Language of document : ECLI:EU:C:2017:122

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Frar 2017 (*)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 51(2) – Trade mark verbali LAMBRETTA – Użu ġenwin tat-trade mark – Talba għal revoka – Dikjarazzjoni parzjali ta’ revoka – Komunikazzjoni Nru 2/12 tal-President tal-EUIPO – Limitazzjoni ratione temporis ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑577/14 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2014,

Brandconcern BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, rechtsanwälte, kif ukoll minn G. Casucci, N. Ferretti u C. Galli, avvocati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Scooters India Ltd, stabbilita f’Lucknow (l-Indja), irrappreżentata minn C. Wolfe, solicitor, kif ukoll minn B. Brandreth u A. Edwards-Stuart, barristers,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, Brandconcern BV titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Settembru 2014, Scooters India vs UASI – Brandconcern (LAMBRETTA) (T‑51/12, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:844), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-1 ta’ Diċembru 2011 (Każ R‑2312/2010-1), rigward proċedimenti ta’ revoka bejn Brandconcern u Scooters India Ltd (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009, ikkodifika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), u ħassru.

3        L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009, li jikkorrispondi għall-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet għal revoka”, jipprevedi:

“1.      Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)      jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark [fl-Unjoni Ewropea] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; madanakollu, l-ebda persuna ma tista’ titlob li d-drittijiet tal-proprjetarju fit-trade mark Komunitarja jiġu revokati jekk, waqt l-intervall bejn l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin u l-preżentata tal-applikazzjoni jew tal-kontrotalba, użu ġenwin tat-trade mark ikun beda jew issokta; il-bidu jew l-issoktar ta’ użu waqt perjodu ta’ tliet xhur qabel il-preżentata tal-applikazzjoni jew tal-kontrotalba li jkun beda l-iktar kmieni mal-iskadenza tal-perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ nuqqas ta’ użu għandu, madanakollu, ma jiġix meqjus jekk il-preparamenti għall-bidu jew għall-issoktar iseħħu biss wara li l-proprjetarju jsir jaf li l-applikazzjoni jew il-kontrotalba jistgħu jiġu preżentati;

[…]

2.      Meta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss.”

4        B’żewġ komunikazzjonijiet, ippubblikati waħda fl-2003 u l-oħra fl-2012, il-President tal-EUIPO pprovda indikazzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-intestaturi tal-klassijiet ta’ prodotti previsti mill-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim ta’ Nice”).

5        Il-punt IV, l-ewwel paragrafu, tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-EUIPO, tas-16 ta’ Ġunju 2003, dwar l-użu tal-intestaturi tal-klassijiet fil-listi ta’ oġġetti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji (iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni Nru 4/03”), kien jipprevedi:

“L-34 klassi ta’ prodotti u l-11-il klassi ta’ servizzi jinkludu l-prodotti u s-servizzi kollha, u konsegwentement dak l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi għal klassi partikolari tikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari.”

6        Fl-20 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-EUIPO adotta l-Komunikazzjoni Nru 2/12, li tħassar il-Komunikazzjoni Nru 4/03 u li tirrigwarda l-użu tal-intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji (iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni Nru 2/12”). Il-punt V ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi:

“Fir-rigward tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] rreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Komunikazjoni li użaw l-indikazzjonijiet ġenerali kollha elenkati fl-intestatura tal-klassi ta’ klassi partikolari, l-[EUIPO] jikkunsidra li r-rieda tal-applikant, kif indikat fil-Komunikazzjoni Nru 4/03 preċedenti, kienet li l-prodotti u s-servizzi kollha inklużi fil-lista alfabetika ta’ dik il-klassi jiġu inklużi fl-edizzjoni fis-seħħ fiż-żmien meta saret il-preżentazzjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

7        Scooters India hija l-proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LAMBRETTA, mitluba fis-7 ta’ Frar 2000 u rreġistrata mill-EUIPO fis-6 ta’ Awwissu 2002. Il-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark jaqgħu, fost l-oħrajn, taħt il-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice, li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”.

8        Fid-19 ta’ Novembru 2007, Brandconcern ippreżentat applikazzjoni għal revoka parzjali tat-trade mark LAMBRETTA, abbażi tal-Artikolu 50(1)(a) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, li sar l-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-prodotti li jaqgħu fost l-oħrajn taħt din il-klassi 12. Hija invokat, f’dan ir-rigward, l-assenza ta’ użu ġenwin tal-imsemmija trade mark matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin.

9        Fl-24 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat ir-revoka parzjali tat-trade mark LAMBRETTA, b’effett mid-19 ta’ Novembru 2007, għall-prodotti li jaqgħu fost l-oħrajn taħt l-imsemmija klassi 12. Fit-23 ta’ Novembru 2010, Scooters India ppreżentat appell quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

10      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad b’mod partikolari l-appell fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice. F’din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell, f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ din il-klassi, illimita l-eżami tiegħu tal-użu ġenwin tat-trade mark LAMBRETTA biss għall-“vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, fis-sens letterali tat-terminu. Wara li kkonstata li l-provi prodotti minn Scooters India insostenn ta’ dan l-użu ġenwin kienu limitati għal elementi marbuta mal-bejgħ ta’ spare parts għal scooters u ma kienu jinkludu l-ebda element rigward il-bejgħ ta’ “vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li “ma jistax jiġi dedott mill-bejgħ ta’ spare parts li [Scooters India] ffabbrikat u biegħet ukoll kwalunkwe vettura”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11      B’att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Frar 2012, Scooters India ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, u invokat motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet.

12      Fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-motiv uniku, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 35 sa 38 tas-sentenza appellata, iddikjarat li l-indikazzjoni “vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, li tinsab fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kellha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża sabiex tipproteġi t-trade mark LAMBRETTA għat-totalità tal-prodotti li jinsabu fil-lista alfabetika li tirrigwarda l-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice. B’dan il-mod hija qieset li, minkejja li “spare parts għal scooters” ma kinux jinsabu inkwantu tali fil-lista alfabetika tal-prodotti ta’ din il-klassi 12, kien hemm lok, għall-Bord tal-Appell, li jiġi eżaminat l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark għall-bosta aċċessorji u partijiet għal vetturi li kienu jinsabu fiha. Għaldaqstant, filwaqt li kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kienx eżamina l-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark għall-imsemmija spare parts għal scooters, il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-ewwel parti u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

13      Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv uniku, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza appellata, li, minħabba l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża deċiż fil-kuntest tal-ewwel parti, il-Bord tal-Appell kellu jeżamina jekk Scooters India kinitx użat it-trade mark LAMBRETTA għall-ispare parts. Hija qieset li dan l-eżami kellu jitwettaq skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, EU:C:2003:145, punti 40 sa 43).

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14      Brandconcern titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors ta’ Scooters India intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, sa fejn hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda l-prodotti “vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, li jaqgħu taħt il-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice, u

–        tikkundanna lill-EUIPO u lil Scooters India għall-ispejjeż.

15      L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad l-appell bħala infondat, u

–        tikkundanna lil Brandconcern għall-ispejjeż.

16      Scooters India titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lil Brandconcern għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

17      Insostenn tal-appell tagħha, Brandconcern tqajjem żewġ aggravji bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 51(1)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009, u fuq żball proċedurali mwettaq mill-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

18      B’mod preliminari, Brandconcern issostni li Scooters India ma kkontestatx, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, skont liema t-trade mark LAMBRETTA ma kinitx intużat għall-prodotti li għalihom ġiet irreġistrata, jiġifieri l-“vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, li jaqgħu taħt il-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u għal din ir-raġuni biss, il-Qorti Ġenerali kellha tiċħad ir-rikors ta’ Scooters India. F’kull każ, Brandconcern issostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat minn Scooters India, għaliex is-suġġett ta’ dan ir-rikors kien differenti minn dak imressaq quddiem il-Bord tal-Appell. B’dan il-mod, l-appellanti tindika li Scooters India qajmet il-kwistjoni tal-protezzjoni tat-trade mark LAMBRETTA fir-rigward tal-ispare parts, inkwantu “partijiet kostitwenti” tal-prodotti li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, biss fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u mhux quddiem l-EUIPO.

19      Sussegwentement, Brandconcern issostni li, fid-dawl tar-regola stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 61 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), rigward is-sinjal verbali “IP Translator”, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien marbut jeżamina, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, jekk Scooters India kinitx għamlet użu ġenwin tat-trade mark LAMBRETTA għal prodotti li għalihom ma kinitx irreġistrata. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddikjarat li, filwaqt li Scooters India kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark LAMBRETTA, skont l-applikazzjoni tagħha, għall-“vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma” li jaqgħu taħt il-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice, kien hemm lok li Scooters India tingħata l-protezzjoni mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark għall-prodotti kollha li jinsabu fil-lista alfabetika relatata ma’ din il-klassi.

20      Fis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tispeċifika jekk hijiex intiża li tkopri l-prodotti jew is-servizzi kollha mniżżla fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari kkonċernata jew biss xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Din l-applikazzjoni ma tistax tiġi interpretata, mingħajr dikjarazzjoni tal-applikant f’dan is-sens, li tindika l-prodotti kollha li jaqgħu taħt klassi. Brandconcern issostni li, bil-kontra ta’ dak li jirriżulta mis-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li toħroġ minn din is-sentenza kellha tiġi applikata għal dan il-każ, fid-dawl tal-prinċipju li sentenza mogħtija skont l-Artikolu 267 TFUE tipproduċi l-effetti tagħha b’mod retroattiv, minkejja r-raġunijiet ta’ ċertezza legali invokati mill-Qorti Ġenerali.

21      F’kull każ, ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni rigward il-portata tar-reġistrazzjoni ma jistgħux jiġu osservati meta r-reġistrazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni allegata intenzjoni tal-applikant li jmur lil hinn mit-tifsira letterali tat-termini użati fir-reġistrazzjoni, fil-każ li tali intenzjoni ma hijiex stabbilita, bħalma huwa l-każ hawnhekk, f’dikjarazzjoni li tkopri oġġetti elenkati fil-lista alfabetika ta’ lista partikolari.

22      L-EUIPO u Scooters India jsostnu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Fir-rigward tal-argument imqajjem b’mod preliminari minn Brandconcern, biżżejjed jiġi kkonstatat li Scooters India talbet, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija ċaħdet l-appell tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO li tiddikjara r-revoka tat-trade mark LAMBRETTA għall-prodotti inklużi fil-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice, inklużi “partijiet u aċċessorji għal vetturi u apparat għaċ-ċaqliq bl-ajru”.

24      Fil-fatt, fl-istess rikors, Scooters India sostniet li dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu sempliċi subkategorija ta’ “vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, jiġifieri prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura ta’ din il-klassi 12 imsemmija fl-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni, u mhux prodotti differenti. Għaldaqstant, Brandconcern ma tistax tallega li Scooters India ma kkontestatx, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, skont liema t-trade mark LAMBRETTA ma kinitx intużat għall-prodotti li għalihom kienet irreġistrata.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument għandu miċħud bħala infondat.

26      Brandconcern tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi sa fejn din tal-aħħar illimitat l-effetti ratione temporis tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361). Fil-fehma tagħha, din is-sentenza hija applikabbli f’dan il-każ sa fejn hija teżiġi li l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni, inklużi dawk ippreżentati qabel l-għoti tal-imsemmija sentenza, jiġu interpretati fis-sens li biss il-prodotti inklużi b’mod espliċitu f’tali applikazzjonijiet huma koperti mill-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa minnu li, fil-punti 21 sa 24 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tal-impatt tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), u b’mod partikolari tal-punt 61 ta’ din, fuq l-interpretazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark LAMBRETTA, filwaqt li kkonstatat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx illimitat fiż-żmien l-effetti ta’ din is-sentenza.

28      Fil-punt 61 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’dan il-mod li, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, imposti mid-Direttiva 2008/95/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), l-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Ftehim ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni hijiex intiża sabiex tkopri l-prodotti jew servizzi kollha inklużi fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari kkonċernata jew biss xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ li l-applikazzjoni tirrigwarda biss xi wħud mill-imsemmija prodotti jew servizzi, l-applikant huwa obbligat li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt din il-klassi huma intiżi li jkunu koperti.

29      Madankollu, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-punt 61 ta’ din is-sentenza ma jikkonċernax il-proprjetarji ta’ trade mark diġà rreġistrata, iżda biss l-applikanti għal trade marks.

30      Fit-tieni lok, l-imsemmi punt 61 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tispeċifika r-rekwiżiti li għalihom jibqgħu suġġetti l-applikanti ġodda għal trade marks nazzjonali, li jużaw l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestatura ta’ klassi sabiex jidentifikaw l-prodotti u s-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark. Tali rekwiżiti, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, jippermettu li tiġi evitata s-sitwazzjoni li fiha ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-portata tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark, meta applikant juża l-indikazzjonijiet kollha li jinsabu fl-intestatura ta’ klassi.

31      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, EU:C:2012:361), riedet tikkontesta l-approċċ espost fil-Komunikazzjoni Nru 4/03 f’dak li jirrigwarda t-trade marks irreġistrati qabel l-għoti ta’ din is-sentenza. Għalhekk, ir-regola stabbilita fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza ma hijiex applikabbli għar-reġistrazzjoni tat-trade mark LAMBRETTA, li seħħet qabel l-għoti ta’ din is-sentenza.

32      Għaldaqstant, meta ddikjarat, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li, skont l-approċċ previst fil-punt V tal-Komunikazzjoni Nru 2/12, l-indikazzjoni “vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, li tikkorrispondi għall-prodotti msemmija fl-intestatura tal-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice, li tinsab fl-applikazzjoni għat-trade mark LAMBRETTA, kellha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża sabiex tipproteġi din it-trade mark għall-prodotti kollha li jinsabu fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi 12, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi li jista’ jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

33      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kontenzjuża adottata mill-Qorti Ġenerali hija sostnuta mill-emenda introdotta fl-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009 permezz tar-Regolament (UE) Nru 2015/2424, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21). Fil-fatt, dan ir-regolament imsemmi l-aħħar daħħal, f’dan l-artikolu, dispożizzjoni tranżitorja li tippermetti lill-proprjetarji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea mitluba qabel it-22 ta’ Ġunju 2012 u rreġistrati għall-intestatura sħiħa ta’ klassi tal-klassifikazzjoni ta’ Nice li jiddikjaraw, qabel l-24 ta’ Settembru 2016, li l-intenzjoni tagħhom, qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, kienet li jitolbu l-protezzjoni għal prodotti jew servizzi oħra għajr dawk li jaqgħu taħt is-sens letterali tal-intestatura iżda li jinsabu fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

35      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, imqajjem sussidjarjament, Brandconcern issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li kkonstatat li Scooters India ma kinitx użat it-trade mark LAMBRETTA għall-prodotti li għalihom kienet irreġistrata, jiġifieri l-“vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, li jaqgħu taħt l-intestatura tal-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice. B’mod partikolari, teżisti kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-motivi ta’ din is-sentenza li jeżaminaw il-kwistjoni tal-użu ta’ din it-trade mark biss għall-ispare parts għal scooters u, min-naħa l-oħra, id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza li jannulla d-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda wkoll il-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura ta’ din il-klassi 12.

36      L-EUIPO jsostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli jew, f’kull każ, infondat. Għal Scooters India, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tal-aggravji fl-appell ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, huwa speċifikat, fl-Artikolu 169(2) tal-imsemmi regolament, li l-aggravji u l-argumenti legali invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti fil-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li huma kkontestati. Fil-fatt, appell li ma jkollux tali karatteristiċi ma jistax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni legali li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-missjoni li hija għandha u li twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Wam Industriale vs Il-Kummissjoni, C‑560/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:726, punti 42 sa 44).

38      F’dan il-każ, Brandconcern ma tindikax, fl-appell tagħha, liema huma l-punti tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddikjarat li Scooters India ma kinitx użat it-trade mark LAMBRETTA għall-prodotti li għalihom hija kienet irreġistrata. Minbarra dan, għalkemm huwa minnu li Brandconcern, fir-replika tagħha, tirreferi għall-punti 14, 16 u 17 tas-sentenza appellata, minn dawn il-punti ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li Scooters India ma kinitx użat it-trade mark LAMBRETTA għall-prodotti li għalihom hija kienet irreġistrata.

39      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li ssostni Brandconcern, is-sentenza appellata tirrigwarda l-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni u bl-ebda mod ma tiddikjara ruħu fuq l-użu effettiv tat-trade mark kontenzjuża għal xi wieħed mill-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

41      Billi l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Brandconcern ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

43      Peress li Brandconcern tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-EUIPO u minn Scooters India.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Brandconcern BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.