Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2021 minn Amazon.com, Inc., Amazon Services LLC, Amazon EU Sàrl, Amazon Europe Core Sàrl mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-14 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża T-19/21, Amazon.com et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-815/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Amazon.com, Inc., Amazon Services LLC, Amazon EU Sàrl, Amazon Europe Core Sàrl (rappreżentanti: A. Komninos, dikigoros, G. Tantulli, abogado)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fl-intier tagħha;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex hija teżamina r-rikors fuq il-mertu.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li d-digriet appellat kiser l-Artikolu 263 TFUE billi kkonkluda li l-miżura kkontestata fir-rikors ma pproduċietx effetti legali. Dan il-ksur jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat 1 , li jagħti lill-impriżi protezzjoni ġuridika kontra proċeduri antitrust paralleli bħal bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Id-digriet appellat naqas milli jirrikonoxxi li l-miżura kkontestata ċaħdet lil Amazon minn din il-protezzjoni.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.