Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Marzu 2009 - Strategi Group vs UASI - Reed Business Information (STRATEGI)

(Kawża T-92/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Strategi Group Ltd (Manchester, ir-Renju Unit) (rappreżentant: N. Sauders, Barrister)

Konvenuta: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Reed Business Information (Issy-Les-Moulineaux, Franza)

Talbiet tar-rikorrenti

tanulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-18 ta' Diċembru 2008 fil-Każ R 1581/2007-2 u tibgħat mill-ġdid l-applikazzjoni quddiem l-UASI biex jagħti deċiżjoni; u

tikkundanna lill-UASI (u kull intervenjent) għall-ispejjeż ta' din il-kawża u tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark "STRATEGI" għal servizzi fil-klassi 35,

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: reġistrazzjoni Franċiża tat-trade mark Nru 1 240 001 tat-trade mark "Stratégies" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 28, 35, 41 u 42

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni annullata

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kunsill 40/94 billi l-Bord tal-Appell żbalja, b'mod partikolari meta ddeċieda li fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ l-użu ta' trade mark bħala l-isem ta' rivista jista' jikkostitwixxi użu ta' dik it-trade mark għas-servizzi offruti f'din il-pubblikazzjoni, u billi naqas milli jipprovdi b'mod ċar ir-rekwiżiti neċessarji ta' evidenza sabiex jiġi pprovat l-użu ġenwin f'dan il-każ u/jew billi naqas milli jikkunsidra kif xieraq l-evidenza mressqa abbażi tal-prinċipji t-tajbin; Barra minn hekk, jew sussidjarjament, ksur tar-Regola 22 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/951 billi l-Bord tal-Appell naqas milli japplika d-dispożizzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni legali għaċ-ċirkustanzi tal-każ, għaliex naqas milli jipprovdi gwida rigward l-evidenza meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-prova ta' użu u/jew żbalja meta ddeċieda li l-evidenza mressqa mill-oppożizzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark għas-servizzi użati.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU 1995 L 303, p.1)