Language of document : ECLI:EU:C:2019:898

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2008/98/KE – Skart – Żjut veġetali użati li jkunu għaddew minn trattament kimiku – Artikolu 6(1) u (4) – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 13 – Proċeduri nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ għoti ta’ liċenzji li japplikaw għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku, ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Użu ta’ bijolikwidi bħala sors ta’ sostenn għal impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika”

Fil-Kawża C‑212/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Piemonte, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Prato Nevoso Termo Energy Srl

vs

Provincia di Cuneo,

ARPA Piemonte,

fil-preżenza ta’:

Comune di Frabosa Sottana,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Prato Nevoso Termo Energy Srl, minn A. Blasi u F. Munari, avvocati,

–        għall-Provincia di Cuneo, minn A. Sciolla u A. Gammaidoni, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, F. Thiran u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-9 ta’ Settembru 2015 (ĠU 2015, L 239, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/28”), kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ simplifikazzjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Prato Nevoso Termo Energy Srl (iktar ’il quddiem “Prato Nevoso”) u l-Provincia di Cuneo (il-Provinċja ta’ Cuneo, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, l-ARPA Piemonte, fir-rigward taċ-ċaħda ta’ talba ppreżentata minn din il-kumpannija sabiex tissostitwixxi l-metan, bħala sors ta’ sostenn għall-impjant tagħha għall-produzzjoni ta’ enerġija termika u elettrika, b’bijolikwidi miksuba mit-trattament kimiku ta’ żjut veġetali użati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/98

3        Il-premessi 8 u 29 tad-Direttiva 2008/98 jistipulaw:

“(8)      Huwa […] meħtieġ li […] jissaħħu l-miżuri li għandhom jittieħdu dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart, biex ikun introdott approċċ li jikkunsidra ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti u l-materjali u mhux biss il-fażi ta’ l-iskart, u biex jiffoka fuq it-tnaqqis ta’ l-impatti ambjentali tal-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u b’hekk jissaħħaħ il-valur ekonomiku ta’ l-iskart. Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed jinkoraġixxi l-irkupru ta’ l-iskart u l-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jiġu ppreservati r-riżorsi naturali.

[…]

(29)      L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-użu tal-materjali riċiklabbli […]skond il-ġerarkija ta’ l-iskart u bil-għan li tinħoloq soċjetà riċiklatriċi, u meta jkun possibbli m’għandhomx jappoġġaw ir-rimi f’radam jew l-inċinerazzjoni ta’ materjali riċiklabbli bħal dawnti”.

4        Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, din id-direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-effetti dannużi tal-produzzjoni u l-ġestjoni tal-iskart, u permezz tat-tnaqqis tal-effetti ġenerali tal-użu ta’ riżorsi u titjib tal-effiċjenza ta’ tali użu.

5        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]”

6        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ġerarkija ta’ l-iskart”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

(a) prevenzjoni;

(b) preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(ċ) riċiklaġġ;

(d) irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e) rimi.”

7        Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Tmiem ta’ l-istatus ta’ skart”:

“1.      Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)      ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(ċ)      is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

(d)      l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjenta jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

2.      Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, relatati ma’ l-adozzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, u li jispeċifikaw it-tip ta’ skart li għalih għandhom japplikaw dawn il-kriterji, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2). Għandhom jiġu kkunsidrati kriterji li jkunu speċifiċi għat-tmiem ta’ l-iskart, fost oħrajn, għall-inqas għall-aggregati, għall-karta, għall-ħġieġ, għall-metall, għat-tyres u għat-tessuti.

[…]

4.      Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 [fil-paragrafi 1 u 2], l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli. […]”

 Id-Direttiva 2009/28

8        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

“[…]

Id-definizzjonijet li ġejjin japplikaw […]:

[…]

(h)      ‘bijolikwidi’ tfisser karburant likwidu għal għanijiet ta’ enerġija minbarra għat-trasport, inklużi l-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ, prodott mill-bijomassa;

[…]

(p)      ‘skart’ għandha tkun iddefinita bħalma hi ddefinita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2008/98/KE]; sustanzi li jkunu ġew modifikati jew kontaminati intenzjonalment biex ikunu skont id-definizzjoni ma jkunux koperti minn din id-definizzjoni; […]”

9        Intitolat “Proċeduri amministrattivi, regolamenti u kodiċijiet”, l-Artikolu 13 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull regola nazzjonali li tikkonċerna l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar li huma applikati għal impjanti u trasmissjoni assoċjata u infrastrutturi tan-netwerk tad-distribuzzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u għall-proċess ta’ trasformazzjoni tal-bijomassa f’bijokarburanti jew prodotti tal-enerġija oħra, jkunu proporzjonati u meħtieġa.

L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-passi adatti biex jiżguraw li:

(a)      soġġett għal differenzi bejn l-Istati Membri fl-istrutturi amministrattivi u organizzattivi tagħhom, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-korpi amministrattivi nazzjonali, reġjonali u lokali għal proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar inkluż l-ippjanar ġeografiku huma kkoordinati u definiti b’mod ċar, bi skedi ta’ żmien trasparenti biex jiġu ddeterminati applikazzjonijiet għall-ippjanar u l-bini;

[…]

(ċ)      il-proċeduri amministrattivi huma simplifikati u mgħaġġla fil-livell amministrattiv xieraq;

(d)      ir-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-liċenzjar ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonali, ma jiddiskriminawx bejn l-applikanti u jikkunsidraw bis-sħiħ il-partikolaritajiet ta’ teknoloġiji individwali ta’ enerġija rinnovabbli;

[…]”

 Id-dritt Taljan

10      L-Artikolu 184-ter tad-decreto legislativo n. 152 – Norme in materia ambientale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, li jistabbilixxi regoli fil-qasam ambjentali) tat-3 ta’ April 2006 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 88 tal-14 ta’ April 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”), intitolat “Tmiem tal-istatus ta’ skart”, jipprevedi:

“1.      Skart għandu jieqaf milli jkun skart meta jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, li tinkludi r-riċiklaġġ u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid tiegħu, u jkun jissodisfa kriterji speċifiċi li għandhom jiġu adottati fl-osservanza tal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      is-sustanza jew l-oġġett ikunu użati komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)      ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(ċ)      is-sustanza jew l-oġġett ikun jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jkun josserva l-leġiżlazzjoni u l-istandards applikabbli għall-prodotti;

(d)      l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwassalx għal effetti ġenerali li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem […]”

11      Skont l-Artikolu 268 ta’ dan id-digriet, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan it-titolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

eee-bis) karburant tfisser kull materjal solidu, likwidu jew ta’ gass li l-Parti V tal-Anness X tipprevedi l-użu tiegħu għall-produzzjoni tal-enerġija permezz tal-kombustjoni, minbarra l-iskart;

[…]”

12      L-Artikolu 293 tal-imsemmi digriet, intitolat “Karburanti awtorizzati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-installazzjonijiet rregolati mit-Titolu I u mit-Titolu II tal-Parti V, inklużi l-installazzjonijiet termiċi ċivili li l-qawwa tagħhom hija inqas mill-valur limitu, jistgħu jużaw biss il-karburanti previsti għal dawn il-kategoriji ta’ installazzjonijiet fl-Anness X tal-Parti V bil-kundizzjonijiet previsti fiha. Il-materjal u s-sustanzi elenkati fl-Anness X tal-Parti V ta’ dan id-digriet ma jistgħux jintużaw bħala karburanti fis-sens ta’ dan it-titolu peress li dawn jikkostitwixxu skart fis-sens tal-Parti IV ta’ dan id-digriet. Il-kombustjoni ta’ materjal u ta’ sustanzi li ma humiex konformi fl-Anness X tal-Parti V ta’ dan id-digriet jew li, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxu skart fis-sens tal-Parti IV ta’ dan id-digriet hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tal-iskart. […]”

13      L-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, intitolata “Regolamentazzjoni tal-karburanti”, tinkludi fiha nnifisha żewġ partijiet. Il-Parti II, intitolata “Karatteristiċi kummerċjali tal-karburanti u metodi ta’ kejl”, hija maqsuma f’erba’ taqsimiet, li fosthom ir-raba’ waħda, li tirrigwarda l-karatteristiċi tal-bijomassa kombustibbli u l-kundizzjonijiet tal-użu marbuta magħha, tispeċifika dan li ġej:

“1.      It-tip u l-oriġini

(a)      materjal veġetali li jirriżulta minn kultivazzjoni ddedikata;

(b)      materjal veġetali li jirriżulta minn trattament esklużivament mekkaniku, ħasil bl-ilma jew tnixxif ta’ kultivazzjoni mhux iddedikata;

[…]

(e)      materjal veġetali li jirriżulta minn trattament esklużivament mekkaniku, mill-ħasil bl-ilma jew minn tnixxif ta’ prodotti agrikoli;

[…]”

14      Skont l-Artikolu 281(5) ta’ dan id-digriet, l-emendi u l-aġġornamenti tal-annessi tal-Parti V tal-imsemmi digriet “għandhom jiġu adottati permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Ambjent, għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, bi ftehim mal-Ministru għas-Saħħa, il-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku, u, sa fejn jikkonċernah, il-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, wara li l-konferenza unifikata […] tkun instemgħet”.

15      L-Artikolu 2(1)(h) tad-decreto legilativo n. 28 – Attuazione della direttiva 2009/28/CE sulla promozione dell’uso dell’energia da fonti rinnovabili, recante modifica e successiva abrogazione delle direttive 2001/77/CE e 2003/30/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28 li jittrasponi d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li jemenda u sussegwentement iħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE) tat-3 ta’ Marzu 2011 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 71 tat-28 ta’ Marzu 2011, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 28/2011”), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bijolikwidi” bħala “karburanti likwidi intiżi għal użi enerġetiċi oħra għajr it-trasport, inklużi l-produzzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ, prodotti mill-bijomassa”.

16      L-Artikolu 5(1) tad-Digriet Nru 28/2011 jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 u 7, il-kostruzzjoni u l-funzjonament ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika sostnuti minn sorsi rinnovabbli, ix-xogħlijiet relatati u l-infrastrutturi indispensabbli għall-kostruzzjoni u għall-funzjonament tal-installazzjonijiet, kif ukoll il-modifiki sostanzjali li jsiru fuq l-installazzjonijiet innifishom, huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni unika prevista fl-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 387 tat-29 ta’ Diċembru 2003, kif emendat b’dan l-artikolu, skont il-proċedura u l-kundizzjonijiet previsti mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 387 tal-2003 u mil-linji gwida adottati skont l-Artikolu 12(10) u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-reġjuni u tal-provinċji awtonomi. […]”

17      Skont l-Artikolu 1(2)(A)(2) tal-Anness I tad-decreto n. 264 – Regolamento recante criteri indicativi per agevolare la dimostrazione della sussistenza dei requisiti per la qualifica dei residui di produzione come sottoprodotti e non come rifiuti (id-Digriet Nru 264 dwar regoli li jirrigwardaw kriterji indikattivi intiżi sabiex jiffaċilitaw id-dimostrazzjoni tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni ta’ fdalijiet ta’ produzzjoni bħala prodotti sekondarji u mhux bħala skart) tat-13 ta’ Ottubru 2016 (GURI Nru 38, tal-15 ta’ Frar 2017):

“Fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, jistgħu jintużaw biss għall-produzzjoni ta’ enerġija permezz ta’ kombustjoni l-prodotti li jirriżultaw mill-bijomassa residwa previsti fl-Anness X tal-Parti V tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006] u fl-Artikolu 2-bis tad-Digriet-Liġi Nru 171 tat-3 ta’ Novembru 2008, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet futuri li jirregolaw espressament l-użu ta’ prodotti li jirriżultaw mill-bijomassa residwa bħala kombustibbli. Fil-każ ta’ destinazzjoni għall-produzzjoni ta’ enerġija permezz ta’ kombustjoni, il-materjal previst fl-Artikolu 185 tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006] ikun, f’kull każ, suġġett għas-sistema tal-iskart jekk dan ma jkunx indikat fid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Prato Nevoso tiġġestixxi impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija termika u elettrika.

19      Fit-8 ta’ Novembru 2016, Prato Nevoso talbet lill-provinċja ta’ Cuneo, abbażi tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Nru 28/2011, l-awtorizzazzjoni sabiex tissostitwixxi l-metan, bħala sors ta’ sostenn għall-impjant tagħha, b’bijolikwidu, f’dan il-każ żejt veġetali prodott minn ALSO Srl, idderivat mill-ġbir u mit-trattament kimiku ta’ żjut tal-qali użati, ta’ residwi ta’ raffinar ta’ żjut veġetali u ta’ residwi mill-ħasil tat-tankijiet li fihom dawn kienu maħżuna.

20      ALSO għandha awtorizzazzjoni sabiex tikkummerċjalizza dan iż-żejt bħala “tmiem tal-istatus ta’ skart”, fis-sens tal-Artikolu 184-ter tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, għal użu marbut mal-produzzjoni tal-bijodiżil, bil-kundizzjoni li hija tippreżenta l-karatteristiċi fiżikokimiċi indikati f’din l-awtorizzazzjoni u li fuq id-dokumenti kummerċjali jkun hemm l-indikazzjoni “prodott li jirriżulta mill-irkupru ta’ skart għal użu marbut mal-produzzjoni tal-bijodiżil”.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2017, Prato Nevoso ġiet miċħuda l-awtorizzazzjoni mitluba minħabba li l-imsemmi żejt veġetali ma jinsabx fil-lista li tinsab fil-Parti II, Taqsima 4 tal-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, li tistabbilixxi l-kategoriji ta’ karburanti li jirriżultaw mill-bijomassa li jistgħu jintużaw f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi mingħajr ma jkunu meħtieġa jaderixxu ruħhom għar-regoli dwar l-irkupru tal-enerġija tal-iskart (iktar ’il quddiem il-“lista tal-karburanti awtorizzati”). L-uniċi żjut veġetali inklużi f’dawn il-kategoriji huma, fil-fatt, dawk li jirriżultaw minn kultivazzjonijiet iddedikati jew prodotti permezz ta’ proċessi esklużivament mekkaniċi. Il-provinċja ta’ Cuneo kkonkludiet li, skont l-Artikolu 293(1) ta’ dan id-digriet, dan iż-żejt veġetali kellu jiġi kkunsidrat bħala skart.

22      Prato Nevoso ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq kienu kuntrarji għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98 u għall-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/28.

23      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-lista ta’ karburanti awtorizzati tista’ tiġi emendata biss b’digriet ministerjali, li l-proċedura ta’ adozzjoni tiegħu ma hijiex ikkoordinata mal-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni tal-użu ta’ sustanza dderivata mill-bijomassa bħala karburant u, għaldaqstant, ma tistax tkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-aħħar.

24      Din il-qorti żżid li t-talba mressqa minn Prato Nevoso ġiet miċħuda minkejja l-fatt li ż-żejt veġetali inkwistjoni fil-kawża prinċipali josserva l-istandard tekniku UNI li japplika għall-bijokarburanti likwidi, minkejja li huwa għandu s-suq tiegħu stess bħala karburant, u minkejja li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, Prato Nevoso ppreżentat rapport tekniku li jipprovdi li l-bilanċ ambjentali tas-sostituzzjoni tal-metan biż-żejt veġetali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ġeneralment pożittiv.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 6 tad-Direttiva [2008/98] u, fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li hija prevista fl-Artikolu 293 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 u fl-Artikolu 268 eee-bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, li timponi li jitqies bħala skart, inkluż fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ impjant imħaddem minn bijomassa, bijolikwidu li jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għal dan il-għan, u li huwa mitlub għal finijiet produttivi bħala kombustibbli, jekk u sa fejn dan il-bijolikwidu ma jidhirx fil-paragrafu 1 tat-Taqsima 4 tal-Parti II tal-Anness X tal-Parti V tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/006], u dan indipendentement mit-twettiq ta’ analiżijiet tal-impatt ambjentali negattiv jew mill-eżistenza ta’ kwalunkwe kontestazzjoni relatata mal-karatteristiċi tekniċi tal-prodott, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni?

(2)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva [2009/28], u fi kwalunkwe każ il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ semplifikazzjoni, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija prevista fl-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2011, fis-sens li, meta l-applikant jixtieq ikun awtorizzat li juża bijomassa bħala kombustibbli f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi, hija ma tipprevedi ebda koordinazzjoni mal-proċedura relatata mal-awtorizzazzjoni ta’ dan l-użu bħala kombustibbli prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, Anness X fil-parti V, u li lanqas ma tipprevedi l-possibblità li tiġi evalwata in concreto s-soluzzjoni proposta fil-kuntest ta’ proċedura unika ta’ awtorizzazzjoni u fid-dawl ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ddefiniti minn qabel?”

 Fuq id-domandi preliminari

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tad-domandi preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/28 kif ukoll, “fi kwalunkwe każ”, il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ semplifikazzjoni.

27      Madankollu, minn qari tar-raġunijiet esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tistaqsi fir-realtà lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl, minn naħa, tal-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28.

28      Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta ebda element li jippermetti li din il-kwistjoni tiġi eżaminata indipendentement minn dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl biss tal-prinċipji msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

29      Għalhekk, permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28, moqrija flimkien, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għas-sostituzzjoni tal-metan, bħala sors ta’ sostenn ta’ installazzjoni għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi, b’sustanza dderivata mit-trattament kimiku ta’ żjut veġetali użati, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi rrifjutata, għar-raġuni li din tal-aħħar ma hijiex inkluża fil-lista ta’ kategoriji ta’ karburanti li jirriżultaw mill-bijomassa awtorizzata għal dan il-għan u għar-raġuni li din il-lista tista’ tiġi mmodifikata biss permezz ta’ att intern ta’ portata ġenerali li l-proċedura ta’ adozzjoni tiegħu ma hijiex ikkoordinata mal-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni tal-użu ta’ sustanza li tirriżulta mill-bijomassa bħala karburant.

30      Hemm lok li jitfakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart” bħala kull sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew ikun bi ħsiebu jew ikollu l-obbligu li jarmi.

31      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprovdi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kriterji speċifiċi li jippermettu li jiġi ddeterminat liema skart ma jibqax skart, skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C-60/18, EU:C:2019:264, punt 19).

32      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98, l-istabbiliment tar-regoli ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa fdat lill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-kriterji speċifiċi għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C-60/18, EU:C:2019:264, punt 20). Huwa paċifiku li tali regoli ma ġewx adottati fil-livell tal-Unjoni fir-rigward taż-żjut veġetali użati inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33      F’tali ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98, jiddeċiedu fuq bażi individwali jekk ċertu skart ikunx waqaf milli jkun skart, filwaqt li jkun meħtieġ, meta d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), teħtieġ dan, li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-istandards u r-regoli tekniċi adottati f’dan ir-rigward (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C-60/18, EU:C:2019:264, punt 21).

34      Għandu jiġi ppreċiżat li, peress li l-miżuri adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98, bħar-regoli tal-Unjoni adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iwasslu għat-tmiem tal-istatus ta’ skart u, għaldaqstant, għat-tmiem tal-protezzjoni li d-dritt li jirregola l-iskart jiggarantixxi fir-rigward tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, huma għandhom jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(a) sa (d) tal-imsemmi artikolu u, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni kull effett dannuż possibbli tas-sustanza jew tal-oġġett ikkonċernat fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C-60/18, EU:C:2019:264, punt 23).

35      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punti 24 sa 27 tas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C-60/18, EU:C:2019:264), Stat Membru jista’, fl-assenza ta’ kriterji armonizzati fil-livell tal-Unjoni għad-determinazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart dwar tip ta’ skart partikolari, iqis li, għalkemm l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-istatus ta’ skart previsti ma hijiex eskluża mill-bidu, l-osservanza tagħhom tista’ tiġi ggarantita biss permezz tad-definizzjoni tal-kriterji f’att intern ta’ portata ġenerali. Barra minn hekk, Stat Membru jista’, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti u l-istat l-iktar reċenti tal-għarfien xjentifiku u tekniku, jiddeċiedi li ma jipprevedix, għal ċerti tipi ta’ skart, la kriterji u lanqas possibbiltà ta’ deċiżjoni individwali li tikkonstata l-ħruġ tal-istatus ta’ skart.

36      Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 46 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward, minn naħa, tal-istabbiliment ta’ modalitajiet proċedurali adegwati u, min-naħa l-oħra, tal-eżami fil-mertu tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tat-tmiem tal-istatus ta’ skart, li jimplika, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, evalwazzjonijiet tekniċi u xjentifiċi kumplessi.

37      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 u li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kriterji speċifiċi li jippermettu li jiġi ddeterminat liema skart ma jibqax skart, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ, ma jistgħux, fihom innifishom, jippermettu li jiġi stabbilit direttament li ċertu skart jew ċerti kategoriji ta’ skart ma għandhomx iktar jitqiesu bħala tali (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C-60/18, EU:C:2019:264, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 ma jippermettix, bħala prinċipju, li detentur ta’ skart jeżiġi l-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew minn qorti ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C-60/18, EU:C:2019:264, punt 30).

39      Mill-premess jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeskludix, bħala prinċipju, li għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-irkupru tal-enerġija tal-iskart l-użu, bħala karburant f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi, ta’ sustanza derivata mill-iskart għar-raġuni li din ma taqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji inklużi fil-lista tal-karburanti awtorizzati, filwaqt li jkun previst li din il-lista tista’ tiġi emendata biss b’att intern ta’ portata ġenerali, bħal digriet ministerjali.

40      Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28, li jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li r-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ għoti ta’ liċenzji li japplikaw għall-installazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu proporzjonati, neċessarji, ikkoordinati u ddefiniti, peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-proċeduri regolatorji ta’ adozzjoni ta’ kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart, adottati abbażi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98.

41      Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-assenza ta’ inklużjoni taż-żjut veġetali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-lista tal-karburanti awtorizzati, għandha l-effett li din is-sustanza għandha tiġi kkunsidrata bħala skart u mhux bħala karburant.

42      Hemm lok li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix ostakolu għat-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98, bħalma huma l-inkoraġġiment sabiex tiġi applikata l-ġerarkija tal-iskart prevista fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jew, kif jirriżulta mill-premessi 8 u 29 tagħha, għall-irkupru tal-iskart u għall-użu tal-materjal ta’ rkupru sabiex jiġu ppreżervati r-riżorsi naturali u sabiex tiġi stabbilita ekonomija ċirkulari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C-60/18, EU:C:2019:264, punt 27).

43      F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 57 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi vverifikat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma toriġinax minn żball manifest ta’ evalwazzjoni marbut mal-assenza tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98. Hemm lok, f’dan il-każ, li jiġi eżaminat jekk l-Istat Membru setax, mingħajr ma jwettaq tali żball, jikkonkludi li ma ntweriex li l-użu taż-żejt veġetali fil-kawża prinċipali, f’tali ċirkustanzi, jippermetti li jitqies li l-kundizzjonijiet previsti f’dik id-dispożizzjoni huma ssodisfatti u, b’mod partikolari, li dan l-użu huwa nieqes minn kull effett dannuż possibbli fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem.

44      Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, li unikament għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti, li tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, li tivverifika li l-assenza ta’ inklużjoni tal-imsemmija żjut veġetali fil-lista tal-karburanti awtorizzati hija riżultat ta’ applikazzjoni ġġustifikata tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

45      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ madankollu tipprovdi lil dik il-qorti kull indikazzjoni utli sabiex taqta’ t-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, BB construct, C-534/16, EU:C:2017:820, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      B’hekk, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi żgurat li l-aġġornament tal-lista tal-karburanti awtorizzati jsir b’tali mod li ma jiġix kompromess l-għan ambjentali tad-Direttiva 2008/98, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-effetti dannużi tal-produzzjoni u tal-ġestjoni tal-iskart, u permezz tat-titjib tal-effettività tal-immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi.

47      Fl-ewwel lok, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorizzazzjoni mogħtija lil ALSO tipprevedi l-karatteristiċi tekniċi, fiżikokimiċi u ta’ prestazzjoni enerġetika li għandu jkollhom is-sustanzi li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ din tal-aħħar sabiex dawn jitilfu l-istatus ta’ skart, filwaqt li tippreċiża li dawn il-karatteristiċi huma strettament marbuta mal-produzzjoni tal-bijodiżil li għaliha dawn is-sustanzi huma intiżi skont din l-awtorizzazzjoni.

48      Il-Gvern Taljan isostni wkoll il-fatt li, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-bijolikwidu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miksub mit-trattament kimiku ta’ żjut veġetali użati, jista’ jintuża bħala element għall-produzzjoni ta’ bijodiżil, u mhux bħala karburant fl-installazzjonijiet b’bijomassa, huwa ġġustifikat mill-fatt li, fl-ewwel ipoteżi, ma jeżistix użu dirett tal-bijolikwidu bħala karburant, li huwa, min-naħa l-oħra, il-każ meta dan il-likwidu jintuża f’installazzjonijiet li jipproduċu emissjonijiet atmosferiċi.

49      Il-provinċja ta’ Cuneo u l-Gvern Taljan jinvokaw f’dan ir-rigward l-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Skont dawn tal-aħħar, impatt globalment negattiv fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem tal-użu taż-żejt veġetali bħala karburant f’installazzjoni ta’ koġenerazzjoni ma jistax jiġi eskluż bi grad raġonevoli ta’ ċertezza xjentifika.

50      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonstata li, sakemm ċerti kriterji jkunu ssodisfatti, skart determinat jitlef il-kwalità ta’ skart għal ċertu użu ma jimplikax li dan l-iskart ma jibqax skart meta jintuża għal finijiet oħra. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1, 6(1) u 13 tad-Direttiva 2008/98 tiddependi mit-trattament speċifiku u mill-użi speċifiċi previsti, li jimplika li din l-osservanza għandha tiġi vverifikata separatament għal kull wieħed minn dawn l-użi.

51      Fit-tieni lok, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aċċettaw li l-bilanċ ambjentali tal-bidla tal-karburant kien pożittiv peress li din il-bidla kienet ta’ natura li twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet assoċjati mal-kombustjoni tal-metan.

52      Madankollu, il-fatt li l-użu taż-żejt veġetali jwassal għal tnaqqis ta’ emissjonijiet assoċjati mal-kombustjoni tal-metan ma huwiex ta’ natura li juri li dan iż-żejt jista’ jintuża mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent.

53      L-istess jgħodd fir-rigward tal-fatt li ż-żejt veġetali josserva l-istandard tekniku UNI applikabbli għall-bijokarburanti likwidi.

54      Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi huma bla ħsara għall-effetti ambjentali possibbli li jirriżultaw mill-ħruq ta’ żjut veġetali bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, fir-rigward ta’ emissjonijiet possibbli ta’ sustanzi oħra li jniġġsu li jistgħu jirriżultaw mill-inċinerazzjoni ta’ skart.

55      Għalhekk, għandu jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2008/98, li l-użu tas-sustanza barra mis-sistema applikabbli għall-iskart ma joħloqx impatt ambjentali u sanitarju negattiv ikbar minn dak tal-użu tiegħu taħt din is-sistema.

56      Il-Gvern Taljan isostni wkoll li, meta tali żjut jinħarqu f’installazzjoni ta’ dan it-tip, ir-reaġenti kimiċi inklużi fihom jiġu rrilaxxati fl-atmosfera fi proporzjonijiet ħafna ikbar minn meta dawn ikunu kkunsmati bħala komponenti tal-bijodiżil. Ix-xogħlijiet xjentifiċi disponibbli ma jeskludux li l-kombustjoni ta’ żjut veġetali użati ttrattati kimikament u użati bħala karburanti f’installazzjoni li tiġġenera emissjonijiet atmosferiċi tinvolvi riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. Dawn ir-riskji huma potenzjalment ikbar minn dawk marbuta mal-użu ta’ żjut ta’ dan it-tip għall-produzzjoni tal-bijodiżil.

57      Għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ inċertezza xjentifika dwar ir-riskji ambjentali relatati mal-ħruġ tal-istatus ta’ skart ta’ sustanza, bħalma huma ż-żjut inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ twassal Stat Membru, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jiddeċiedi li ma jniżżilx din is-sustanza fil-lista tal-karburanti awtorizzati.

58      Huwa importanti, fil-fatt, li jiġi enfasizzat li, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni stipulat fl-Artikolu 191(2) TFUE, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk l-użu, f’ċirkustanzi speċifiċi, ta’ sustanza li tirriżulta mill-irkupru ta’ skart ikun nieqes minn kull effett dannuż possibbli fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, l-Istat Membru għandu jastjeni milli jipprevedi kriterji għall-ħruġ tal-istatus ta’ skart ta’ din is-sustanza jew il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni individwali li tikkonstata tali ħruġ.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li l-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li fuq il-bażi tagħha applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex il-metan jiġi ssostitwit, bħala sors ta’ sostenn ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi, b’sustanza dderivata mit-trattament kimiku ta’ żjut veġetali użati, għandha tiġi rrifjutata, għar-raġuni li din is-sustanza ma tkunx inkluża fil-lista ta’ kategoriji ta’ karburanti li jirriżultaw mill-bijomassa awtorizzati għal dan il-għan, u għar-raġuni li din il-lista tista’ tiġi emendata biss b’digriet ministerjali li l-proċedura ta’ adozzjoni tiegħu ma tkunx ikkoordinata mal-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni tal-użu ta’ tali sustanza bħala karburant, jekk l-Istat Membru seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ma jkunx ġie pprovat li l-użu tal-imsemmi żejt veġetali, f’tali ċirkustanzi, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE jkunu ssodisfatti u, b’mod partikolari, li dan l-użu ma jkollu ebda effett dannuż possibbli fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li fuq il-bażi tagħha applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex il-metan jiġi ssostitwit, bħala sors ta’ sostenn ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi, b’sustanza dderivata mit-trattament kimiku ta’ żjut veġetali użati, għandha tiġi rrifjutata, għar-raġuni li din is-sustanza ma tkunx inkluża fil-lista ta’ kategoriji ta’ karburanti li jirriżultaw mill-bijomassa awtorizzati għal dan il-għan, u għar-raġuni li din il-lista tista’ tiġi emendata biss b’digriet ministerjali li l-proċedura ta’ adozzjoni tiegħu ma tkunx ikkoordinata mal-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni tal-użu ta’ tali sustanza bħala karburant, jekk l-Istat Membru seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ma jkunx ġie pprovat li l-użu tal-imsemmi żejt veġetali, f’tali ċirkustanzi, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE jkunu ssodisfatti u, b’mod partikolari, li dan l-użu ma jkollu ebda effett dannuż possibbli fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.