Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ April 2014 mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini mis-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Frar 2014 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-29/13, Drakeford vs EMA

(Kawża T-231/14 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (rappreżentanti: T. Jabłoński u N. Rampal Olmedo, aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati)

Appellat: David Drakeford (Dublin, l-Irlanda)

Talbiet

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-29/13 sa fejn hija tannulla d-deċiżjoni tal-EMA li ma ġġeddidx il-kuntratt tal-appellat;

tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza mill-appellanti, jiġifieri tiċħad ir-rikors bħala infondat kollu kemm hu;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż ta’ din l-istanza u għal dawk tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rigward l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea sa fejn huwa qies li t-termini “Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit” kellhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għal kull proċess li permezz tiegħu membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, jitwassal, fl-iskadenza tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien determinat, sabiex ikompli, f’din il-kwalità, ir-relazzjoni tiegħu ta’ xogħol mal-persuna li timpjegah, anki jekk dan it-tiġdid ikun akkumpanjat bi progressjoni fil-grad jew b’bidla fil-funzjonijiet eżerċitati.It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rigward it-test tal-eċċezzjoni fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sa fejn uża l-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu.