Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża F-55/10, AS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-476/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall u B. Eggers, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: AS (Brussell, il-Belġju)

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta' Ġunju 20011 fil-Kawża F-55/10, [AS] vs Il-Kummissjoni;

tiddeċiedi skont il-liġi fuq l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba' aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta' dritt billi ġie rikonoxxut interess għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura. Il-Kummissjoni ssostni:

l-ewwel parti: ksur tad-dritt tal-Unjoni permezz ta' nuqqas ta' ossevanza tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Diċembru 2010, mogħtija fil-Kawża T-526/08 P, Il-Kummissjoni vs Strack, sa fejn it-TFP irrikonoxxa lill-persuna kkonċernata interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni kkonstestat minkejja l-fatt li hija ma talbitx l-annullament tad-deċiżjoni ta' ħatra, peress li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma differenti minn xulxin;

it-tieni parti: zball ta' klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti billi ġie rikonoxxut interess ġuridiku b'mod astratt mingħajr ma ġew eżaminati b'mod konkret l-indizji kollha;

it-tielet parti: rifjut żbaljat li tittieħed inkunsiderazzjoni ċerta informazzjoni minn fajl mediku li turi li r-rikorrenti ma kellhix interess ġuridiku f'dan il-każ.

It-tieni aggravju bbażat, minn naħa, fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni waqt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' regola ta' konkordanza bejn il-kontestazzjoni u r-rikors billi jsir riferiment għas-sentenza tat-TFP tal-1 ta' Lulju 2010, mogħtija fil-Kawża F-45/07, Mandt vs Il-Parlament, u billi tqis li l-motiv il-ġdid ibbażat fuq il-ksur tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea kien ammissibbli minkejja l-fatt li ma tqajjimx waqt il-kontestazzjoni u li kien "sostanzjalment differenti" mill-motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-avviż ta' pożizzjoni vakanti mressaq fil-kontestazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-Artikolu 91(2) tal-imsemmija regolamenti billi tqis li l-"kawża tal-tilwim" kienet iddefinita korrettament mill-"kontestazzjoni tar-rikorrenti tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu", li tinvalida l-proċedura prekontezjuża kompletament u ma sservix iktar għall-għan ta' din tal-aħħar, li huwa li jiffavorixxi ftehim bonarju bejn il-persuna kkonċernata u l-Awtorità tal-Ħatra tagħha.

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u żball ta' motivazzjoni sa fejn it-TFP interpreta l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija regolamenti bħala li jagħti dritt assolut lil kull uffiċjal li jkollu aċċess għall-pożizzjonijiet kollha tal-grad tiegħu. It-TFP naqas milli josserva għaldaqstant il-portata tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 10 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti milll-Kummissjoni fir-rigward tal-interess tas-servizz.

Ir-raba'aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni billi ġiet allokata s-somma ta' EUR 3 000 għal kumpens ta' dannu morali filwaqt li l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal mhux biss huwa inammissibbli, iżda wkoll infondat.

____________