Language of document : ECLI:EU:T:2009:100

Kawża T-118/06

Zuffa, LLC

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Karattru deskrittiv — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tad-diversi raġunijiet għal rifjut

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b) u (ċ))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tar-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ kull prodott u servizz imsemmi fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1) u 73)

1.      Kull wieħed mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-interess ġenerali li hemm wara kull wieħed minnhom, billi kull wieħed minn dawn ir-raġunijiet huwa indipendenti mill-oħrajn u jeħtieġ eżami separat. Fil-fatt, l-interess ġenerali kkunsidrat fl-eżami ta’ kull waħda minn dawn ir-raġunijiet għal rifjut jista’, u saħansitra għandu, jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti, skont ir-raġuni għal rifjut li tkun inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-interess ġenerali wara l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huwa, minn naħa, il-ħtieġa li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tas-sinjal li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu għall-operaturi l-oħrajn li joffru prodotti jew servizzi komparabbli għal dawk li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li l-konsumatur jew l-utent finali jiġi ggarantit l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti bl-applikazzjoni għal trade mark, b’mod li huwa jkun jista’ jiddistingwi, mingħajr possibbiltà ta’ konfużjoni, dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk li għandhom oriġini oħra. Tali garanzija fil-fatt tikkostitwixxi l-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

Rigward l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tħallix li sinjali jew indikazzjonijiet bħal dawn ikunu rriżervati għal kumpannija waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade marks.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 evidentement jidħlu fuq xulxin. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li trade mark verbali li hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti u ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, tista’ a priori, minħabba dan il-fatt, tiġi kkunsidrata li hija wkoll nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament. Din id-dimostrazzjoni għandha madankollu ssir separatament.

(ara l-punti 23-26)

2.      Il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja evidentement jidħlu fuq xulxin. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li trade mark verbali li hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ prodotti u ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, tista’ a priori, minħabba dan il-fatt, tiġi kkunsidrata li hija wkoll nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament. Din id-dimostrazzjoni għandha madankollu ssir separatament

Minn dan isegwi li, meta ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark għal diversi prodotti jew servizzi, il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jivverifika in concreto li t-trade mark inkwistjoni ma taqa’ taħt l-ebda raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni stipulata fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti jew servizzi u jista’ jasal għal konklużjonijiet differenti skont il-prodotti jew servizzi kkunsidrati. Għaldaqstant, meta jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-Bord tal-Appell huwa marbut jindika fid-deċiżjoni tiegħu l-konklużjoni li wasal għaliha għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, indipendentement mill-mod kif tkun ġiet ifformulata din l-applikazzjoni. Madankollu, meta l-istess raġuni għal rifjut tingħata għal kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-awtorità kompetenti tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew servizzi kkonċernati kollha.

F’dan ir-rigward, il-possibbiltà għall-Bord tal-Appell li jagħti motivazzjoni globali għal serje ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ testendi biss għal prodotti jew għal servizzi li għandhom konnessjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, sal-punt li huma jifformaw kategorija suffiċjentement omoġenja sabiex tippermetti li l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, minn naħa, jispjegaw suffiċjentement ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi li jappartjenu għal din il-kategorija u, min-naħa l-oħra, jistgħu jkunu applikati mingħajr distinzjoni għal kull wieħed mill-prodotti u servizzi kkonċernati. Issa s-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nizza mhuwiex biżżejjed għal dan il-għan, billi dawn il-klassijiet sikwit jinkludu varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li m’għandhomx neċessarjament konnessjoni suffiċjentement diretta jew konkreta bejniethom.

(ara l-punti 26-28)