KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2016 (1)
Kawża C‑301/15
Marc Soulier,
Sara Doke
vs
Ministre de la Culture et de la Communication,
Premier ministre
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni – Artikolu 2 – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Artikolu 3 – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Artikolu 5 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tafda lil soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ sfruttament tal-kotba li ma humiex disponibbli għal finijiet kummerċjali – Dritt ta’ oppożizzjoni tal-awturi u tal-aventi kawża”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2015, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn minn naħa, Marc Soulier u Sara Doke, u, min-naħa l-oħra, il-Ministre de la Culture et de la Communication (ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni) u l-Premier ministre (prim ministru) dwar il-legalità tad-Digriet Nru 2013‑182, tas-27 ta’ Frar 2013, li japplika l-Artikoli L.134-1 sa L.134-9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali u dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Décret n° 2013‑182, du 27 février 2013, portant application des articles L.134-1 à L.134-9 du code de la propriété intellectuelle et relatif à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle (3), iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;
[…]”.
4. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett [materjal protett] ieħor”, jipprevedi dan li ġej b’mod partikolari, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.
[…]
Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”
5. L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jiddisponi:
“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.
2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”
6. L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jiddikjara, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet differenti għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2, fil-każijiet li jelenka.
7. Dan l-artikolu jiddisponi wkoll, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet differenti għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni previsti fl-Artikoli 2 u 3, fil-każijiet elenkati fih.
8. L-imsemmi artikolu jipprevedi wkoll dan li ġej fil-paragrafu 5 tiegħu:
“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett [materjal protett] ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”
B – Id-dritt Franċiż
Il-liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli
9. Il-Liġi Nru 2012‑287, tal-1 ta’ Marzu 2012, dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli tas-seklu XX (Loi n° 2012‑287, du 1er mars 2012, relative à l’exploitation numérique des livres indisponibles du XXème siècle, JORF Nru 53, tat-2 Marzu 2012, p. 3986, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli”), ikkompletat it-Titolu III tal-Ktieb I tal-ewwel parti tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali (Code de la propriété intellectuelle), iddedikat għall-isfruttament tad-drittijiet marbuta mad-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ Kapitolu IV intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari dwar l-isfruttament diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli” u li jikkonsisti mill-Artikoli L. 134-1 sa L. 134-9 ta’ dan il-kodiċi. Uħud minn dawn l-artikoli iktar tard kienu ġew emendati jew imħassra, bil-Liġi Nru 2015‑195, tal-20 ta’ Frar 2015, li tinkludi diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-proprjetà letterarja u artistika u tal-patrimonju kulturali (Loi n°2015-195, du 20 février 2015, portant diverses dispositions d’adaptation au droit de l’Union européenne dans les domaines de la propriété littéraire et artistique et du patrimoine culturel, JORF Nru 45, tat-22 ta’ Frar 2015, p. 3294).
10. L-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, kif jirriżultaw minn dawn iż-żewġ liġijiet, huma fformulati kif ġej:
“Artikolu L. 134‑1
Ktieb li ma huwiex disponibbli fis-sens ta’ dan il-kapitolu jfisser ktieb ippubblikat fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001 li ma għadux qed jiġi mxerred kummerċjalment minn pubblikatur u li attwalment ma huwiex qed jiġi ppubblikat fil-forma stampata jew diġitali.
Artikolu L. 134‑2
Għandha tinħoloq database pubblika, imqiegħda għad-dispożizzjoni online b’aċċess liberu u mingħajr ħlas minn servizz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, li telenka l-kotba li ma humiex disponibbli. Il-librerija nazzjonali ta’ Franza (Bibliothèque nationale de France) għandha tissorvelja l-ħolqien tagħha, l-aġġornament tagħha u r-reġistrazzjoni tan-noti previsti fl-Artikoli L. 134‑4, L. 134-5 u L. 134‑6.
[…]
Artikolu L. 134-3
I. Meta ktieb jiġi rreġistrat fid-database msemmija fl-Artikolu L. 134‑2 għal iktar minn sitt xhur, id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni tiegħu u r-rappreżentazzjoni tiegħu fil-forma diġitali huwa eżerċitat minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet irregolata mit-Titolu II tal-Ktieb III ta’ din il-parti, awtorizzata għal dan l-għan mill-ministru responsabbli għall-kultura.
Ħlief fil-każ previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑5, ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati, bi ħlas ta’ remunerazzjoni, b’mod mhux esklużiv u għal żmien limitat ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded.
II. Is-soċjetajiet awtorizzati għandhom locus standi in judicio sabiex jiddefendu d-drittijiet li huma responsabbli għalihom.
III. L-awtorizzazzjoni prevista fil-punt I għandha tingħata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni:
[…]
2° ir-rappreżentazzjoni ugwali tal-awturi u tal-pubblikaturi fost is-soċji u fi ħdan il-korpi diriġenti;
[…]
5° in-natura ġusta tar-regoli ta’ tqassim tas-somom miġbura bejn l-aventi kawża, irrispettivament minn jekk humiex parti għall-kuntratt tal-pubblikazzjoni. L-ammont tas-somom miġbura mill-awtur jew mill-awturi tal-ktieb ma jistax ikun iżgħar mill-ammont tas-somom miġbura mill-pubblikatur;
6° il-mezzi probatorji li s-soċjetà tipproponi li timplementa sabiex tidentifika u ssib id-detenturi tad-drittijiet sabiex tqassam is-somom miġbura;
[…]
Artikolu L. 134‑4
I. L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jew il-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ dan il-ktieb jista’ jopponi għall-eżerċizzju, minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata, tad-dritt ta’ awtorizzazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3. Din l-oppożizzjoni għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-korp imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑2 sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara r-reġistrazzjoni tal-ktieb ikkonċernat fid-database msemmija fl-istess subparagrafu.
Nota ta’ din l-oppożizzjoni għandha tiddaħħal fid-database msemmija fl-istess Artikolu L. 134‑2.
Wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt I, l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jopponi għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ dan il-ktieb jekk iqis li r-riproduzzjoni jew ir-rappreżentazzjoni ta’ dan il-ktieb tista’ tkun ta’ ħsara għall-unur jew għar-reputazzjoni tiegħu. Dan id-dritt huwa eżerċitat mingħajr kumpens.
II. Il-pubblikatur li jkun innotifika l-oppożizzjoni tiegħu fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-punt I ta’ dan l-artikolu huwa marbut jisfrutta, matul is-sentejn ta’ wara din in-notifika, il-ktieb li ma huwiex disponibbli inkwistjoni. Huwa għandu jipproduċi bi kwalunkwe mezz il-prova tal-isfruttament effettiv tal-ktieb lis-soċjetà awtorizzata b’applikazzjoni tal-Artikolu L. 134‑3. Fin-nuqqas ta’ sfruttament tal-ktieb fit-terminu stabbilit, in-nota ta’ oppożizzjoni għandha titħassar mid-database msemmija fl-Artikolu L. 134-2 u d-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tiegħu fil-forma diġitali jiġi eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3.
[…]
Artikolu L. 134‑5
Fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni nnotifikata mill-awtur jew mill-pubblikatur fl-iskadenza tat-terminu previst fil-punt I tal-Artikolu L. 134‑4, is-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet għandha tipproponi awtorizzazzjoni ta’ riproduzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli lill-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ dan il-ktieb fil-forma stampata.
[…]
L-awtorizzazzjoni ta’ sfruttament imsemmija fl-ewwel subparagrafu tingħata mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet b’mod esklużiv għal żmien ta’ għaxar snin li jista’ jiġġedded b’mod taċitu.
[…]
Fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-awtur li jipproduċi bi kwalunkwe mezz il-prova li dan il-pubblikatur ma għandux id-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ ktieb fil-forma stampata, il-pubblikatur li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu ta’ aċċettazzjoni jkun marbut jisfrutta, matul it-tliet snin ta’ wara din in-notifika, il-ktieb li ma huwiex disponibbli inkwistjoni. Huwa għandu jipproduċi lil din is-soċjetà, bi kwalunkwe mezz, il-prova tal-isfruttament effettiv tal-ktieb.
Jekk ma tiġix aċċettata l-proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu jew fin-nuqqas ta’ sfruttament tax-xogħol fit-terminu previst fil-ħames subparagrafu ta’ dan l-artikolu, ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali huma awtorizzati mis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L.134‑3.
[…]
Artikolu L. 134‑6
L-awtur u l-pubblikatur li għandhom id-dritt ta’ riproduzzjoni fil-forma stampata ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt fi kwalunkwe ħin lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3 bid-deċiżjoni tagħhom li jirtirawlha id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-imsemmi ktieb fil-forma diġitali.
L-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jirtira lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-istess Artikolu L. 134‑3 id-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali jekk huwa jipproduċi l-prova li huwa l-uniku detentur tad-drittijiet iddefiniti fl-imsemmi Artikolu L. 134‑3. Huwa għandu jinnotifikaha b’din id-deċiżjoni.
[…]
Il-pubblikatur li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu huwa marbut jisfrutta l-ktieb ikkonċernat matul it-tmintax‑il xahar ta’ wara din in-notifika. Huwa għandu jipproduċi lis-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet, bi kwalunkwe mezz, il-prova tal-isfruttament effettiv tal-ktieb.
Is-soċjetà għandha tinforma lill-utenti kollha li tkun tathom awtorizzazzjoni għall-isfruttament tal-ktieb ikkonċernat bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel żewġ subparagrafi ta’ dan l-artikolu. L-aventi kawża ma jistgħux jopponu għat-tkomplija tal-isfruttament tal-imsemmi ktieb mibdi qabel in-notifika matul iż-żmien li jkun għad fadal tal-awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt I tal-Artikolu L. 134‑3 jew fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 134‑5, sa massimu ta’ ħames snin u b’mod mhux esklużiv.
Artikolu L. 134‑7
Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ aċċess għad-database prevista fl-Artikolu L. 134‑2, in-natura kif ukoll il-format tad-data miġbura u l-iktar miżuri ta’ reklamar xierqa sabiex tiġi ggarantita l-aħjar informazzjoni possibbli lill-aventi kawża, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu L. 134‑3, huma ppreċiżati b’digriet mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat).
Artikolu L. 134‑9
B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel tliet subparagrafi tal-Artikolu L. 321‑9, is-soċjetajiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu L. 134‑3 għandhom jużaw għal skopijiet ta’ għajnuna għall-ħolqien, għal skopijiet ta’ taħriġ tal-awturi tal-kitba u għal skopijiet ta’ promozzjoni tal-qari pubbliku implementati mil-libreriji, is-somom miġbura matul l-isfruttament tal-kotba li ma humiex disponibbli u li ma setgħux jitqassmu minħabba li d-destinatarji tagħhom ma setgħux jiġu identifikati jew misjuba qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu L. 321‑1.
[…]”
11. Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali kienu ġew ippreċiżati mid-digriet kontenzjuż.
III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors, irreġistrat fit‑2 ta’ Mejju 2013, lis-segretarjat tal-kontenżjuz tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat), bil-għan li jiġi annullat id-digriet kontenzjuż minħabba eċċess ta’ poter. Dawn isostnu b’mod partikolari li l-liġi dwar il-kotba li ma humiex disponibbli li dan id-digriet japplika hija inkompatibbli mal-limitazzjonijiet u mal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ awtorizzazzjoni tar-riproduzzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur li huma stabbiliti b’mod eżawrjenti mid-Direttiva 2001/29/KE.
13. Is-Syndicat des écrivains de langue française (sindakat tal-kittieba tal-lingwa Franċiża) (SELF), l-assoċjazzjoni Autour des auteurs u 35 persuna fiżika sussegwentement intervenew fil-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
14. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu li r-rikors jiġi miċħud billi sostnew b’mod partikolari li d-digriet kontenzjuż ma kienx jikser l-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, peress li dan ma kienx joħloq eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tax-xogħol fis-sens ta’ din id-direttiva.
15. Is-Société française des intérêts des auteurs de l’écrit (soċjetà Franċiża għall-interessi tal-awturi tal-kitba, iktar ’il quddiem is-“SOFIA”) sussegwentement interveniet fil-proċeduri fejn talbet hija wkoll li r-rikors jiġi miċħud. Permezz ta’ digriet tal-ministru tal-kultura u tal-komunikazzjoni tal‑21 ta’ Marzu 2013 (JORF Nru 76, tat-30 ta’ Marzu 2013, p. 5420), din is-soċjetà kienet ġiet awtorizzata teżerċita d-drittijiet diġitali li jirrigwardaw l-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” tas-seklu XX.
16. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2013, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-kunsill kostituzzjonali (Conseil constitutionnel, Franza) kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità relatata mad-digriet kontenzjuż. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2014, dan tal-aħħar qies l-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali konformi mal-kostituzzjoni, minħabba li, minn naħa, is-sistema ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni diġitali tal-kotba li ma humiex disponibbli li huma jistabbilixxu ma twassalx għal ċaħda ta’ proprjetà, u, min-naħa l-oħra, il-qafas tal-kundizzjonijiet li fihom l-awturi jgawdu minn dawn id-drittijiet ma kienx jikkawżalhom dannu sproporzjonat fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali segwit mil-leġiżlatur.
17. Skont il-Conseil d’État (kunsill tal-istat), sabiex tiġi żgurata l-valorizzazzjoni ta’ patrimonju miktub li sar inaċċessibbli minħabba nuqqas ta’ tixrid kummerċjali fost il-pubbliku, id-digriet kontenzjuż stabbilixxa sistema maħsuba sabiex tiffavorixxi l-isfruttament diġitali ta’ xogħlijiet riprodotti f’kotba ppubblikati fi Franza qabel l-1 ta’ Jannar 2001, li ma humiex iktar is-suġġett ta’ tixrid kummerċjali minn pubblikatur u li ma humiex ippubblikati fil-forma stampata jew diġitali. Huwa jinnota, li f’dan il-każ, id-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni jew ir-rappreżentazzjoni ta’ dawn il-kotba fil-forma diġitali huwa eżerċitat, wara terminu ta’ sitt xhur mir-reġistrazzjoni tagħhom f’database aċċessibbli għall-pubbliku li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-librerija nazzjonali ta’ Franza, minn soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati għal dan l-għan mill-ministru responsabbli għall-kultura.
18. Il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jirrileva li l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jew il-pubblikatur li għandu d-dritt ta’ riproduzzjoni f’forma stampata fuq dan il-ktieb jista’ jopponi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara r-reġistrazzjoni tal-ktieb fid-database. Barra minn hekk, skont il-Conseil d’État (kunsill tal-istat), anki wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli jista’ jopponi fi kwalunkwe ħin għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ rappreżentazzjoni jekk iqis li r-riproduzzjoni jew r-rappreżentazzjoni tal-ktieb tista’ tkun ta’ ħsara għall-unur jew għar-reputazzjoni tiegħu. Il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iżid jgħid li l-awtur ta’ ktieb li ma huwiex disponibbli barra minn hekk jista’ jiddeċiedi, fi kwalunkwe ħin, li jirtira d-dritt, tas-soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata, li tawtorizza r-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-ktieb fil-forma diġitali, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 134‑6 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali.
19. Wara li ċaħdet il-motivi kollha tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbażati fuq bażijiet legali oħra minbarra l-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29, il-qorti tar-rinviju qieset li r-risposta għall-motiv tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet kienet tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 jipprekludux li leġiżlazzjoni, bħal dik stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, tafda lil soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati l-eżerċizzju tad-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ “kotba li ma humiex disponibbli”, filwaqt li tippermetti lill-awturi jew lill-aventi kawża ta’ dawn il-kotba jopponu jew itemmu tali eżerċizzju, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.
20. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“[L-Artikoli 2 u 5] tad-Direttiva 2001/29[…] jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik li ġiet [stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali], li tagħti lis-soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati d-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ “kotba li ma humiex disponibbli”, filwaqt li jippermettu lill-awturi ta’ dawk il-kotba, jew lill-aventi kawża tagħhom, jopponu jew itemmu din il-prattika, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnha?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domanda preliminari minn M. Soulier u minn S. Doke, mis-SOFIA, mill-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż, Taljan u Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Is-SOFIA, il-Gvernijiet Franċiż, Ċek u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni għamlu osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fil-11 ta’ Mejju 2016.
22. M. Soulier u S. Doke, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu li d-domanda preliminari għandha tingħata risposta fl-affermattiv, filwaqt li s-SOFIA u l-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż u Pollakk huma tal-fehma li għandha tingħata risposta fin-negattiv. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Taljan jissuġġerixxi li tingħata risposta fin-negattiv bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-Gvern Taljan jipproponi li l-qorti tar-rinviju tiġi mistiedna tivverifika konkretament li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tippreġudikax b’mod sproporzjonat id-drittijiet tal-awturi, billi teżamina b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni minn qabel tagħhom, dwar il-possibbiltajiet tagħhom ta’ oppożizzjoni u ta’ rtirar, kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ remunerazzjoni tagħhom.
V – Analiżi
A – Il-portata tat-talba għal deċiżjoni preliminari
23. Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tafda lil soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati l-eżerċizzju tad-dritt li jawtorizzaw (4), bi ħlas ta’ remunerazzjoni (5), ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni (6) fil-forma diġitali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” hijiex kompatibbli mal-Artikolu 2(a) (7), tad-Direttiva 2001/29 li jistabbilixxi dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni għall-benefiċċju tal-awturi, u mal-Artikolu 5 tagħha li jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal dan id-dritt (8).
24. Minkejja li l-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 2 u 5 biss tad-Direttiva 2001/29, jiena inqis, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħall-Gvern Ġermaniż u bħall-Kummissjoni, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li tawtorizza, f’ċerti ċirkustanzi, l-isfruttament diġitali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” minn soċjetà kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzata – għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 (9), iżda wkoll fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tagħha, li jipprevedi d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom lill-pubbliku.
25. Fil-fatt, l-isfruttament ta’ verżjoni diġitali ta’ ktieb b’tali mod li l-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għaliha jimplika t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, u fil-fehma tiegħi jikkostitwixxi komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (10).
26. Minn dan jirriżulta li, fis-sens tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-isfruttament diġitali tal-kotba protetti mid-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxi “riproduzzjoni” u “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħol, li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni individwali u separata tal-awtur (11), sakemm dawn l-atti ma jaqgħux taħt eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (12).
B – L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29
27. Qabel ma niddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, neskludi qabelxejn ir-rilevanza, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi stabbiliti mill-Artikoli 2 u 4 li dan jistabbilixxi.
28. Fil-fatt, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinsabx (13) fost l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet elenkati b’mod iddettaljat u eżawrjenti (14) fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 (15).
29. Barra minn hekk, din is-sistema ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet hija strettament ristretta fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jipprevedi li dawn “għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor [materjal protett] u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet” (16). Konsegwentement, sabiex wieħed ikun jista’ jinvoka eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jeħtieġ ukoll li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva (17).
30. Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-osservazzjonijiet tas-SOFIA, la l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, wisq inqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jwessgħu l-portata ta’ tali eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet (18).
31. Tali inizjattiva taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-leġiżlatur Ewropew. Jiena nqis, bħall-Kummissjoni, li, jekk l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jistabbilixxu derogi oħra għad-drittijiet tal-awtur għajr dawk previsti fil-livell Ewropew, iċ-ċertezza legali marbuta mad-drittijiet tal-awtur tkun kompromessa.
C – Il-portata tad-drittijiet esklużivi ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni tar-riproduzzjoni tax-xogħlijiet u tal-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku, mogħtija mill-Artikoli 2(a) u 3(1) tad-Direttiva 2001/29
32. Peress li hawnhekk ma hija prevedibbli l-ebda limitazzjoni jew eċċezzjoni li jirreferi għalihom l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, għad trid tiġi eżaminata l-portata tad-drittijiet esklużivi mogħtija mill-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva sabiex din titqabbel mal-leġiżlazzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
1. Osservazzjonijiet preliminari
33. Mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, bħal dawk tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Memrbi sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-iskop tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (19).
34. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (20). F’dan il-każ, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/29 huwa li jiġi stabbilit livell għoli (21) ta’ protezzjoni, fost l-oħrajn favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ riproduzzjoni jew ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (22).
35. Skont l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-awturi jgawdu drittijiet esklużivi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom jew il-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku (23).
36. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet esklużivi inkwistjoni kienu ta’ natura preventiva li tippermetti lill-awtur jindaħal bejn utenti potenzjali tax-xogħol tiegħu u r-riproduzzjoni (jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku) (24) li dawn l-utenti jistgħu jippjanaw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir.
37. Konsegwentement, skont l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-awtur igawdi dritt esklużiv li jiddeċiedi jekk, u, jekk ikun il-każ, meta u kif huwa jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku.
2. Id-drittijiet esklużivi tal-awtur u leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali
a) Il-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtur
38. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jeżiġu l-kunsens (25)espliċitu u minn qabel tal-awtur għal kull riproduzzjoni jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu, inkluż fil-forma diġitali. Dan il-kunsens (26) jikkostitwixxi prerogattiva essenzjali tal-awturi.
39. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Ewropea derogatorja (27), il-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtur għar-riproduzzjoni jew għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu ma jistax jitneħħa, jiġi preżunt jew jiġi limitat billi jiġi ssostitwit b’kunsens taċitu (28) jew bi preżunzjoni ta’ trasferiment li l-awtur ikollu jopponi għalihom f’terminu stabbilit u f’kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-digriet kontenzjuż, li tissostitwixxi l-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtur b’kunsens taċitu jew bi preżunzjoni ta’ kunsens, iċċaħħad lill-awtur minn komponent essenzjali tad-dritt tiegħu ta’ proprjetà intellettwali.
b) Il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni u ta’ rtirar kif ukoll id-dritt għal remunerazzjoni jimmodifikaw il-portata tad-drittijiet esklużivi inkwistjoni?
40. Il-fatt li l-awtur, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu possibbiltajiet taħt ċerti kundizzjonijiet li jopponi (29) għall-eżerċizzju mis-SOFIA tad-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol tiegħu fil-forma diġitali (30) jew li jirtira (31) lis-SOFIA d-dritt li tawtorizza r-riproduzzjoni ta’ ktieb jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku fil-forma diġitali ma jbiddel xejn fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni (32).
41. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtur jirċievi remunerazzjoni jew kumpens b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (33) għar-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jew għall-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku ma jbiddel xejn mill-fatt li d-drittijiet esklużivi tiegħu nkisru.
42. Fil-fatt, id-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jinkludu d-dritt li tinkiseb remunerazzjoni xierqa għall-użu ta’ xogħlijiet iżda ma humiex limitati għal dan l-uniku dritt. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kellha ssir distinzjoni bejn id-drittijiet tal-awtur previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u, pereżempju, id-dritt ta’ natura kumpensatorja (34) tal-artisti u tal-produtturi ta’ fonogrammi li huwa previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.
c) In-nuqqas ta’ tixrid kummerċjali tax-xogħol fost il-pubbliku għandu influwenza fuq il-kontenut tad-drittijiet esklużivi inkwistjoni?
43. Il-fatt li l-awtur ma jisfruttax bis-sħiħ ix-xogħol tiegħu, pereżempju minħabba nuqqas ta’ tixrid kummerċjali fost il-pubbliku (35), ma jbiddilx id-drittijiet esklużivi tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku.
44. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan iqis li, “fil-konfigurazzjoni klassika tad-dritt tal-proprjetà li ġie żviluppat mill-proprjetà tal-artijiet, dejjem ġie aċċettat li l-liġi [setgħet] tipprevedi – minbarra limitazzjonijiet speċifiċi għal dan id-dritt, li jimponu lill-proprjetarju, minħabba l-interess ġenerali superjuri, jaċċetta [ċerti] atti ta’ terz li jkollhom effett fuq il-possibbiltà tiegħu li jgawdi l-beni tiegħu – każijiet li fihom id-dritt fuq il-beni jispiċċa minħabba n-nuqqas ta’ użu, peress li terzi jagħmlu użu produttiv u b’hekk soċjalment utli minnu. Fil-fatt, minkejja li l-proprjetarju kellu wkoll, fost possibbiltajiet oħra, dik li ma jużax il-beni tiegħu, b’tali mod li d-dritt ta’ proprjetà ma huwiex suġġett għal preskrizzjoni, l-interess li jingħata privileġġ – fil-konfront tal-proprjetarju li jitlef l-interess fil-beni tiegħu u jeskludih għalhekk miċ-ċirku tal-produzzjoni – lill-terz li, minkejja li mingħajr titolu, jagħmel użu effettiv mill-beni u jitħalla jiżviluppa l-potenzjal ekonomiku tiegħu, dejjem ġie rrikonoxxut”.
45. Fuq il-bażi tat-testi applikabbli hawnhekk, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ f’dan il-każ.
46. Fil-fatt, ma hija prevista l-ebda sanzjoni jew konsegwenza mid-Direttiva 2001/29 fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżerċizzju jew ta’ eżerċizzju limitat mill-awtur tad-drittijiet esklużivi tiegħu previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, id-drittijiet esklużivi inkwistjoni jibqgħu intatti (36) minkejja li dawn ma humiex “użati” mid-detentur tagħhom.
47. Barra minn hekk, id-Direttiva 2012/28 tikkonferma din l-interpretazzjoni.
48. Din id-direttiva tikkonċerna ċerti użi ta’ xogħlijiet imsejħa “orfni”, jiġifieri xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li d-detentur tagħhom ma setax jiġi identifikat jew inkella, wara li kien ġie identifikat, ma setax jinstab. Din kienet ġiet adottata minħabba li “[f]il-każ ta’ xogħlijiet orfni, m’huwiex possibbli li jinkiseb tali kunsens bil-quddiem biex isiru atti ta’ riproduzzjoni jew tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” (37).
49. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/28 jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni u għad-dritt ta’ tqegħid għad-dipożizzjoni tal-pubbliku previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 rispettivament sabiex jiżguraw li jkun permess għall-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) (38) tad-Direttiva 2001/29 li jirriproduċu xogħlijiet orfni (39) li jkunu jinsabu fil-kollezzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ diġitalizzazzjoni, u sabiex jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.
50. L-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għall-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/28 għalhekk hija limitata ħafna.
51. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/28 jipprevedi li “[l]-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jagħmlu użu minn xogħol orfni b’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss sabiex jilħqu għanijiet relatati mal-missjonijiiet tagħhom ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-konservazzjoni, r-restawr ta’, u l-għoti ta’ aċċess kulturali u edukattiv għal, xogħlijiet u fonogrammi miżmuma fil-kollezzjoni tagħhom. L-organizzazzjonijiet jistgħu jkollhom introjtu waqt dawn l-użi, għall-fini esklussiva li jkopru l-ispejjeż tagħhom sabiex jiddiġitizzaw xogħlijiet orfni u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku” (40).
52. Inqis li jkun paradossali li jiġu imposti rekwiżiti ferm iktar stretti, b’applikazzjoni tad-Direttiva 2012/28, għar-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol orfni minn dawk imposti għall-istess atti ta’ sfruttament relatati mal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli” b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (41).
53. Fil-fatt, b’mod kuntrarju għad-Direttiva 2012/28, li teżiġi tfittxija diliġenti u mmexxija b’bona fide tat-titulari ta’ drittijiet qabel jiġi sfruttat ix-xogħol, ma huwa impost l-ebda approċċ individwali għall-awtur mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. F’konformità mal-Artikolu L. 134‑3 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, meta ktieb jiġi rreġistrat fid-database msemmija fl-Artikolu L. 134‑2, l-awtur għandu terminu ta’ sitt xhur sabiex jopponi għall-eżerċizzju min-naħa tas-SOFIA tad-dritt li tiġi awtorizzata r-riproduzzjoni fil-forma diġitali tax-xogħol tiegħu jew il-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku f’din il-forma. Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2012/28 jeskludi b’mod ċar kull sfruttament għal finijiet kummerċjali tax-xogħol orfni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-isfruttament kummerċjali tal-hekk imsejħa kotba “li ma humiex disponibbli”.
d) Fuq il-modalitajiet ta’ ġestjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni
54. Is-SOFIA (42) u l-Gvernijiet Franċiż (43) Ġermaniż u Pollakk iqisu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tolqotx il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tikkostitwixxi biss modalità ta’ ġestjoni ta’ ċerti drittijiet, peress li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludux li l-Istati Membri jiddefinixxu modalitajiet ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur.
55. Tali fehim tad-drittijiet tal-awtur jidhirli li jmur kontra l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (44). Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet, billi jipprevedu d-dritt esklużiv tal-awtur li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tiegħu, jipprevedu wkoll il-mod kif dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati mill-awtur.
56. Għalkemm huwa veru li d-Direttiva 2001/29 ma tarmonizzax u ma tippreġudikax il-modalitajiet fil-qasam tal-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur li jeżistu fl-Istati Membri (45), il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi ppreveda li l-awtur igawdi, bħala prinċipju, minn drittijiet esklużivi li jawtorizza jew li jipprojbixxi r-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu u l-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku, eżerċita l-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.
57. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri ma jistgħux iktar jadottaw modalitajiet ta’ ġestjoni li jqegħdu f’diskussjoni l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (46) u dan anki sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali (47). Fil-fatt, qabel ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġestjoni tad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, id-detentur ta’ dawn id-drittijiet esklużivi għandu jkun awtorizza lil korp ta’ ġestjoni jiġġestixxi d-drittijiet tiegħu.
58. Għal finijiet ta’ kompletezza, inqis li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkonfermati bid-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Frar 2014, dwar l-immaniġġjar [ġestjoni] kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (48) li tiddefinixxi “r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar [ġestjoni] tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv” (49) minkejja li din ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
59. L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/26 jipprevedi li “[d]-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar [ġestjoni] kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja [tiġġestixxi] d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, għat-territorji tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbilment kemm tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kemm tad-detentur tad-drittijiet” (50). Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex konformi ma’ dan l-artikolu.
60. Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2014/26 jirriżulta b’mod ċar li d-detentur ta’ drittijiet tal-awtur għandu “jagħti kunsens speċifikament għal kull dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li hu jawtorizza lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar [ġestjoni] kollettiv timmaniġġja [tiġġestixxi]”. Dan l-artikolu jżid li “tali kunsens għandu jiġi evidenzjat f’forma dokumentata”.
61. Il-kunsens jibqa’ għalhekk il-pedament tal-eżerċizzju, minn awtur, tad-drittijiet esklużivi tiegħu.
e) L-influwenza tal-Memorandum ta’ qbil dwar il-prinċipji ewlenin tad-diġitalizzazzjoni u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet li ma humiex fil-kummerċ, iffirmat fl-20 ta’ Settembru 2011 (51)
62. Is-SOFIA u l-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż u Pollakk jindikaw, fl-aħħar nett, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kuntest ta’ xogħlijiet immexxija fil-livell tal-Unjoni, li r-riżultati tagħhom kienu ngħataw f’memorandum ta’ qbil dwar il-prinċipji ewlenin tad-diġitalizzazzjoni u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet li ma humiex fil-kummerċ, iffirmat minn assoċjazzjonijiet ta’ libreriji, ġurnalisti, pubblikaturi, awturi u artisti fl‑20 ta’ Settembru 2011, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni (52), minn rappreżentanti ta’ libreriji Ewropej, awturi, pubblikaturi u soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva (iktar ’il quddiem il-“memorandum”). Il-memorandum, li d-Direttiva 2012/28 tirreferi għalih esspressament (53), jipprevedi l-possibbiltà ta’ diġitalizzazzjoni bil-kwantità ta’ kotba li ma humiex disponibbli fil-kummerċ, sabiex jagħmilhom aċċessibbli għall-pubbliku. Dan jippermetti wkoll li l-kunsens tal-awturi għall-ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet ta’ sfruttament korrispondenti jista’ jiġi preżunt, bil-kundizzjoni, minn naħa, li jkunu saru l-isforzi kollha sabiex dawn jiġu informati u, min-naħa l-oħra, li l-interessi tagħhom ikunu protetti permezz ta’ sistemi ta’ nuqqas ta’ adeżjoni jew ta’ rtirar.
63. Il-premessa 4 tad-Direttiva 2012/28 tipprevedi li “[d]in id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal soluzzjonijiet speċifiċi li qed jiġu żviluppati fl-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet akbar tad-diġitizzazzjoni massiva, bħal fil-każ tal-hekk imsejħa ‘xogħlijiet li mhumiex fil-kummerċ’. Dawn is-soluzzjonijiet iqisu l-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta’ kontenut u utenti differenti u jibnu fuq il-kunsens tal-persuni interessati rilevanti. Dan l-approċċ ġie segwit ukoll fil-[memorandum]. […] Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal dak il-[memorandum], li jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li ftehimiet volontarji konklużi bejn utenti, detenturi tad-drittijiet u organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi dwar liċenzji għall-użu ta’ xogħlijiet li mhumiex fil-kummerċ abbażi tal-prinċipji li jinsabu fih igawdu miċ-ċertezza legali meħtieġa fil-kuntest nazzjonali u f’dak transkonfinali” (54).
64. Fil-fehma tiegħi, dan il-memorandum ma huwiex ta’ natura legalment vinkolanti li jista’ jillimita l-portata tad-drittijiet esklużivi previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u jinkludi biss stedina lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-ftehimiet volontarji (55) konklużi bejn l-utenti, id-detenturi ta’ drittijiet u s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva ta’ drittijiet. Issa, ma hemm riferiment għal “ftehimiet volontarji” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.
VI – Konklużjoni
65. Mingħajr ma ninnega l-għan leġittimu li jikkonsisti mill-qawmien mill-ġdid ta’ kotba minsija, jekk hemm bżonn bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, tal-kliem ċar tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(1) tagħha, tan-nuqqas ta’ deroga mill-prinċipju ta’ kunsens espliċitu u minn qabel, kif ukoll tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet oħra differenti tad-dritt tal-Unjoni, li tirrisppondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza) bil-mod li ġej:
L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jipprekludu li leġiżlazzjoni, bħal dik li ġiet stabbilita mill-Artikoli L. 134‑1 sa L. 134‑9 tal-kodiċi tal-proprjetà intellettwali, tafda lil soċjetajiet kollettriċi ta’ drittijiet awtorizzati l-eżerċizzju tad-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u r-rappreżentazzjoni fil-forma diġitali ta’ “kotba li ma humiex disponibbli”, anki jekk din tippermetti lill-awturi ta’ dawk il-kotba, jew lill-aventi kawża tagħhom, jopponu jew itemmu dan l-eżerċizzju, taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti minnha.