur ta’ l-ETF. It-talba għal impjieg part time, kif aċċettata mid-direttur, kellha tkopri l-perijodu mill-1 ta' Frar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2004 u kienet iġġustifikata bħala "preparation for retirement (as 55 years of age)" (preparazzjoni għal irtirar, bħala aġent li laħaq l-età ta' 55 sena).

22      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti stabbilit fit-18 ta' Marzu 2004 għas-sena 2003 huwa favorevoli. Dan ir-rapport jinkludi t-test li ġej:

"Pia has achieved her key objectives set for 2003. An assessment of the related key indicators shows that she has been able to perform her tasks effectively and efficiently with respect of deadlines.

Pia has shown capacity to concentrate on her work even while having to deal with several issues at the same time. She has made a substantial effort to improve her memory.

Pia has improved her IT skills.

Pia maintains good, friendly but respectful relations with peers and fellow colleagues."

(Pia laħqet l-għanijiet prinċipali li ġew assenjati lilha għall-2003. Evalwazzjoni ta' l-indikaturi prinċipali korrispondenti turi li hija kapaċi teżegwixxi l-kompiti tagħha b'mod effettiv u effikaċi b'osservanza tat-termini imposti.

Pia wriet kapaċità li tikkonċentra fuq xogħolha, minkejja li kellha tiżvolġi diversi attivitajiet fl-istess waqt. Hija għamlet sforzi kunsiderevoli sabiex ittejjeb il-memorja tagħha.

Pia tejbet il-kompetenzi informatiċi tagħha.

Pia żżomm relazzjonijiet tajba u amikevoli, iżda madankollu rispettużi, man-nies ta' madwarha u mal-kollegi tagħha tax-xogħol.)

23      Dan ir-rapport ta' l-aħħar ġie mfassal mis-Sinjura Taurelli, inkwantu kap ta' dipartiment li taġixxi, fin-nuqqas tas-Sinjura Stefani, fuq leave minħabba mard minn Novembru 2003 sa Marzu 2004 inklużi, u ġie ffirmat mis-Sur de Rooij, inkwantu direttur. Minkejja li s-Sinjura Stefani ma kinitx iffirmatu, hija madankollu tidher fir-rapport bħala "Reporting Officer", maġenb is-Sinjura Taurelli. Huwa stabbilit li l-kap tad-dipartiment ma kienx ta' l-istess avviż ta' l-evalwazzjoni tas-Sinjura Taurelli u kellu opinjoni pjuttost negattiva fuq il-prestazzjonijiet tar-rikorrenti.

24      Konsegwentement, ir-rikorrenti qieset neċessarju li fil-kuntest ta' intervista mas-Sinjura Stefani titlob għall-possibbiltà li tkompli bl-eżerċizzju ta' l-attività tagħha fuq bażi part time. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, anki jekk kienet ġiet mogħtija l-awtorizzazzjoni għax-xogħol part time għall-perijodu bejn l-1 ta' Frar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2004, l-imsemmija awtorizzazzjoni kienet sadattant saret nulla fl-1 ta' Frar 2004, l-Artikolu 1 ta’ l-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom qabel l-1 ta' Mejju 2004, li tillimita awtorizzazzjoni bħal din għal perijodu ta’ sena. Waqt l-imsemmija intervista li seħħet fl-10 ta' Mejju 2004, il-kap tad-dipartiment informa lil P. Landgren li hija kienet qed iżżomm il-possibbiltà li titkellem dwar dik id-domanda mad-direttur, is-Sur de Rooij.

25      Fis-17 ta' Mejju 2004, ir-rikorrenti kellha intervista mas-Sur de Rooij, li pproponielha l-għażla bejn "irtirar kmieni" u t-tkeċċija tagħha. Is-Sur de Rooij ippreċiża wkoll li, f'każ ta' tkeċċija, ir-rikorrenti tkun tista' tibbenefika mill-allowances tal-qgħad, skond l-Artikolu 28a tal-KUO, sa meta tilħaq l-età minima ta' irtirar, jiġifieri 60 sena.

26      Fil-15 ta' Ġunju 2004, ir-rikorreni kellha intervista oħra mas-Sur de Rooij, din id-darba fil-preżenza ta' medjatur appuntat mill-ETF. Waqt din l-intervista, is-Sur de Rooij spjega lir-rikorrenti li hija kienet "persuna ġentili, iżda segretarja ineffikaċi" u li, għal din ir-raġuni, hija ġiet mitluba tirreżenja.

27      Waqt tielet intervista, fil-25 ta' Ġunju 2004, fil-preżenza ta’ persuni oħra responsabbli ta' l-ETF, is-Sur de Rooij ta lir-rikorrenti ittra ta' terminazzjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, li kienet tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2005. Jirriżulta mill-fajl li, meta stabbilixxa d-data minn mindu tidħol fis-seħħ it-tkeċċija, id-direttur ta' l-ETF ħa in kunsiderazzjoni l-fatt li, f'dik id-data, il-parti interessata tkun laħqet l-għaxar snin ta' servizz li jagħtuha d-dritt għal pensjoni ta' irtirar.

28      Id-deċiżjoni ta' tkeċċija tgħid hekk :

"Dear Pia,  

In accordance with article 47 of the Conditions of Employment of Other Servants and in accordance with the terms and conditions of your contract and its amending clauses, I am very sorry to inform you that your employment as temporary agent within the ETF will be terminated. The amending clause of your contract foresees a period of notice of six months, therefore your last working day will be 31 December 2004.

Thank you very much for your contribution to the ETF and let me wish you a lot of success in your future career."

(Għażiża Pia, 

Skond l-Artikolu 47 tal-KUO u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħek u tal-klawżoli li jemendawh, b'dispjaċir ninfurmak li l-impjieg tiegħek bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-ETF se jiġi mitmum. Peress li l-klawżola li temenda l-kuntratt tiegħek tipprovdi perijodu ta' notifika ta' sitt xhur, l-aħħar jum ta' xogħol tiegħek ser ikun il-31 ta' Diċembru 2004.

Nirringrazzjak ħafna tal-kontribut tiegħek lill-ETF u nixtieqlek l-ikbar suċċess fil-karriera tiegħek fil-ġejjieni.)

29      Wara din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ġiet assenjata fit-taqsima "Amministrazzjoni u servizzi ċentrali", b'effett mill-1 ta' Lulju 2004. Fuq talba tagħha, hija ġiet awtorizzata terġa tibda l-attività tagħha full time minn dik id-data.

30      Ir-rikorrenti, li ġiet sottoposta għal operazzjoni kirurġika f'Ottubru 2004, kienet bil-leave għall-mard matul tliet xhur. Konsegwentement, il-perijodu ta' notifika tagħha ġie sospiż għal tliet xhur.

31      Fis-27 ta' Settembru 2004, ir-rikorrenti ressqet ilment, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta' tkeċċija.

32      Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 2005, li waslet fil-21 ta' Jannar ta' wara, l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti (iktar 'il quddiem l-"AHCC") rrifjutat dan l-ilment billi sostniet li t-tkeċċija kienet iġġustifikata minħabba n-natura mhux sodisfaċenti u insuffiċjenti tal-prestazzjonijiet tar-rikorrenti u li l-AHCC ma kinitx għamlet użu b'mod manifestament żbaljat tas-setgħa wiesa' ta' diskrezzjoni li hija kellha fl-evalwazzjoni ta’ l-interess tas-servizz. Hija qagħdet ukoll attenta li tieħu in kunsiderazzjoni, bħala parti mid-dover tagħha ta' premura, l-interess tar-rikorrenti, meta ffisat id-data tad-dħul fis-seħħ tat-tkeċċija.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Ir-rikors preżenti ġie rreġistrat inizjalment fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza taħt in-numru T‑180/05.

34      Permezz ta' digriet tal-15 ta' Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), irrinvijat il-kawża preżenti quddiem dan it-Tribunal. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku taħt in-numru F‑1/05.

35      Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni ta' tkeċċija;

–        jannulla, jekk hemm bżonn, id-deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 2005 li tiċħad l-ilment tagħha tas-27 ta' Settembru 2004;

–        jordna lill-ETF tħallas, bħala kumpens għad-danni materjali kkawżati mid-deċiżjoni ta' tkeċċija, somma li tikkorrispondi għar-rimunerazzjoni u għall-pensjoni li kienet tibbenefika minnhom kieku hija setgħet tkompli bil-karriera tagħha fl-ETF sa’ l-età ta' 65 sena, wara li jitnaqqas il-kumpens għal tkeċċija u għal qgħad, kif ukoll tal-pensjoni li hija rċeviet jew ser tirċievi minħabba t-tkeċċija tagħha;

–        tordna lill-ETF tħallasha, bħala kumpens għad-danni morali kkawżati mid-deċiżjoni ta' tkeċċija, somma li għandha tiġi stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

–        tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

36      L-ETF titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad it-talbiet għal annullament bħala mhux fondati;

–        jiċħad, prinċipalment, għal nuqqas ta' ammissibbiltà u, sussidjarjament, għal nuqqas ta' mertu, it-talba għal kumpens tad-danni materjali u morali allegatament subiti;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

 Id-dritt

37      Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi, ibbażati rispettivament:

–        fuq in-nuqqas ta' prova min-naħa ta' l-ETF li d-deċiżjoni ta' tkeċċija hija bbażata fuq motiv validu skond il-liġi;

–        fuq il-fatt li l-motiv tad-deċiżjoni ta' tkeċċija huwa illegali u jmur kontra l-interess tas-servizz, inkwantu dan il-motiv, jiġifieri r-rifjut tas-Sinjura Stefani li żżomm lir-rikorrenti fis-servizz tagħha wara l-31 ta' Diċembru 2004, huwa bbażat fuq deċiżjoni magħmula f'dan is-sens, mingħajr ma kienet taf ir-rikorrenti, qabel ma ġiet assenjata għad-dipartiment ELAC;

–        fuq l-illegalità u n-natura arbitrarja tal-motiv tad-deċiżjoni ta' tkeċċija, inkwantu r-rifjut tas-Sinjura Stefani li żżomm lir-rikorrenti fis-servizz tagħha wara l-31 ta' Diċembru 2004 hija bbażata fuq l-evalwazzjonijiet negattivi li preċedentement kienu saru dwarha;

–        fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu r-rifjut tas-Sinjura li żżomm lir-rikorrenti fis-servizz tagħha wara l-31 ta' Diċembru 2004 jew wara d-deċiżjoni ta' tkeċċija huwa ġġustifikat bl-inkompetenza professjonali ta' din ta' l-aħħar.

 Fuq l-ewwel u r-raba' motivi

38      L-ewwel u r-raba' motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

39      In sostenn ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li deċiżjoni ta' tkeċċija għandha tiġi bbażata fuq motiv ammissibbli skond il-liġi, ibbażat fuq l-interess tas-servizz u li jeskludi kull arbitrarjetà (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Marzu 1962, De Bruyn vs Il-Parlament, 25/60, Ġabra p. 39, p. 58 sa 60). Hija l-amministrazzjoni li għandha tressaq il-prova, fuq kollox meta d-deċiżjoni ta' tkeċċija tidher f'kontradizzjoni ma' ċerti elementi tal-fajl, bħalma huwa, f'dan il-każ, l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni favorevoli li sar fir-rigward tal-parti kkonċernata fl-2004.

40      Skond ir-rikorrenti, il-kawża reali tat-tkeċċija għandha, f'dan il-każ partikolari, tiġi mfittxa fl-impenn li daħal għalih is-Sur de Rooij fil-konfront tas-Sinjura Stefani li ma jżommx lir-rikorrenti fis-servizz tiegħu wara l-31 ta' Diċembru 2004, data li fiha din setgħet tieħu vantaġġ mid-drittijiet tagħha ta' rtirar. Tali impenn kien manifestament arbitrarju, għaliex iġġudika minn qabel il-mod kif ir-rikorrenti kienet ser twettaq il-kompiti tagħha fil-ġejjieni.

41      L-argument żviluppat mill-konvenuta fit-tweġiba li ċaħdet l-ilment, intiż sabiex jipprova li s-Sinjura Stefani ma kinitx tapprova l-karattru pożittiv ta' l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti u xtaqet tbiddlu, mhuwiex fondat, peress li, minn naħa, is-Sinjura Stefani nfisha, fl-24 ta' Lulju 2003, waqt laqgħa ta’ evalwazzjoni intermedjarja, għarrfet lir-rikorrenti li hija kienet totalment sodisfatta kemm f'dak li jirrigwarda l-kondotta tagħha fis-servizz kif ukoll it-twettiq tal-kompiti tagħha u li, min-naħa l-oħra, is-Sinjura Stefani ma kinitx f'pożizzjoni li tevalwa oġġettivament il-prestazzjonijiet tar-rikorrenti, minħabba l-vaganzi tas-sajf u l-assenza tagħha minħabba mard bejn Novembru 2003 u Marzu 2004. F'kull każ, jekk id-deċiżjoni ta' tkeċċija hija bbażata fuq l-opinjoni sfavorevoli tas-Sinjura Stefani fir-rigward tar-rikorrenti, din ma ġietx infurmata b'dan qabel l-adozzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni, li b'hekk kienet ittieħdet bi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

42      Anki jekk id-deċiżjoni ta' rifjut ta' l-ilment hija intiża sabiex tistabilixxi li, b'mod ġenerali, il-prestazzjonijiet ta' Landgren ma kinux sodisfaċenti, li jikkostitwixxi l-uniku motiv tat-tkeċċija tagħha, hija tibbaża ruħha biss, għal dan il-għan, fuq l-evalwazzjoni negattiva jew vaga tal-prestazzjonijiet tar-rikorrenti magħmula fil-passat, minn x'uħud mis-superjuri fil-ġerarkija u fuq il-fatt li l-ammont tagħha ta' xogħol u l-eżiġenzi tas-superjuri tagħha kienu normali meta wieħed iqis il-grad C 1 tagħha u d-daqs żgħir ta’ l-ETF. Madankollu, il-konvenuta bl-ebda mod ma pprovat li l-prestazzjonijiet tar-rikorrenti fis-servizz tas-Sinjura Stefani ma kinux sodisfaċenti jew li ma kinux suffiċjenti sabiex ineħħu d-dubji li jirriżultaw mill-evalwazzjonijiet li saru dwarha preċedentement fir-rigward tal-kapaċità professjonali tagħha.

43      Barra minn hekk, ir-rapporti ta' evalwazzjoni li jkopru l-perijodu bejn l-1995 u t-tmiem ta' l-2002 mhumiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw tkeċċija, ladarba dawn ir-rapporti kienu globalment sodisfaċenti, u saħansitra favorevoli jew favorevoli ħafna, anki jekk x'uħud fosthom indikaw xi insuffiċjenzi, u ladarba r-rapport għas-sena 2002 qatt ma ġie konkluż.

44      Fil-preżenza ta’ kontradizzjoni apparenti bejn id-deċiżjoni ta' tkeċċija u r-rapport ta’ evalwazzjoni tat-18 ta' Marzu 2004, l-ETF għaldaqstant ma wrietx, almenu fid-deċiżjoni tagħha ta' ċaħda ta' ilment, li l-imsemmija deċiżjoni tibbaża ruħha fuq motiv validu skond il-liġi.

45      In sostenn tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti żżid, għall-każ fejn id-deċiżjoni ta' tkeċċija tkun ibbażata mhux fuq ir-rifjut tas-Sinjura Stefani li żżomm fis-servizz tagħha wara l-31 ta' Diċembru 2004, iżda fuq l-allegata insuffiċjenza professjonali ġenerali tagħha, anki fi ħdan id-dipartiment ELAC, li l-imsemmija deċiżjoni ttieħdet bi ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq il-bażi ta' l-evalwazzjonjiet manifestament żbaljati.

46      Fil-fatt, din l-opinjoni negattiva kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet li ma kinux ġew ikkomunikati lir-rikorrenti (bħar-rifjut tal-kap tad-dipartiment "Tempus" li jikkonċedilha intervista wara l-kandidatura tagħha għal post vakanti fi ħdan dan id-dipartiment) jew li ma kinux akkwistaw karattru definittiv (bħalma huwa l-abbozz ta' rapport ta’ evalwazzjoni ta' l-2002).

47      Minbarra dan, l-evalwazzjonijiet negattivi inklużi fir-rapporti tal-passat kienu ta' iktar piż mill-evalwazzjoni favorevoli ħafna magħmula mis-Sinjura Taurelli fl-aħħar rapport, mingħajr ma d-direttur kien spjega, fid-deċiżjoni ta' tkeċċija jew waqt laqgħet li seħħew qabilha, ir-raġunijiet li għalihom huwa kkunsidra li l-aspetti negattivi kellhom jipprevalu fuq l-aspetti pożittivi. L-evalwazzjonijiet negattivi dwar ir-rikorrenti fil-passat huma spjegati, b'mod partikolari minħabba l-ammont kbir ta' xogħol li hija kienet tassumi dak iż-żmien u minħabba l-eżiġenzi tas-superjuri ġerarkiċi tagħha.

48      Ir-raġunijiet li għalihom is-Sinjura Stefani ma kinitx taqbel ma' l-evalwazzjonijiet inklużi fir-rapport ta' l-2004 la ġew ikkomunikati lir-rikorrenti fil-laqgħat tas-17 ta' Mejju u tal-15 u tal-25 ta' Ġunju 2004, u lanqas ma ġew spjegati fid-deċiżjoni ta' tkeċċija jew inkella fir-risposta li tiċħad l-ilment. Peress li l-opinjoni sfavorevoli tas-Sinjura Stefani kienet stabbiliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' tkeċċija, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġew miksura u l-imsemmija deċiżjoni hija vvizzjata minn nuqqas ta' motivazzjoni tant serjament li hija ekwivalenti għal nuqqas ta' motivazzjoni.

49      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dmir ta' premura, peress li d-deċiżjoni ta' tkeċċija ħadet in kunsiderazzjoni biss b'mod manifestament insuffiċjenti l-merti u l-interessi leġittimi tagħha. Fil-fatt, it-tkeċċija, li seħħet sentejn qabel ma hija laħqet l-età minima ta' l-irtirar, ikkawżatilha, minbarra dannu materjali, dannu morali gravi li jikkonsisti f'sentiment ta' umiljazzjoni profonda u ta' ingratitudni, minkejja l-isforzi li hija kienet għamlet sabiex twettaq mill-aħjar il-kompiti diffiċli tagħha. Anki jekk dawn il-prestazzjonijiet kienu xi drabi s-suġġett ta' kritiki, dawn huma spjegati bil-piż doppju tax-xogħol, li hija assumiet taħt l-awtorità ta' żewġ viċidiretturi, u bil-problemi tagħha ta' saħħa.

50      Il-konvenuta tosserva li, b'mod ġenerali, ma teżisti, kemm fir-rigward tal-KUO kif ukoll fil-kuntratt ta' impjieg tar-rikorrenti, l-ebda bażi legali li tobbligaha tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni ta' tkeċċija (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ottubru 1977, Schertzer vs Il-Parlament, 25/68, Ġabra p. 1729, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Jannar 1992, Speybrouck vs Il-Parlament, T‑45/90, Ġabra p. II‑33). L-Artikoli 47 sa 50 tal-KUO ma jinkludu l-ebda referenza għall-Artikolu 11 tal-KUO u lanqas, b'analoġija, għall-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponu l-obbligu ta' motivazzjoni għad-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju.

51      B'hekk, ir-rikorrenti, f'dan il-każ, tkeċċiet, hekk kif jirriżulta mill-intervisti tal-15 u tal-25 ta' Ġunju 2004 mas-Sur de Rooij, għar-raġuni li l-prestazzjonijiet tagħha ġew ikkunsidrati daqstant insuffiċjenti u insodisfaċenti li jnaqqsu l-fiduċja fil-konfront tagħha. Għaldaqstant, il-konvenuta tikkontesta l-eżistenza ta’ kwalunkwe deċiżjoni li ttieħdet fl-aħħar ta' l-2002, qabel ma r-rikorrenti ġiet assenjata fid-dipartiment ELAC, li permezz tagħha kien intiż li s-servizzi ta' din l-aħħar kienu se jintemmu fl-aħħar tal-31 ta' Diċembru 2004.

52      Skond il-konvenuta, il-fatt ta' tkeċċija ta' membru tal-persunal għal raġuni ta' l-inkompetenza professjonali u tal-karattru insodisfaċenti tal-prestazzjonijiet tagħha huwa konformi ma' l-interess ġenerali.

53      Il-konstatazzjoni ta' l-insuffiċjenzi professjonali tar-rikorrenti tirriżulta b'mod oġġettiv mid-diversi rapporti dwar iż-żmien ta' prova u ta' evalwazzjoni li jkopru l-perijodu bejn l-1995 sa l-2002, fuq il-kontenut li fuqu l-parti kkonċernata setgħet, fl-okkażjoni ta' l-istabbiliment tagħhom, tressaq l-osservazzjonijiet tagħha. Bħala anness għall-kontroreplika tagħha, il-parti konvenuta ressqet diversi affidavits imfassla fi Frar u f'Marzu 2006 mis-Sur de Rooij, mis-Sur Hillenkamp kif ukoll mis-Sur Panzica, ex-kap tal-persunal u ta' l-amministrazzjoni, u mis-Sinjura Stefani u mis-Sinjura Perrine, segretarji fl-ETF.

54      Il-kritiki fformulati b'mod preċiż u ripetut mill-evalwaturi kienu jikkonċernaw, fl-istess waqt, it-tip u l-livell tal-kompiti f'idejn ir-rikorrenti. Madankollu, dawn (b'mod partikolari l-organizzazzjoni ta’ l-aġenda u tal-vjaġġi tad-direzzjoni, id-domandi għal missjonijiet, l-irriżervar ta' kmamar f'lukandi u r-riproduzzjoni ta' dokumenti għal-laqgħat) mhux biss kienu ftit impenjattivi, fid-dawl tal-kompetenzi normalment meħtieġ minn segretarju tal-grad C 1, iżda wkoll limitati fil-kwantità. Kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità tal-kompiti kienu għaldaqstant inferjuri mill-medja meħtieġa għal xogħol ta' segretarjat fuq dan il-livell. B'hekk, f'dan il-każ partikolari, ma kien hemm l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

55      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003, jiġifieri l-uniku rapport favorevoli għar-rikorrenti, ma jistax ibiddel l-evalwazzjoni ġenerali negattiva, peress li jirrefletti, għal parti limitata tas-sena kkunsidrata, biss l-opinjoni tal-kap tad-dipartiment "temporanju" u mhux dik tal-kap tad-dipartiment li, fil-mument ta' l-istabbiliment tiegħu, kien fuq leave għall-mard.

56      Il-konvenuta żżid li s-Sinjura Taurelli, billi ma qablitx ma' l-opinjoni negattiva tas-Sinjura Stefani, ipprovat tinkoraġġixxi lir-rikorrenti, minkejja l-prestazzjonijiet dgħajfa tagħha, u li ma tiskoraġġihiex għall-futur.

57      Meta s-Sinjura Stefani reġgħet bdiet ix-xogħol tagħha wara l-leave tagħha għall-mard u l-leave annwali tagħha, ir-rapport ta’ evalwazzjoni in kwistjoni kien definittiv u konsegwentement ma setax jiġi mmodifikat.

58      Barra minn hekk, is-Sur de Rooij informa b'mod ċar ħafna lir-rikorrenti fil-laqgħat tal-15 u tal-25 ta' Ġunju 2004 b'dak li hija ġiet akkużata. Ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora, skond il-konvenuta, il-kritiki magħmula kontriha wara l-1995. F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha, l-ETF ma tista' tiġi akkużata bl-ebda ksur tad-drittijiet tal-konvenuta.

59      Fl-aħħar nett, jekk ir-rikorrenti effettivament kellha problemi ta' saħħa, dan il-fatt qatt ma ġie kkunsidrat kontra tagħha u lanqas użat sabiex jiġġustifika t-tkeċċija tagħha. F'kull każ, in-nuqqasijiet professjonali invokati kienu jeżistu qabel ma s-stat ta' saħħa tagħha mar għall-agħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

60      Qabel kollox, jeħtieġ li tingħata tweġiba għall-argument imressaq mill-konvenuta li jgħid li ma teżisti, kemm fir-rigward tal-KUO kif ukoll tal-kuntratt ta' impjieg tar-rikorrenti, l-ebda bażi legali li kienet tobbligaha tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni ta' tkeċċija.

61      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 1991, Pérez-Mínguez Casariego vs Il-Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 73; tat-18 ta' Marzu 1997, Picciolo u Caló vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑178/95 u T‑179/95, RecFP p. I‑A‑51 u II‑155, punt 33; ta' l-20 ta' Lulju 2001, Brumter vs Il-Kummissjoni, T‑351/99, RecFP p. I‑A‑165 u II‑757, punt 28; tas-16 ta' Marzu 2004, Afari/BCE, T‑11/03, RecFP p. I‑A‑65 u 267, punt 37, u tas-6 ta' Lulju 2004, Huygens vs Il-Kummissjoni, T‑281/01, RecFP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 105, u tat-3 ta' Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, T‑171/05, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 36), l-obbligu ta' motivazzjoni jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju li ma tistax issir deroga minnu ħlief għal raġunijiet imperattivi. Huwa għandu l-għan, minn naħa, li jippermetti lill-parti kkonċernata li tivverifika l-fondatezza jew le ta’ l-att li jikkawżalha dannu u li tevalwa l-opportunità li tressaq rikors u, min naħa l-oħra, li jagħmel possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju.

62      Dan il-prinċipju, imsemmi fl-Artikolu 253 KE u ripetut fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa parti mid-drittijiet u obbligi ta' l-uffiċjali li għalihom jirreferi l-Artikolu 11 tal-KUO. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f'dan ir-rigward, fis-sentenzi tagħha tal-15 ta' Lulju 1960, Von Lachmüller et vs Il-Kummissjoni (43/59, 45/59 u 48/59, Ġabra p. 933, 956), u tas-16 ta' Diċembru 1960, Fiddelaar vs Il-Kummissjoni (44/59, Ġabra p. 1077, 1099) li hija l-awtorità kompetenti li għandha tindika, b'mod preċiż u li jista' jiġi kkontestat, il-motivi li wassluha sabiex ittemm unilateralment il-kuntratt ta' impjieg konkluż bejn l-istituzzjoni u membru tal-persunal tagħha.

63      Huwa minnu li, permezz tas-sentenza Schertzer vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq (punti 38 sa 40), il-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, waslet, fid-dawl ta’ l-Artikolu 47 tal-KUO, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti ta' dan il-każ, għal konklużjoni differenti. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ingaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju jintemm, fir-rigward tal-kuntratti għal perijodu indefinit, mat-tmiem tal-perijodu ta' notifika previst fil-kuntratt, skond l-Artikolu 47(2) tal-KUO. B'hekk, it-terminazzjoni unilaterali ta' l-imsemmi kuntratt, espliċitament prevista minn din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, peress li taqa' taħt is-setgħa wiesa' ta' diskrezzjoni ta' l-awtorità kompetenti u rikonoxxuta mill-aġent, fil-mument stess ta' l-ingaġġ tiegħu, hija ġġustifikata fil-kuntratt ta’ impjieg u konsegwentement m'għandhiex bżonn tiġi mmotivata. Huwa taħt dan il-punt li s-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju hija essenzjalment distinta minn dak ta’ uffiċjal protett taħt ir-Regolamenti tal-Persunal b'mod li tiġi eskluża l-applikazzjoni b'analoġija ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja r-referenza ġenerali ta' l-Artikolu 11 tal-KUO għall-Artikoli 11 sa 26 tar-Regolamenti tal-Persunal.

64      Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta' Ġunju 1992, V vs Il-Parlament, C‑18/91 P, Ġabra p. I‑3997, punt 39; tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Speybrouck vs Il-Parlament, iċċitata, punt 90; tas-17 ta' Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑51/91, RecFP p. I‑A‑103 u II‑341, punt 27; tas-17 ta' Marzu 1994, Smets vs Il-Kummissjoni, T‑52/91, RecFP p. I‑A‑107 u II‑353, punt 24; tal-5 ta' Diċembru 2002, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑70/00, RecFP p. I‑A‑247 u II‑1231, punt 55; tas-7 ta' Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, RecFP p. I‑A‑211 u II‑939, punti 57 u 58; tat-23 ta' Frar 2006, Kazantzoglou vs AER, T‑471/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 43 u 44, u tas-6 ta' Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

65      Madankollu, fid-dawl ta' l-evoluzzjoni tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħaddiem kontra t-tkeċċija u l-użu abbużiv minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien stabbilit suċċessivi, kif ukoll tal-ġurisprudenza Komunitarja nfisha dwar il-ħtieġa ta' motivazzjoni formali ta' l-atti li għandhom mnejn jikkawżaw preġudizzju, li hija meqjusa, kif ġie enfasizzat fil-punt 61 tas-sentenza preżenti, bħala prinċipju essenzjali tad-dritt komunitarju, għandu jiġi eżaminat jekk it-terminazzjoni unilaterali ta' kuntratt għal perijodu indefinit ta’ membru tal-persunal temporanju jista' ma jkunx immotivat.

66      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-preambolu u mill-punt 6 tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP u implementat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 175, p. 43), il-kuntratti għal perijodu indefinit jikkostitwixxu "il-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ impjieg bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema", huma kkaratterizzati mill-istabbiltà ta' l-impjieg, filwaqt li huwa biss f'ċerti ċirkustanzi li l-kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat jistgħu jwieġbu għall-bżonnijiet kemm ta' minn iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-benefiċċju ta' l-istabbiltà ta’ l-impjieg tikkostitwixxi element ewlieni tal-protezzjoni tal-ħaddiema (is-sentenza tat-22 ta' Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 64; ara, ukoll, is-sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2006, Adeneler et., C‑212/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62).

67      Il-fatt li l-kuntratt in kwistjoni ġie konkluż ma' entità ta' dritt internazzjonali pubbliku mhuwiex tali li jpoġġi f'dubju r-rilevanza ta' din il-konstatazzjoni fil-kuntest tal-kawża preżenti. Fil-punt 54 tas-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, qieset li d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas imsemmija iktar 'il fuq kellhom jiġu applikati għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu stabbilit konklużi ma’ l-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku (ara, ukoll, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, u Vassallo, C‑180/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).

68      Il-fatt li min jimpjega jiġi permess li jtemm, mingħajr ma jagħti r-raġunijiet tat-terminazzjoni, relazzjoni ta' xogħol għal terminu indefinit, bl-unika limitazzjoni ta' l-osservanza ta’ perijodu ta' notifika, ifisser li tiġi injorata n-natura nfisha tal-kuntratti ta' xogħol għal żmien indefinit, safejn huma jiggaranitxxu ċerta sigurtà ta’ impjieg, u li titnaqqas id-distinzjoni bejn din il-kategorija ta' kuntratti u dik tal-kuntratti b'terminu fiss. Jekk huwa minnu li l-istabbiltà ta' impjieg inerenti fil-kuntratti għal perijodu indefinit mhijiex komparabbli ma' dik iggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Speybrouck vs Il-Parlament, iċċitat iktar 'il fuq, punt 90), peress li l-persunal temporanju bl-ebda mod ma huwa intiż li jibbenefika minn kuntratt ta' impjieg permanenti, jibqa' l-fatt li l-kategorija tal-kuntratti tax-xogħol għal perijodu indefinit għandha element speċifiku, mill-perspettiva tas-sigurtà ta' l-impjieg, li jiddistingwiha b'mod essenzjali minn dik tal-kuntratti ta' xogħol għal terminu fiss.

69      Fit-tieni lok, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta' standards internazzjonali li għandhom l-għan li jindikaw il-kundizzjonijiet minimi neċessarji fi Stat ta' dritt sabiex jiġu evitati t-tkeċċijiet abbużivi ta' ħaddiema. B'hekk, skond l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Nru 158 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (iktar 'il quddiem l-"OIX") dwar it-twaqqif tar-relazzjoni tax-xogħol fuq l-inizjattiva ta’ min jimpjega, adottata fit-22 ta' Ġunju 1982, "[ħ]addiem qatt m'għandu jiġi mkeċċi mingħajr ma jkun jeżisti motiv validu għal tkeċċija marbut mal-kapaċità jew mal-kondotta tal-ħaddiem jew ibbażata fuq in-neċessitajiet tal-funzjonament ta' l-impriża, ta' l-istabbiliment jew tas-servizz". Bl-istess mod, l-Artikolu 24(a), tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta mil-Kunsill ta' l-Ewropa (nru 163), adottata fit-3 ta' Mejju 1996, li skond din, ir-rapport spjegatorju ta' din il-Karta, "huwa ispirat mill-konvenzjoni Nru 158 ta' l-OIX", jiggarantixxi "d-dritt tal-ħaddiema li ma jiġux imkeċċija mingħajr motiv validu marbut mal-kapaċità jew mal-kondotta tagħhom, jew ibbażata fuq in-neċessitajiet tal-funzjonament ta’ l-impriża, ta’ l-istabbiliment jew tas-servizz".

70      L-imsemmi Artikolu 24(a) innifsu serva bħala sors ta' ispirazzjoni għat-tfassil ta' l-Artikolu 30 tal-Karta tad-drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1). Skond dan l-aħħar artikolu "[i]l-ħaddiema kollha għandhom dritt għal protezzjoni kontra kull tkeċċija li mhijiex iġġustifikata, skond id-dritt Komunitarju u skond il-leġiżlazzjonijiet u prattiki nazzjonali". It-tielet inċiż ta' l-Artikolu 41(2), ta' din il-Karta jipprovdi wkoll, b'mod ġenerali, skond id-dritt għal amministrazzjoni tajba, "l-obbligu ta' l-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha".

71      Hekk kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, l-għan prinċipali ta' din il-Karta huwa li tafferma mill-ġdid "id-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattati Komunitarji, [mil]l-[…] [KEDB] mill-Karti Soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill ta' l-Ewropa kif ukoll [mil]l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem" (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

72      Minbarra dan, billi pproklamaw b'mod solenni l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni neċessarjament kellhom l-intenzjoni li jirrikonoxxi li hija għandha tifsira partikolari, li f'dan il-każ għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' Regolamenti tal-Persunal u tal-KUO.

73      F'dan ir-rigward, għandu jingħad li l-ebda raġuni imperattiva ma tippermetti li jiġu esklużi l-membri tal-persunal temporanju, fis-sens tal-KUO, minn protezzjoni kontra t-tkeċċija mhix iġġustifikata, b'mod partikolari meta huma marbuta b'kuntratt għal perijodu indefinit jew meta, ikunu marbuta b'kuntratt għal terminu fiss u jiġu mkeċċija qabel l-iskadenza tiegħu.

74      Sabiex tiġi ggarantita protezzjoni suffiċjenti f'dan is-sens, minn naħa, il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw l-opportunità li jivverfikaw jekk l-interessi leġittimi tagħhom ġewx rispettati jew miksura u li jevalwaw l-opportunità li l-kwistjoni titressaq quddiem l-imħallef u, minn naħa l-oħra, dan ta' l-aħħar għandu jiġi permess jeżerċità l-istħarriġ tiegħu, li jammonta għal għarfien ta' l-eżistenza ta' obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-awtorità kompetenti.

75      Għandu jingħad ukoll li l-għarfien ta' tali obbligu ta' motivazzjoni impost fuq l-awtorità kompetenti ma jeskludix li din l-aħħar imsemmija tiddisponi minn setgħa wiesa' ta' diskrezzjoni fil-qasam ta' tkeċċija u li, b'hekk, l-istħarriġ ta' l-imħallef Komunitarju jkun limitat għall-verifika tan-nuqqas ta' żball manifest jew ta' abbuż tal-poter (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Frar 1999, Carrasco Benítez vs EMEA, T‑79/98, RecFP p. I‑A‑29 u II‑127, punt 55; tat-12 ta' Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, RecFP p. I-A‑277 u II‑1267, punt 53, u tas-6 ta' Frar 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑7/01, RecFP p. I‑A‑37 u II‑239, punti 50 u 51).

76      Barra minn hekk, għandu jingħad li l-kliem ta' l-Artikolu 47 tal-KUO ma jmurx kontra l-kunsiderazzjonijiet preċedenti safejn dan l-Artikolu jillimita ruħu, fil-punt (ċ)(i), li jipprovdi l-iffissar ta' perjodu ta' notifika u li jirregola t-tul tagħha, mingħajr ma jittratta l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tat-tkeċċija.

77      F'dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jiġi vverifikat, f'dan il-każ partikolari, minn naħa, jekk id-deċiżjoni ta' tkeċċija tissodisfax l-obbligu ta' motivazzjoni inkwantu forma sostantiva u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mertu tal-motivi ta' l-att, jekk l-ETF żammitx ruħha fil-limiti raġjonevoli u ma' użatx id-diskrezzjoni b'mod manifestament żbaljat.

78      Fir-rigward, minn naħa, ta’ l-obbligu proċedurali ta' motivazzjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-portata tiegħu għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi konkreti, b'mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta' l-interess li d-destinatarju jista' jkollu sabiex jirċievi spjegazzjonijiet (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Marzu 2000, Vicente Nuñez vs Il-Kummissjoni, T‑10/99, RecFP p. I‑A‑47 u II‑203, punt 41, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑338/00 u 376/00, RecFP p. I‑A‑301 u II‑1457, punt 46). Huwa importanti wkoll, sabiex jiġi evalwat jekk il-motivazzjoni hijiex suffiċjenti, li din titqiegħed fil-kuntest li fih tinsab l-adozzjoni ta' l-att ikkontestat (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' April 1999, Thinus vs Il-Kummissjoni, T‑283/97, RecFP p. I‑A‑69 u II‑353, punt 77, u Morello vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

79      Fil-preżenza ta’ miżura ta' tkeċċija ta’ membru tal-persunal imqabbad taħt kuntratt għal perijodu indefinit, huwa partikolarment importanti li l-motivi li huma l-bażi ta' tali miżura jkunu, bħala regola ġenerali, imsemmija b'mod ċar bil-miktub, preferibbilment fit-test innifsu tad-deċiżjoni kkonċernata. Fil-fatt huwa biss dan l-att, li l-legalità tiegħu hija evalwata fid-data li fiha ttieħed, li jikkonkretizza d-deċiżjoni ta' l-istituzzjoni. Madankollu, l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet tat-tkeċċija jista' jkun ikkunsidrat ukoll bħala sodisfatt jekk il-parti kkonċernata tkun ġiet debitament infurmata, waqt intervisti mal-ġerarkija tagħhom, dwar dawn ir-raġunijiet u jekk id-deċiżjoni ta' l-AHCC seħħet ftit wara li saru dawn il-laqgħat. L-AHCC jista' ukoll, jekk ikun xieraq, jikkompleta din il-motivazzjoni fl-istadju tar-risposta għall-ilment magħmul mill-parti kkonċernata.

80      F'dan il-każ partikolari, jirriżulta mill-atti li r-rikorrenti ġiet infurmata, fil-laqgħat li hija kellha mas-Sur de Rooij fil-15 u fil-25 ta' Ġunju 2004, bir-raġunijiet, ibbażati fuq allegata inkompetenza professjonali, li għaliha kienet prevista li jiġu mitmum il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju. Preċiżjonijiet addizzjonali ngħataw b'mod effettiv mill-AHCC bħala risposta għall-ilment tar-rikorrenti b'mod li jippermetti lil din li tevalwa l-mertu tad-deċiżjoni ta' tkeċċija u li tagħtiha l-opportunità li tressaq r-rikors tagħha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

81      Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

82      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mertu tal-motivi li jiġġusitfikaw id-deċiżjoni ta' tkeċċija, għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni magħmula mill-ETF fir-rigward ta' l-interess tas-servizz, fil-limitu tal-verifika tan-nuqqas ta' żball manifest, kif ukoll kif ġie mfakkar il-punt 75 tas-sentenza preżenti.

83      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza stabbilita li l-awtorità kompetenti hija marbuta, meta hija tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li għandhom mnejn jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b'mod partikolari l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan fil-fatt jirriżulta mid-dover ta' premura ta' l-amministrazzjoni, li jirrefletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u ta' l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b'analoġija, il-KUO ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Pyres vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51, u ta' l-1 ta' Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, RecFP p. II‑189, punt 49; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38; tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' April 1996, Kyrpitsis vs CESE, T‑13/95, RecFP p. I‑A‑167 u II‑503, punt 52, u Dejaiffe vs UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53).

84      F'dan il-każ partikolari, sabiex tiġi ġġustifikata t-tkeċċija, l-ETF invokat biss l-inkompetenza professjonali "ġenerali" tar-rikorrenti, li ġiet ipprovata mill-ġabra tar-rapporti ta’ evalwazzjoni sfavorevoli jew kritiki fir-rigward tal-prestazzjonijiet ta' din ta' l-aħħar. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003, jiġifieri l-uniku rapport sfavorevoli għar-rikorrenti, skond il-konvenuta, ma kienx suffiċjenti sabiex ibiddel din it-tendenza ġenerali.

85      F'dan ir-rigward, jekk insuffiċjenzi bħan nuqqas ta' attenzjoni, ta' preċiżjoni u ta' ħeffa fl-eżekuzzjoni tal-kompiti ġew spiss ikkritikati lir-rikorrenti tul il-karriera tagħha, jirriżulta mid-diversi rapporti dwar iż-żmien ta' prova jew ta’ evalwazzjoni li l-evalwazzjoni tal-merti tar-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li tallega l-konvenuta, kien globalment sodisfaċenti, jew saħansitra tajjeb (għall-perijodu 1997 sa 2000 u għall-2003).

86      Huwa minnu li l-evalwazzjonijiet negattivi ħafna ġew magħmula minn żewġ persuni b'mod partikolari, jiġifieri:

–        is-Sur Hillenkamp, viċidirettur, li r-rikorrenti kienet segretarja tiegħu minn Jannar 2002 sa Jannar 2003 u li, fir-rapport ta’ evalwazzjoni temporanja tad-9 ta' Lulju 2002, ikkunsidra li hija ma kinitx tissodisfa suffiċjentement għall-ħtiġijiet tal-funzjonijiet tagħha; bl-istess mod, f'rapport ta' evalwazzjoni għas-sena 2002, huwa kkonstata nuqqas ta' affidabbiltà u nuqqasijiet serji f'kważi l-aspetti kollha tal-funzjonijiet li hija kienet teżerċita;

–        is-Sinjura Stefani, kap tad-dipartiment, li għaliha wkoll ir-rikorrenti kienet segretarja mill-1 ta' Frar 2003 sat-30 ta' Ġunju 2004.

87      Madankollu, fir-rigward, minn naħa, ta' l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2002, mhux biss dan it-test qatt ma ġie konkluż, iżda l-evalwazzjoni tal-viċidirettur l-ieħor, is-Sur Pescia, li għalih ir-rikorrenti ħadmet ukoll waqt l-istess perijodu, kien ħafna inqas iebes, u huwa kkunsidra bħala sodisfaċenti, u saħansitra tajba, l-eżekuzzjoni tal-kompiti mill-parti kkonċernata, anki jekk huwa rrikonoxxa li hija wriet xi nuqqasijiet li huwa attribwixxa, in parti, għal ammont eċċessiv ta' xogħol.

88      Min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2003, stabbilit fit-18 ta' Marzu 2004 mis-Sinjura Taurelli, li għaliha r-rikorrenti ħadmet ukoll, u previst mis-Sur de Rooij fil-31 ta' Marzu 2004, jiġifieri madwar xahrejn qabel l-intervisti li fihom dan wera lir-rikorrenti l-intenzjoni tiegħu li jtemm il-kuntratt tagħha, kien partikolarment favorevoli għal din ta' l-aħħar. Fil-fatt jirriżulta li din "has achieved her key objectives set for 2003 […] has been able to perform her tasks effectively and efficiently with respect of deadlines […] has shown capacity to concentrate on her work even while having to deal with several issues at the same time […] has made a substantial effort to improve her memory […] has improved her IT skills […] maintains good, friendly but respectful relations with peers and fellow colleagues" (kisbet l-miri prinċipali li ġew imposti fuqha għall-2003 […] kienet kapaċi teżegwixxi l-kompiti tagħha b'mod effettiv u effikaċi fl-osservanza tat-termini […] uriet kapaċità li tikkonċentra fuq ix-xogħol tagħha, minkejja li kellha tiżvolġi diversi attivitajiet fl-istess waqt […] għamlet sforzi kbar sbiex ittejjeb il-memorja tagħha […] tejbet il-kapaċitajiet informatiċi tagħha […] iżżomm relazzjonijiet tajba u amikevoli iżda madankollu rispettużi ma' ħbiebha u mal-kollegi tagħha tax-xogħol).

89      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jirrikonoxxi lid-dikjarazzjonijiet unilaterali, annessi mal-kontroreplika tal-konvenuta, li ġew magħmula wara l-introduzzjoni tar-rikors preżenti u li huma intiżi sabiex jikkompletaw ir-rapporti ta' evalwazzjoni tar-rikorrenti, u saħansitra li juru li huma kienu żbaljati fl-evalwazzjoni globali tagħhom, l-istess valur bħal dak attribwit għar-rapporti nfushom, peress li dawn l-aħħar ġew stabbiliti wara proċedura kontradittorja preċiżament bil-għan li tiġi permessa l-evalwazzjoni oġġettiva tal-merti tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

90      Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-atti li l-prestazzjonijiet professjonali tar-rikorrenti naqsu drastikament bejn it-twaqqif ta' l-aħħar rapport tagħha ta' evalwazzjoni mis-Sinjura Taurelli f'Marzu 2004, li kienu jfaħħru t-twettiq tal-kompiti tagħha b'effikaċja u fl-osservanza tat-termini, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' tkeċċija inqas minn tliet xhur wara. Din l-aħħar deċiżjoni hija iktar kontestabbli minħabba li ġiet adottata ftit żmien wara l-imsemmi rapport ta’ evalwazzjoni.

91      Jirriżulta, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dover ta' premura, u lanqas il-mezzi l-oħra invokati mir-rikorrenti, li d-deċiżjoni ta' tkeċċija hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u konsegwentement għandha tiġi annullata.

92      L-annullament ta’ att mill-imħallef għandha bħala effett li telimina retroattivament dan l-att mis-sistema legali (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 30, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, RecFP p. I‑A‑109 u II‑483, punt 84). Meta l-att annulat jkun diġà ġie eżegwit, id-distruzzjoni ta' l-effetti tiegħu teżiġi li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ġuridika li fiha r-rikorrenti kienet tinsab qabel l-adozzjoni tagħha (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 60, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 84).

93      Madankollu, mingħajr ma hemm bżonn, f'dan il-każ, li wieħed jidħol fil-kwistjoni ta' l-eżistenza, favur il-ħaddiem, ta’ dritt eventwali għall-ingaġġ mill-ġdid f'każ ta' tkeċċija illegali, għandu jiġi kkonstatat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li l-istat tagħha ta' saħħa kien mar ħafna għall-agħar u li mhijiex fiżikament adattata sabiex terġa' tibda l-eżerċizzju ta' attività fi ħdan l-ETF. F'dawn iċ-ċirkostanzi, sabiex tassigura, fl-interess tar-rikorrenti, effikaċja prattika għas-sentenza ta’ annullament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu juża l-kompetenza ta' ġurisdizzjoni sħiħa li hija mogħtija lilu fil-kwistjonijiet ta' natura ta' flus, billi jistieden lill-konvenuta tfittex soluzzjoni ekwa tali li tipproteġi adegwatament id-drittijiet ta' P. Landgren (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Lulju 1993, Il-Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, Ġabra p. I‑3839, punt 13, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 89).

94      Minn dan jirriżulta li l-partijiet huma mistiedna, l-ewwel nett, li jipprovaw jilħqu ftehim li jistabbilixxi kumpens ekwu fi flus għat-tkeċċija illegali tar-rikorrenti u mbagħad, sabiex jinfurmaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bl-ammont hekk stabbilit, jew, f'nuqqas ta’ ftehim, sabiex iressqu quddiemu l-proposti tagħhom innumerati f'dan ir-rigward, fi żmien tliet xhur mill-għoti tas-sentenza preżenti.

95      Fl-evalwazzjoni ta' dan il-kumpens, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, tal-fatt li Landgren irċeviet kumpens għal qgħad wara t-tkeċċija tagħha u ta' l-età li fiha hija normalment setgħet, kif jirriżulta mill-istat tagħha ta' saħħa, tistenna pensjoni ta' irtirar.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Id-deċiżjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, tal-25 ta' Ġunju 2004, li ttemm il-kuntratt ta' P. Landgren għal perijodu indefinit inkwantu membru tal-persunal temporanju hija annullata.

2)      Il-partijiet għandhom jinfurmaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fi żmien tliet xhur mill-għoti ta' din is-sentenza, bl-ammont stabbilit bi ftehim komuni bħala kumpens fi flus relatat ma' l-illegalità tad-deċiżjoni tal-25 ta' Ġunju 2004, jew, f'nuqqas ta' ftehim, bil-proposti tagħhom fir-rigward ta' dan l-ammont.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Mahoney

Kreppel

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen Tagaras

Gervasoni

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-26 ta' Ottubru 2006.

W. Hakenberg

 

       P. Mahoney

Reġistratur

 

       Il-President

It-testi tad-deċiżjoni preżenti kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-Qrati Komunitarji ċċitati hawnhekk u li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.