Language of document : ECLI:EU:T:2011:704

Kawża T-107/08

Transnational Company “Kazchrome” AO u ENRC Marketing AG

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet tas-silikomanganiż li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Każakistan — Rikors għal annullament — Prezz tal-esportazzjoni — Paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali — Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Regolament tal-Kunsill li jimponi dazju antidumping definittiv — Rikors ippreżentat kontra l-Kummissjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1420/2007)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolament li jistabbilixxi dazji antidumping — Aġġustamenti lill-prezz tal-esportazzjoni sabiex jiġi ggarantit paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni — Nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1420/2007)

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Impożizzjoni ta’ dazju antidumping — Kundizzjoni — Dannu — Determinazzjoni — Paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni — Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(2) u (3), Nru 1225/2009, Artikolu 3(2) u (3), u Nru 1420/2007, premessi 104 u 105)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Regolament li jistabbilixxi dazji antidumping — Tnaqqis fl-ammont tal-bejgħ ta’ impriża suġġetta għal dan ir-regolament — Assenza ta’ rabta kawżali

(Artikolu 288 KE;Regolament tal-Kunsill Nru 1420/2007)

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Spejjeż sostnuti minħabba l-parteċipazzjoni fi proċedura antidumping li tinvolvi regolament ivvizzjat b’illegalità — Assenza ta’ rabta kawżali

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

1.      Ir-rwol tal-Kummissjoni fil-proċeduri antidumping jintegra ruħu fil-kuntest tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Il-Kummissjoni hija inkarigata li tibda l-investigazzjonijiet u li tiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ dawn tal-aħħar, li tagħlaq il-proċedura jew, għall-kuntrarju, li tkomplihom billi tadotta miżuri provviżorji u billi tipproponi lill-Kunsill l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi bħalma huwa regolament li jistabbilixxi dazju antidumping. Madankollu, is-setgħa li tittieħed deċiżjoni hija tal-Kunsill, li jista’ jastjeni minn kull deċiżjoni jekk ma jaqbilx mal-Kummissjoni jew, għall-kuntrarju, jista’ jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-proposti ta’ din tal-aħħar. F’dawn il-kundizzjonijiet, rikors għal annullament ta’ regolament adottat unikament mill-Kunsill huwa inammissibbli sa fejn ikun ippreżentat kontra l-Kummissjoni.

(ara l-punt 26)

2.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, għandu jidher b’mod ċar u inekwivoku f’din il-motivazzjoni, b’tali mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom f’li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 KE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni.

Għal dak li jirrigwarda regolament tal-Kunsill li jimponi dazju antidumping, l-evalwazzjoni li tipprovdi li kumpannija li tbigħ prodotti li fuqhom ġew imposti dazji antidumping għandha, fis-sistema tal-bejgħ tal-impriża li tipproduċi, funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni peress li, sabiex jagħmel paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sabiex iwettaq aġġustamenti lill-prezz tal-esportazzjoni b’mod partikolari fir-rigward tal-kummissjonijiet, il-Kunsill isemmi biss li dawn l-impriżi għandhom relazzjoni kummerċjali stabbilita f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpannija li tbigħ ma tistax tkun ikkunsidrata li qiegħda taġixxi bħala dipartiment intern tal-bejgħ tal-impriża li qed tipproduċi minkejja l-elementi avvanzati mill-impriżi kkonċernati intiżi sabiex juru li r-relazzjoni bejniethom kienet dik li teżisti bejn kumpannija u dipartiment intern tal-bejgħ.

(ara l-punti 31, 34, 36, 37, 40)

3.      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] jistabbilixxi r-regola essenzjali fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping li tipprovdi li ma huwiex biżżejjed li l-prodotti importati jkunu s-suġġett ta’ dumping iżda huwa meħtieġ ukoll li t-tqegħid tagħhom f’ċirkulazzjoni ħielsa tikkawża ħsara. Huwa preċiżament sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħsara li r-Regolament bażiku jipprovdi fl-Artikolu 3(2) u (3) tiegħu [li sar l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Nru 1225/2009], li għandu jsir eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u li, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, ser jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, kienx hemm twaqqigħ kunsiderevoli tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili jew jekk dawn l-importazzjonijiet kellhomx l-effett, b’xi mod ieħor, li jwaqqgħu b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet jew li jipprekludu b’mod kunsiderevoli żidiet fil-prezz li, fin-nuqqas ta’ dawn l-importazzjonijiet, kienu jimmaterjalizzaw.

F’dawn il-kundizzjonijiet, meta, fir-Regolament Nru 1420/2007 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Każakstan u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw mill-Ukrajna, il-Kunsill jikkalkula, għall-finijiet tal-paragun tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet u tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ħsara kkawżatha lilha mill-importazzjoni li huma s-suġġett ta’ dumping, it-twaqqigħ fil-prezz tal-prodotti importati, huwa jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta jikkunsidra li l-paragun oġġettiv bejn il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet jeżiġi li l-punt ta’ referenza għall-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ dawn tal-aħħar għandu jkun dak ta’ meta dawn jidħlu għall-ewwel darba fit-territorju tal-Unjoni u mhux il-punt fejn dawn jinħarġu mid-dwana, minkejja d-distanza li tissepara dawn iż-żewġ punti, u b’hekk jiġu esklużi mill-prezz tagħhom l-ispejjeż kunsiderevoli tat-trasport bejn dawn iż-żewġ punti.

Fil-fatt, huma l-prezzijiet innegozjati bejn il-kumpanniji li jesportaw u l-klijenti b’riferiment għall-punt ta’ fejn jinħarġu mid-dwana u mhux il-prezz ikkalkolat mill-Kunsill b’riferiment għal stadju intermedjarju tat-trasport, anki jekk fit-territorju tal-Unjoni, li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-klijenti li jakkwistaw il-prodotti tal-kumpanniji li jesportaw u mhux dawk tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, madankollu, jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-elementi rilevanti kollha ta’ kull każ, inklużi indizji li jippermettu li wieħed jikkunsidra li l-għażla tal-mezzi tat-trasport u tal-punti fejn il-merkanzija tinħareġ mid-dwana tkun intiża li tfixkel il-paragun bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodotti tal-Unjoni.

(ara l-punti 58, 63, 67, 68)

4.      Sempliċi riferiment għat-tnaqqis fl-ammont tal-bejgħ ta’ impriża li hija suġġetta għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1420/2007, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Każakstan u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ silikomanganiż li joriġinaw mill-Ukrajna, ma jistax ikun biżżejjed sabiex tintwera r-rabta kawżali bejn it-telf fil-profitti ta’ din l-impriża u l-illegalitajiet invokati kontra dan ir-regolament, rabta meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, u dan minħabba d-differenzi sostanzjali fl-ammont tal-bejgħ minn sena għall-oħra, indipendentement mill-adozzjoni tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 76, 77)

5.      Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, id-dannu għandu jirriżulta direttament mill-illegalità invokata u mhux mill-għażla tar-rikorrent fir-rigward ta’ kif għandu jirreaġixxi għall-att allegatament illegali. F’dan is-sens is-sempliċi fatt li l-aġir illegali kkostitwixxa kundizzjoni neċessarja għall-ħolqien tad-dannu, fis-sens li dan ma kienx jinħoloq fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta każwali.

Għaldaqstant, l-ispejjeż li saru għall-finijiet tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi proċedura antidumping ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala dannu li jirriżulta mill-adozzjoni ta’ regolament antidumping vvizzjat b’illegalità peress li l-imsemmija parteċipazzjoni ma hijiex rikjesta mill-produtturi/esportaturi jew kwalunkwe parti oħra interessata u dawn huma liberi li jevalwaw l-opportunità u l-interess li jipparteċipaw kif ukoll l-intensità tal-parteċipazzjoni tagħhom u tal-ispejjeż li jsiru għal dan il-għan. Barra minn hekk, l-ispejjeż li jikkorrispondu għax-xogħol tal-persunal ta’ tali produttur/esportatur ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom konnessjoni diretta mal-investigazzjoni minħabba li s-salarju tal-persunal tagħhom kellu jitħallas indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura antidumping li kienet għaddejja.

(ara l-punti 80-82)