Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Diċembru 2009 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-591/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni ta' EUROSTAT li tagħżel l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata b'risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti għat-"Teknoloġiji tal-informazzjoni fil-qasam tal-istatistika", Lott 2 "Żvilupp SDMX" u Lott 3 "Sostenn SDMX", bħala t-tieni kuntrattur tal-mekkaniżmu kaskata (ĠU 2008/S 120-159017), ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta' żewġ ittri separati tas-17 ta' Ottubru 2008 u kull deċiżjoni ulterjuri relatata ta' EUROSTAT inkluża d-deċiżjoni li l-kuntratt jingħata lill-kuntrattur li l-offerta tiegħu rnexxiet;

tikkundanna lil EUROSTAT iħallas id-danni li ġarrbet ir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta' EUR 4 326 000;

tikkundanna lil EUROSTAT għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra inkorsi f'dak li għandu x'jaqsam ma' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament skont l-Artikolu 230 KE tad-deċiżjonijiet ta' EUROSTAT li tagħżel l-offerta tar-rikorrenti, ippreżentata b'risposta għas-sejħa miftuħa għal offerti għat-"Teknoloġiji tal-Informazzjoni Statistika", Lott 2 "Żvilupp SDMX" u Lott 3 "Sostenn SDMX", bħala t-tieni kuntrattur tal-mekkaniżmu kaskata (ĠU 2008/S 120-159017), li ġew ikkomunikati lir-rikorrenti permezz ta' żewġ ittri separati tas-17 ta' Ottubru 2008, kif ukoll li tingħata kumpens għad-danni skont l-Artikolu 235 KE.

Ir-rikorrenti ssostni li EUROSTAT wettaq diversi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, filwaqt li regoli u prinċipji fundamentali dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi allegatament inkisru mill-awtorità kontraenti. Hija ssostni li ma saritx evalwazzjoni suffiċjenti tal-offerta tar-rikorrenti, li EUROSTAT naqas milli jagħti raġunijiet, naqas li jikkunsidra l-appell amministrattiv dettaljat u osservazzjonijiet relatati tar-rikorrenti u li ma ppreżentax ir-riżultati tal-eżami intern tiegħu lir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-trattament tal-kandidati kien diskriminatorju; li l-kriterji ta' esklużjoni ma ġewx sodisfatti minn wieħed mill-membri tal-konsorzju rebbieħ u li nkisru l-Artikoli 93(1) u 94 tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkonstata li l-konvenuta kisret ir-Regolament Finanzjarju u/jew il-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali, billi - probabbilment - il-Qorti tal-Prim'Istanza ser tiddeċiedi r-rikors wara li l-kuntratt ikun ġie kompletament eżegwit, ir-rikorrenti għandha tingħata kumpens pekunjarju ta' EUR 4 326 000 minn EUROSTAT, liema somma tikkorrispondi għall-qligħ gross li hija tistma li kienet tagħmel mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku Lott 2 u Lott 3, li kieku ngħatalha l-kuntratt.

____________