Language of document : ECLI:EU:C:2017:203

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regolamenti interni ta’ impriża li jipprojbixxu lill-ħaddiema milli jilbsu simboli viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża fuq il-post tax-xogħol – Diskriminazzjoni diretta – Assenza – Diskriminazzjoni indiretta – Projbizzjoni fuq ħaddiema milli tilbes velu Iżlamiku”

Fil-Kawża C‑157/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2015, fil-proċedura

Samira Achbita,

Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding

vs

G4S Secure Solutions NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, M. Berger, M. Vilaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, F. Biltgen (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding, minn C. Bayart u I. Bosmans, avukati,

–        għal G4S Secure Solutions NV, minn S. Raets u I. Verhelst, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling, S. Simmons u C. R. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn A. Bates, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Samira Achbita u s-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding (ċentru għall-opportunitajiet ugwali u għall-ġlieda kontra r-razziżmu, iktar ’il quddiem iċ-“Ċentru”), minn naħa, u G4S Secure Solutions NV (iktar ’il quddiem “G4S”), kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Belġju, min-naħa l-oħra, rigward il-projbizzjoni stabbilita minn G4S fuq l-impjegati tagħha milli jilbsu fuq il-post tax-xogħol tagħhom simboli viżibbli tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom u milli jwettqu kwalunkwe ritwal relatat ma’ dan it-twemmin.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2000/78

3        Il-premessi 1 u 4 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedu:

“(1)      Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għall-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]

(4)      Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni ndiretta meta fejn disposizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6        L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

 Id-dritt Belġjan

7        Il-Wet ter bestrijding van discriminatie en tot wijziging van de wet van 15 februari 1993 tot oprichting van een Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding (liġi intiża għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li temenda l-liġi tal-15 ta’ Frar 1993 li toħloq ċentru għall-opportunitajiet ugwali u għall-ġlieda kontra r-razziżmu), tal-25 ta’ Frar 2003 (Belgisch Staatsblad, tas-17 ta’ Marzu 2003, p. 12844), hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78.

8        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta differenza fit-trattament li ma tkunx iġġustifikata b’mod oġġettiv u raġonevoli tkun ibbażata direttament fuq il-ġeneru, razza allegata, il-kulur tal-ġilda, l-antenati, l-oriġini nazzjonali jew etnika, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, it-twelid, l-assi, l-età, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, diżabbiltà jew karatteristika fiżika.”

9        L-Artikolu 2(2) tal-istess liġi jipprevedi:

“Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali jkollha bħala tali effett ta’ ħsara fuq il-persuni li għalihom tapplika waħda mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati f’§ 1, ħlief fejn din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      G4S hija impriża privata li tipprovdi, fost l-oħrajn, servizzi ta’ akkoljenza lil klijenti li jagħmlu parti kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat.

11      Fit-12 ta’ Frar 2003, S. Achbita, ta’ twemmin Musulman, bdiet taħdem bħala receptionist għal G4S. Hija kienet impjegata minn din tal-aħħar taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Dak iż-żmien kien hemm regola mhux miktuba fi ħdan G4S li tipprovdi li l-ħaddiema ma setgħux jilbsu fuq il-post tax-xogħol simboli viżibbli tat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom.

12      Fix-xahar ta’ April 2006, S. Achbita informat lis-superjuri ġerarkiki tagħha li fil-futur hija kellha l-intenzjoni li tilbes il-velu Iżlamiku waqt il-ħinijiet tax-xogħol.

13      B’risposta, il-maniġment ta’ G4S informa lil S. Achbita li l-ilbies ta’ velu ma kienx ser ikun ittollerat għaliex l-ilbies viżibbli ta’ simboli politiċi, filosofiċi jew reliġjużi kien imur kontra n-newtralità li kienet tħaddan l-impriża.

14      Fit-12 ta’ Mejju 2006, wara waqfien mix-xogħol minħabba mard, S. Achbita informat lill-persuna li timpjegaha li kienet ser terġa’ tidħol xogħol fil-15 ta’ Mejju u li kienet ser tilbes il-velu Iżlamiku.

15      Fid-29 ta’ Mejju 2006, il-kumitat ta’ impriża ta’ G4S approva emenda tar-regolamenti interni, li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2006, li tipprovdi li “l-impjegati huma pprojbiti milli jilbsu simboli b’rabta mat-twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż tagħhom li jkunu viżibbli fuq il-post tax-xogħol u/jew li jwettqu kwalunkwe ritwal li jirriżulta minnu”.

16      Fit-12 ta’ Ġunju 2006, minħabba l-volontà persistenti ta’ S. Achbita li tilbes, bħala Musulmana, il-velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol, hija tkeċċiet. Hija rċeviet il-pagament ta’ allowance ta’ tkeċċija li tikkorrispondi għal tliet xhur salarju u benefiċċji miksuba bis-saħħa tal-kuntratt ta’ xogħol.

17      Wara ċ-ċaħda tar-rikors ippreżentat minn S. Achbita kontra din it-tkeċċija quddiem l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen (qorti industrijali ta’ Antwerp, il-Belġju), hija appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Arbeidshof te Antwerpen (qorti tal-appell industrijali ta’ Antwerp, il-Belġju). Dan l-appell ġie miċħud għar-raġuni, b’mod partikolari, li t-tkeċċija ma setgħetx titqies bħala mhux iġġustifikata għaliex il-projbizzjoni ġenerali tal-ilbies fuq il-post tax-xogħol ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż ma kinitx timplika diskriminazzjoni diretta u għaliex l-ebda diskriminazzjoni indiretta jew ksur tal-libertà individwali jew tal-libertà ta’ reliġjon ma kienu manifesti.

18      Fir-rigward tal-assenza ta’ diskriminazzjoni diretta, din l-aħħar qorti osservat b’mod iktar preċiż li huwa stabbilit li S. Achbita tkeċċiet mhux minħabba l-fidi Musulmana tagħha, iżda għaliex hija ppersistiet bil-volontà tagħha li timmanifestaha, b’mod viżibbli, fil-ħinijiet tax-xogħol, billi tilbes velu Iżlamiku. Id-dispożizzjoni tar-regolamenti interni, miksura minn S. Achbita, għandha portata ġenerali sa fejn hija tipprojbixxi lil kwalunkwe ħaddiem milli jilbes fuq il-post tax-xogħol tiegħu simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż. L-ebda fatt ma jippermetti li jiġi preżunt li G4S adottat aġir iktar indulġenti fir-rigward ta’ impjegat ieħor f’sitwazzjoni komparabbli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ħaddiem li għandu twemmin reliġjuż jew filosofiku ieħor li jkun irrifjuta konsistentement li josserva din il-projbizzjoni.

19      L-Arbeidshof te Antwerpen (qorti tal-appell industrijali ta’ Antwerp) ċaħdet l-argument li jipprovdi li l-projbizzjoni, stabbilita fi ħdan G4S, li wieħed jilbes simboli viżibbli ta’ twemmin reliġjuż jew filosofiku, tikkostitwixxi minnha nnifisha diskriminazzjoni diretta ta’ S. Achbita inkwantu persuna li għandha twemmin, billi qieset li din il-projbizzjoni kienet tikkonċerna mhux biss l-ilbies ta’ simboli marbuta ma’ twemmin reliġjuż, iżda wkoll l-ilbies ta’ simboli li huma marbuta ma’ twemmin filosofiku, u b’dan il-mod tosserva l-kriterju ta’ protezzjoni adottat mid-Direttiva 2000/78 li jitkellem dwar “reliġjon jew twemmin”.

20      Insostenn tal-appell ta’ kassazzjoni tagħha, S. Achbita ssostni, b’mod partikolari, li, billi qieset li t-twemmin reliġjuż li fuqu hija bbażata l-projbizzjoni stabbilita minn G4S jikkostitwixxi kriterju newtrali u billi ma kklassifikatx din il-projbizzjoni bħala inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema li jilbsu velu Iżlamiku u dawk li ma jilbsuhx, għar-raġuni li l-imsemmija projbizzjoni ma tirreferix għal twemmin reliġjuż speċifiku u għaliex hija tindirizza l-ħaddiema kollha, l-Arbeidshof te Antwerpen (qorti tal-appell industrijali ta’ Antwerp) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kunċetti ta’ “diskriminazzjoni diretta” u “diskriminazzjoni indiretta” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie (qorti tal-kassazzjoni, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li, bħala musulmana, persuna tilbes velu fuq il-post tax-xogħol ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta meta r-regola fis-seħħ tal-persuna li timpjega tipprojbixxi lill-ħaddiema kollha milli jilbsu fuq il-post tax-xogħol sinjali [simboli] esterni li juru konvinzjonijiet politiċi, filosofiċi jew reliġjużi?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ velu Iżlamiku, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta pprojbita minn din id-direttiva.

23      Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bl-iskop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

24      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, “‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet, fosthom ir-reliġjon, imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

25      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “reliġjon”, li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi osservat li din id-direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-imsemmi kunċett.

26      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera, fil-premessa 1 tad-Direttiva 2000/78, għad-drittijiet fundamentali kif huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), li tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, li kull persuna għandha dritt għal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, u dan id-dritt jimplika, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

27      Fl-istess premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera wkoll għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fost id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn it-tradizzjonijiet komuni u li ġew affermati mill-ġdid fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), hemm id-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin, kif ukoll il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku, jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) ta’ din jikkorrispondi mad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huwa għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dan.

28      Sa fejn il-KEDB u, sussegwentement, il-Karta jagħtu sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon”, inkwantu huma jinkludu f’dan il-kunċett il-libertà tal-persuni li jimmanifestaw ir-reliġjon tagħhom, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm l-istess approċċ fl-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78, b’tali mod li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża.

29      Fit-tieni lok, għandu jiġi stabbilit jekk mir-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżultax differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont ir-reliġjon tagħhom jew it-twemmin tagħhom u, fl-affermattiv, jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

30      F’dan il-każ, ir-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi għall-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż u tkopri għaldaqstant mingħajr distinzjoni kwalunkwe manifestazzjoni ta’ tali twemmin. L-imsemmija regola għandha, għaldaqstant, titqies li tittratta b’mod identiku l-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponi fuqhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari newtralità fl-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli.

31      F’dan ir-rigward, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-applikazzjoni tar-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal S. Achbita kienet differenti mill-applikazzjoni ta’ din ir-regola għal kwalunkwe ħaddiem ieħor.

32      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

33      Wara li ngħad dan, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat domanda billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha kemm jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Oil Trading Poland, C‑349/13, EU:C:2015:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, ma huwiex eskluż li l-qorti tar-rinviju tista’ tasal għall-konklużjoni li r-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jekk ikun stabbilit, u dan għandu jiġi vverifikat minnha, li l-obbligu apparentament newtrali li hija tinkludi jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni affiljati ma’ reliġjon jew twemmin speċifiku.

35      Skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix madankollu disrkiminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva, jekk tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li hija finalment il-qorti nazzjonali, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tistabbilixxi jekk u sa fejn ir-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet, misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew sottomessi lilha, b’tali mod li tippermetti lil din l-istess qorti tiddeċiedi t-tilwima konkreta mressqa quddiemha.

37      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ għan leġittimu, għandu jiġi osservat li l-volontà li tintwera, fir-relazzjonijiet mal-klijenti kemm pubbliċi kif ukoll privati, politika ta’ newtralità politika, filosofika jew reliġjuża għandha titqies bħala leġittima.

38      Fil-fatt, ix-xewqa ta’ persuna li timpjega li turi immaġni ta’ newtralità fil-konfront tal-klijenti, hija relatata mal-libertà tal-intrapriża, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, u hija, fil-prinċipju, ta’ natura leġittima, b’mod partikolari meta l-persuna li timpjega, sabiex jintlaħaq dan l-għan, tinvolvi biss il-ħaddiema li huma mistennija jidħlu f’kuntatt mal-klijenti tal-persuna li timpjega.

39      L-interpretazzjoni fis-sens li t-twettiq ta’ tali għan jippermetti, f’ċerti limiti, li tiġi ristretta l-libertà ta’ reliġjon hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-Artikolu 9 tal-KEDB (sentenza tal-Qorti EDB tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punt 94).

40      Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura xierqa ta’ regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-ħaddiema jiġu pprojbiti milli jilbsu b’mod viżibbli simboli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż huwa xieraq sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ politika ta’ newtralità, sakemm din il-politika tkun ġenwinament segwita b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 53).

41      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk G4S kinitx stabbilixxiet, qabel it-tkeċċija ta’ S. Achbita, politika ġenerali u mingħajr distinzjoni ta’ projbizzjoni tal-ilbies viżibbli tas-simboli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha f’kuntatt mal-klijenti tagħha.

42      Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-natura neċessarja tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk din il-projbizzjoni hijiex limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni tal-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu jew ħwejjeġ li għandhom mnejn jiġu assoċjati ma’ twemmin reliġjuż jew ma’ twemmin politiku jew filosofiku hijiex intiża biss għall-ħaddiema ta’ G4S li huma f’kuntatt mal-klijenti. Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmija projbizzjoni għandha titqies bħala strettament neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

43      F’dan il-każ, fir-rigward tar-rifjut ta’ ħaddiema bħal S. Achbita li tirrinunzja li tilbes il-velu Iżlamiku fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħha għand il-klijenti ta’ G4S, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet inerenti fl-impriża, u mingħajr ma din ikollha ġġorr piż supplimentari, kienx ikun possibbli għal G4S, quddiem tali rifjut, li tipproponielha pożizzjoni ta’ xogħol li ma timplikax kuntatt viżiv ma’ dawn il-klijenti, minflok ma tkeċċiha. Hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi tal-proċess kollha, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi preżenti u li tillimita r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet inkwistjoni għal dak li huwa strettament neċessarju.

44      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun kif ġej:

–        L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ velu Iżlamiku, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin fis-sens ta’ din id-direttiva.

–        Min-naħa l-oħra, regola interna ta’ impriża privata tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jekk jiġi stabbilit li l-obbligu apparentament newtrali li hija tipprevedi jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni affiljati ma’ reliġjon jew twemmin speċifiku, sakemm ma tkunx iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, bħall-fatt li l-persuna li timpjega ssegwi, fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha, politika ta’ newtralità politika, filosofika kif ukoll reliġjuża, u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ velu Iżlamiku, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin fis-sens ta’ din id-direttiva.

Min-naħa l-oħra, regola interna ta’ impriża privata tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jekk jiġi stabbilit li l-obbligu apparentament newtrali li hija tipprevedi jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni affiljati ma’ reliġjon jew twemmin speċifiku, sakemm ma tkunx iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, bħall-fatt li l-persuna li timpjega ssegwi, fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha, politika ta’ newtralità politika, filosofika kif ukoll reliġjuża, u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.