Language of document : ECLI:EU:C:2016:847

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Novembru 2016 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Protezzjoni tan-natura – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) u (3), u Artikolu 12(1)(b) u (d) – Fawna u flora selvaġġa – Protezzjoni tal-ħabitats naturali – Fekruna tal-baħar Caretta caretta – Protezzjoni tal-fkieren tal-baħar fil-bajja ta’ Kyparissia – Sit ta’ importanza Komunitarja “Djuni ta’ Kyparissia” – Ħarsien tal-ispeċi”

Fil-Kawża C-504/14,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia u C. Hermes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi naqset milli tadotta l-miżuri indikati fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 368), sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ħabitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni;

–        billi awtorizzat, mingħajr ma wettqet ebda evalwazzjoni tal-effetti kif indikat fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, interventi li jistgħu, b’mod iżolat jew flimkien ma’ proġetti oħra, jaffettwaw b’mod sinjifikattiv ż-żona kkonċernata, billi jiddegradaw jew jeqirdu ż-żona ta’ fejn tbejjet l-ispeċi ta’ prijorità Caretta caretta, li tinsab f’dan ir-reġjun, u b’hekk ifixklu lill-ispeċi kkonċernata u, finalment, jiddegradaw u jwettqu ħsara għall-ħabitats tad-djuni tar-ramel 2110, 2220 kif ukoll għall-ħabitat naturali ta’ prijorità 2250, u

–        billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa, skont l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43, sabiex tistabbilixxi u timplementa sistema effettiva ta’ ħarsien strett għall-fkieren tal-baħar tal-ispeċi Caretta caretta (speċi ta’ prijorità) fil-golf ta’ Kyparissia (il-Greċja) b’mod li jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-ispeċi kkonċernata matul il-perijodu ta’ tgħammir u kwalunkwe attività li tista’ tikkawża deterjorament jew qerda tas-siti ta’ tgħammir tagħha,

ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawk id‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/43.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/43 jipprovdi li:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.      Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità

3.      Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

3        Id-Direttiva 92/43 telenka, fl-Anness I tagħha, intitolat “Tipi ta’ habitat naturali ta’ interess għall-komunita li biex ikunu kkonservati jeħtieġ li jkunu nnominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, diversi tipi ta’ ħabitat tad-djunu. B’mod partikolari, il-punt 22 ta’ dan l-anness, bit-titolu “Għoljiet fil-baħar fil-kosta tal-Mediterran”, isemmi, fil-punt 2220, l-“Għoljiet bl-Euphorbia terracina” u, fil-punt 2250, l-“Għoljiet b’tagħqida ta’ siġar li jibqgħu dejjem ħodor (Juniperus spp.)”.

4        Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/43, “[i]l-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.” Il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2), dan ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 92/43.

5        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE, tad-19 ta’ Lulju 2006, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Meditteranju (ĠU 2006, L 259, p. 1), inkludiet id-djuni ta’ Kyparissia [Thines Kyparissias (Neochori-Kyparissia)] fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem “SIK”) li tinsab fl-Anness 1 tagħha, taħt il-Kodiċi SIK GR 25 50005, bl-indikazzjoni “C”, f’dan ir-rigward, li tindika l-preżenza fuq is-sit inkwistjoni ta’ mill-inqas tip ta’ ħabitat naturali u/jew ta’ speċi prijoritarja fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/43.

6        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 jipprovdi li:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikattiv meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikattiv fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

7        L-Anness II tad-Direttiva 92/43, intitolat “Speċi ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess għall-komunita li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jkunu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, isemmi, abbażi ta’ tali speċi tal-annimali, lill-fekruna tal-baħar Caretta caretta bħala speċi prijoritarja.

8        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)      l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)      tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)      qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)      deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

2.      Għal dawn l-ispeċi, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu ż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew skambju, u offerta għall-bejgħ jew skambju, ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva.

3.      Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) u fil-paragrafu 2 tgħodd għall-istadji kollha tal-ħajja ta’ l-annimali li għalihom japplika dan l-Artikolu.

4.      L-Istati Membri għandhom iwaqqfu sistema biex jissorveljaw il-qbid u l-qtil aċċidentali ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a). In vista ta’ l-informazzjoni miġbura, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ulterjuri ta’ riċerka jew ta’ konservazzjoni kif meħtieġa biex jiżguraw li l-qbid aċċidentali u l-qtil ma jkollhomx effett negattiv sinifikanti fuq l-ispeċi konċernati.”

9        L-Anness IV tad-Direttiva 92/43, li jelenka l-ispeċi annimali u veġetali li jippreżentaw interess Komunitarju u li jeħtieġu protezzjoni stretta, isemmi, fost dawn l-ispeċi annimali, lill-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

 Id-dritt Grieg

10      Permezz tal-Liġi 3937/2011, ir-Repubblika Ellenika ddikjarat iż-żona tad-“Djuni ta’ Kyparissia” bħala “żona speċjali ta’ protezzjoni”.

 Il-proċedura prekontenzjuża

11      Il-Kummissjoni, b’ittri tad-9 ta’ Awwissu u tad-19 ta’ Novembru 2010, talbet lir-Repubblika Ellenika biex tipprovdilha informazzjoni dwar il-metodi ta’ implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 92/43 fiż-żona Natura 2000 ikkonċernata, jiġifieri ż-żona tad-djuni ta’ Kyparissia, inkluża fil-lista tas-SIK bin-numru tal-kodiċi GR 25 50005 (iktar ’il quddiem iż-“żona ta’ Kyparissia”).

12      Fid-dawl tar-risposti pprovduti mir-Repubblika Ellenika fid-29 ta’ Settembru 2010 u fis-26 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(2) u (3) u l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

13      Konsegwentement, fit-28 ta’ Ottubru 2011, din l-istituzzjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika sabiex tippreżenta, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti.

14      Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Diċembru u tas-17 ta’ April 2012.

15      Wara li analizzat ir-risposta li tinsab f’dawn l-ittri u fid-dawl tar-riżultati taż-żjara magħmula mill-membri tal-persunal tagħha fiż-żona ta’ Kyparissia fis-17 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni ħarġet, fl-1 ta’ Ottubru 2012, opinjoni motivata li tordna lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu magħha qabel l-1 ta’ Diċembru 2012.

16      Ir-Repubblika Ellenika rrispondiet għal din l-opinjoni motivata b’ittra tas-27 ta’ Novembru 2012 li hija kienet ikkompletat, wara ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2013, b’ittri tat-13 ta’ Ġunju u tas-26 ta’ Novembru 2013 kif ukoll tat-28 ta’ Marzu, tat-23 ta’ Ġunju u tas-17 ta’ Settembru 2014.

17      Billi ma kinitx issodisfatta bir-risposta mogħtija mir-Repubblika Ellenika, fil-11 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq it-talba intiża għall-preżentata ta’ provi wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura

18      Wara li ntemmet il-proċedura bil-miktub fid-29 ta’ April 2015, il-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ġunju 2015, abbażi tal-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talbet sabiex tiġi aċċettata prova ġdida, jiġifieri r-Rapport Nru 32/2015 tas-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja) dwar l-abbozz tad-Digriet Presidenzjali fuq il-klassifikazzjoni ta’ park reġjonali fil-golf ta’ Kyparissia (iktar ’il quddiem id-“digriet presidenzjali”).

19      Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad din it-talba tal-Kummissjoni.

20      L-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdu li, il-partijiet, f’każijiet eċċezzjonali, jistgħu jippreżentaw provi jew jipproponu provi wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u li għandhom jimmotivaw id-dewmien għall-preżentata ta’ dawn il-provi.

21      Huwa stabbilit bejn il-partijiet li r-rapport inkwistjoni nħareġ fit-8 ta’ April 2015 u li r-Repubblika Ellenika semmietu fil-kontroreplika, li l-preżentata tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2015 għalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

22      Il-Kummissjoni, sabiex timmotiva d-dewmien fil-preżentata tar-rapport imsemmi, tosserva li hija kienet taf bl-eżistenza tiegħu biss wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub.

23      Ir-Repubblika Ellenika, li ma tikkontestax din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-offerta ta’ prova ta’ din tal-aħħar minħabba li r-Rapport 32/2015 tas-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja) jifforma parti mill-proċedura ta’ adozzjoni tad-Digriet Presidenzjali li għadha ma ngħalqitx u li dan ir-rapport ma fih ebda prova ġdida.

24      F’dak li jikkonċerna l-oġġezzjonijiet imqajma mir-Repubblika Ellenika, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rapport inkwistjoni huwa definittiv u li dan, indipendentement mill-fatt li jista’ jinħareġ rapport ulterjuri mis-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja) fuq proġett emendat tad-Digriet Presidenzjali, fil-prinċipju mhux se jkun suġġett għal bdil.

25      Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni li tgħid li r-rapport imsemmi ma fih ebda prova ġdida ma jpoġġix indiskussjoni l-ammissibbiltà tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-kontenut tal-provi għandu jiġi evalwat fil-kuntest tal-evalwazzjoni fil-mertu tal-kawża.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rapport 32/2015 tas-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja) huwa ammess bħala prova f’din il-kawża, sa fejn dan ir-rapport jikkonċerna s-sitwazzjoni fattwali u legali eżistenti mal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2012.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, minħabba n-nuqqas li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ħabitats tal-ispeċi kif ukoll il-perturbazzjonijiet li jolqtu lill-ispeċi Caretta caretta

27      Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li tinvoka diversi sitwazzjonijiet ta’ fatt, tallega ksur, mir-Repubblika Ellenika, tal-projbizzjoni ġenerali ta’ deterjorazzjoni u ta’ tfixkil stabbilita fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li attività tista’ biss titqies bħala konformi mad-dispożizzjoni msemmija jekk ikun żgurat li din ma toħloq ebda tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet tad-Direttiva 92/43, b’mod partikolari l-għanijiet imfittxija minnha fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ħabitats naturali, tal-fawna u tal-flora. Sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, il-Kummissjoni hija marbuta li tipprova b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri ta’ protezzjoni xierqa sabiex jevita li l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-proġetti, bil-kundizzjoni li dawn ikunu seħħew wara li s-sit inkwistjoni jkun ġie kklassifikat, jikkawżaw deterjorament tal-ħabitats tal-ispeċi kkonċernati kif ukoll tfixkil ta’ dawn l-ispeċi, li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fir-rigward tal-għan ta’ din id-direttiva li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C-141/14, EU:C:2016:8, punti 56 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kawża u effett bejn l-użu tal-installazzjonijiet li jirriżultaw minn proġett u perturbazzjoni sinjifikattiva kkawżata lill-ispeċi kkonċernati. Fil-fatt, huwa biżżejjed li din l-istituzzjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li dan l-użu jipprovoka tali perturbazzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C-141/14, EU:C:2016:8, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, il-prova, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ tali probabbiltà jew ta’ riskju ma teskludix li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jipprova li l-miżura inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 u li din kienet is-suġġett ta’ analiżi tal-effetti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C-399/14, EU:C:2016:10, punti 56 u 57).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti speċifiċi tal-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika awtorizzat jew ittollerat it-twettiq ta’ proġetti immobiljari fiż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

32      Il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ellenika:

–        għall-kostruzzjoni ta’ binjiet f’Agiannaki (il-Greċja) matul l-2006 u l-2010;

–        għall-permessi tal-bini ta’ tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki (il-Greċja) matul l-2012 u l-kostruzzjoni tagħhom matul l-2013;

–        għall-bidu ta’ xogħlijiet intiżi għat-twettiq ta’ proġett ta’ żvilupp immobiljari li jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ madwar ħamsin residenza li jinsabu bejn Agiannaki u Elaia (il-Greċja), u

–        għall-fatt li għandu jinħareġ permess għall-bini ta’ erba’ residenzi tal-vaganzi f’Elaia (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“infrastrutturi inkwistjoni”).

33      Il-Kummissjoni tqis li l-infrastrutturi inkwistjoni, peress li għandhom bħala konsegwenza tniġġis, vibrazzjonijiet, żieda fil-preżenza tal-bniedem kif ukoll inkonvenjenzi ta’ ħsejjes u dwal, jagħmlu ħsara lill-ħabitats tad-djuni li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u jfixklu lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta. Din iżżid li dawn il-kostruzzjonijiet qegħdin iseħħu viċin iż-żoni ta’ riproduzzjoni ta’ dawn il-fkieren.

34      Ir-Repubblika Ellenika tammetti li r-reġjun li tinsab fih iż-żona ta’ Kyparissia kien b’mod partikolari s-suġġett ta’ ċerta pressjoni immobiljari, iżda din osservat li l-attività fis-settur tal-kostruzzjoni kienet iktar intensa fil-passat u li, fil-prattika, minħabba l-kriżi ekonomika, dawn l-attivitajiet kollha waqfu f’din iż-żona. Dan l-Istat Membru jsostni li, fiha, hija pprojbita kull kostruzzjoni mingħajr permess tal-bini minn qabel u li ebda permessi ġodda ma huma ser jinħarġu sal-adozzjoni tad-Digriet Presidenzjali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Għandu jiġi kkonstatat li l-infrastrutturi inkwistjoni, b’mod iktar partikolari l-iżvilupp ta’ proġetti immobiljari u l-kostruzzjoni ta’ residenzi, kif ukoll l-użu ulterjuri tagħhom, imqiegħed indiskussjoni mill-Kummissjoni, huma tali li jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-ħabitats li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia. Bl-istess mod, il-kostruzzjoni u l-użu ta’ dawn l-infrastrutturi, b’mod partikolari minħabba l-ħoss, id-dawl u l-preżenza tal-bniedem li jġibu magħhom, jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv l-fekruna tal-baħar Caretta caretta fil-mument tar-riproduzzjoni tagħha.

36      Madankollu, minn naħa, sit ikun suġġett għall-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 92/43, skont l-Artikolu 4(5) tagħha, biss meta dan is-sit ikun irreġistrat fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha. Issa, id-djuni ta’ Kyparissia ġew irreġistrati fil-lista tas-SIK fid-19 ta’ Lulju 2006 bid-Deċiżjoni 2006/613.

37      Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ ksur għandha, ħlief fil-każ fejn il-Kummissjoni, meta tnaqqas il-portata tar-rikors tagħha, taċċetta dati ulterjuri, tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet teżisti fl-aħħar tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u l-bdil li seħħ sussegwentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, it-terminu ffissat għar-Repubblika Ellenika sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni skada fl-1 ta’ Diċembru 2012.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-perijodu rilevanti li fih jista’ jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jestendi biss mid-19 ta’ Lulju 2006 sal-1 ta’ Diċembru 2012.

39      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-ilment relattiv għall-kostruzzjoni ta’ bini f’Agiannaki matul l-2006, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tipprovax li dawn ix-xogħlijiet ġew awtorizzati u mwettqa matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri wara d-19 ta’ Lulju 2006, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit li dawn jikkostitwixxu ksur imputabbli lir-Repubblika Ellenika.

40      B’hekk, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi kkonstatat biss minħabba l-kostruzzjonijiet imwettqa matul l-2010.

41      Madankollu, fir-rigward tal-bini mibni qabel il-perijodu rilevanti, jiġifieri qabel id-19 ta’ Lulju 2006, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, minħabba l-fatt li r-Repubblika Ellenika ma spjegatx b’mod suffiċjenti l-użu ta’ dan il-bini (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/09, EU:C:2011:768, punti 124, 125 u 128). Għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jista’, jekk ikun il-każ, jiġġustifika dan l-użu, b’analoġija mal-proċedura ta’ deroga stabbilita fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, tali ġustifikazzjoni, li b’mod partikolari tipprevedi eżami tal-eżistenza ta’ soluzzjonijiet oħra inqas dannużi kif ukoll ibbilanċjar tal-interessi kkonċernati, ibbażati fuq evalwazzjoni, skont il-paragrafu 3 tal-artikolu msemmi, tal-impatti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma ġietx invokata mir-Repubblika Ellenika.

42      It-tieni nett, fir-rigward tal-permess tal-bini ta’ tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki matul l-2012 u l-kostruzzjoni tagħhom fl-2013, għalkemm huwa biss il-permess tal-bini ta’ dawn ir-residenzi li jidħol fil-perijodu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ksur allegat, dan jista’ jippreġudika sensibbilment il-ħabitats tad-djuni li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u li jfixkel b’mod sinjifikattiv lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta. Għalhekk, dan il-permess jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43

43      It-tielet nett, fir-rigward tal-bidu tax-xogħlijiet li jwasslu għall-kostruzzjoni ta’ madwar ħamsin residenza li jinsabu bejn Agiannaki u Elaia, il-Kummissjoni tippreċiża, ċertament, li l-awtoritajiet Elleniċi ma ħarġux permess għal dan il-għan. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma hijiex fondata meta tosserva li, peress li t-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huwa pprojbit mingħajr permess tal-bini bil-quddiem, tali bidu ta’ xogħlijiet ma huwiex imputabbli lilha u b’hekk ma jippermettix li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 fil-konfront tagħha. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, dan l-Istat Membru naqas milli jimplementa sistema ta’ protezzjoni xierqa u milli jinforza din il-projbizzjoni ta’ kostruzzjoni, bil-konsegwenza ta’ xogħlijiet mhux ikkontrollati u mhux ippjanati.

44      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li għandu jinħareġ permess tal-bini għall-kostruzzjoni ta’ erba’ residenzi tal-vaganzi f’Elaia, biżżejjed li jiġi rrilevat li l-allegazzjoni ta’ tali intenzjoni, mingħajr ma tingħata l-prova li effettivament ser jinħareġ permess, ma tikkostitwixxix bażi suffiċjenti biex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

45      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ttollerat il-kostruzzjoni ta’ djar f’Agiannaki matul l-2010, l-użu, mingħajr sorveljanza xierqa, ta’ djar oħra tal‑2006 f’Agiannaki u l-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fir-rigward ta’ madwar ħamsin residenza li jinsabu bejn Agiannaki u Elaia, kif ukoll, billi awtorizzat il-kostruzzjoni ta’ tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki matul l-2012, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43. Mill-bqija, din il-parti tal-ewwel ilment għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika awtorizzat l-iżvilupp tal-infrastrutturi ta’ aċċess għall-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

46      Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ttollerat, fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia:

–        il-ftuħ ta’ ħames mogħdijiet ġodda lejn il-bajja ta’ Agiannaki;

–        il-kostruzzjoni ta’ mogħdija li tgħaqqad il-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia matul il-linji ferrovjarji eżistenti, u

–        il-kisi ta’ xi mogħdijiet eżistenti.

47      Il-Kummissjoni tosserva li l-ftuħ tal-mogħdijiet lejn il-bajja għandu effetti distruttivi fuq din iż-żona. Din tindika li, minkejja l-impożizzjoni tal-multi u r-riabilitazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet Elleniċi, dawn il-mogħdijiet baqgħu joperaw. Minn dan jirriżulta aċċess faċli mill-vetturi għall-bajja, ħoss u tniġġis.

48      Bl-istess mod, il-Kummissjoni qieset li l-kisi ta’ ċerti mogħdijiet eżistenti kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ rotta li tgħaqqad il-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia matul il-linja ferrovjarja jikkawżaw ħsara lill-ħabitats tad-djuni u jfixklu lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta.

49      Ir-Repubblika Ellenika tosserva li, minħabba l-morfoloġija tal-art, li hija ċatta, u minħabba l-fatt li ż-żona ta’ Kyparissia ilha abitata minn żminijiet antiki ħafna, l-aċċess għall-bajja minn dejjem kien faċli. Barra minn hekk, din iż-żona toffri, u minn ħafna żmien ilu, diversi aċċessi oħra perpendikolari għall-bajja.

50      F’dak li jikkonċerna l-allegat ftuħ ta’ ħames mogħdijiet ġodda lejn il-bajja ta’ Agiannaki, ir-Repubblika Ellenika tirrileva li dawn il-mogħdijiet ilhom jeżistu mill-bidu tas-snin 1970 u li l-eżistenza tagħhom kif ukoll in-natura għal użu pubbliku tagħhom huma kkonfermati minn deċiżjoni ġudizzjarja. F’kull każ, minħabba l-kostruzzjoni ta’ erba’ mogħdijiet fost dawn il-ħamsa u x-xogħlijiet imwettqa fuq il-ħames mogħdija mingħajr permess ambjentali bil-quddiem, matul l-2012 ġew imposti multi fuq il-kumpannija tal-kostruzzjoni inkwistjoni. Dan l-Istat Membru josserva li nfetħu diversi proċeduri kriminali mill-awtoritajiet u li diversi proċeduri ġudizzjarji għadhom pendenti u għandhom bħala suġġett lil dawn il-multi u l-legalità tal-mogħdijiet imsemmija.

51      Fir-rigward tal-mogħdija li qed tinbena li tgħaqqad il-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia matul il-linja ferrovjarja, ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-Direttiva 92/43 ma teħtieġx li din iż-żona li ilha abitata minn żminijiet antiki ħafna tiġi ttrasformata f’żona mhux aċċessibbli u li, skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, il-miżuri meħuda abbażi tagħha għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-partikolaritajiet reġjonali u lokali. Issa, il-linja ferrovjarja u l-mogħdija parallela magħha jinsabu f’distanza kbira mill-bajja u din tal-aħħar hija neċessarja biex ikun hemm aċċess għal kull waħda mill-proprjetajiet.

52      Fir-rigward tal-ilment li nksew bil-bitum, parzjalment, ċerti mogħdijiet ta’ mal-baħar eżistenti, ir-Repubblika Ellenika ssostni li dan ippermetta li jitnaqqsu t-trabijiet u l-ħsejjes. Din tosserva li l-aċċess għall-bajja jiddependi min-natura ta’ passaġġ tal-mogħdija u mhux mill-eżistenza ta’ bitum fuqha u li tali bidla fil-kisi tal-mogħdijiet b’ebda mod ma taffettwa l-fakultà tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta li jbidu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-ftuħ ta’ mogħdijiet ġodda lejn il-baħar, għandu jiġi kkonstatat li dan jiffaċilita l-aċċess tal-vetturi għall-bajja u jikkostitwixxi, għalhekk, fattur ta’ żieda tat-traffiku tal-vetturi bil-mutur. Fil-fatt, skont ir-rapport Nru 32/2015 tas-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja), ippreżentat mill-Kummissjoni, il-parkeġġ mhux regolamentat tal-karozzi fl-aħħar u tul il-mogħdijiet jikkawżaw ħsara lill-ħabitats tad-djuni tal-ispeċi identifikati fiż-żona ta’ Kyparissia. Minn dan l-aċċess iffaċilitat u minn din iż-żieda fit-traffiku tal-vetturi bil-mutur jirriżultaw żidiet fl-istorbju u fid-dawl, li jfixklu lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta meta jbidu kif ukoll meta jfaqqsu ż-żgħar tal-ispeċi. Barra minn hekk, in-natura illegali u l-effetti distruttivi tal-ftuħ u tal-kostruzzjoni ta’ dawn il-mogħdijiet ġew ikkonstatati mir-Repubblika Ellenika stess, hekk kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari mid-dokumenti li jinsabu fl-Annessi 17 h u 17 i tar-rikors promotur.

54      Għalkemm ir-Repubblika Ellenika la awtorizzat u lanqas wettqet dan il-ftuħ fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, hija ma tpoġġix indiskussjoni l-ilmenti tal-Kummissjoni li jsostnu li dawn il-mogħdijiet huma operazzjonali minkejja l-proċeduri kriminali miftuħa u d-diversi proċeduri ġudizzjarji pendenti.

55      Issa, billi tillimita ruħha, minn naħa, li tiftaħ proċeduri kriminali kontra l-persuni responsabbli mill-kumpannija li bniet il-mogħdijiet inkwistjoni u li tissanzjona amministrattivament lil din il-kumpannija kif ukoll, min-naħa l-oħra, li tosserva, quddiem il-qrati nazzjonali, li l-mogħdijiet imsemmija huma illegali u għandhom jitneħħew, ir-Repubblika Ellenika ma ssodisfatx l-obbligu speċifiku li jimponilha l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑365/97, EU:C:1999:544, punt 109).

56      Hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika kellha tagħmel mod li dawn il-mogħdijiet ma jibqgħux operazzjonali u li l-użu tagħhom ma jfixkilx b’mod sinjifikattiv lill-fekruna tal-baħar Caretta caretta u lanqas ma jagħmel ħsara lill-ħabitats tad-djuni li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia.

57      Billi naqset milli tadotta miżuri provviżorji ta’ protezzjoni ta’ din iż-żona bil-għan li tirrestrinġi l-użu tal-mogħdijiet inkwistjoni sal-għeluq tal-proċeduri ġudizzjarji msemmija iktar ’il fuq li jirrigwardaw l-illegalità u l-eventwali tneħħija ta’ dawn il-mogħdijiet, filwaqt li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jindika li tali miżuri huma impossibbli għal raġunijiet ta’ fatt jew ta’ liġi, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

58      It-tieni nett, fir-rigward tal-mogħdija li qed tinbena u li tgħaqqad lill-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia matul il-linja ferrovjarja, għandu jiġi kkonstatat li din issegwi l-linja ferrovjarja eżistenti u li r-Repubblika Ellenika ma ġietx kontradetta mill-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li din il-mogħdija tinsab, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ punti, f’distanza superjuri għal 200 metru mill-kosta u ma hijiex marbuta mal-aċċess għall-bajja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma pprovatx li teżisti probabbiltà suffiċjenti li l-mogħdija li qed tinbena u li tgħaqqad lill-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia matul il-linja ferrovjarja ser ikollha effett sinjifikattiv fuq il-ħabitats tad-djuni u fuq il-fkieren tal-baħar Caretta caretta.

59      It-tielet nett, fir-rigward tal-kisi bil-bitum ta’ ċerti mogħdijiet ta’ mal-baħar, il-kisi tal-passaġġi tar-ramel jiffaċilita l-użu tagħhom, speċjalment mill-vetturi bil-mutur, liema ħaġa tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv l-ħabitats tad-djuni li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u tkabbar b’mod sensittiv it-tfixkil tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta. B’hekk, meta ttollerat il-kisi tal-mogħdijiet ġewwa s-sit, ir-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

60      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, meta ttollerat il-ftuħ ta’ ħames mogħdijiet ġodda lejn il-bajja ta’ Agiannaki kif ukoll il-kisi ta’ ċerti aċċessi u mogħdijiet eżistenti, ir-Repubblika Ellenika ma pprekludietx l-iżvilupp tal-infrastrutturi ta’ aċċess għal din il-bajja li tinsab fiż-żona ta’ Kyparissia, b’mod li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43. Madankollu, dan l-istess ilment għandu jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ mogħdija li tgħaqqad il-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia matul il-linji ferrovjarji eżistenti.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat żoni ta’ kampeġġ illegali fiż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

61      Il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ellenika talli ttollerat:

–        il-mogħdija li tinsab wara l-bajja ta’ Kalo Nero sservi bħala żona ta’ kampeġġ għall-karavans u

–        li f’nofs id-djuni tal-bajja ta’ Elaia, f’masġar tal-arżnu, jiġi pprattikat il-kampeġġ fis-selvaġġ.

62      Skont il-Kummissjoni, il-kamping fis-selvaġġ jikkostitwixxi problema għall-konservazzjoni tad-djuni kif ukoll għall-ħabitats tal-foresti. Dan ifixkel ukoll lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta.

63      Ir-Repubblika Ellenika, filwaqt li sostniet li l-kamping fis-selvaġġ huwa pprojbit fil-pajjiż kollu, tirrikonoxxi li, minkejja l-projbizzjoni u l-interventi tal-pulizija, dawn il-prattiki dejjem iseħħu. Din issostni li, fiż-żona ta’ Kyparissia, dan it-tip ta’ kampeġġ ilu jeżisti għal mill-inqas 30 jew 40 sena, iżda li dan qiegħed jonqos progressivament.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      Huwa stabbilit li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li ma adottatx miżuri suffiċjenti bil-għan li tiżgura l-osservanza tal-projbizzjoni tal-kampeġġ fis-selvaġġ fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia. Huwa stabbilit ukoll li l-kampeġġ fis-selvaġġ fi ħdan din iż-żona jista’ joħloq ħsara sinjifikattiva lill-ħabitats tad-djuni kkonċernati u jista’ joħloq tfixkil sinjifikattiv għall-fkieren fkieren tal-baħar Caretta caretta.

65      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex tħares l-osservanza tal-projbizzjoni tal-kampeġġ fis-selvaġġ viċin il-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat l-operat ta’ barijiet fuq il-bajja li tinsab fiż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

66      Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ttollerat li, bejn Elaia u Kalo Nero, jiġu operati mill-inqas tliet barijiet. Dawn il-barijiet jagħmlu ħafna storbju u dwal matul il-lejl, b’mod li jfixklu lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta meta jbidu u jpoġġu fil-periklu liż-żgħar tal-ispeċi, li jkunu għadhom kif faqqsu.

67      Il-Kummissjoni tosserva li, fit-13 ta’ Awwissu 2011, seħħet festa fuq il-bajja ta’ Kalo Nero. Filwaqt li tammetti li l-awtoritajiet Elleniċi ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jneħħu dawn il-barijiet, din tosserva li, matul iż-żjara tal-membri tal-persunal tagħha fis-17 ta’ Lulju 2012, il-barijiet imsemmija kienu għadhom preżenti. Skont il-Kummissjoni, fl-2013, dawn l-istess barijiet ma kinux għadhom joperaw, iżda l-infrastrutturi kienu għadhom jeżistu.

68      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, matul l-2013 u l-2014, l-ebda kantin ma opera fuq il-bajja inkwistjoni u li l-barijiet illegali kollha kif ukoll l-installazzjonijiet konnessi tagħhom kienu tneħħew. Din tindika li l-unika eċċezzjoni hija l-bajja ta’ Kalo Nero fejn tali kostruzzjonijiet tal-injam ser jitneħħew biss iktar ’il quddiem.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Peress li l-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tkun teżisti fl-aħħar tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u peress li l-bdil li seħħ sussegwentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-provi fattwali differenti invokati mill-partijiet li seħħew wara l-1 ta’ Diċembru 2012, li huwa t-terminu mogħti għar-Repubblika Ellenika sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, ma humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-ksur allegat.

70      Għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma tippreżenta ebda prova li tista’ turi li din, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, adottat il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tevita li r-riproduzzjoni tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta tkun imfixkla mill-operat tal-barijiet inkwistjoni.

71      Konsegwentement, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita l-operat tal-barijiet li jinsabu bejn Elaia u Kalo Nero, fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta, u ma żguratx li l-inkonvenjenti kkawżati minn dawn il-barijiet ma jfixklux lil dawn l-ispeċi, dan l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat il-preżenza ta’ apparat u installazzjonijiet fuq il-bajjiet fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

72      Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ttollerat, fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, il-preżenza ta’ kwantità eċċessiva ta’ apparat tal-bajja, jiġifieri umbrelel u deckchairs. Barra minn hekk, din tosserva li, għalkemm l-awtoritajiet Elleniċi kienu ordnaw id-demolizzjoni ta’ diversi pjattaformi mtella’ fuq il-bajjiet li jinsabu f’din iż-żona, dawn id-demolizzjonijiet qatt ma ġew eżegwiti u saħansitra nħareġ permess, fit-28 ta’ Lulju 2011, għall-installazzjoni ta’ pjattaforma favur il-lukanda Messina Mare.

73      Skont il-Kummissjoni, dawn l-installazzjonijiet tal-bajja, sa fejn huma fissi jew jitħallew fuq il-bajja mal-lejl, għandhom effett negattiv fuq iż-żoni ta’ riproduzzjoni tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta, għaliex il-preżenza tagħhom tnaqqas l-ispazju disponibbli għall-bejtiet u jostakolaw il-moviment tal-fkieren.

74      Ir-Repubblika Ellenika tosserva li, matul l-2013 u l-2014, ma kien hemm ebda umbrella u lanqas ebda deckchairs fuq il-bajjiet ta’ Vounaki, ta’ Elaia u ta’ Agiannaki. Ċerti umbrelel u deckchairs kienu għadhom preżenti fuq il-bajja ta’ Kalo Nero, iżda barra miż-żona ta’ riproduzzjoni tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta. F’dak li jikkonċerna l-pjattaforma li tinsab viċin il-lukanda Messina Mare, dan l-Istat Membru josserva li din hija rampa intiża biex tiffaċilita l-aċċess ta’ persuni diżabbli li jiffrekwentaw l-istabbiliment.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-umbrelel u d-deckchairs, ir-Repubblika Ellenika tillimita ruħha biex tindika li, sa mill-2013, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata, tali elementi ta’ apparat huma unikament preżenti fuq il-bajja ta’ Kalo Nero, ’il bogħod mill-ispazju ta’ riproduzzjoni tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta. B’hekk, dan l-Istat Membru jammetti b’mod impliċitu li qabel ma kienx naqqas il-preżenza tal-apparat tal-bajja fuq l-ispazju ta’ riproduzzjoni ta’ dawn il-fkieren.

76      It-tieni nett, fir-rigward tal-pjattaformi mtella’ fuq il-bajjiet li jinsabu fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, ir-Repubblika Ellenika, li ma tikkontesta la l-preżenza tagħhom fi tmiem it-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u lanqas il-probabbiltà li dawn jikkawżaw dannu sinjifikattiv lill-ħabitats tad-djuni li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u li dawn joħolqu tfixkil sinjifikattiv lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta, tillimita ruħha biex issostni li dik awtorizzata viċin il-lukanda Messina Mare tikkonsisti f’rampa intiża għall-persuni b’diżabbiltà.

77      Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-iskop ta’ din l-aħħar pjattaforma. Issa, għalkemm pjattaforma intiża biex tiffaċilita l-moviment tal-persuni b’diżabbiltà tista’, fil-prinċipju, titqies li twettqet għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku maġġuri marbut mas-saħħa tal-bniedem, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43, tali ġustifikazzjoni b’mod partikolari tipprevedi eżami tal-eżistenza ta’ soluzzjonijiet oħra inqas dannużi kif ukoll ibbilanċjar tal-interessi kkonċernati, ibbażati fuq evalwazzjoni, skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, tal-impatti fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fin-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni f’dan ir-rigward mir-Repubblika Ellenika, għandu jitqies li l-pjattaforma awtorizzata viċin il-lukanda Messina Mare tikkostitwixxi wkoll ksur tal-Artikolu 6(2) tad-direttiva.

78      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tnaqqas, fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, il-preżenza ta’ apparat u ta’ diversi installazzjonijiet fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta u billi ħarġet permess għall-bini ta’ pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat it-tindif tal-bajjiet li jinsabu fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia permezz ta’ magni tqal

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika nadfet il-bajja, permezz tal-muniċipalità ta’ Avlona (il-Greċja), permezz ta’ magni tqal, u b’hekk ipprovokaw il-kompressjoni tar-ramel minħabba t-toqol tagħhom u l-qerda tal-bejtiet tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta minħabba l-vibrazzjoni.

80      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li din ma hijiex prattika permanenti, iżda każ iżolat u li ebda każ ulterjuri ma ġie kkonstatat wara li ntbagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati f’Lulju 2013 u f’Mejju 2014 mill-Ministru tal-Ambjent huma intiżi biex jiġu evitati tali inċidenti u jipprovdu li, matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni ta’ dawn il-fkieren, it-tindif tal-bajja jsir manwalment.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Peress li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali invokati mir-Repubblika Ellenika ġew adottati wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ksur allegat, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, mhux biss il-Kummissjoni ma tpoġġix indiskussjoni l-affermazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tgħid li l-każ indikat kien wieħed iżolat, iżda lanqas ma tippreżenta provi intiżi biex juru r-repetizzjoni ta’ tali inċidenti jew il-ħtieġa li jittieħdu miżuri speċifiċi bil-għan li dawn jitwaqqfu.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat l-estrazzjoni illegali ta’ ramel fuq il-bajjiet li jinsabu fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

82      Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ttollerat, fuq il-bajjiet li jinsabu fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, attività mhux ikkontrollata ta’ estrazzjoni ta’ ramel.

83      Dan l-Istat Membru josserva li l-Kummissjoni ma tippreżenta ebda prova fir-rigward ta’ tali attività.

84      Madankollu, il-Kummissjoni tippreżenta, fir-replika tagħha, tabella intiża biex turi li r-Repubblika Ellenika stess tirrikonoxxi li jeżisti riskju ta’ effetti dannużi sinjifikattivi għaż-żona ta’ Kyparissia minħabba attivitajiet ta’ estrazzjoni ta’ ramel.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85      L-Artikolu 128(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-partijiet jistgħu jippreżentaw provi jew jipproponu provi insostenn tal-argumentazzjoni tagħhom fir-replika u fil-kontroreplika u li għandhom jimmotivaw id-dewmien għall-preżentata ta’ dawn il-provi.

86      Madankollu, peress li l-preżentata tardiva ta’ dan l-element ma hijiex immotivata mill-Kummissjoni, dan l-element ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala prova, matul il-verifika mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-eżistenza tal-ksur allegat minn din l-istituzzjoni.

87      Peress li l-Kummissjoni ma tippreżentax provi oħra li jistgħu jsostnu l-ilment inkwistjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud fuq dan il-punt.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat it-tkabbir tal-attivitajiet agrikoli fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

88      Il-Kummissjoni tikkritika li r-Repubblika Ellenika għal:

–        espansjoni tal-artijiet agrikoli fiż-żona tad-djuni;

–        ħrit tad-djuni bejn Elaia u Agiannaki, u

–        merħla tan-nagħaġ fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta.

89      Il-Kummissjoni tosserva li l-espansjoni tal-artijiet agrikoli fiż-żona tad-djuni għandha l-effett li teqred iż-żona tad-djuni ta’ riproduzzjoni ta’ dawn l-ispeċi u li l-ilma għat-tisqija jista’ jaffettwa l-bejtiet tal-fkieren li jinsabu viċin. Iż-żieda fl-umdità kkawżata minn dawn l-uċuħ miżrugħa għandha bħala effett bidla fit-temperatura ta’ taħt l-art, li tipprovoka t-tfaqqis ta’ numru kbir ta’ żgħar tal-fkieren irġiel u b’hekk tista’ twassal għal żbilanċ fil-popolazzjoni tal-ispeċi Caretta caretta.

90      Il-Kummissjoni ssostni li, bejn Agiannaki u Elaia, seħħ ħrit tad-djuni mill-20 ta’ Frar sat-3 ta’ Marzu 2013, liema ħaġa qerdet ċertu numru ta’ ħabitats tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta, mingħajr ma ġiet adottata ebda miżura ta’ tiswija.

91      Il-Kummissjoni tqis li l-merħla tan-nagħaġ fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu dawn il-fkieren għandu bħala riżultat qerda diretta u indiretta tal-bejtiet. Dawn tal-aħħar jiġu mirfusa u l-bajd jinqered minħabba l-vibrazzjonijiet ipprovokati fl-art.

92      Ir-Repubblika Ellenika tfakkar li l-attività agrikola naqset kunsiderevolment matul l-aħħar 20 sena, u li, sal-2001, it-tnaqqis fl-artijiet ikkoltivati kien ta’ 25 % sa 30 % skont iż-żoni kkonċernati. Fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, ma hemmx espansjoni tal-għelieqi lejn id-djuni, peress li s-sottostrat ramli ma huwiex ideali għall-agrikoltura u peress li r-reġjun li jinsab lil hinn minn din iż-żona huwa partikolarment fertili.

93      Dan l-Istat Membru josserva li l-ħrit li tirreferi għalih il-Kummissjoni sar fuq wiċċ agrikolu.

94      Il-merħla tan-nagħaġ fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta hija impossibbli, peress li ma tikber ebda veġetazzjoni fuq il-bajja. F’kull każ, skont ir-Repubblika Ellenika, dawn il-fkieren jidfnu l-bajd tagħhom fil-fond b’mod li l-bejtiet ma jistgħux jinqerdu minħabba li jintrifsu min-nagħaġ u minħabba l-vibrazzjonijiet fl-art li dan jinvolvi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-allegata espansjoni tal-artijiet agrikoli fiż-żona tad-djuni, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ma ppreżentatx provi ta’ natura li jikkonfutaw l-affermazzjoni tar-Repubblika Ellenika li tgħid li, fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, ma hijiex ikkonstatata tali espansjoni. Minn dan jirriżulta li, fuq dan il-punt, l-ilment tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’.

96      Fit-tieni lok, peress li l-Kummissjoni tpoġġi l-allegat ħrit taż-żoni tad-djuni f’data sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu ffissat minnha fl-opinjoni motivata tagħha, tali lment lanqas ma jista’ jiġi invokat kontra r-Repubblika Ellenika, b’mod li l-ilment imressaq mill-Kummissjoni għandu, ukoll, jiġi miċħud fuq dan il-punt.

97      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-affermazzjoni tar-Repubblika Ellenika li tgħid li ma tikber ebda veġetazzjoni fuq il-bajja li fiha jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta u li r-ritratti ppreżentati mill-Kummissjoni ma jurux attività ta’ merħla, iżda l-preżenza ta’ ftit nagħaġ fuq din il-bajja. F’kull każ, il-Kummissjoni ma ġabet ebda prova li tista’ tippermetti li jiġi konkluż li l-preżenza ta’ nagħaġ, hekk kif jidher minn dawn ir-ritratti, tista’ tikkawża ħsara lill-bejtiet tal-fkieren midfuna f’fond ta’ 40 cm sa 60 cm fir-ramel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment imressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud ukoll fuq dan il-punt.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat it-tniġġis bid-dawl taż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

98      Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri xierqa biex tevita li d-dawl muniċipali tat-toroq pubbliċi u dak viċin il-bajja, kif ukoll id-dawl tar-ristoranti, tal-lukandi u tal-ħwienet li jinsabu ħdejn iż-żona ta’ Kyparissia, ifixklu lill-fkieren tal-baħar Caretta caretta waqt li jbidu u, fuq kollox, jinfluwenzaw liż-żgħar li jkunu għadhom kif faqqsu li jidderieġu ruħhom lejn il-baħar. Din tosserva li dawn il-fenomeni ġew ikkonfermati matul iż-żjara fuq il-post tal-membri tal-persunal tagħha fis-17 ta’ Lulju 2012.

99      Skont ir-Repubblika Ellenika, id-dawl pubbliku ilu jeżisti għal ħafna snin u li dan ġie installat qabel l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi evalwazzjoni xierqa, konformement mad-Direttiva 92/43. Din issostni li, biex tindirizza din il-problema, ġiet adottata leġiżlazzjoni fl-2014, li tapplika għall-bajjiet fejn jirriproduċu dawn il-fkieren u li b’mod partikolari tipprovdi l-obbligu li jiġi żgurat li d-dawl provenjenti minn sorsi privati u pubbliċi ma jilħaqx il-bajja, biex il-fkieren iż-żgħar ma jitilfux l-orjentament. Bl-istess mod, l-istabbilimenti u l-lukandi li jinsabu fuq il-kosta huma preklużi milli jużaw projecters. Huwa maħsub ukoll li jiġu installati pjanċi li jgħattu u li jintużaw lampi speċjali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika li jgħid li d-dawl pubbliku kien jeżisti minn qabel ma tali installazzjonijiet kienu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa konformement mad-Direttiva 92/43, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont din id-direttiva, il-preklużjoni ta’ deterjorazzjoni stabbilita fiha ma hijiex limitata għall-obbligu, għall-Istat Membru kkonċernat, li jipprojbixxi jew li jwaqqaf biss attivitajiet ġodda li jikkawżaw ħsara.

101    B’hekk għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri ta’ protezzjoni xierqa bil-għan li tevita li d-dawl pubbliku eżistenti, sa mill-inklużjoni taż-żona ta’ Kyparissia fil-lista tas-SIK fid-19 ta’ Lulju 2006, ma jfixkilx lill-fekruna tal-baħar Caretta caretta, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/09, EU:C:2011:768, punti 127 u 128).

102    Għandu jintlaqa’ wkoll l-ilment tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna t-tfixkil tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta pprovokat mid-dawl tar-ristoranti, tal-lukandi u tal-ħwienet li jinsabu ħdejn iż-żona ta’ Kyparissia.

103    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tillimita ruħha biex tindika li, matul l-2014, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, hija adottat leġiżlazzjoni biex tindirizza lil din il-problema, liema ħaġa impliċitament tistabbilixxi li dan l-Istat Membru ma kienx, qabel, adotta l-miżuri neċessarji għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-tfixkil tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta pprovokat minn tali tniġġis tad-dawl.

104    Konsegwentement, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita b’mod suffiċjenti t-tniġġis mid-dawl li jolqot lill-bajjiet fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta u li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat attivitajiet ta’ sajd ħdejn iż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

105    Il-Kummissjoni tosserva li s-sajd ipprattikat viċin il-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta jikkostitwixxi sors ta’ tfixkil għal dawn l-ispeċi, peress li l-kampjuni li jmorru jbidu jew li jirritornaw mill-bejtiet jistgħu jinqabdu fix-xbiek jew jaħbtu mad-dgħajjes tas-sajd. F’dan ir-rigward, din tibbaża ruħha fuq rapport anness mar-rikors promotur tagħha, li jgħid li l-attività tas-sajd tiġi eżerċitata direttament ħdejn il-bajja permezz ta’ xbiek tal-għażel u, xi kultant, bilkemm kilometru ’l bogħod mill-bajja, bl-għajnuna ta’ xbieki ta’ tkarkir mid-dgħajjes.

106    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, sa minn meta ġiet stabbilita s-sistema ta’ protezzjoni ta’ din iż-żona, is-sajd hemmhekk naqas u li d-diversi strumenti tal-Unjoni Ewropea kkontribwew ukoll sabiex din l-attività ta’ sajd naqset fir-reġjun. Hemm ftit wisq dgħajjes tas-sajd u kampanja ta’ informazzjoni intiża biex tipprevjeni l-qbid aċċidentali ta’ fkieren.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Għandu jiġi kkonstatat li tali affermazzjoni ġenerali relattiva għat-tnaqqis fl-attività ta’ sajd u għall-informazzjoni tas-sajjieda ma hijiex tali li tpoġġi indiskussjoni l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq il-konstatazzjonijiet tar-rapport anness mar-rikors promotur tagħha.

108    Minn dan jirriżulta li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita b’mod suffiċjenti l-attivitajiet ta’ sajd matul il-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq l-ewwel ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ttollerat l-użu ta’ dgħajjes ta’ divertiment u paddle boats ħdejn iż-żona ta’ Kyparissia

–       L-argumenti tal-partijiet

109    Skont il-Kummissjoni, il-preżenza ta’ dgħajjes ta’ divertiment u paddle boats, użati viċin il-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta, tikkostitwixxi sors ta’ tfixkil għall-fkieren. Xi wħud minnhom jinqatlu wkoll meta jaħbtu ma’ dawn l-inġenji. Din l-istituzzjoni tqis li l-provi li jidhru fl-Annessi 18 u 21 tar-rikors promotur tagħha jsostnu dan l-ilment.

110    Skont ir-Repubblika Ellenika, il-provi msemmija ma jipprovawx l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u din bl-ebda mod ma stabbilixxiet li l-imwiet tal-fkieren huma dovuti għal ġerħiet ikkawżati minn dgħajjes ta’ divertiment u paddle boats.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111    Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur allegat u li għandha ġġib quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika ta’ dan (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-87/14, EU:C:2015:449, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, meta, fir-rikors promotur, tirreferi għall-annessi tiegħu, mingħajr ma tipprovdi spjegazzjonijiet speċifiċi rilevanti fir-rigward tagħhom, ma tippreżentax il-provi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza tal-ksur li din tallega u, f’kull każ, li tali provi ma jirriżultawx b’mod ċar mill-annessi msemmija.

113    Konsegwentement, fuq dan il-punt, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika,

–        billi ttollerat il-kostruzzjoni ta’ djar f’Agiannaki matul l-2010, l-użu mingħajr sorveljanza xierqa ta’ djar oħra tal-2006 f’Agiannaki u l-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fir-rigward ta’ madwar ħamsin residenza li jinsabu bejn Agiannaki u Elaia, kif ukoll, billi awtorizzat il-kostruzzjoni ta’ tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki matul l-2012;

–        billi ttollerat l-iżvilupp tal-infrastrutturi ta’ aċċess għall-bajja li tinsab fiż-żona ta’ Kyparissia, jiġifieri l-ftuħ ta’ ħames mogħdijiet ġodda lejn il-bajja ta’ Agiannaki kif ukoll il-kisi ta’ ċerti aċċessi u mogħdijiet eżistenti;

–        billi ma adottatx miżuri suffiċjenti bil-għan li tiżgura l-osservanza tal-projbizzjoni tal-kampeġġ fis-selvaġġ viċin il-bajja ta’ Kalo Nero f’Elaia;

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita l-operat tal-barijiet li jinsabu bejn Elaia u Kalo Nero, fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta, u ma żguratx li l-inkonvenjenti kkawżati minn dawn il-barijiet ma jfixklux lil dawn l-ispeċi;

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tnaqqas, fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, il-preżenza ta’ apparat u ta’ diversi installazzjonijiet fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta, kif ukoll billi ħarġet permess għall-bini ta’ pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare;

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita b’mod suffiċjenti t-tniġġis mid-dawl li jolqot lill-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta, u

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tnaqqas b’mod suffiċjenti l-attivitajiet ta’ sajd matul il-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta,

naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43

 L-argumenti tal-partijiet

115    Permezz tat-tieni lment insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ksur, mir-Repubblika Ellenika, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

116    Il-Kummissjoni tilmenta li dan l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu skont din id-dispożizzjoni minħabba li naqas milli jwettaq evalwazzjoni xierqa tal-impatti ta’ proġetti mhux direttament marbuta jew meħtieġa għat-tmexxija taż-żona ta’ Kyparissia, iżda li jistgħu jolqtuha b’mod sinjifikattiv. Skont il-Kummissjoni, tali evalwazzjoni tal-impatti kellha b’mod partikolari ssir qabel:

–        l-għoti tal-permess tal-bini u l-kostruzzjoni ta’ diversi residenzi ġewwa ż-żona ta’ Kyparissia;

–        il-ftuħ ta’ mogħdijiet ġodda u l-kisi ta’ ċerti mogħdijiet eżistenti ġewwa din iż-żona;

–        il-kostruzzjoni ta’ barijiet ġodda fuq il-bajja li tinsab fiż-żona msemmija u fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta;

–        l-installazzjoni ta’ dwal muniċipali matul il-bajja li tinsab fi ħdan l-istess żona, u

–        l-espansjoni tas-superfiċji kultivabbli fis-sistema tad-djuni taż-żona ta’ Kyparissia.

117    Skont il-Kummissjoni, dawn l-attivitajiet twettqu mingħajr ebda evalwazzjoni bil-quddiem, kemm jekk tkun evalwazzjoni tal-effetti individwali għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet jew evalwazzjoni tal-effetti akkumulati flimkien. Din tenfasizza li ebda waħda minn dawn l-attivitajiet ma hija direttament marbuta u lanqas neċessarja għall-ġestjoni taż-żona ta’ Kyparissia, u li dawn probabbilment għandhom effetti sinjifikattivi fuq din iż-żona minħabba l-importanza tagħha għall-fkieren tal-baħar Caretta caretta u għall-ħabitat naturali kkonċernat.

118    Ir-Repubblika Ellenika tosserva li l-pjanijiet jew il-proġetti kollha li twettqu fir-reġjun mingħajr “evalwazzjoni xierqa” kienu jikkonċernaw attivitajiet ta’ kostruzzjoni li tlestew qabel ma ġie stabbilit l-obbligu ta’ tali evalwazzjoni. Din issostni, f’dak li jikkonċerna l-pjanijiet u l-proġetti mwettqa wara din id-data, li jew ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 ġew osservati, jew inkella, meta dan ma kienx il-każ, tressqu proċeduri amministrattivi u kriminali.

119    Dan l-Istat Membru jsostni li r-rekwiżiti u l-proċeduri previsti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 ġew trasposti fil-liġi nazzjonali u li l-ħruġ tal-permessi tal-bini kif ukoll l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma sospiżi sal-adozzjoni tad-Digriet Presidenzjali. B’hekk, l-imsemmi Stat Membru ma naqasx mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiżgura li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju mal-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinifikanti, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità ta’ dan is-sit (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C-43/10, EU:C:2012:560, punt 110).

121    Isegwi li din id-dispożizzjoni hija rilevanti biss meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw proġett, peress li f’dan il-każ din l-awtorizzazzjoni jkollha tiġi ppreċeduta minn evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq is-sit ikkonċernat.

122    Konsegwentement, għal kull attività li l-eżekuzzjoni tagħha kienet suġġetta għal awtorizzazzjoni, iżda li twettqet mingħajr permess, u b’hekk illegalment, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 ma japplikax. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dan ir-rigward, ma għandux jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq minħabba ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

123    Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni msemmija tapplika għall-attivitajiet li twettqu b’awtorizzazzjoni minn qabel, jiġifieri għad-djar ta’ Agiannaki li x-xogħlijiet fihom saru matul l-2010, għat-tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki matul l-2012 kif ukoll għall-pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare.

124    Peress li dawn l-attivitajiet jistgħu jwasslu għal telf tas-superfiċji tad-djuni u jfixklu lill-fekruna tal-baħar Caretta caretta, l-awtorizzazzjoni tagħhom kellha tkun suġġetta għal evalwazzjoni bil-quddiem tal-effetti tagħhom.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-Repubblika Ellenika ma ssostnix li dawn l-awtorizzazzjonijiet kienu preċedenti għad-19 ta’ Lulju 2006, id-data tal-inklużjoni taż-żona ta’ Kyparissia fil-lista tas-SIK, jew kienu preċeduti minn evalwazzjonijiet tal-effetti konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, għandu jiġi kkonstatat li, billi ħarġet permessi tal-bini għal djar mibnija matul l-2010 f’Agiannaki, għal tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki matul l-2012 u għall-kostruzzjoni ta’ pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare, dan l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu skont din id-dispożizzjoni.

126    Il-kumplament tal-ilment huwa miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43

127    Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika kisret l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi u timplementa sistema effettiva ta’ ħarsien strett tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta fil-bajja ta’ Kyparissia, b’tali mod li jiġi evitat kull tfixkil ta’ din l-ispeċi matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u kwalunkwe attività li tista’ tikkawża deterjorament jew qerda tas-siti ta’ tgħammir.

128    Il-Kummissjoni tfakkar li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi annimali li tidher fl-Anness IV(a) tad-Direttiva 92/43 bil-għan li jiġi prekluż it-tfixkil intenzjonali ta’ dawn l-ispeċi matul, b’mod partikolari, il-perijodu ta’ riproduzzjoni kif ukoll id-deterjorazzjoni jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni u taż-żoni ta’ mistrieħ. Din is-sistema ta’ protezzjoni stretta teżiġi l-istabbiliment ta’ kuntest legali komplet kif ukoll l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni preċiżi u speċifiċi.

129    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija ma kisritx l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq it-tielet ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika naqset milli timplementa kuntest legali komplet u koerenti

–       L-argumenti tal-partijiet

130    Il-Kummissjoni ssostni li sistema ta’ protezzjoni stretta, kif stabbilita fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/43, tippreżupponi l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u konkordanti, ta’ natura preventiva. Din tirrileva li r-Repubblika Ellenika rrikonoxxiet li tali kuntest legali komplet u koerenti għadu ma ġiex adottat, iżda għadu qiegħed jitfassal.

131    Il-Kummissjoni tqis li l-istrumenti legali kollha f’dan il-qasam fis-seħħ f’dan l-Istat Membru ma humiex biżżejjed għall-finijiet tal-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43. L-eżistenza ta’ dawn l-istrumenti legali ġiet invokata għall-ewwel darba minn dan l-Istat Membru fid-difiża tiegħu. Barra minn hekk, xi wħud minn dawn jippreċedu d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/43 u għalhekk ma jinvolvux dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

132    Din l-istituzzjoni ssostni li, fin-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv nazzjonali integrat u koerenti, il-protezzjoni stretta tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta kif ukoll tas-sites ta’ riproduzzjoni tagħha ma hijiex żgurata. Sistema ta’ protezzjoni ma tistax tiġi stabbilita permezz ta’ korp frammentarju ta’ miżuri iżolati li jolqtu l-protezzjoni tal-ambjent b’mod ġenerali u ma humiex intiżi biex jevitaw, b’mod koerenti, kull tfixkil intenzjonat tal-ispeċi kkonċernata, matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni, kif ukoll kull attività li tista’ tikkawża d-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni tagħha.

133    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li ma jidhirx li n-numru ta’ bejtiet tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta naqas ġewwa ż-żona ta’ Kyparissia ma jistax, minnu nnifsu, ipoġġi indiskussjoni l-konstatazzjoni li tgħid li ma ġewx adottati miżuri ta’ protezzjoni effettiva mir-Repubblika Ellenika. Din tosserva li n-numru għoli ta’ bejtiet ikkonstatat reċentement huwa dovut għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta mill-1992 u li l-impatti kollha fuq din l-ispeċi huma, bħala regola ġenerali, viżibbli 20 sena wara. Barra minn hekk, mis-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-103/00, EU:C:2002:60), u tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑518/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:183), jirriżulta li ma huwiex neċessarju li n-numru ta’ bejtiet jonqos biex jiġi kkonstatat tfixkil ta’ natura li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43.

134    Ir-Repubblika Ellenika tgħid li l-Kummissjoni ssostni bi żball, minn naħa, li r-Repubblika Ellenika ma adottatx qafas leġiżlattiv ta’ protezzjoni suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, li din ma rnexxilhiex tapplika miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi u effettivi. Din tqis li l-Kummissjoni ma tistax issostni li, fiż-żona ta’ Kyparissia, teżisti degradazzjoni tal-ħabitats u tfixkil li għandhom impatt sinjifikattiv fuq l-ispeċi, filwaqt li lanqas biss saret evalwazzjoni xierqa tal-impatti li jikkonċernaw l-attivitajiet eżerċitati fiż-żona msemmija.

135    Skont dan l-Istat Membru, peress li l-popolazzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta qed tiżdied b’mod stabbli u ma hemmx riskju li ż-żona naturali tagħha titnaqqas, ma hemmx lok li jiġi invokat ksur tal-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

136    Ir-Repubblika Ellenika tqis li s-sistema legali Griega fiha qafas istituzzjonali wiesgħa, koerenti, partikolarment strett u estremament effettiv fir-rigward tal-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta. F’dan ir-rigward, din tirreferi għall-atti leġiżlattivi u regolamentari differenti li flimkien jikkostitwixxu qafas suffiċjenti sal-adozzjoni tad-Digriet Presidenzjali.

137    Dan l-Istat Membru jfakkar li huwa qatt ma sostna li dawn l-atti kollha ġew adottati b’mod speċifiku għaż-żona ta’ Kyparissia u għall-ispeċi inkwistjoni, iżda li dan jipproteġihom b’mod effettiv u b’hekk jiżgura sistema ta’ protezzjoni xierqa u stretta, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li s-sistema ta’ protezzjoni stretta tkun iddefinita f’leġiżlazzjoni waħda u unika.

138    Finalment, ir-Repubblika Ellenika ssemmi l-karatteristiċi, il-miżuri u l-effetti tal-proġett ta’ Digriet Presidenzjali u tinnota li dan ser jiġi, wara l-opinjoni tas-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja), adottat dalwaqt. Madankollu, din tenfasizza li l-eżistenza ta’ dan il-proġett ta’ Digriet Presidenzjali ma tfissirx li qabel ma kienet teżisti ebda sistema ta’ protezzjoni stretta u effettiva fis-sistema legali Griega.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett tal-ispeċi annimali elenkati fl-Anness IV(a) ta’ din id-direttiva, fiż-żona naturali tagħhom, billi tipprojbixxi t-tfixkil intenzjonat tal-imsemmija speċi, speċjalment waqt il-perijodu tar-riproduzzjoni, ta’ tkabbir, ta’ ibernazzjoni u ta’ migrazzjoni, kif ukoll id-deterjorazzjoni jew il-qerda ta’ siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ.

140    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri mhux biss l-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv komplet, iżda wkoll l-implementazzjoni ta’ miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni f’dan ir-rigward u li s-sistema ta’ protezzjoni stretta tippresupponi l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C-340/10, EU:C:2012:143, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

141    Numru ta’ strumenti legali ma jikkostitwixxix qafas leġiżlattiv u regolamentari li għandu natura kompleta meta dawn l-istrumenti ma jippermettux li jitwaqqaf ksur tal-preklużjoni ta’ deterjorazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 jew meta dawn għandhom jiġu emendati regolarment bil-għan li jkunu jistgħu jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa mill-Artikolu 12 ta’ din l-istess direttiva.

142    Il-fatt li fil-punt 114 ta’ din is-sentenza ġew ikkonstatati diversi ċirkustanzi ta’ ksur tal-preklużjoni ta’ deterjorament stabbilita fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 jippermetti li jiġi preżunt li qafas leġiżlattiv komplet u koerenti, ta’ natura preventiva, huwa nieqes fir-rigward tal-protezzjoni taż-żona ta’ Kyparissia.

143    Din il-preżunzjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-Repubblika Ellenika adottat diversi Digrieti Ministerjali, fost oħrajn fit-23 ta’ Mejju 2013, fit-23 ta’ Lulju 2013, fl-14 ta’ Frar 2014 u fit-8 ta’ Mejju 2014, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu xieraq tal-bajjiet, tal-iffriżar ta’ ċerti attivitajiet agrikoli, tal-limitazzjoni tad-dawl provenjenti mill-istabbilimenti privati fuq il-bajja, tas-sospensjoni tal-ħruġ ta’ permessi tal-bini, tal-preklużjoni ta’ ċerti attivitajiet ta’ kostruzzjoni kif ukoll tal-projbizzjoni tal-ftuħ u tal-kiri tal-mogħdijiet ġewwa ż-żona ta’ Kyparissia.

144    L-adozzjoni ta’ tali strumenti legali wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata turi biżżejjed li, qabel dan it-terminu, il-qafas leġiżlattiv nazzjonali ma kienx komplut.

145    B’hekk, ir-Repubblika Ellenika ma hijiex fondata li ssostni li d-Digriet Presidenzjali, li jinsab fil-proċess tal-adozzjoni, intiż għall-protezzjoni ta’ din iż-żona, għandu biss bħala skop li jiġbor u li jikkonsolida l-leġiżlazzjoni li kienet diġà fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu msemmi.

146    B’mod kuntrarju, mill-opinjoni tas-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja) jirriżulta li l-obbligi tar-Repubblika Ellenika li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jeħtieġu leġiżlazzjoni ġdida intiża għall-protezzjoni taż-żona ta’ Kyparissia u jimponu l-preżentata fl-iqsar żmien ta’ proġett ta’ digriet ġdid quddiem din l-istanza.

147    Bl-istess mod, ir-Repubblika Ellenika ma hijiex fondata li ssostni li, peress li l-popolazzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta qed tiżdied b’mod stabbli, ma hemmx lok li jiġi invokat fil-konfront tagħha l-ilment ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

148    Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ċirkustanza bħall-istabbilità tal-popolazzjoni tal-ispeċi ma tistax, minnha nnifisha, tpoġġi indiskussjoni l-konstatazzjoni relattiva għan-natura inkompleta tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-518/04, EU:C:2006:183, punt 21).

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax qafas leġiżlattiv u regolamentari komplet, koerenti u strett intiż għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq it-tielet ilment, sa fejn ir-Repubblika Ellenika naqset milli timplementa miżuri ta’ protezzjoni preċiżi, speċifiċi u effettivi

–       L-argumenti tal-partijiet

150    Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika ma tapplikax miżuri speċifiċi effettivi b’mod li jiġi evitat, minn naħa, it-tfixkil tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet li jistgħu jiddeterjoraw jew jeqirdu ż-żoni ta’ riproduzzjoni tagħha.

151    Din tirrileva li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva 92/43 jipprovdi protezzjoni iktar stretta minn dik stabbilita fil-punti (a) sa (c) ta’ dan l-Artikolu, u li l-imsemmi punt (d) ma jillimitax il-preklużjonijiet għall-atti intenzjonali.

152    Għalhekk, sabiex jiġi evalwat sa fejn ċerta attività “hija ta’ natura li tiddeterjora jew teqred lis-siti ta’ riproduzzjoni”, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-ispeċi tbid bajd biss kull sentejn jew tliet snin u li din hija partikolarment sensittiva u vulnerabbli għall-inkonvenjenzi ta’ ħoss u ta’ dawl matul il-proċess ta’ riproduzzjoni, jiġifieri matul l-inkubazzjoni u meta ż-żgħar tal-ispeċi jibdew jidderieġu ruħhom lejn il-baħar.

153    Il-Kummissjoni tosserva li, fiż-żona ta’ Kyparissia, iż-żoni ta’ riproduzzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta jistgħu jiddeterjoraw jew jinqerdu minn diversi attivitajiet mill-bniedem indikati fir-rikors tagħha, li joħolqu ostakli għall-aċċess għaż-żoni ta’ riproduzzjoni kif ukoll tniġġis ta’ dawl u ta’ ħoss.

154    Skont ir-Repubblika Ellenika, il-qafas istituzzjonali u legali li jirregolaw l-attivitajiet fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia jipprekludi l-attivitajiet li jistgħu jaffettwaw lis-siti ta’ riproduzzjoni tal-fkieren tal-baħar Caretta caretta b’mod intenzjonat jew li jagħmel ħsara lil din l-ispeċi.

155    Din issostni li, konformement mal-linji gwida tal-Kummissjoni, id-degradazzjoni ta’ żona tiġi evalwata abbażi tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ kull waħda mill-ispeċi u tal-habitats, li tiġi evalwata skont il-kundizzjonijiet inizjali, fil-mument meta tkun ġiet proposta l-klassifikazzjoni taż-żona kkonċernata bħala żona protetta.

156    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-effetti eventwali fuq l-integrità taż-żona, f’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet ekoloġiċi tagħha, għandha ssir fil-livell taż-żona protetta sħiħa u mhux fuq skala iktar ridotta billi jiġu iżolati partijiet żgħar mill-bajja bil-għan li jkun jista’ jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

157    F’dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ preklużjoni ta’ tfixkil tal-ispeċi protetti, li tinsab fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 92/43, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, kif ikkonstatati fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, kollha jikkostitwixxu tfixkil ipprojbit tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

158    Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 143 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-kostruzzjoni ta’ bini f’Agiannaki matul l-2006. Fil-fatt, diversament mill-preklużjoni ġenerali ta’ deterjorazzjoni u ta’ tfixkil stabbilita fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, il-protezzjoni tal-ispeċi stabbilita fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva ma hijiex suġġetta, konformement mal-Artikolu 4(5) tagħha, għar-reġistrazzjoni tad-djuni ta’ Kyparissia fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 23(1) tad-direttiva msemmija, din il-protezzjoni ilha tapplika mill-1994.

159    Peress li l-awturi ta’ dan it-tfixkil, għall-inqas, aċċettaw il-possibbiltà li l-fkieren tal-baħar Caretta caretta jiġu mfixkla matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni, il-kundizzjoni relattiva għan-natura intenzjonali li tinsab fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 92/43 hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-221/04, EU:C:2006:329, punt 71).

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax, fit-terminu stabbilit, il-miżuri konkreti kollha neċessarji biex tevita t-tfixkil tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-ispeċi, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 92/43.

161    Ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ wkoll sa fejn din tilmenta li dan l-Istat Membru ma adottax il-miżuri neċessarji għall-finijiet li jiżgura l-osservanza tal-preklużjoni ta’ deterjorament jew tal-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva 92/43.

162    Fil-fatt, diversi ċirkustanzi ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, kif ikkonstatati fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxu, minnhom infushom, attivitajiet li neċessarjament jiddeterjoraw lis-siti ta’ riproduzzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta.

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Repubblika Ellenika,

–        billi ma adottatx qafas leġiżlattiv u regolamentari komplet, koerenti u strett intiż għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia;

–        billi ma adottatx, fit-terminu stabbilit, il-miżuri konkreti kollha meħtieġa biex tevita t-tfixkil intenzjonali tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni ta’ din l-ispeċi, u

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tiżgura l-osservanza tal-preklużjoni ta’ deterjorament jew ta’ qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni tal-ispeċi msemmija,

naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

 Fuq l-ispejjeż

164    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

165    Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika tilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, għandu jiġi deċiż li dawn tal-aħħar għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika Ellenika,

–        billi ttollerat il-kostruzzjoni ta’ djar f’Agiannaki (il-Greċja) matul l-2010, l-użu ta’ djar oħra tal-2006 f’Agiannaki u l-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fir-rigward ta’ madwar ħamsin residenza li jinsabu bejn Agiannaki u Elaia (il-Greċja), kif ukoll billi awtorizzat il-kostruzzjoni ta’ tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki (il-Greċja) matul l-2012;

–        billi ttollerat l-iżvilupp tal-infrastrutturi ta’ aċċess għall-bajja li tinsab fiż-żona ta’ Kyparissia (il-Greċja), jiġifieri l-ftuħ ta’ ħames mogħdijiet ġodda lejn il-bajja ta’ Agiannaki kif ukoll il-kisi ta’ ċerti aċċessi u mogħdijiet eżistenti;

–        billi ma adottatx miżuri suffiċjenti bil-għan li tiżgura l-osservanza tal-projbizzjoni tal-kampeġġ fis-selvaġġ viċin il-bajja ta’ Kalo Nero (il-Greċja) u Elaia;

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita l-operat tal-barijiet li jinsabu bejn Elaia u Kalo Nero, fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta, u billi ma żguratx li l-inkonvenjenti kkawżati minn dawn il-barijiet ma jfixklux lil dawn l-ispeċi;

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tnaqqas, fi ħdan iż-żona tad-djuni ta’ Kyparissia, il-preżenza ta’ apparat u ta’ diversi installazzjonijiet fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta, kif ukoll billi ħarġet permess għall-bini ta’ pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare;

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita t-tniġġis mid-dawl li jolqot lill-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta, u

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita b’mod suffiċjenti l-attivitajiet tas-sajd matul il-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal‑fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006.

2)      Billi ħarġet permessi għal djar mibnija matul l-2010 f’Agiannaki, għal tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki matul l-2012, u għall-kostruzzjoni ta’ pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

3)      Ir-Repubblika Ellenika,

–        billi ma adottatx qafas leġiżlattiv u regolamentari komplet, koerenti u strett intiż għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia;

–        billi ma adottatx, fit-terminu stabbilit, il-miżuri konkreti kollha meħtieġa biex tevita t-tfixkil intenzjonali tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni ta’ din l-ispeċi, u

–        billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tiżgura l-osservanza tal-preklużjoni ta’ deterjorament jew ta’ qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni tal-ispeċi msemmija,

naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il‑Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Ellenika għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.