Language of document : ECLI:EU:T:2009:523

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

17 ta’ Diċembru 2009

Kawża T-567/08 P

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-proċedura 2005 – Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Ottubru 2008, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-49/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiża għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Bart Nijs għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea f’din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell – Stqarrija, fir-rikors, ta’ motivi u argumenti ta’ dritt – Spjegazzjoni konfuża u diżorganizzata tal-argumenti – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 138(1)(ċ))

2.      Appell – Aggravji – Aggravju bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ konstatazzjonijiet f’sentenza preċedenti li ma kinux is-suġett ta’ talba ta’ reviżjoni – Res judicata – Ċaħda

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 44; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 126)

1.      Skont l-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors ta’ appell għandu jkun fih l-aggravji u l-argumenti tar-rikorrent. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra bħala sostenn. Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex aggravju jkun ammissibili, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat, jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tal‑appell innifsu. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha għall‑analiżi tal-argumenti li hija rnexxielha tifhem.

(ara l-punt 17)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20; Il-Qorti Ġenerali 25 ta’ Lulju 2000, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T-110/98, Ġabra p. II‑2971, punt 23; Il-Qorti Ġenerali 11 ta’ Lulju 2007, Asklepios Kliniken vs Il-Kummissjoni, T-167/04, Ġabra p. II-2379, punti 39 u 40

2.      Rikorrent ma jistax jikkritika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talli naqas milli jeżamina mill-ġdid il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’sentenza preċedenti tal‑Qorti Ġenerali li tikkonċernah, u lanqas talli naqas milli jitlob provi ġodda mill-parti opposta, jekk din is-sentenza kienet res judicata, fin-nuqqas ta’ talba għal reviżjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-fatt, ir-res judicata, li hija marbuta ma’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, tista’ tiġi kkontestata biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni. Ir-reviżjoni tippreżupponi l-iskoperta ta’ elementi ta’ natura fattwali li jippreċedu l-għoti tas‑sentenza, li ma jkunux magħrufa lill-qorti li tat din is-sentenza kif ukoll lill‑parti li qed titlob ir-reviżjoni u li, jekk il-qorti kellha teħodhom inkunsiderazzjoni, setgħu jwasslu sabiex tingħata soluzzjoni differenti tal-kawża. Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-proċedura għal reviżjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tinfetaħ b’sentenza tal-istess qorti li tikkonstata espressament l-eżistenza ta’ fatt ġdid u li tirrikonoxxi li jkun ta’ natura li tagħti lok għar‑reviżjoni, wara talba għal reviżjoni mressqa minn parti għal dan il-għan.

(ara l-punti 32 sa 34 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-281/89, Ġabra p. I-347, punt 14; Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Jannar 1996, ISAE vs VP u Interdata vs Il-Kummissjoni, C-130/91 REV II, Ġabra p. I-65, punt 6; Il-Qorti tal‑Ġustizzja 15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill, C-442/04, Ġabra p. I-3517, punt 25;

Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Novembru 1998, Il-Kunsill vs Hankart, T-91/96 REV, ĠabraSP p. I-A-597 u II-1809, punt 13