Language of document : ECLI:EU:F:2008:105

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2008

Kawża F-103/07

Radu Duta

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Référendaire – Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Att li jikkawża preġudizzju – Rabta ta’ fiduċja”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Duta jitlob l-annullament tal-memorandum tal‑24 ta’ Jannar 2007 li informah li ma kienx ser jiġi propost il‑pożizzjoni ta’ référendaire u, sa fejn huwa neċessarju, tad‑deċiżjoni tal-Kumitat tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l‑ilmenti, tal-4 ta’ Ġunju 2007, li tiċħad l-ilment tiegħu, kif ukoll, sa fejn huwa neċessarju, ir-rinviju tal-applikazzjoni tiegħu lill‑awtorità kompetenti għall-eżami mill-ġdid u l-kundanna tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 1 100 000 bħala danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(ċ))

Huma biss l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u individwalment l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, billi jibdlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atti li jikkawżawlhom preġudizzju. F’dan is-sens, kull proċedura formali ta’ ħatra jew ta’ reklutaġġ f’pożizzjoni li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal jew taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tagħti lok għall-adozzjoni ta’ att li jibdel, b’mod serju, is-sitwazzjoni ġuridika ta’ persuna li tkun applikat wara l-ftuħ tal-imsemmija proċedura, kemm jekk dan l-att ikun id-deċiżjoni ta’ ħatra jew ta’ reklutaġġ adottata fir-rigward tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-Awtorità kompetenti sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju, u kemm jekk dan l-att ikun id-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu adottata minn waħda minn dawn l-awtoritajiet jew minn wieħed mill-korpi previsti mill-proċedura ta’ reklutaġġ.

Madankollu, fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ référendaires fi ħdan il-qrati Komunitarji, fin-nuqqas ta’ ftuħ formali ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, ma jeżistux applikazzjonijiet oħra barra dik ippreżentata mill-Membru kkonċernat tal-Qorti tal‑Ġustizzja. Applikazzjoni spontanja għal tali pożizzjoni tippreżerva b’mod obbligatorju natura mhux formali, mingħajr ma tista’ tagħti lok għal deċiżjoni ġuridika ta’ ċaħda. Għaldaqstant, iċ-ċaħda ta’ tali applikazzjoni ma hijiex att li jikkawża preġudizzju. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, ir-reklutaġġ ta’ référendaire ma jagħtix lok għall-ftuħ ta’ proċedura uffiċjali ta’ reklutaġġ, iżda jitwettaq esklużivament permezz tal-proposta ta’ isem wieħed mill-Membru tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonċernat u permezz tal‑aċċettazzjoni jew taċ-ċaħda ta’ dan l-isem mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ma hemm ebda test ġuridiku li jistabbilixxi din is-setgħa ta’ proposta, u l-Membru kkonċernat jagħżel b’mod liberu l-persuna li jixtieq jipproponi, skont il-metodu li huwa jikkunsidra adattat. In-nuqqas ta’ organizzazzjoni sistematika ta’ proċedura uffiċjali ta’ reklutaġġ għal din il-kategorija ta’ persunal temporanju, fi ħdan il‑qrati Komunitarji, tirriżulta mir-rabta ta’ fiduċja bejn il-persuni kkonċernati u l-Membri tal-imsemmija qrati li lilhom ikunu assenjati. Fil-fatt, ir-reklutaġġ ta’ référendaires jitwettaq intuitu personae, u l-persuni kkonċernati jintgħażlu kemm għall-kwalitajiet professjonali u morali tagħhom kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-metodi ta’ xogħol partikolari tal-Membru kkonċernat u għal dawk tal-uffiċċju kollu tiegħu.

(ara l-punti 25, 26 u 29 sa 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Diċembru 1992, Moat vs Il‑Kummissjoni, C‑32/92 P, Ġabra p. I‑6379, punt 9; 10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Alvarez Moreno, C‑373/04 P, ĠabraSP p. I‑B‑2‑1, II‑B‑2‑1, punt 42; 11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, Ġabra p. I‑6387, punt 130; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punti 31 sa 33