Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-204/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Armati u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqset milli tittrasponi b’mod korrett u sħiħ l-Artikoli 2(38), 4(2), 5(2), 7(3), 9(2), 11(3)(a), 11(3)(b), 11(3)(ċ), 11(3)(d), 11(3)(e), 11(3)(i) u 11(3)(l), kif ukoll l-Annessi II u V, tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma 1 , l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva;

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva 2000/60 tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, tal-ilmijiet temporanji, tal-ilmijiet tal-kosta u tal-ilmijiet ta’ taħt l-art. L-għanijiet tagħha huma li jiġi evitat u jitnaqqas it-tniġġis, li jiġi promoss l-użu sostenibbli tal-ilma, li jiġi protett u mtejjeb l-ambjent akwatiku u li jitnaqqsu l-effetti tad-dulluvji u tan-nixfiet. L-iskop globali tagħha huwa li jinkiseb status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet kollha. L-Istati Membri huma għalhekk meħtieġa jfasslu pjanijiet għall-immaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar ibbażati fuq il-baċini tax-xmajjar ġeografiċi naturali, kif ukoll programmi b’miżuri speċifiċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Fl-Irlanda, żewġ oqsma partikolari għadhom jikkawżaw tħassib minħabba r-rwol ċentrali tagħhom sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-Direttiva 2000/60 fl-intier tagħha: (1) in-nuqqas kontinwu ta’ ċarezza fid-dritt Irlandiż dwar jekk l-irkupru tal-kost huwa meqjus b’mod adegwat bħala għodda għall-immaniġġjar tal-ilma fir-rigward tas-servizzi kollha tal-ilma, jiġifieri inklużi dawk li ma jiġux ipprovduti minn Irish Water, u (2) kontrolli insuffiċjenti fir-rigward tal-estrazzjoni tal-ilma u tal-interventi idromorfoloġiċi li jiżguraw li l-impatt fuq l-istatus ekoloġiku tal-korpi tal-ilma kkonċernati jkun suġġett għal monitoraġġ kontinwu. Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Kummissjoni għandha diffikultà bit-traspożizzjoni tal-Artikoli 2(38), 5(2) u 9(2) tad-Direttiva 2000/60. Fir-rigward tat-tieni punt, il-Kummissjoni għandha diffikultà bin-nuqqas kontinwu ta’ enfasi, fid-dritt Irlandiż, fuq qafas strutturat għall-monitoraġġ u għall-kontroll tal-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-istatus ekoloġiku tal-korpi tal-ilma, li jkunu affettwati kemm mill-estrazzjoni u kemm minn bidliet idromorfoloġiċi. Sabiex Stat Membru jiżgura implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Direttiva 2000/60, huwa importanti li l-għanijiet ambjentali rilevanti jkunu ddefiniti kif meħtieġ (Artikolu 4), li l-ilmijiet użati għall-estrazzjoni jkunu identifikati kif meħtieġ (Artikolu 7), u li jkun hemm programm ta’ miżuri sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet identifikati (Artikolu 11). Mingħajr dan il-qafas, ikun hemm ir-riskju li l-monitoraġġ tal-istatus ekoloġiku tal-korpi tal-ilma ma jkunx sħiħ.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70.