Language of document : ECLI:EU:C:2018:942

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Novembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Servizz bi ħlas – Distinzjoni bejn kumpens għad-danni mhux taxxabbli u provvista ta’ servizzi taxxabbli mogħtija wara l-pagament ta’ ‘kumpens’”

Fil-Kawża C-295/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia SA, minn V. Codeço, M. Machado de Almeida u R. M. Fernandes Ferreira, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u R. Campos Laires, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn M. Browne u J. Quaney, kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn N. J. Travers, SC, u minn A. Keirse, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c), tal-Artikolu 64(1), tal-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 66 u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia SA (iktar ’il quddiem “MEO”) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana, il-Portugall) fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll tal-interessi kumpensatorji relatati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 64(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fejn din twassal għal dikjarazzjonijiet suċċessivi ta’ kont jew ħlasijiet suċċessivi, il-provvista ta’ merkanzija […] jew il-provvista ta’ servizzi għandhom jitqiesu bħala kompluti ma’ l-iskadenza tal-perijodi li għalihom jirrelataw dawn id–dikjarazzjonijiet ta’ kont jew ħlasijiet.”

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 66 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“[B]ħala deroga mill–Artikoli 63, 64 u 65, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-VAT għandha tiġi imposta, fir-rigward ta’ ċerti transazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli f’wieħed miż-żminijiet li ġejjin:

a)      mhux iktar tard miż-żmien tal-ħruġ tal-fattura;

[…]”

6        L-Artikolu 73 tal-istess direttiva huwa mfassal kif ġej:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”

7        L-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1.”

 Id-dritt Portugiż

8        Skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa dwar il-Valur Miżjud):

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

a)      it-trasferiment ta’ oġġetti jew il-provvisti ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali, magħmula bi ħlas, minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

9        L-Artikolu 16(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa dwar il-Valur Miżjud, huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 10, il-valur taxxabbli tat-trasferiment ta’ oġġetti u tal-provvisti ta’ servizzi taxxabbli għandu jikkorrispondi għall-valur tal-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb min-naħa tax-xerrej, tad-destinatarju jew ta’ terz.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      MEO, kumpannija stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), għandha bħala attività prinċipali l-provvista, fit-territorju Portugiż, ta’ servizzi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet. B’hekk din tiżvolġi attività ekonomika fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-VAT u, għalhekk, hija suġġetta għall-VAT.

11      Fil-kuntest tal-attività tagħha, MEO tikkonkludi mal-klijenti tagħha kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi fl-oqsma tat-telekomunikazzjonijiet, tal-aċċess għall-internet, tat-televiżjoni u tal-multimedja, li wħud minnhom jipprevedu perijodi minimi ta’ impenn, filwaqt li tagħti lill-klijenti kundizzjonijiet vantaġġużi, b’mod partikolari fil-forma ta’ pagamenti kull xahar ta’ abbonamenti iktar baxxi.

12      Dawn il-kuntratti jistipulaw ukoll li, fil-każ ta’ diżattivazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li huma pprovduti fihom qabel l-iskadenza tal-perijodu minimu ta’ impenn miftiehem, fuq talba tal-klijenti jew għal raġuni imputabbli lilhom, MEO għandha d-dritt għal kumpens li jikkorrispondi għall-ammont tal-pagamenti kull xahar tal-abbonament miftiehem, immultiplikat bid-differenza bejn it-tul minimu ta’ impenn previst fil-kuntratt u l-għadd ta’ xhur li matulhom ikun ġie pprovdut is-servizz.

13      Skont il-qorti tar-rinviju, l-ammont dovut mill-klijent lil MEO f’każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi huwa kkostitwit mill-ammont tat-tariffa ta’ abbonament li tikkorrispondi għall-perijodu sħiħ minimu ta’ impenn, anki jekk il-provvista ta’ servizzi ma tingħatax lill-klijent sat-tmiem ta’ dan il-perijodu.

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-klijent ikun responsabbli għall-ħlas tal-imsemmi ammont meta s-servizzi jiġu diżattivati qabel it-tmiem tal-perijodu minimu ta’ impenn, b’mod partikolari jekk il-konsumatur jikser l-obbligu tiegħu li jħallas it-tariffi ta’ abbonament ta’ kull xahar miftiehma.

15      Matul kontroll li sar f’MEO bejn l-1 ta’ April u l-20 ta’ Novembru 2014, l-awtorità fiskali u doganali kkonstatat li, għas-sena fiskali 2012, MEO ma kinitx ħallset il-VAT fuq l-ammont li kien ġie mitlub lill-klijenti wara terminazzjoni bikrija ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, u, konsegwentement, ħarġet avviżi ta’ ħlas tal-VAT.

16      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara t-terminazzjoni bikrija mill-klijent tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi, MEO tiddiżattiva s-servizzi previsti f’dan il-kuntratt u tindirizza fattura lill-klijent li tinkludi l-ammont tal-kumpens stabbilit kuntrattwalment minn qabel dovut lil MEO kif ukoll il-kliem “mhux suġġett għall-VAT”.

17      Peress li tqis li l-ammont dovut abbażi tat-terminazzjoni bikrija tal-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi jikkostitwixxi kumpens li ma huwiex suġġett għall-VAT, minħabba li ma huwiex intiż bħala remunerazzjoni għal xi provvista ta’ servizzi, MEO ressqet ilment kontra l-imsemmija avviżi ta’ ħlas tal-VAT, li ġie miċħud.

18      Fit-23 ta’ Diċembru 2015, MEO ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tagħha, liema rikors ma ttiħditx deċiżjoni dwaru fiż-żmien stipulat mil-liġi.

19      Fl-20 ta’ Mejju 2016, MEO ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall), rikors intiż biex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-atti ta’ likwidazzjoni tal-VAT.

20      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ammonti dovuti mill-klijenti lil MEO għal nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn kuntrattwali huma, għall-finijiet tal-VAT, il-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi u għalhekk jikkostitwixxu remunerazzjoni.

21      Skont din il-qorti, dawn l-ammonti għandhom in-natura ta’ remunerazzjoni minħabba li jippermettu li tiġi ggarantita lil MEO ż-żamma tal-istess livell ta’ dħul bħal fin-nuqqas ta’ interruzzjoni tal-provvisti. MEO ma ssofri ebda telf ta’ qligħ, peress li dawn l-ammonti jkunu miftiehma kuntrattwalment.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa) (il-Qorti tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv), il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 2(1)(c), 64(1), [l-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 66 u l-Artikolu] 73, kollha tad-[Direttiva tal-VAT], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-VAT hija dovuta minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet (televiżjoni, internet, netwerk mobbli u netwerk fiss) fir-rigward tal-ħlas mitlub lill-klijenti tiegħu, fil-każ li jiġi tterminat kuntratt li jorbot għal perijodu ta’ żmien determinat (perijodu ta’ fedeltà), għal raġuni attribwibbli lill-klijent, qabel ma jiskadi l-imsemmi perijodu ta’ żmien, ta’ ammont stabbilit bil-quddiem, ekwivalenti għall-valur tal-ħlas bażiku ta’ kull xahar dovut mill-klijent skont il-kuntratt, immultiplikat bin-numru ta’ ħlasijiet ta’ kull xahar li jkun għad fadal sa tmiem il-perijodu ta’ fedeltà, fejn meta l-imsemmi ammont jiġi ffatturat u indipendentement mill-ħlas effettiv tiegħu, l-operatur diġà jkun waqqaf il-provvista ta’ servizzi, meta:

a)      il-valur iffatturat ikollu bħala għanijiet kuntrattwali li jiddiswadi lill-klijent milli ma josservax il-perijodu ta’ fedeltà fejn impenja ruħu li jħallas id-danni mġarrba mill-operatur minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu ta’ fedeltà, b’mod speċifiku permezz tat-telf fid-dħul li kien jagħmel li kieku l-kuntratt kellu jiġi osservat sa tmiem l-imsemmi perijodu, kif ukoll minħabba l-ftehim għal rati iktar baxxi, il-provvista ta’ tagħmir u offerti oħra, b’xejn jew bi prezz imnaqqas, kif ukoll minħabba l-ispejjeż ta’ reklamar u l-kisba ta’ klijenti;

b)      il-kuntratti b’perijodu ta’ fedeltà li ġew miftiehma jkollhom remunerazzjoni, għall-partijiet li nnegozjawhom, ogħla minn dik għal kuntratt mingħajr perijodu ta’ fedeltà miftiehma minnhom, fiż-żewġ każijiet (jiġifieri, fil-kuntratti bi u mingħajr perijodu ta’ fedeltà) kienet tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-valur tal-ħlasijiet ta’ kull xahar stabbilit fil-kuntratti miftiehma;

c)      il-valur iffaturat jista’ jiġi kkwalifikat, taħt id-dritt nazzjonali, bħala klawżola kriminali?

2)      In-nuqqas ta’ verifika ta’ ebda waħda, jew ta’ wħud, mill-punti tal-ewwel domanda, jista’ jbiddel ir-risposta tal-istess domanda?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

23      Wara l-preżentata tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, MEO, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2018, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Insostenn tat-talba tagħha, MEO sostniet, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari l-punti 41, 44, 46 u 47 tagħhom, kienu bbażati fuq fatti żbaljati, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ammont iffatturat minn MEO mingħand il-klijenti tagħha fil-każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li dan jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 24, kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Permezz tal-argumenti tagħha dwar l-elementi li jikkaratterizzaw l-ammont fatturat fil-każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi mill-klijent, MEO tfittex li tirrispondi l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali billi tpoġġi indiskussjoni d-deskrizzjoni tal-imsemmi ammont, kif tirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta.

28      Ċertament, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29      Madankollu, il-kalkolu tal-ammont mitlub minn MEO għal terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ġie deskritt mill-qorti tar-rinviju, hekk kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, ħaġa li barra minn hekk MEO ma kinitx ikkontestat la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u lanqas matul is-seduta. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjoni tal-fatti hija kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju. Dwar il-klassifikazzjoni ta’ dan l-ammont magħżula minn MEO, din ma torbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-risposta tagħha għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

30      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u tqis li, sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, l-argumenti kollha, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ammont, ġew diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

32      Ir-Repubblika Portugiża tinvoka l-inammissibbiltà tat-talba għal-deċiżjoni preliminari billi tinvoka n-natura inċerta u spekulattiva tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li ma stabbilixxietx iċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għall-kawża prinċipali u ma stabbilixxietx il-kuntest legali rilevanti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, iċ-ċaħda ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija biss possibbli jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) u tal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-ammonti rċevuti magħmula minn MEO wara x-xoljiment mill-klijenti tagħha tal-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi qabel tmiem il-perijodu minimu ta’ impenn miftiehma. Għandu jiġi osservat ukoll li l-qorti tar-rinviju, b’mod suffiċjenti u preċiż, esponiet iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li wasslu għall-kawża prinċipali kif ukoll il-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali li minnu jirriżulta li d-domandi magħmula ma humiex ipotetiċi.

36      Minn dan isegwi, minn naħa, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija, f’dan il-każ, mitluba tippreżenta rabta ċerta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li d-domandi magħmula ma għandhomx natura ipotetika.

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ammont predeterminat rċevut minn operatur ekonomiku f’każ ta’ terminazzjoni bikrija mill-klijent tagħha, jew għal raġuni imputabbli lil dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jipprovdi perijodu minimu ta’ impenn, liema ammont jikkorrispondi għall-ammont li dak l-operatur kien jirċievi matul il-bqija tal-perijodu msemmi, għandux jitqies bħala remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, u bħala tali suġġett għal din it-taxxa.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li provvista ta’ servizzi titwettaq “bi ħlas”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk ikun hemm bejn il-fornitur u l-benefiċjarju relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, fejn il-kumpens rċevut mill-fornitur ta’ din il-provvista jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv għal servizz identifikabbli pprovdut lill-benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains, C‑277/05, EU:C:2007:440, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-23 ta’ Diċembru 2015, Air France-KLM u Hop!Brit-Air, C‑250/14 u C‑289/14, EU:C:2015:841, punt 22). Dan ikun il-każ jekk tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv rċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Air France-KLM u Hop!Brit-Air, C‑250/14 u C‑289/14, EU:C:2015:841, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dak li jikkonċerna r-rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju u l-korrispettiv effettiv rċevut, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-bejgħ ta’ biljetti tal-ajru li l-passiġġieri ma jkunux użaw u li dawn tal-aħħar ma jkunux setgħu jiksbu l-ħlas lura tagħhom, li l-korrispettiv tal-prezz imħallas fil-mument tal-iffirmar ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ servizz jikkonsisti mid-dritt li jieħu minnu l-klijent li jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, irrispettivament minn jekk il-klijent jimplimentax dan id-dritt. Għalhekk, il-fornitur ta’ servizzi għandu jwettaq din il-provvista peress li l-klijent jista’ jibbenefika minnha, b’mod li l-eżistenza ta’ rabta diretta msemmija iktar ’il fuq ma tiġix affettwata mill-fatt li l-klijenti ma jużax dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Air France-KLM u Hop!Brit-Air, C‑250/14 u C‑289/14, EU:C:2015:841, punt 28).

41      Qabel kollox, fir-rigward tal-kundizzjoni bbażata fuq ir-rabta diretta bejn il-korrispettiv irċevut u s-servizz ipprovdut, għandu jiġi stabbilit jekk l-ammont dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn, skont it-termini tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkorrispondix għar-remunerazzjoni ta’ servizz, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza.

42      Issa, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont il-metodu ta’ kalkolu deskritt mill-qorti tar-rinviju u msemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, l-ammont dovut, skont dawn il-kuntratti, għal nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn jikkonsisti mill-ammont tal-ħlasijiet tal-abbonament immultiplikat bid-differenza bejn it-tul minimu ta’ impenn u l-għadd ta’ xhur li matulhom ġie pprovdut is-servizz. Għalhekk, il-ħlas tal-ammont dovut għal nuqqas ta’ rispett tal-perijodu minimu ta’ impenn jippermetti lil MEO tikseb, bħala prinċipju, l-istess dħul bħallikieku l-klijent ma kienx temm il-kuntratt qabel iż-żmien.

43      Fir-rigward tal-valur tat-termini kuntrattwali fil-kuntest tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni taxxabbli, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika u kummerċjali jikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Issa, sa fejn MEO għandha d-dritt għall-ħlas tal-istess ammont, abbażi tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn, bħal dak li din kienet tirċievi bħala remunerazzjoni għall-provvista tas-servizzi li hija impenjat ruħha li tipprovdi f’każ li l-klijent ma tterminax il-kuntratt tiegħu, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ikun il-każ, it-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt mill-klijent, jew għal raġuni li huwa responsabbli għaliha, ma jbiddilx ir-realtà ekonomika tar-relazzjoni bejn MEO u l-klijent tagħha.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-korrispettiv tal-ammont imħallas mill-klijent lil MEO jikkonsisti fid-dritt tal-klijent li jibbenefika mill-eżekuzzjoni, minn dan l-operatur, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, anki jekk il-klijent ma jixtieqx jew ma jistax jimplimenta dan id-dritt għal raġuni imputabbli lilu. Fil-fatt, f’dan il-każ, MEO tpoġġi lill-klijent f’pożizzjoni li jibbenefika minn dik il-provvista fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza u t-terminazzjoni tal-provvista msemmija ma hijiex imputabbli lilha.

46      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, għalkemm l-ammont imsemmi kien ikkwalifikat bħala kumpens intiż biex jagħmel tajjeb għad-dannu subit minn MEO, in-natura tal-korrispettiv imħallas mill-klijent tinbidel skont jekk il-klijent jiddeċidix li juża jew le s-servizz inkwistjoni matul il-perijodu previst fil-kuntratt.

47      Għalhekk, il-klijent li jkun ibbenefika mill-provvista ta’ servizzi għall-perijodu minimu sħiħ ta’ impenn stipulat fil-kuntratt u dak li jtemm il-kuntratt qabel tmiem dan il-perijodu jiġu trattati b’mod differenti fir-rigward tal-VAT.

48      Konsegwentement, għandu jitqies li l-ammont dovut għal nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn huwa r-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti minn MEO, kemm jekk il-klijent jimplimenta jew le d-dritt li jibbenefika mis-servizzi msemmija sa tmiem il-perijodu minimu ta’ impenn.

49      Fir-rigward tar-rekwiżit li s-somom imħallsa jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli, għandu jiġi enfasizzat li s-servizz li għandu jiġi pprovdut kif ukoll l-ammont iffatturat lill-klijent f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt matul il-perijodu minimu ta’ impenn ikunu diġà ġew iddeterminati waqt il-konklużjoni tal-kuntratt.

50      Għalhekk, l-ammont dovut għal nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn għandu jitqies bħala parti integrali mill-prezz totali mħallas għall-provvista ta’ servizzi, maqsum fi ħlasijiet fix-xahar, li jsiru dovuti immedjatament f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ ħlas.

51      Fir-rigward ta’ din l-aħħar ċirkustanza, fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali, it-taxxa relatata mal-imsemmi ammont tkun dovuta mill-mument meta tinħareġ il-fattura, ipoteżi prevista fl-ewwel paragrafu (a) tal-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-VAT, b’deroga, b’mod partikolari, fl-Artikolu 64(1) ta’ din id-direttiva, mid-dispożizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju tirreferi għalihom b’mod espliċitu fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, b’mod partikolari għall-fatt li t-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt ma tibdilx ir-realtà ekonomika tar-relazzjoni bejn MEO u l-klijent tagħha, għandu jitqies li la l-ħlas antiċipat tal-VAT f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, u lanqas id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma għandhom impatt fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva tal-VAT li għandha tiġi adottata f’dan il-każ.

52      Konsegwentement, l-ammont dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu tal-impenn jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi individwabbli.

53      Mill-kliem tal-ewwel domanda, li tirreferi wkoll għall-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-eventwali effett fuq il-ħlas tal-VAT tan-nuqqas ta’ rkupru effettiv tal-ammont dovut f’każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-kuntratt.

54      Skont dan l-artikolu, il-bażi taxxabbli tinkludi dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur ta’ servizzi mingħand il-klijent tiegħu.

55      Barra minn hekk, peress li l-VAT għandha l-għan li tintaxxa biss lill-konsumatur finali, il-bażi taxxabbli tal-VAT li għandha tinġabar mill-awtoritajiet tat-taxxa ma tistax teċċedi l-korrispettiv effettivament imħallas mill-konsumatur finali u li fuqha ġie kkalkolat il-VAT li jaqa’ b’mod definittiv fuq il-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs, C‑317/94, EU:C:1996:400, punt 19).

56      Għalhekk, għandu jingħad ukoll, għall-kompletezza u hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, jekk ikun hemm bżonn, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali, iwettqu l-aġġustament tal-VAT dovuta, kif previst fl-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT, sabiex il-VAT tiġi mnaqqsa mill-ammont effettivament rċevut mill-fornitur ta’ servizzi mingħand il-klijent tiegħu.

57      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont predeterminat rċevut minn operatur ekonomiku f’każ ta’ terminazzjoni bikrija mill-klijent tiegħu, jew għal raġuni imputabbli lil dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jistabbilixxi perijodu minimu ta’ impenn, liema ammont jikkorrispondi għall-ammont li dak l-operatur kien jirċievi matul il-bqija tal-perijodu msemmi fin-nuqqas ta’ tali terminazzjoni, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, għandu jitqies bħala remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u suġġetta bħala tali għal din it-taxxa.

 Fuq it-tieni domanda

58      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi (a), (b) u (ċ) tal-ewwel domanda, jiġifieri, rispettivament, il-fatt li l-għan tas-somma f’daqqa huwa intiż li jiskoraġġixxi lill-klijenti milli ma josservawx il-perijodu minimu ta’ impenn u biex jikkumpensa d-dannu li jsofri l-operatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-perijodu, il-fatt li r-remunerazzjoni rċevuta minn aġent kummerċjali għall-konklużjoni ta’ kuntratti li jistabbilixxu perijodu minimu ta’ impenn tkun ogħla minn dik prevista fil-kuntest tal-kuntratti li ma jistabbilixxux tali perijodu jew il-fatt li l-ammont fatturat jiġi kkwalifikat, taħt id-dritt nazzjonali, bħala klawżola kriminali, humiex determinanti għall-kwalifika tal-ammont predeterminat fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li l-klijent ikollu jħallas f’każ ta’ terminazzjoni bikrija ta’ dan il-kuntratt.

59      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għan tas-somma f’daqqa, li huwa intiż biex jiskoraġġixxi lill-klijenti milli ma jikkonformawx mal-perijodu minimu għall-impenji u bħala kumpens għad-danni mġarrba mill-operatur f’każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-kuntratt, jaffettwax il-klassifikazzjoni ta’ dan l-ammont bħala remunerazzjoni ta’ provvista ta’ servizzi.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi interpretat indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punt 41).

61      Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie deċiż fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, huwa essenzjali li tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C‑653/11, EU:C:2013:409, punti 42, 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest ta’ approċċ ekonomiku, l-ammont dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn jiżgura lil MEO dħul fiss fil-forma ta’ remunerazzjoni kuntrattwali minima.

62      Konsegwentement, l-għan ta’ dan l-ammont li jikkonsisti f’li jiskoraġġixxi lill-klijenti milli ma jikkonformawx mal-perijodu minimu ta’ impenn ma huwiex determinanti għall-kwalifika tal-imsemmi ammont, inkwantu, skont ir-realtà ekonomika, l-istess ammont għandu l-għan li jiżgura lil MEO, fil-prinċipju, l-istess dħul bħal dak li hija kienet tikseb kieku l-kuntratt ma kienx ġie mitmum qabel it-tmiem tal-perijodu minimu ta’ impenn għal raġuni attribwibbli lill-klijent.

63      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li r-remunerazzjoni li jirċievi aġent kummerċjali għall-konklużjoni ta’ kuntratti li jistabbilixxu perijodu minimu ta’ impenn hija ogħla minn dik prevista għall-kuntratti li ma jistabbilixxux tali perijodu, għandu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-ammont dovut għal nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn.

64      Għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk l-ammont imsemmi jirrappreżentax korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-punti 39 sa 51 ta’ din is-sentenza, l-elementi tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, li minnhom jirriżulta li dan l-ammont ġie kkalkolat abbażi tal-ammont tat-tariffa ta’ abbonament bażiku kemm għall-perijodu qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi kif ukoll għall-perijodu li jestendi mit-terminazzjoni tal-kuntratt sa tmiem il-perijodu minimu ta’ impenn.

65      B’hekk, peress li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda bl-ebda mod ma tiddependi mill-fatt li r-remunerazzjoni li jirċievi aġent kummerċjali tista’ tvarja skont it-tip ta’ kuntratt konkluż mal-klijent, biżżejjed li jiġi kkonstatat li paragun bejn il-kuntratti li jipprevedu perijodu minimu ta’ impenn u dawk li ma jipprevedux dan huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-ammont dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn jikkostitwixxix remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

66      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-ammont iffatturat għal nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ impenn huwa kkwalifikat, fid-dritt nazzjonali, bħala klawżola kriminali jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan l-ammont bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi.

67      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tkun tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2017, Kozuba Premium Selection, C‑308/16, EU:C:2017:869, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT huwa irrilevanti jekk dan l-ammont jikkostitwixxix, fid-dritt nazzjonali, dritt għal kumpens minħabba tort jew penali kuntrattwali jew inkella jekk jiġix ikkwalifikat bħala kumpens, kumpens għal dannu jew remunerazzjoni.

69      L-evalwazzjoni jekk il-ħlas ta’ remunerazzjoni jseħħx bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi hija kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi deċiża indipendentement mill-evalwazzjoni fid-dritt nazzjonali.

70      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li ma humiex determinanti għall-kwalifika tal-ammont predeterminat fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li l-klijent ikollu jħallas f’każ ta’ terminazzjoni bikrija ta’ dan il-kuntratt, il-fatt li l-għan ta’ dan l-ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa intiż biex jiskoraġġixxi lill-klijenti milli ma josservawx il-perijodu minimu ta’ impenn u biex jikkumpensa d-dannu li jsofri l-operatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-perijodu, il-fatt li r-remunerazzjoni rċevuta minn aġent kummerċjali għall-konklużjoni ta’ kuntratti li jistabbilixxu perijodu minimu ta’ impenn tkun ogħla minn dik stabbilita fil-kuntest tal-kuntratti li ma jistabbilixxux tali perijodu u l-fatt li l-ammont imsemmi jiġi kkwalifikat, taħt id-dritt nazzjonali, bħala klawżola kriminali.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont predeterminat rċevut minn operatur ekonomiku f’każ ta’ terminazzjoni bikrija mill-klijent tiegħu, jew għal raġuni imputabbli lil dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jistabbilixxi perijodu minimu ta’ impenn, liema ammont jikkorrispondi għall-ammont li dak l-operatur kien jirċievi matul il-bqija tal-perijodu msemmi fin-nuqqas ta’ tali terminazzjoni, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, għandu jitqies bħala remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas u suġġetta bħala tali għal din it-taxxa.

2)      Ma humiex determinanti għall-kwalifika tal-ammont predeterminat fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li l-klijent ikollu jħallas f’każ ta’ terminazzjoni bikrija ta’ dan il-kuntratt, il-fatt li l-għan ta’ dan l-ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa intiż biex jiskoraġġixxi lill-klijenti milli ma josservawx il-perijodu minimu ta’ impenn u biex jikkumpensa d-dannu li jsofri l-operatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-perijodu, il-fatt li r-remunerazzjoni rċevuta minn aġent kummerċjali għall-konklużjoni ta’ kuntratti li jistabbilixxu perijodu minimu ta’ impenn tkun ogħla minn dik stabbilita fil-kuntest tal-kuntratti li ma jistabbilixxux tali perijodu u l-fatt li l-ammont imsemmi jiġi kkwalifikat, taħt id-dritt nazzjonali, bħala klawżola kriminali.


Firem.


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.