Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2008 - Putters International NV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-211/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Putters International NV (Vilvoorde, il-Belġju) (rappreżentanti: K. Platteau, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

l-annullament ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni safejn din id-dispożizzjoni tiddetermina li r-rikorrenti wettqet ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE talli, flimkien ma impriżi oħra, iffissat kemm direttament kif ukoll indirettament il-prezzijiet tas-servizzi ta' ġarr internazzjonali fil-Belġju, qassmet bi qbil ma impriżi oħra parti minn dan is-suq u mmanipulat il-proċeduri ta' sejħa għal offerti;

l-annullament ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni safejn din timponi multa ta' EUR 395 000 lir-rikorrenti;

jekk, abbażi tas-setgħa ta' kompetenza sħiħa tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 229 KE u mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li għandha tiġi imposta multa lir-rikorrenti, tiffissa l-ammont tal-multa għal-livell kompletament inferjuri mill-ammont iffissat mill-Kummissjoni;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali tal-11 ta' Marzu 2008 dwar proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.543 - servizzi ta' ġarr internazzjonali).

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi sostniet li r-rikorrenti pparteċipat f'akkordju kumpless u kkonsolidat intiż sabiex kemm direttament kif ukoll indirettament jiġu ffissati l-prezzijiet tas-servizzi ta' ġarr internazzjonali fil-Belġju, sabiex bi qbil titqassam parti minn dan is-suq u sabiex jiġu mmanipulati l-proċeduri ta' sejħa għal offerti, meta fill-fatt r-rikorrenti kull ma għamlet kien li pparteċipat fi prattiċi relatati ma kummissjonijiet u kwotazzjonijiet foloz u barra minn hekk, mhux fuq bażi kontinwa.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali safejn il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa billi ħadet in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali tas-servizzi ta' ġarr internazzjonali mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni n-numru u n-natura tal-ksur kommess mir-rikorrenti u lanqas l-effett tiegħu fuq is-suq in kwistjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali safejn il-Kummissjoni tikkalkula l-multa mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni r-rwol tal-partijiet fl-akkordju u lanqas in-natura tal-prattiċi li fihom huma pparteċipaw, mingħajr ma ddistingwiet bejn il-partijiet iżda billi applikat fil-konfront ta' kulħadd l-istess rata fir-rigward tal-gravità tal-ksur u ta' l-ammont addizzjonali impost bħala deterrent.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipji ra' proporzjonalità u ta' trattament ugwali safejn il-Kummissjoni imponiet il-multa massima ammessa fil-konfront tar-rikorrenti li kienet ipparteċipat b'mod ristrett.

Il-ħames nett u l-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' trattament ugwali u ssostni żball ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni safejn hija ma kkunsidrat l-ebda ċirkustanza attenwanti fil-każ tar-rikorrenti.

____________