Language of document : ECLI:EU:T:2013:423

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Prova tal-eżistenza tal-akkordju — Kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu — Tul tal-ksur — Interruzzjoni tal-ksur — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal‑ammont tal-multi — Ugwaljanza fit-trattament — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa mis-sussidjarji tagħha — Influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent — Preżunzjoni fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % — Proporzjonalità — Metodu ta’ arrotondament — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑566/08,

Total Raffinage Marketing, stabbilita f’Puteaux (Franza), irrappreżentata minn A. Vandencasteele, C. Falmagne, C.  Lemaire u S. Naudin, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u A. Biolan, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 81 (KE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes), kif ukoll, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 81 (KE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li r-rikorrenti, Total Raffinage Marketing SA (li kienet Total France SA), u l-kumpannija parent tagħha li kellha 100 % minnha, Total SA, kienu, flimkien ma’ impriżi oħra, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipaw f’akkordju fis-suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE u fis-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba.

2        Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma, minbarra r-rikorrenti u l-kumpannija parent tagħha Total SA (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“grupp Total” jew “Total”), il-kumpanniji segwenti: ENI SpA, Esso Deutschland GmbH, Esso Société Anonyme Française, ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u Exxon Mobil Corp. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “ExxonMobil”), H&R ChemPharm GmbH, H&R Wax Company Vertrieb GmbH u Hansen & Rosenthal KG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “H&R”), Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG, MOL Nyrt., Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Repsol”), Sasol Wax GmbH, Sasol Wax. International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Sasol”), Shell Deutschland Oil GmbH,·Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Ltd, The Shell Petroleum Company Ltd, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Shell”), RWE Dea AG u RWE AG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “RWE”) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Ix-xema’ tal-paraffin hija prodotta fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Hija tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħax-xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Ix-xema’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ xema’ tal-paraffin. Hija prodotta f’raffineriji bħala prodott sekondarju fil-produzzjoni taż-żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Hija tinbiegħ ukoll lil klijenti finali, pereżempju lil produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara li Shell Deutschland Schmierstoff informataha, b’ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar l-eżistenza ta’ akkordju filwaqt li ressqet quddiemha talba għal immunità abbażi tal- Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155,  iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 (KE) u 82 (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’verifiki fil-bini ta’ “H&R/Tudapetrol”, ta’ ENI, ta’ MOL kif ukoll f’dawk tal-kumpanniji tal-gruppi ta’ Sasol, ExxonMobil, Repsol u Total (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fid-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, fosthom Total France (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). B’ittra tal-14 ta’ Awwissu 2007 Total France wieġbet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

8        Fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li pparteċipat fiha Total France (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li kellha, il-Kummissjoni qieset li d-destinatarji, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produtturi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li jkopri t-territorju taż-ŻEE. Dan il-ksur kien jikkonsisti fi ftehim jew fi prattiki miftiehma li kienu jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensibbli fuq il-pjan kummerċjali li jaffettwa x-xema’ tal-paraffin (iktar ’il quddiem il-“parti prinċipali tal-ksur”). F’dak li jirrigwarda RWE (sussegwentement Shell), ExxonMobil, MOL, Repsol, Sasol u Total, il-ksur li jaffettwa lix-xema’ tal-paraffin kien jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew it-tqassim tas-swieq (iktar ’il quddiem it-“tieni parti tal-ksur”). Barra minn hekk, il-ksur imwettaq minn RWE, ExxonMobil, Sasol u Total kien jirrigwarda wkoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur”) (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew saħansitra laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul il-“laqgħat tax-xema’ ratba” ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

11      Skont id-deċiżjoni kkontestata, impjegati ta’ Total France kienu pparteċipaw direttament fil-ksur matul it-tul kollu tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li Total France kienet responsabbli minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju (premessi 555 u 556 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, Total France, bejn l-1990 u sat-tmiem tal-ksur, kienet, direttament jew indirettament, miżmuma f’ammont ta’ iktar minn 98 % minn Total SA. Il-Kummissjoni qieset li seta’ jiġi preżunt fuq din il-bażi li Total SA kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Total France, peress li ż-żewġ kumpanniji kienu jifformaw parti mill-istess impriża (premessi 557 sa 559 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala tweġiba għal domanda orali matul is-seduta dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà fuq il-kumpannija parent tagħha, ir-rikorrenti rriferiet għall-informazzjoni kollha kkomunikata minn Total SA fil-Kawżi marbuta T‑548/08, Total SA vs Il-Kummissjoni, deċiża f’dan il-jum. Fl-imsemmija kawża, Total SA ppreċiżat, bħala tweġiba għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li Total France kienet direttament jew indirettament miżmuma f’ammont ta’ 100 % minnha, matul il-perijodu inkwistjoni.

12      L-ammont tal-multi imposti f’din il-kawża ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji li jinsabu fil-punt 2 iktar ’il fuq.

13      Fil-każ tar-rikorrenti, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ annwali fis-swieq ikkonċernati. Dan kien jirrappreżenta EUR 31 133 865 (li minnhom EUR 1 993 620 għax-xema’ ratba).

14      Sussegwentement, fid-dawl tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni 18 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin u 15 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ ratba. L-ammonti hekk miksuba ġew immultiplikati, minħabba t-tul tal-ksur, b’koeffiċjent ta’ 13 għax-xema’ tal-paraffin u b’7 għax-xema’ ratba. Bl-istess mod, skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni inkludiet fl-ammont bażiku ammont addizzjonali (imsejjaħ “dritt ta’ dħul”) li jirrappreżenta 18 % tal-valur tal-bejgħ annwali tax-xema’ tal-paraffin u 15 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ ratba. Għalhekk, il-Kummissjoni wasslet għall-iffissar ta’ ammont bażiku tal-multa li jammonta għal EUR 75 390 000 għal Total (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Il-Kummissjoni ma rriteniet ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti fir-rigward tar-rikorrenti, b’mod li l-ammont bażiku tal-multa ma setax għalhekk jiġi aġġustat. Madankollu, abbażi tal-effett dissważiv, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali sinjifikattiv tal-grupp Total, il-Kummissjoni ffissat, skont il-paragrafu 30 tal-linji gwida tal-2006, koeffiċjent ta’ 1.7. Huwa b’hekk, billi l-ammont bażiku ġie mmultiplikat b’dan il-koeffiċjent, li l-Kummissjoni wasslet għall-ammont bażiku tal-multa aġġustat ta’ EUR 128 163 000

16      Fin-nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet dwar akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3), l-ammont bażiku aġġustat ta’ EUR 128 163 000 jammonta għall-ammont totali tal-multa (premessa 785 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) (KE) u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

[…]

Total France SA : mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005; u

Total SA : mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April 2005.

Fir-rigward tal-impriżi segwenti, il-ksur jikkonċerna wkoll, għall-perijodi indikati, ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż:

Total France SA : mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004; u

Total SA : mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004

[…]

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

ENI SpA : EUR  29 120 000;

Esso Société Anonyme Française : EUR 83 588 400,

li minnha flimkien u in solidum ma’

ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u ExxonMobi1 Corporation għal EUR 34 670 400, li minnu flimkien u in solidum ma’ Esso Deutschland GmbH għal EUR 27 081 600;

Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG : EUR 12 000 000;

Hansen & Rosenthal KG flimkien u in solidum ma’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH : EUR 24 000 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

H&R ChemPharm GmbH għal EUR 22 000 000;

MOL Nyrt. : EUR 23 700 000;

Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA flimkien u in solidum ma’ Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA : EUR 19 800 000;

Sasol Wax GmbH : EUR 318 200 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Limited għal EUR 250 700 000;

Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Limited, the Shell Petroleum Company Limited, Shell Petroleum NV u the Shell Transport and Trading Company Limited : EUR 0;

RWE-Dea AG flimkien u in solidum ma’ RWE AG : EUR 37 440 000;

Total France SA flimkien u in solidum ma’ Total SA : EUR 128 163 000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2008.

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonċernawha;

–        tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummimssjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, ir-rikorrenti tqajjem ħdax-il motiv.

22      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni dwar il-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-implementazzjoni ta’ prattiki li jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza dwar in-nuqqas ta’ għarfien tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-prattiki inkwistjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-linji gwida tal-2006 li jirriżultaw minn nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza tal-implementazzjoni tal-akkordju. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-linji gwida tal-2006 meta ġie ddeterminat il-perijodu ta’ riferiment li serva ta’ kalkolu għall-ammont bażiku tal-multa. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità dwar l-iffissar tal-perċentwali tal-valur ta’ bejgħ tax-xema’ ratba li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza dwar il-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-linji gwida tal-2006. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipji ta’ individwalizzazzjoni ta’ pieni u ta’ sanzjonijiet u ta’ proporzjonalità dwar l-iffissar tal-ammont addizzjonali tal-multa abbażi tal-effett dissważiv. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ġie ffissat l-ammont tal-multa. Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE dwar l-imputazzjoni tal-aġir antikompetittiv ta’ Total France lill-kumpannija parent tagħha, Total SA. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti qajmet it-tnax-il motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba l-inklużjoni fil-valur tal-bejgħ użat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa tad-dħul mill-bejgħ ta’ kumpanniji oħra li jifformaw parti mill-grupp Total.

23      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun utli li tibda billi teżamina t-tieni motiv.

1.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-prattiki li jirrigwardaw ix-xema’ tal-paraffin

24      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Sunt tal-ksur”, li d-destinatarji kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fir-rigward tax-xema’ tal-paraffin, dan il-ksur kien jikkonsisti fi “ftehim jew prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni sensibbli fuq il-livell kummerċjali” (parti prinċipali tal-ksur) u fit-“tqassim ta’ klijenti u/jew swieq” (it-tieni parti tal-ksur).

25      Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-provi dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-ksur, marbuta max-xema’ tal-paraffin, hija żbaljata. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 81 KE u l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

26      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fost l-aġir li jaqa’ taħt il-parti prinċipali tal-ksur, huma biss l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-istat tas-suq tax-xema’ tal-paraffin, il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli tal-prezz ipprattikat li jistgħu jiġu stabbiliti filwaqt li l-ftehim u l-prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin ma jistgħux validament jitqiesu kontriha fuq il-bażi tal-provi tal-proċess.

27      Fit-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni illegalment injorat l-assenza ta’ prova dwar l-implementazzjoni tal-ftehim ta’ ffissar tal-prezz.

28      Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li l-provi li jinsabu fil-proċess ma jippermettux li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħha fit-tieni parti tal-ksur, jiġifieri fit-tqassim tas-swieq ġeografiċi u tal-klijenti matul il-laqgħat tekniċi f’dak li jikkonċerna x-xema’ tal-paraffin.

29      Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi ekonomika tal-prezzijiet ta’ bejgħ li hija pprovdiet ixxejjen l-allegata adeżjoni tagħha fi ftehim dwar l-iffissar tal-prezz.

 Osservazzjonijiet preliminari

 Fuq il-kunċett ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma

30      Skont l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u huma pprojbiti l-ftehim kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

31      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod iddeterminat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal‑20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

32      Jista’ jiġi kkunsidrat li ġie konkluż ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE meta jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

33      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkonċerna forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għal ftehim veru u proprju, xjentement tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

34      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta fuq dan tal-aħħar, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

 Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

35      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi meħtieġa biex tintwera, kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tiġi adita b’rikors għal annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, hija għandha teżerċita, b’mod ġenerali, stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ġewx issodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif meħtieġ mil-liġi jekk jibqgħalha dubji fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 60).

38      Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li d-diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur minn naħa ta’ impriża tal-Artikolu 81(1) KE ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għandu jiġi osservat ukoll, li fil-prattika, il-Kummissjoni hija spiss obbligata tipprova l-eżistenza ta’ ksur f’ċirkustanzi li ma tantx huma xierqa għal dan il-kompitu, inkwantu setgħu għaddew diversi snin wara ż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li x’uħud mill-impriżi li kienu suġġetti tal-investigazzjoni ma jkunux ikkooperaw b’mod attiv magħha. Għalkemm il-Kummissjoni ta’ bilfors għandha tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illeċitu ta’ ffissar tal-prezz, ikun eċċessiv li tintalab, barra minn hekk, li tipproduċi prova tal-mekkaniżmu speċifiku li permezz tiegħu għandu jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, ikun wisq faċli għal impriża akkużata bi ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ tinvoka l-argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament tal-ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod utli f’tali sitwazzjoni, sakemm huma jkollhom il-possibbiltà li jikkumentaw fuq il-provi kollha invokati fil-konfront tagħhom mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 203).

42      Fil-fatt, fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati biex ikun stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju dominanti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72).

43      Fir-rigward tal-valur probatorju tad-diversi provi, l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ‘il fuq, punt 72).

44      Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1053 u 1838).

45      Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed għal dawn tal-aħħar li juru l-eżistenza ta’ fatti li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li spjegazzjoni oħra plawsibbli tal-fatti tissostitwixxi dik użata minnha biex jiġi konkluż li hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 186).

46      Min-naħa l-oħra, fil-każijiet li fihom il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi dokumentali, l-impriżi kkonċernati għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawsibbli għat-teżi tal-Kummissjoni, iżda saħansitra li jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 187). Tali produzzjoni tal-provi ma tiksirx il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 181).

47      Billi l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tintalab li tipproduċi l-atti li juru b’mod espliċitu l-kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri tali atti, dawn ikunu normalment frammentati u sparpaljati, b’mod li sabiex ċerti dettalji jiġu kkostitwiti mill-ġdid ikun hemm spiss bżonn li dawn jiġu dedotti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ akkordju antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57; ara wkoll is-sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Mill-prinċipju tal-produzzjoni libera tal-provi jirriżulta li, minkejja li l-assenza ta’ provi dokumentali tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali ta’ sensiela ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, waħedha, hija ma għandhiex il-konsegwenza li tippermetti lill-impriża kkonċernata li tqiegħed inkwistjoni l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan ikun il-każ biss meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mingħajr ekwivoku u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Coat Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

49      Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq l-ewwel parti, dwar l-allegata assenza ta’ provi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-ftehim jew il-prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin

50      Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-prinċipji applikati mill-Kummissjoni matul l-evalwazzjoni tal-provi u tqiegħed inkwistjoni l-provi dwar il-laqgħat tekniċi li permezz tagħhom ftehim jew prattika miftiehma intiża għall-iffissar tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin ġiet ikkonstatata mill-Kummissjoni.

 Fuq id-deskrizzjoni tal-parti prinċipali tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata

51      Fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Prinċipji bażiċi u funzjonament tal-akkordju ”, il-Kummissjoni ddeskriviet il-kontenut tal-prattiki tal-iffissar tal-prezz b’dan il-mod:

“ […]

(106)      Il-laqgħat tekniċi dejjem inqasmu f’żewġ partijiet: diskussjoni inizjali dwar kwistjonijiet tekniċi, u wara diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva dwar, fost l-oħrajn, l-iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-swieq u tal-klijentela (f’ċerti każijiet), u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensibbli dwar il-pjan kummerċjali bħal pereżempju l-politika tal-prezz attwali u futur, il-klijenti, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-volumi ta’ bejgħ.

(107)      Id-diskussjonijiet dwar il-prezz u ż-żieda tal-prezz potenzjali normalment kienu jseħħu lejn l-aħħar tal-laqgħat tekniċi. Ġeneralment, Sasol kienet teżamina d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet, iżda sussegwentement il-prezzijiet u l-istrateġiji politiċi tal-prezz kienu jiġu diskussi mill-parteċipanti kollha permezz tal-involviment ta’ kull membru bilqiegħda mal-mejda. Id‑diskussjonijiet kienu jikkonċernaw kemm iż-żieda tal-prezz u l-prezzijiet indikattivi għal klijenti speċifiċi u ż-żieda tal-prezz ġenerali, kif ukoll il-prezzijiet minimi u l-prezzijiet indikattivi għas-suq kollu. Iż-żidiet tal-prezz kienu normalment miftiehma f’ċifri assoluti u mhux f’perċentwali (pereżempju, EUR 60 għal kull tunnellata għax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata). Il-prezzijiet minimi kienu mhux biss miftiehma meta kien hemm ftehim għal żieda fil-prezz, iżda wkoll meta żieda fil-prezz ma kinitx tista’ sseħħ (pereżempju, fil-perijodu ta’ tnaqqis tal-prezz).

[…]

(109)      Ir-rappreżentanti tal-impriżi kienu jaqsmu ma’ xulxin, barra minn hekk, informazzjoni kummerċjali sensibbli u kienu jħabbru l-istrateġija ġenerali tagħhom.

(110)      L-impriżi, bl-eċċezzjoni ta’ MOL, kienu rrappreżentati minn persuni li kellhom is-setgħa li jiddeterminaw l-istrateġija tal-prezz tal-impriża rispettiva tagħhom u li jiffissaw il-prezzijiet għal klijenti partikolari […]

(111)      Matul il-parti l-kbira tal-laqgħat tekniċi, id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kienu ġeneralment jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin u rarament biss id-differenti tipi ta’ xema’ tal-paraffin (bħax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata, ix-xema’ tal-paraffin nofsha raffinata, it-taħlit ta’ xema’/speċjalizzata, ix-xema’ tal-paraffin solida jew l-idroxema’). Barra minn hekk, kien ċar għall-impriżi kollha li l-prezzijiet għal kull tip ta’ xema’ tal-paraffin kellu jiżdied bl-istess ammont jew bl-istess perċentwali.

[…]

(113)      Ir-riżultat tal-laqgħat tekniċi kienu ġeneralment implementati permezz tat-tħabbir ta’ żieda fil-prezz lill-klijenti jew l-annullament tat-tabella tariffarja eżistenti. Il-każijiet okkażjonali ta’ qerq jew ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni kienu jiġu diskussi matul il-laqgħat segwenti (ara, pereżempju, il-premessi 149 u 157). Ġeneralment, waħda mill-impriżi rrappreżentata kienet tieħu l-inizjattiva u tibda tgħolli l-prezzijiet tagħha. Ġeneralment, din l-impriża kienet tkun Sasol, iżda din ġieli kienet titlob li parteċipant ieħor jieħu l-inizjattiva. Ftit wara t-tħabbir minn impriża lill-klijentela dwar l-intenzjoni tagħha li żżid il-prezzijiet, il-fornituri l-oħra kienu jsegwu l-moviment u kienu jħabbru wkoll żidiet fil-prezz. Il-persuni li kienu jirrappreżentaw l-impriżi matul il-laqgħat tekniċi kienu jinformaw lill-oħrajn dwar l-attività meħuda biex jiġu applikati r-riżultati tal-laqgħat tekniċi. Din l-informazzjoni kienet tingħata oralment jew permezz ta’ kopja tat-tħabbir taż-żieda tal-prezz jew tal-annullament tal-prezz ikkonċernat lil wieħed jew lill-impriżi l-oħra kollha involuti. Il-Kummissjoni fil-fatt skopriet li tali tħabbir kien skambjat bejn il-partijiet. Kampjun ta’ xi 150 ittra ta’ dan it-tip ġie identifikat bħala li ġie skambjat fis-sitt ġimgħat wara l-laqgħat tekniċi. Ġie wkoll iddikjarat li, skont ftehim, l-impriżi rrappreżentati ma setgħux japprofittaw mill-applikazzjoni ta’ żieda tal-prezz miftiehem sabiex iżidu s-sehem tagħhom fis-suq. Din id-dikjarazzjoni ma ġietx ikkontestata fit-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

52      Fil-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Informazzjoni dettaljata dwar il-laqgħat tekniċi”, il-Kummissjoni l-ewwel nett ippreżentat tabella b’sommarju li tindika l-post u d-data tal-laqgħat tekniċi kif ukoll l-impriżi preżenti (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement hija eżaminat il-provi disponibbli dwar kull waħda mil-laqgħat tekniċi (premessi 126 sa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Fil-punt 5.3 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Natura tal-ksur inkwistjoni”, il-Kummissjoni ppreċiżat il-prinċipji li jirregolaw il-klassifikazzjoni tal-aġir antikompetittiv, applikabbli f’din il-kawża:

“ […]

(205)      Fil-każ ta’ ksur kumpless li jdum għaddej, ma hemmx bżonn li l-Kummissjoni tikklassifikah (ftehim jew prattika miftiehma). Il-kunċetti (ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma) huma vagi u jistgħu jikkoinċidu. L-aġir antikompetittiv jista’ ċertament ivarja f’mument jew ieħor, jew il-mekkaniżmi tiegħu jistgħu jiġu adottati jew imsaħħa sabiex jittieħed kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Fil-fatt, tali distinzjoni tista’ wkoll tkun impossibbli, sa fejn ksur jista’ fl-istess ħin jirrappreżenta l-karatteristiċi ta’ kull waħda mill-forom ta’ aġir ipprojbit, filwaqt li, ikkunsidrati waħdehom, ċertu aġir tagħhom jista’ jiġi ddefinit bħala li jaqa’ preċiżament taħt forma waħda jew l-oħra. Madankollu, ikun artifiċjali li fl-analiżi jinqasam dak li jikkostitwixxi b’mod ċar l-implementazzjoni tal-aġir li għandu biss għan wieħed u uniku f’forom differenti ta’ ksur. Akkordju jista’ għalhekk jikkostitwixxi kemm ftehim kif ukoll prattika miftiehma. L-Artikolu 81 KE ma jipprovdix klassifikazzjoni speċifika għal ksur kumpless tat-tip bħal dak deskritt fid-deċiżjoni preżenti.

(206)      Fil-preżenza ta’ bosta membri f’akkordju li l-aġir tiegħu jista’ jitqies, fuq medda ta’ żmien, bħala ftehim jew prattika miftiehma (ksur kumpless), il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn tevalwa b’mod preċiż f’liema kategorija għandu jaqa’ kull wieħed mill-aġir” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      Sussegwentement, fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-kontenut tal-ksur bil-mod segwenti:

“5.3.2 Applikazzjoni

(210)      Ġie stabbilit permezz tal-fatti deskritti fil-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni li l-impriżi kollha li jifformaw parti minn din il-proċedura pparteċipaw f’attivitajiet kollużivi dwar ix-xema’ tal-paraffin u, għall-kumpanniji identifikati fil-premessa 2, ix-xema’ ratba […] u li huma regolarment ipparteċipaw f’laqgħat li matulhom l-elementi segwenti ġew diskussi:

1)      l-iffissar tal-prezz [ ;]

2)      […] it-tqassim tal-klijenti u/jew it-tqassim ta’ swieq [ ;]

3)      l-iżvelar u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensibbli, b’mod partikolari fuq il-klijenti, it-tariffi, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-volumi ta’ bejgħ [ ;]

[…]

5.3.2.2. L-Iffissar tal-prezz

(240) Il-premessi 98, 107, 126, 128, 131, 133, 135, 137, 139, 140, 142, 145, 147, 149, 152, 153, 156, 157, 163, 168, 174, 176 u 177 juru li l-impriżi inkwistjoni kienu jiffissaw tariffi minimi u kienu jiftiehmu meta jgħollu t-tariffi (‘iffissar tal-prezz’).

(241) ExxonMobil, Repsol, Sasol u Shell ikkonfermaw l-eżistenza ta’ prattiki ta’ ffissar tal-prezz [ara il-premessa 107] u kkonfermaw mill-ġdid din l-informazzjoni matul is-seduta tagħhom kif ukoll fit-tweġibiet bil-miktub għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

55      Fir-rigward tar-rikorrenti, mill-anness tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija kienet preżenti għal 39 laqgħa teknika u “laqgħat dwar ix-xema’ ratba”, minn total ta’ 51 laqgħa organizzati matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim, jiġifieri bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-28 ta’ April 2005.

 Fuq il-valur probatorju tal-provi miġbura mill-Kummissjoni

56      L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-provi dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet organizzati matul il-laqgħat tekniċi, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata. L-imsemmija provi jikkonsistu f’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi u f’noti miktuba bl-idejn kontemporanji tal-laqgħat tekniċi, ippreparati jew matul laqgħa teknika partikolari, jew ftit wara, u li jiddeskrivu l-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew matulha.

57      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-prinċipji ta’ interpretazzjoni tal-provi li l-Kummissjoni applikat fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentali.

–       Id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi

58      Għandu jiġi rrilevat li, skont id-dikjarazzjoni ta’ Sasol tat-12 ta’ Mejju 2005, b’mod ġenerali, il-laqgħat tekniċi kienu jagħtu lok għal attività kollużiva, sa fejn matulhom kienu jiġu diskussi ż-żidiet u t-tnaqqis tal-prezz u li l-informazzjoni fuq il-prezzijiet gross u l-ippjanar fil-qasam tal-kapaċitajiet tagħhom kienu jiġu skambjati.

59      Skont id-dikjarazzjoni ta’ Repsol tad-19 ta’ Mejju 2005, diskussjoni fuq il-livelli tal-prezz applikati mill-parteċipanti kienet tifforma parti mil-laqgħat tekniċi.

60      Shell iddikjarat li l-laqgħat tekniċi kollha kienu jirrigwardaw l-iffissar tal-prezz. Skont id-dikjarazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ġunju 2006, tal-inqas mill-1999, minn meta r-rappreżentat li ta x-xhieda beda jipparteċipa fil-laqgħat tekniċi, il-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin qatt ma ġew deċiżi b’mod unilaterali, iżda dejjem ġew miftiehma mill-kompetituri matul il-laqgħat tekniċi.

61      Barra minn hekk, l-istess impriżi sostnew ukoll, fl-istess dikjarazzjonijiet, li, matul bosta mil-laqgħat tekniċi, il-parteċipanti effettivament qablu fuq il-prezzijiet minimi jew fuq iż-żidiet tal-prezz, ġieli saħansitra fuq id-daqs taż-żieda. Barra minn hekk, mill-imsemmija dikjarazzjonijiet jirriżulta li Total ipparteċipat bi sħiħ f’dawn l-arranġamenti antikompetittivi.

62      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirreferi għad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (ara l-punti 58 sa 61 iktar ’il fuq) fil-premessi 107 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata.

63      Ir-rikorrenti tirrileva li d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tal-Kooperazzjoni tal-2002 għandhom valur probatorju limitat, b’mod speċjali meta dawn ma jkunux ikkorroborati minn ebda prova. Fil-fatt, l-imsemmija dikjarazzjonijiet huma ta’ natura suġġettiva u intiżi li “jwaħħlu fl-oħrajn milli pjuttost fihom”. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol u ta’ Repsol fuq il-gravità tal-ksur kienu seħħew abbażi tal-“inċitament tal-Kummissjoni” u sabiex ikomplu jgawdu mill-benefiċċju tat-talbiet tagħhom ta’ kooperazzjoni.

64      Għandu jiġi rrilevat li tali argumenti diġà ġew eżaminati u miċħuda mill-qorti tal-Unjoni.

65      Skont il-ġurisprudenza, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinqeda, fil-konfront ta’ impriża, b’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 192).

66      Valur probatorju partikolarment għoli jista’ jiġi rikonoxxut lid-dikjarazzjonijiet li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, li jsiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’ nett, li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il‑ħames nett, li ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).

67      Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà, invokata mir-rikorrenti, li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak tal-parteċipanti l-oħra, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv magħmul biex il-Kummissjoni taqa’ fi żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-applikant u, għadaqstant, jipperikola l-possibbiltà tiegħu li jibbenefika kompletament mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

68      B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tistqarr li wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; tas-26 ta’ April  2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 166, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

69      F’din il-kawża, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ġew magħmula fuq il-bażi tax-xhieda ta’ persuni li pparteċipaw fil-laqgħat tekniċi, wara riflessjoni fil-fond, u jinkriminaw ukoll l-impriżi li f’isimhom huma pparteċipaw. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjonijiet hemm qbil dwar il-linji ġenerali tad-deskrizzjoni tal-ksur, fatt li jżid l-affidabbiltà tagħhom. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dawn huma partikolarment affidabbli.

70      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssemmi l-ebda riferiment jew prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol u ta’ Repsol kienu ngħataw abbażi tal-“inċitament tal-Kummissjoni”. Barra minn hekk, l-ebda inċitament għat-tkabbir tal-gravità tal-ksur ma jirriżulta mill-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni tal-2002 u lanqas ma jista’ jiġi kkonstatat f’din il-kawża. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol, ta’ Repsol u ta’ ExxonMobil ingħataw wara l-verifiki, b’mod li dawn l-impriżi ma setgħux jaħsbu li kellhom probabbiltà kbira li huma tal-ewwel li ser jippreżentaw informazzjoni li ser tippermetti lill-Kummissjoni biex tordna verifika jew tikkonstata l-eżistenza ta’ akkordju (ara l-punt 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002). Għalhekk, fil-fehma tagħhom, huma setgħu leġittimament jaħsbu li jistgħu tal-inqas jirċievu tnaqqis ta’ massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-multa (ara l-punt 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm l-ebda raġuni ekonomika li setgħet tinkoraġġixxi lill-impriżi msemmija iktar ’il fuq biex jippreżentaw il-ksur bħala li huwa iktar gravi milli fil-verità kien, għaliex iż-żieda fil-gravità tal-ksur kien ikollha l-effett li żżid l-ammont tal-multi tagħhom. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-preżentazzjoni ta’ provi foloz fid-dikjarazzjonijiet jistgħu jċaħħdu l-impriża inkwistjoni mill-benefiċċju tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

71      Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq l-allegata “inċitament” sabiex l-impriżi jippreżentaw talba ta’ kooperazzjoni li turi l-ksur bħala iktar gravi milli fil-verità kien għandhom jiġu miċħuda.

72      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ impriża li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn bosta impriżi akkużati u li ma hijiex sostnuta minn ebda elementi oħra.

73      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 219 u 220).

74      Madankollu, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq dikjarazzjoni ta’ parteċipant wieħed li ġiet ikkontestata mill-parteċipanti l-oħra, iżda fuq dikjarazzjonijiet indipendenti magħmula minn bosta impriżi, li jaqblu dwar il-linji ġenerali tad-deskrizzjoni tal-ksur (ara l-punti 58 sa 61 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq numru kbir ta’ provi dokumentali li jsaħħu u jikkorroboraw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi, li parti minnha ser tiġi eżaminata fil-punt 76 et seq iktar ’il quddiem.

75      Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni jifformaw parti mill-provi kollha li juru li hemm ftehim jew prattiki miftiehma li jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin deċiżi matul il-laqgħat tekniċi li pparteċipat fihom ir-rikorrenti. Għalhekk, l-argumenti tagħha li jqiegħdu inkwistjoni l-valur probatorju għandhom jiġu miċħuda.

–       Provi dokumentali

76      Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi riferimenti għal numru kbir ta’ provi dokumentali kontemporanji misjuba fil-bini tal-impriżi kkonċernati matul l-ispezzjonijiet. Dawn il-provi dokumentali jikkonsistu, fil-parti l-kbira, f’noti miktub bl-idejn ta’ MOL u f’minuti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol.

77      Ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju ta’ dawn il-provi dokumentali. Hija ssostni li, peress li n-noti miktuba bl-idejn, bħal dawk ta’ MOL, ittieħdu matul laqgħat tekniċi, dawn ma humiex eżawrjenti u jinkludu sinjali jew simboli li t-tifsira hija magħrufa mill-awtur tagħhom biss. Fir-rigward tal-minuti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol, il-valur probatorju tagħhom huwa limitat sa fejn dawn la ġew redatti matul il-laqgħat tekniċi u lanqas minn persuna li pparteċipa fl-imsemmija laqgħat. Barra minn hekk, ċertu informazzjoni inkluża f’dawn il-minuti kienu r-riżultat ta’ xniegħat li ntqalu barra mill-kuntest tal-laqgħat tekniċi. L-argument tal-Kummissjoni li dawn ittieħdu in tempore non suspecto ma jistax jinżamm speċjalment peress li l-qari tagħhom hija rarament ċara.

78      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellhom l-oppportunità li jeżaminaw u li jiċħdu tali argumenti.

79      Għalhekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, peress li l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehim antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa effettivament komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehim iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li jiżvelaw b’mod espliċitu kuntatt illegali bejn operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħa, normalment dawn ikunu biss frammentarji u sparpaljati, b’mod li spiss ikun neċessarju li wieħed jikkostitwixxi mill-ġdid ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet.

80      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fl-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi dokumentali, għandu jingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ġie stabbilit b’rabta immedjata mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 181) jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 207).

81      L-assenza ta’ data jew ta’ firma ta’ dokument jew il-fatt li ma nkitibx tajjeb ma tnaqqaslux is-saħħa probatorja kollha tiegħu, b’mod partikolari meta l-oriġini tiegħu, id-data probabbli tiegħu u l-kontenut tiegħu jistgħu jiġu ddeterminati b’ċertezza suffiċjenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 124 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 86).

82      Issa, f’din il-kawża, kif il-Kummissjoni argumentat fil-premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata, in-noti ta’ MOL tħejjew matul il-laqgħat mill-persuna li kienet assistit għalihom u l-kontenut tagħhom huwa strutturat u relattivament iddettaljat. Għalhekk, il-valur probatorju ta’ dawn in-noti huwa għoli ħafna. Il-minuti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol huma dokumenti li joriġinaw f’perijodu meta seħħew il-fatti u ġew redatti in tempore non suspecto, jiġifieri ftit wara kull laqgħa teknika. Anki jekk il-persuna li kitbithom ma kinitx preżenti għal-laqgħat tekniċi, dawn huma bbażati fuq informazzjoni miksuba minn parteċipant. Għalhekk, il-valur probatorju ta’ dawn il-minuti huwa wkoll għoli.

83      Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jqiegħdu inkwistjoni l-valur probatorju tal-provi dokumentali li jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-eżami ddettaljat tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-laqgħat tekniċi partikolari

84      Ir-rikorrenti ssostni li, f’36 laqgħa teknika minn 52, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-parteċipanti wasslu għal ftehim fuq il-prezzijiet. L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna erba’ laqgħat tekniċi, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li hija ma kinitx ċerta li dawn il-laqgħat seħħew jew li l-kontenut ta’ dawn il-laqgħat ma setgħux jiġu stabbiliti. It-tieni nett, fir-rigward ta’ 12-il laqgħa teknika, il-Kummissjoni ammettiet fid-deċiżjoni kkontestata li hija ma kellhiex indikazzjoni oħra dwar il-kontenut tagħhom ħlief id-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti parteċipanti, li jipprovdu li dawn il-laqgħat kellhom għan antikompetittiv, mingħajr ma n-natura tal-aġir inkwistjoni ġie preċiżament identifikat. It-tielet nett, fir-rigward tas-6 laqgħat tekniċi l-oħra, il-Kummissjoni ma semmietx fid-deċiżjoni kkontestata li dawn kienu dwar diskussjonijiet li jikkonċernaw il-prezz. Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-14-il laqgħa teknika l-oħra, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm informazzjoni fuq il-prezzijiet ġiet skambjata, l-ebda ftehim dwar iż-żieda u, a fortiori, fuq il-livell komuni ta’ żieda ma ġie konkluż u li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx ċerta mir-riżultat ta’ dan l-iskambju.

85      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddeċidiet li l-parteċipanti kienu waslu għal ftehim fuq il-prezzijiet biss f’16-il laqgħa teknika. Hija tippreżenta argument iddettaljat fuq l-allegata evalwazzjoni żbaljata tal-provi fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-laqgħat tekniċi.

86      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-laqgħa teknika tat-3 u tal-4 ta’ Settembru 1992, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-minuti ta’ laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol li jsemmu “sat-22/11, prezz ‘0’”. Minn dan hija tiddeduċi li, matul din il-laqgħa, huma qablu li ma jemendawx il-prezzijiet.

87      Ir-rikorrenti ssostni li l-minuti ta’ Sasol jirrigwardaw komunikazzjoni interna bejn żewġ impjegati ta’ Sasol, fejn K jgħid ’il O biex il-prezz ma jinbidilx, b’mod li l-imsemmija minuti ma jurux l-eżistenza ta’ ftehim deċiż matul il-laqgħa teknika.

88      Għandu jiġi kkonstatat li Sasol interpretat dan ir-riferiment bħala li jistabbilixxi ftehim biex ma jinbidlux il-prezzijiet f’dikjarazzjoni magħmula fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, jirriżulta minn bosta minuti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol u mid-dikjarazzjonijiet tagħha li, permezz ta’ dawn il-minuti, K, rappreżentant ta’ Sasol matul il-laqgħat tekniċi, informa lil O bil-kontenut tad-diskussjonijiet organizzati matul l-imsemmija laqgħat. Barra minn hekk, iċ-ċifra “0” spiss kienet użata mill-parteċipanti biex jinżamm il-prezz. Għalhekk, minkejja li, b’mod speċifiku, il-minuti inkwistjoni jikkostitwixxu komunikazzjoni interna bejn K u O, xorta jibqa’ l-fatt li huma jixhdu ftehim biex il-prezzijiet ma jinbidlux, konkluż matul il-laqgħa teknika inkwistjoni. Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

89      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tikkontradixxi lill-Kummissjoni li l-ebda żieda ma ġiet miftiehma matul dawn il-laqgħat. Fil-fatt, ftehim fuq iż-żamma tal-prezzijiet huwa wkoll ftehim dwar l-iffissar tal-prezz, ladarba hemm qbil bejn il-volontajiet tal-parteċipanti dwar l-applikazzjoni tal-livell tal-prezz li huma ffissaw flimkien.

90      Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha,fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-laqgħa teknika inkwistjoni biex tikkonkludi li “l-impriżi inkwistjoni kienu jiffissaw tariffi minimi”.

91      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-laqgħa tat-23 u tal-24 ta’ Novembru 1992, il-Kummissjoni ssemmi, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, nota ta’ MOL li ssemmi “l-ewwel tliet xhur – żamma tal-prezzijiet – skambju ta’ informazzjoni meta meħtieġ – prezz minimu”. Hija ddeduċiet li dan juri l-eżistenza ta’ ftehim dwar iż-żamma tal-prezzijiet.

92      Skont ir-rikorrenti, ir-referenza li tinsab fin-nota ta’ MOL hija “nieqsa minn sens” sa fejn hija ma tistax tintrabat ma’ prezz definit. Barra minn hekk, MOL ma kkonfermatx din l-interpretazzjoni u li interpretazzjoni oħra, li tipponta lejn sempliċi skambju ta’ informazzjoni kienet tkun ukoll kredibbli.

93      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ispjegazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma hijiex plawsibbli. Fil-fatt, l-ebda isem ta’ impriża ma ġie speċifikat f’din ir-referenza, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li din hija komunikazzjoni unilaterali. Sabiex jittieħed ezempju kuntrarju, in-nota ta’ Sasol, dwar il-laqgħa “Blauer Salon” tas-17 u tat-18 ta’ Settembru 1996, kienet tinkludi r-referenza“MOL, HU DEM 110,- flü.ffr ab 1/10.96”. Il-Kummissjoni kkonkludiet fuq din il-bażi li dan “juri li l-persuni li jirrappreżentaw l-impriżi f’din il-laqgħa [kienu] iddiskutew l-intenzjonijiet futuri tagħhom fil-qasam tal-politika tal-prezz u stqarrewhom” (premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

94      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha, fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq din il-laqgħa teknika biex tikkonkludi li “l-impriżi inkwistjoni kienu jiffissaw tariffi minimi” (ara punt 89 iktar ’il fuq). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

95      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-laqgħa tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 1995 (premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipanti sempliċement skambjaw informazzjoni fuq il-prezz tagħhom.

96      Din l-interpretazzjoni hija kontradetta mill-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol, kif interpretata minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, u min-nota ta’ MOL dwar din il-laqgħa.

97      Fil-fatt, in-nota ta’ MOL tinkludi l-elementi segwenti :

“ 11. Schümann DEM 970, - prezz minimu.

[…]

13. Total DEM 920,- li għandu jiżdied bi DM 950 .- DM 970 ,- previst għall-aħħar tas-sena

[…]

15. aħna ser inżidu għal 900 ”.

98      Il-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol jindikaw “Preise hoch per 1/1.95”. Barra minn hekk, skont it-tweġiba ta’ Sasol tas-16 ta’ Diċembru 2006 għal talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, id-data kienet ġiet indikata b’mod żbaljat, b’mod li, fil-fatt, iż-żieda fil-prezz kienet ippjanata għall-1 ta’ Jannar 1996. Skont l-imsemmija tweġiba, dan jirrifletti r-riżultat tal-laqgħa tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 1995.

99      Għalhekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-parteċipanti f’din il-laqgħa “skambjaw informazzjoni fuq il-politika futura tagħhom dwar il-prezz u ddiskutew u ffissaw żidiet tal-prezz kif ukoll il-prezzijiet minimi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tistrieħ fuq għadd ta’ provi partikolarment koerenti. Id-dikjarazzjoni ta’ Sasol ixxejjen kwalunkwe inċertezza dwar l-eżistenza ta’ qbil tal-volontajiet fuq iż-żieda tal-prezzijiet. Is-sempliċi fatt li l-livell taż-żieda u dak tal-prezzijiet minimi jvarja minn impriża għall-oħra huwa mingħajr effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ din il-laqgħa bħala li tat lok għal ftehim għall-iffissar tal-prezz, peress li l-espressjoni “ffissar tal-prezz” ma timplikax l-applikazzjoni ta’ prezz uniku għall-parteċipanti kollha.

100    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-laqgħa teknika tat-22 u tat-23 ta’ Frar 1996, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq nota ta’ MOL li tinkludi l-indikazzjonijiet segwenti “Xema’ tal-paraffin – il-livelli kollha ta’ kwalita – l-istess prezz DEM 108 ; Klijenti żgħar/kbar – l-istess prezz DEM 108; xema’ ta’ immersjoni DEM 1200-1250”. Skont l-imsemmija premessa, dan juri li l-impriżi parteċipanti qablu fuq il-prezz tax-xema’ tal-paraffin.

101    Ir-rikorrenti tqis li l-qari globali ta’ din in-nota ma jippermettix li tinsilet tali konklużjoni. Fil-fatt, l-informazzjoni ġiet ippreżentata fl-istil abittwali tan-noti ta’ MOL, jiġifieri “permezz tal-involviment ta’ kull membru bilqiegħda mal-mejda” li jikkonsisti fit-teħid tal-informazzjoni żvelata u skambjata mill-parteċipanti.

102    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li Sasol u Repsol ikkonfermaw, indipendentament waħda mill-oħra, in-natura antikompetittiva tal-laqgħa teknika tat-22 u tat-23 ta’ Frar1996. Barra minn hekk, l-imsemmija nota ta’ MOL tinkludi wkoll ir-referenza “mill-1.8. DEM 80/t ser jiżdied kullimkien”, jiġifieri d-data u l-livell taż-żieda tal-prezzijiet.

103    Għalhekk, il-Kummissjoni korrettament stabbiliet fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata li, matul din il-laqgħa teknika, l-impriżi inkwistjoni kienu ffissaw prezzijiet minimi u kienu ftiehmu dwar iż-żidiet tariffarji.

104    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-laqgħa tal-14 u tal-15 ta’ Mejju 1996 (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata), il-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol jindikaw is-segwenti :

“Il-punt tat-tluq kien iż-żieda tal-prezz fit-tieni nofs tal- 1996

- D + F : mill-1.8.96 xemgħa – FRP min 115,- nto nto flü ffr

Xemgħa bi platt tat-tisħin 115 %

Xemgħa għal użu matul il-funerali 115 %

solidu + 5 % fuq il-prezz attwali

mixer FRP min 105,- nto, nto flü ffr”.

105    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li “l-impriżi Ġermaniżi u Franċiżi involuti kienu ftiehmu matul id-diskussjonijiet biex iżidu l-prezzijiet matul it-tieni nofs tal-1996 billi ppjanaw iż-żieda tax-xema’ tal-paraffin għax-xemgħat fl-1 ta’ Awwissu 1996 ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

106    Ir-rikorrenti ssostni li ma hemmx ftehim fuq il-prezzijiet u li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx preżenti matul din il-laqgħa.

107    Dawn l-argumenti ma jikkompromettux l-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, it-tweġiba ta’ Sasol tas-16 ta’ Diċembru 2006 għal talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni tindika mingħajr ekwivoku li kien hemm ftehim fuq il-prezzijiet matul din il-laqgħa.

108    Il-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipatx f’din il-laqgħa ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkonkludi b’mod ġenerali li hija kienet ipparteċipat fil-ftehim għall-iffissar tal-prezzijiet u li tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward il-provi dwar din il-laqgħa. Impriża tista’ tinżamm responsabbli għal akkordju komprensiv anki jekk jiġi stabbilit li ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxuh peress li, min-naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex ifixkel l-andament normali tal-kompetizzjoni, u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 370 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Issa, skont it-tweġiba ta’ Sasol tas-16 ta’ Diċembru 2006 għal talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, Sasol saret taf, permezz ta’ telefonati li seħħew wara l-laqgħa, li Total kienet effettivament żiedet il-prezzijiet tagħha għal DEM 115 għal kull 100 kg, iżda kienet tat bonuses għal ċerti sottokategoriji ta’ prodotti. Għalhekk, ir-rikorrenti mhux biss ġie informat bil-ftehim konkluż matul il-laqgħa inkwistjoni, iżda applikat parzjalment ir-riżultat tagħha. Peress li dan l-element fid-dikjarazzjoni, li ċertament jirrigwarda l-aġir tar-rikorrenti, bl-ebda mod ma seta’ jnaqqas mir-responsabbiltà ta’ Sasol, u peress li din tal-aħħar setgħet titlef mill-benefiċċju tal-kooperazzjoni li kieku hija pprovdiet informazzjoni falza lill-Kummissjoni, u li fi kwalunkwe każ, Sasol enfasizzat li l-involviment tar-rikorrenti fil-ftehim kien biss parzjali, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn l-affidabbiltà ta’ din id-dikjarazzjoni għandha titqiegħed inkwistjoni.

110    Fis-sitt lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-laqgħat tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata) u tal-5 u tas-6 ta’ Mejju 1998 (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Għandu jiġi rrilevat li l-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” dwar l-ewwel laqgħa jindikaw is-segwenti :

.

“Data

Żieda

Prezz min.

√ SCHS, D

.

.

.

√ Dea, D

.

.

.

√ SRS-Tuda, D

.

.

.

√ MOL, HU

1.1.

.

.

√ Total, F

1.1.

DEM 10,-

DEM 120

Mobil-Bp, F

.

.

.

√ Repsol, E

.

.

.

√ Agip, I

1.1.

DEM 10 ”

.

112    Sassol iddikjarat li minn dawn il-minuti jirriżulta li l-parteċipanti kollha impenjaw ruħhom biex iżidu l-prezzijiet minn DEM 10 għal DEM 12 għal kull 100 kg, li Total u Agip kienu xtaqu li jżidu l-prezzijiet b’DEM 10 u li dan kellu jwassal għal prezz minimu ta’ DEM 120 għal kull 100 kg, tal-inqas għal Total.

113    Il-livelli u d-dati għaż-żieda ġew totalment ikkonfermati minn żewġ noti dwar din il-laqgħa, misjuba fil-bini ta’ MOL.

114    Ir-rikorrenti sempliċement issostni li hemm spjegazzjoni oħra għan-noti misjuba għand MOL, li tipprovdi li l-prezzijiet tad-diversi tipi ta’ xema’ tal-paraffin kienu nqraw b’vuċi għolja minn wieħed mill-parteċipanti. Madankollu, din l-allegata spjegazzjoni hija ċarament kontradetta mill-minuti ta’ Sasol, kif interpretati minnha, li fil-konfront tagħha r-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda argument.

115    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti, li d-dati differenti taż-żidiet previsti juru li l-parteċipanti ma wasslu għall-ebda ftehim, huwa nieqes minn kull bażi. Fil-fatt, id-dati differenti għaż-żidiet previsti jistgħu jindikaw li l-parteċipanti ħadu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni kummerċjali individwali tal-impriżi differenti rappreżentati. Barra minn hekk, sabiex tinżamm l-illużjoni għall-klijenti li s-suq tal-paraffin kien dejjem qed jobdi r-regoli tal-offerta u tat-talba, seta’ kien raġonevoli għall-impriżi involuti li jintroduċu prezzijiet ġodda f’dati differenti, biex b’hekk jagħtu x’jaħsbu li ż-żidiet introdotti minnhom kienu r-riżultat ta’ deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti. Tali spjegazzjoni tal-applikazzjoni tad-diversi dati u tal-livelli differenti ta’ żieda ġiet ipprovduta minn Shell, għall-perijodu li jsegwi l-bidu tas-sena 2004.

116    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-prezz minimu ta’ DEM 1 200 għal kull tunnellata ġie ffissat tal-inqas minn ċerti parteċipanti matul il-laqgħa tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 hija kkonfermata minn nota ta’ MOL dwar il-laqgħa tal-5 u tas-6 ta’ Mejju 1998, li ssemmi “Repsol – prezz min. DEM 1 180 (mhux kapaċi tbigħ bi 1 200)”. L-ispjegazzjoni l-iktar koerenti ta’ din ir-referenza hija li Repsol ma setgħetx tapplika l-prezz miftiehem matul il-laqgħa preċedenti u indikat il-prezz minimu li kien jidhrilha li kien possibbli.

117    Għalhekk, il-Kummissjoni wriet kif meħtieġ mil-liġi li l-parteċipanti kienu ffissaw il-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin matul il-laqgħa tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997.

118    Fis-sitt lok, f’dak li jirrigwarda l-laqgħa teknika tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni tibbaża ruħa, fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq nota ta’ MOL u fuq il-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol.

119    Il-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol kienu jindikaw l-indikazzjonijiet segwenti :

“Proposta għal 1/1 99 + DEM 6 ?,- għall-[prezzijiet] kollha taħt DEM 120,-

= ser tiġi redatta ċirkolari bit-titolu ‘sitwazzjoni dwar il-materji prima’ (= disponibbiltà tal-ammonti) bl-għan

–        li l-prezzijiet taħt DEM 120 jiżdiedu,

–        il-prezzijiet ma jonqsux,

–        il-produtturi tax-xemgħat jiksbu ‘dokumenti’ għan-negozjati tagħhom mal-ktajjen [bla dubju ta’ ħwienet]”.

120    In-nota ta’ MOL tinkludi r-referenza segwenti : “DEM/t 60  - żieda mill-1 ta’ Jannar 1999”.

121    Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dawn l-indikazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata li l-parteċipanti kienu ddiskutew is-sitwazzjoni li rriżultat wara l-ftehim tagħhom tal-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u li jiffissa bħala għan iż-żieda tal-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin lil hinn minn DEM 120 għal kull 100 kg, li kien għadu ma kienx intlaħaq. Il-parteċipanti għalhekk ftiehmu matul il-laqgħa teknika tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998 biex iżidu l-prezz bi DEM 6 għall-klijenti kollha li jixtru x-xema’ tal-paraffin taħt DEM 120, li kienet prevista għall-1 ta’ Jannar 1999. Bl-istess mod, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija żieda kellha tiġi ġġustifikat lill-klijenti minħabba nuqqas ta’ materji prima. Barra minn hekk, il-persuni li jirrappreżentaw lill-kumpanniji ftiehmu, fi kwalunkwe każ, li l-prezzijiet ma kellhomx jonqsu.

122    Ir-rikorrenti ssostni li r-referenza li tinsab fin-nota ta’ MOL hija marbuta ma’ indikazzjoni magħmula minn S (Shell) sa fejn hija tinsab taħt l-isem “S.”. Ir-referenza li tinsab fil-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol li tipprovdi li “ċirkolari ser tiġi redatta […] bil-għan li [...] l-prezzijiet ma jonqsux” tirreferi għal ċirkolari interna ta’ Sasol u ma tistax tinftiehem bħala ftehim konkluż matul il-laqgħa teknika, iżda biss bħala għan espress li Sasol kienet stabbilit.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ispjegazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma hijiex plawsibbli u ma tistrieħx fuq interpretazzjoni koerenti tal-provi dokumentali. Fil-fatt, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tispjega r-raġunijiet għaliex Sasol kienet iddeċidiet li tifformula ċirkolari indirizzata lill-klijenti tagħha u li tħabbar żieda fil-prezz ta’ DEM 6 għal kull 100 kg wara d-dikjarazzjoni unilaterali ta’ parteċipant ieħor, Shell, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-parteċipanti f’dak li jikkonċerna ż-żieda tal-prezz. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni tistabbilixxi r-rabtiet mad-diskussjonijiet organizzati matul il-laqgħat tekniċi tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997, kuntrarjament għal dak li ssosnti r-rikorrenti..

124    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet validament tiddeduċi mill-provi marbuta mal-laqgħa teknika tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998 li l-parteċipanti matulha kienu qabblu biex il-prezz jiżdied.

125    Fit-tmien lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-laqgħa tas-27 u tat-28 ta’ Ottubru 1999.

126    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha l-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol, li tinkludi r-referenzi segwenti :

.

“Żieda

Preżenti : Total

bi 15/1.2000 + Ffr 2300 = DEM 6,85

Preżenti : Repsol

.

Preżenti :SRS-Tuda

bi 10/1.2000

Preżenti : Dea

bi 17/1.2000 skont [B. de Dea]

+ DEM 8,50 

Preżenti : SCHS

bi 15/1.2000

Mobil-Bp, F

..

Assenti : MOL

bi 1/2.2000 (alt DEM 110.- flü ffr)

+ 6 DEM, - skont T. T. 10/1

Assenti : Mobil

.

[Assenti] Esso, F

bi 1/2.2000 + 40 $,- (skont MA 19/1)

Kuwait, NL bi ? + DEM 8 - (skont Buchh [Buchhaltung (Dipartiment tal-kontabbiltà)]) 24/1

Ġeneralment għall-industriji kollha

- Likwidu

+ DEM 7-9,- %kg (fl-ebda każ taħt DEM 6 )

- Solidu

+ 11 DEM,- % kg”

127    Il-Kummissjoni interpretat din in-nota bil-mod segwenti, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet ta’ Sasol (premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata) :

“Din in-nota turi li Total, Repsol, H&R/Tudapetrol (‘SRSTuda’), Dea u Sasol impenjaw ruħhom biex iżidu l-prezzijiet f’Jannar 2000. Total kellha tgħolli l-prezzijiet fil-15 Jannar 2000 bi FRF 2 300, H&R/Tudapetrol fl-10 Jannar 2000, Dea fis-17 Jannar 2000 bi DEM 8,50  u Sasol fil-15 Jannar 2000. Għall-kumpanniji li ma kinux preżenti, MOL kienet imniżżla li fl-1 ta’ Jannar 2000 kellha tgħolli l-prezz bi DEM 6 . Esso kellha tgħolli l-prezz fl-1 ta’ Frar 2000 bi USD 40  u Kuwait bi DEM 8 f’data mhux magħrufa. Dawn l-aħħar tliet elementi nkisbu minn Sasol wara l-laqgħa teknika, matul kuntatti bilaterali, u, skont Sasol, miżjuda fid-dokument fis-7 ta’ Diċembru 1999. Dan jintwera permezz tas-siltiet ‘skont’ b’isem u b’data. Sasol ċemplet lir-rappreżentanti ta’ dawn il-kumpanniji fid-data msemmija u rċeviet l-informazzjoni dwar iż-żieda fil-prezz. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

128    Ir-rikorrenti ma tistax validament tippretendi li dan huwa biss skambju ta’ informazzjoni. Din it-teżi hija ċarament kontradetta mid-dikjarazzjoni ta’ Sasol tas-16 ta’ Diċembru 2006, li tipprovdi li Total, Repsol, “SRSTuda (Hansen & Rosenthal)” kienu preżenti u impenjaw ruħhom bi jżidu l-prezz f’Jannar 2000.

129    Il-fatt li d-dati li jinsabu ħdejn l-isem tal-impriżi jvarja ma jistax isostni t-teżi tar-rikorrenti minħabba r-raġunijiet diġà esposti fil-punt 115 iktar ’il fuq.

130    Bl-istess mod, fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ Sasol, l-ispjegazzjoni l-iktar plawsibbli għall-assenza ta’ ċifri ħdejn isem l-impriżi rappreżentati fil-laqgħa hija li l-livell ta’ żieda tal-prezzijiet kien l-istess għal dawn l-impriżi kollha, jiġifieri DEM 6.85.

131    Għalhekk, il-Kummissjoni wriet kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ ftehim għall-iffissar tal-prezz matul il-laqgħa inkwistjoni.

132    Fid-disa’ lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-laqgħa tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    F’dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol jinkludu r-referenzi segwenti:

“F’ Lulju:  annullament tal-prezzijiet tal-klijenti speċjali l-iktar fiss possibbli

[…]

Fl-aħħar ta’ Awwissu:  annullament tal-prezzijiet kollha fit-30/9.01

Fl-1/10.01 + 7 €,- ”.

134    Skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn l-indikazzjonijiet juru li l-persuni li jirrappreżentaw l-impriżi qablu li jżidu l-prezzijiet tal-paraffin b’EUR 7 fl-1 ta’ Ottubru 2001, ippreċeduta b’annullament ta’ kull arranġament eżistenti fil-qasam tal-prezz sat-30 ta’ Settembru

135    Ir-rikorrenti tippretendi li d-dikjarazzjoni ta’ Sasol tas-16 ta’ Diċembru 2006 ma ssostnix din l-interpretazzjoni u turi biss li kien hemm diskussjoni dwar il-prezzijiet.

136    Din l-allegazzjoni hija madankollu kontradetta mill-imsemmija dikjarazzjoni. Fil-fatt, skont din tal-aħħar, O ta’ Sasol ħa nota tar-riżultati tal-laqgħa teknika tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 u l-intenzjoni li l-prezzijiet jiżdiedu kienet riflessa fil-konklużjonijiet imnissla matul l-imsemmija laqgħa.

137    Peress li d-dikjarazzjoni ssemmi l-konklużjonijiet imnissla matul il-laqgħa dwar żieda tal-prezzijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija dikjarazzjoni turi ftehim għall-iffissar tal-prezz konkluż matul din il-laqgħa.

138    Fl-għaxar lok, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni tal-provi dwar il-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, li jinsabu fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata.

139    F’dan ir-rigward, in-nota miktuba bl-idejn misjuba fil-bini ta’ Total France tinkludi l-indikazzjoni segwenti :

“  -> Sasol 40 €/50 $. – fl-aħħar ta’ Lulju.

-> Mer : 38-28.

-> 1 ta’ Lulju

+ FRP : 70 -> 6 000 €/T

+ Xemgħa bi platt tat-tisħin: 50 -> 500 €/T

+ Xema’ tal-paraffin żgħira : 25 -> 50 €/

[...]

-> 40 €/T xema’ ratba ”

140    Skont id-deċiżjoni kkontestata, mill-kuntest ġenerali tan-nota miktuba bl-idejn misjuba fil-bini ta’ Total France jirriżulta li vleġġa li tippreċedi l-prezz tindika l-eżistenza ta’ strateġija miftiehma għall-futur, b’mod li żieda tal-prezzijiet kienet ġiet miftiehma mill-parteċipanti.

141    Skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nota miktuba bl-idejn misjuba fil-bini ta’ Total France ma tistax tintlaqa’ minħabba l-kontradizzjoni fid-dikjarazzjonijiet dwar din il-laqgħa teknika. Fil-fatt, Shell iddikjarat li żieda tal-prezzijiet kienet ġiet miftiehma, filwaqt li Sasol semmiet il-fatt li żieda tal-prezz kienet ġiet diskussa. Għalhekk, fid-dawl tan-nota miktuba bl-idejn misjuba għand Total France, skambju ta’ informazzjoni biss jista’ jiġi aċċettat.

142    Għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ Shell tal-14 ta’ Ġunju 2006 ma hijiex totalment ambigwa, inkwantu tafferma li kien hemm qbil dwar żieda tal-prezzijiet matul din il-laqgħa teknika u kellha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004.

143    Ir-rikorrenti ma tistax validament tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ Sasol tat-12 ta’ Awwissu 2005 biex tiċħad li kien hemm ftehim matul din il-laqgħa. Fil-fatt, il-fatt li Sasol ammettiet li seħħew diskussjonijiet fuq il-prezzijiet matul din il-laqgħa bl-ebda mod ma jeskludi li, fuq il-bażi ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-parteċipanti kienu waslu għal ftehim. Barra minn hekk, fl-imsemmija dikjarazzjoni, Sasol iddikjarat ukoll li kienet bagħtet “ittra katina” li tħabbar żieda tal-prezz ta’ ħames sa seba’ ewri għal kull 100 kg fl-14 ta’ Ġunju 2004 u li kienet irċeviet ittra mingħand H&R li tħabbar żieda tal-prezzijiet tagħha ta’ EUR  5,20 sa 6,80 għal kull 100 kg.

144    Għalhekk, minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li Sasol riedet iżżid il-prezzijiet tagħha f’livell daqs l-ammont indikat fin-nota miktuba bl-idejn misjuba għand Total France u li, sussegwentement, H&R ukoll bagħtet ittra dwar żieda fil-prezz, li tindika miżura ta’ żieda viċin ħafna ż-żieda ta’ Sasol.

145    Għalhekk, il-Kummissjoni korrettament stabbiliet fid-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti kienu qablu li jżidu l-prezzijiet tax-xema’ bil-paraffin matul l-imsemmija laqgħa teknika.

146    Fid-dawl tal-eżami preċedenti, u mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-provi dwar il-laqgħat tekniċi kollha li fihom ipparteċipat ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet kif meħtieġ mil-liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti fl-akkordju kienu kkonkludew ftehim għall-iffissar tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin matul il-laqgħat tekniċi tat-3 u tal-4 ta’ Settembru 1992 (premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-23 u tal-24 ta’ Novembru 1992 (premessa 128), tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 1995 (premessa 137), tat-22 u tat-23 ta’ Frar 1996 (premessa 139), tal-14 u tal-15 ta’ Mejju 1996 (premessa 140), tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 (premessa 145), tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998 (premessa 149), tas-27 u tat-28 ta’ Ottubru 1999 (premessa 156), tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 (premessa 163) u tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 (premessa 174).

 Fuq l-evalwazzjoni globali

147    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, Shell, Sasol u Repsol ammettew li, matul il-laqgħat tekniċi, il-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin kienu ġew diskussi u l-għan ġenerali kien li jinsab qbil fuq il-livell tagħhom. Skont il-ġurisprudenza, iċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-fatt li hemm tali għan komuni diġà jikkostitwixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 81 (1) KE għaliex hemm qbil tal-volontajiet fuq il-prinċipju stess tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-istess impriżi ddikjaraw ukoll li, matul bosta laqgħat tekniċi, il-parteċipanti fil-fatt kienu qablu fuq il-prezzijiet minimu jew fuq iż-żidiet tal-prezz, ġieli anki fuq il-miżuri taż-żieda. Għandu jiġi enfasizzat li, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, l-impriżi rriferew ukoll għall-parteċipazzjoni ta’ Total fil-laqgħat tekniċi u indikaw l-isem tal-impjegati tar-rikorrenti li kienu jirrappreżentaw lil din tal-aħħar fil-laqgħat.

148    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni huma kkoroborati minn bosta noti miktuba bl-idejn kontemporanji tal-laqgħat tekniċi li l-Kummissjoni sabet matul l-ispezzjonijiet, li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess matul il-proċedura amministrattiva u li parti minnhom huma ċċitati b’mod partikolari fil-premessi 126, 128, 137, 139, 140, 145, 149, 156, 163 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata.

149    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kienet preżenti għal 39 laqgħa antikompetittiva minn total ta’ 51 laqgħa organizzata matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, jiġifieri bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-28 ta’ April  2005.

150    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li (ara l-punt 146 iktar ’il fuq) il-Kummissjoni stabbiliet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti fl-akkordju kienu kkonkludew ftehim għall-iffissar tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin matul il-laqgħat tekniċi tat-3 u tal-4 ta’ Settembru 1992 (premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-23 u tal-24 ta’ Novembru 1992 (premessa 128), tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 1995 (premessa 137), tat-22 u tat-23 ta’ Frar 1996 (premessa 139 ), tal-14 u tal-15 ta’ Mejju 1996 (premessa 140 ), tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 (premessa 145), tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998 (premessa 149), tas-27 u tat-28 ta’ Ottubru 1999 (premessa 156), tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 (premessa 163) u tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 (premessa 174). Ir-rikorrenti kienet preżenti għal dawn il-laqgħat tekniċi kollha, ħlief dik tal-14 u tal-15 ta’ Mejju 1996.

151    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tammetti li kien hemm skambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin matul il-laqgħat tekniċi tat-30 ta’ Settembru 1994 (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata), tas-27 ta’ Jannar 1995 (premessa 134 ), tas-17 u tat-18 ta’ Settembru 1996 (premessa 141), tat-2 u tat-3 ta’ Settembru 1998 (premessa 148), tat-3 u tal-4 ta’ Frar 2000 (premessa 157 ), tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 (premessa 159), tal-21 u tat-22 ta’ Frar 2002 (premessa 165), tat-18 ta’ Diċembru 2002 (premessa 168), tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003 (premessa 169 ) u tal-14 u tal-15 ta’ Jannar 2004 (premessa 173 ), li għalihom hija kienet preżenti.

152    Issa ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument speċifiku biex tiċħad id-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol, ta’ Repsol u ta’ Shell li jipprovdu li l-għan tal-laqgħat tekniċi kien li jiġu ffissati l-prezzijiet.

153    Għalhekk, tal-inqas fir-rigward tal-laqgħat tekniċi msemmija fil-punti 146 u 151 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha numru ta’ provi inkonfutabbli li minnhom jirriżulta li l-parteċipanti kienu regolarment jiskambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet tagħhom u fuq iż-żidiet previsti matul il-laqgħat tekniċi għal iktar minn tnax-il sena. Issa, ir-rikorrenti ma pprovdietx spjegazzjoni koerenti f’dak li jikkonċerna dawn l-attivitajiet li tista’ tqiegħed inkwistjoni d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-għan ta’ dawn il-prattiki kien b’mod partikolari l-iffissar tal-prezz. Bil-kontra, it-tul twil li matulu sistematikament seħħew il-laqgħat jikkostitwixxi waħdu indizju li l-parteċipanti kellhom l-għan li jarmonizzaw il-politika tal-prezz tagħhom, billi konxjament jissostitwixxu r-riskji tas-suq b’ kooperazzjoni bejniethom, billi jimplementaw prattiki miftiehma dwar il-prezz tax-xema’ tal-paraffin, jew, tal-inqas fir-rigward tal-laqgħat tekniċi msemmija fil-punt 146 iktar ’il fuq, billi jimplementaw ftehim dwar l-iffissar tal-prezz.

154    Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta fuq dan tal-aħħar, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. F’din il-kawża, ir-rikorrenti la tiċħad li kien hemm kuntatt u lanqas ma tiċħad li kien hemm skambju ta’ informazzjoni sensibbli matul il-laqgħat tekniċi.

155    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-Kummissjoni ma wrietx il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim jew fil-prattiki miftiehma implementati matul il-laqgħat tekniċi.

156    Fil-fatt, fir-rigward ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva li, bħal f’din il-kawża, jimmanifesta ruħu matul il-laqgħat tal-impriżi kompetituri, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hemm ksur tal-Artikolu 81 KE meta dawn il-laqgħat ikollhom bħala għan li jirrestrinġu, li jimpedixxu jew li jgħawġu l-andament tal-kompetizzjoni u kienu għalhekk intiżi li jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata ħadet sehem f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, sabiex jiġi ppruvat is-sehem tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’għanijiet differenti minn tagħhom (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 81, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 47).

157    Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel mar-riżultat tagħha u li kienet se timxi miegħu (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 82, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punt 48).

158    Madankollu, ir-rikorrenti, li regolarment ipparteċipat fil-laqgħat tekniċi, ma ssostnix li pubblikament tkellmet kontra l-kontenut tal-laqgħat antikompetittivi.

159    Fil-ħames lok, għandu jiġi rrilevat li l-ispjegazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti kull darba jirrigwardaw laqgħa teknika partikolari. Għalhekk, huma ma jistgħux jikkostitwixxu spjegazzjoni plawsibbli fir-rigward tal-provi kollha miġbura mill-Kummissjoni, li ppermettewlha li tistabbilixxi ksur kumpless, uniku u kontinwu.

160    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament iddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti fl-akkordju, inkluż ir-rikorrenti, kienu wettqu ksur li jikkonsisti b’mod partikolari fi “ftehim jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensibbli fuq il-pjan kummerċjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

161    Għalhekk, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 81 KE.

162    Konsegwentement hemm lok li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-assenza ta’ prova ta’ implementazzjoni tal-ftehim dwar l-iffissar tal-prezz

163    Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE meta kkonstatat li l-ksur kien ġie implementat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma wrietx li l-fatt li ntbagħtu ittri li fihom tħabbru ż-żidiet tal-prezz jikkostitwixxi l-implementazzjoni tal-parti prinċipali tal-ksur.

164    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punt 4.1 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Prinċipji bażiċi u funzjonament tal-akkordju”, il-Kummissjoni kkunsidrat is-segwenti:

“ […]

(113) Ir-riżultat tal-laqgħat tekniċi kien ġeneralment jiġi implementat permezz tat-tħabbir taż-żidiet fil-prezz għall-klijenti jew permezz tal-annullament tat-tabella tat-tariffi eżistenti. Il-każijiet okkażjonali ta’ qerq jew ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni kienu jiġu diskussi matul il-laqgħat segwenti (ara, pereżempju, il-premessi 149 u 157). Ġeneralment, waħda mill-impriżi rrappreżentata kienet tieħu l-inizjattiva u tibda żżid il-prezzijiet tagħha. Ġeneralment, din l-impriża kienet tkun Sasol, iżda ġieli hija kienet titlob lil parteċipant ieħor biex jibda. Ftit wara li impriża tkun ħabbret lill-klijentela tagħha bl-intenzjoni tagħha li żżid il-prezzijiet, il-fornituri l-oħra kienu jsegwu l-moviment u kienu wkoll iħabbru żidiet fil-prezz. Il-persuni li jirrappreżentaw l-impriżi matul il-laqgħat tekniċi kienu jinformaw lill-oħrajn bl-inizjattiva meħuda biex jiġu applikati r-riżultati tal-laqgħat tekniċi. Din l-informazzjoni kienet tiġi trażmessa oralment jew permezz ta’ kopja tat-tħabbir taż-żieda tal-prezz jew tal-annullament tal-prezz ikkonċernat lil impriża waħda jew lill-impriżi parteċipanti kollha l-oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni skopriet li tali tħabbir kien ġie kkomunikat bejn il-partijiet. Kampjun ta’ madwar 150 ittra ta’ dan it-tip kien ġie identifikat fis-sitt ġimgħat wara l-laqgħat tekniċi. Ġie wkoll iddikjarat li, skont ftehim, l-impriżi rrappreżentati ma kellhomx jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ żieda tal-prezz miftiehem biex iżidu s-sehem tagħhom fis-suq. Din id-dikjarazzjoni ma ġietx ikkontestata fit-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

165    Sussegwentement, fil-punt 5.1 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Implementazzjoni”, il-Kummissjoni kkunsidrat is-segwenti :

“ […]

(299) Minkejja li l-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tipprova l-implementazzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, huwa f’dan il-każ possibbli li tintwera din l-implementazzjoni. L-iskambju ta’ ittri dwar it-tariffi kif ukoll l-informazzjoni orali fuq it-tariffi (ara premessa 248) kienu jservu wkoll biex tiġi kkontrollata l-applikazzjoni tal-ftehim. Billi jiġu informati l-membri l-oħra tal-akkordju dwar iż-żidiet futuri tat-tariffi jew dwar l-annullament tal-prezz, il-membri tal-akkordju kienu f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk impriża osservatx l-impenji tagħha meħuda matul il-laqgħat tekniċi. Barra minn hekk, l-implementazzjoni kienet ġieli tiġi diskussa matul il-laqgħat tekniċi, pereżempju matul il-laqgħat deskritti fil-premessi 147 u 149. Il-fatt li l-membri tal-akkordju kienu jiftiehmu bejniethom ukoll dwar ir-relazzjonijiet inkwantu fornituri, fatt li bħala regola ġenerali jista’ jispjega ċerti komunikazzjonijiet bejniethom, bl-ebda mod ma jbiddel din il-kunsiderazzjoni. Il-kwistjoni ma hijiex jekk ċerti komunikazzjonijiet setgħux fi kwalunkwe każ iseħħu wara dawn il-kunsinni bilaterali, iżda jekk dawn il-komunikazzjonijiet oġġettivament għinux jew le biex jiġi ggarantit il-kontroll tal-implementazzjoni tal-ksur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

166    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi, li jintbagħtu l-ittri bit-tariffi lil parteċipanti ma kienx iseħħ b’mod sistematiku, b’mod li ma kienx jikkostitwixxi mezz kif tiġi implementata l-parti prinċipali tal-ksur. Fil-fehma tagħha, li kieku l-laqgħat tekniċi kellhom l-għan li jiffissaw flimkien il-prezzijiet il-ġodda, kien hemm bżonn, sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jivverifikaw li kulħadd josserva l-ftehim, li kull parteċipant jikkomunika t-tariffi l-ġodda tiegħu lil kull parteċipant ieħor, jew tal-inqas, lil wieħed minnhom responsabbli li jivverifika dan, proċess li ma kienx isseħħ.

167    Fi kwalunkwe każ, Total France ma tistax tiġi akkużata bil-prattika ta’ skambju ta’ ittri bit-tariffi. Qabelxejn, kif tirrikonoxxi Shell, Total France rarament bagħtet ittri dwar iż-żieda fil-prezz lill-klijenti tagħha u normalment kienet tħabbar dawn iż-żidiet tal-prezz oralment, meta kienu jiġu l-klijenti u mingħajr ma tikkomunika mal-kompetituri. Barra minn hekk, mill-123 ittra ċċitata mill-Kummissjoni, disgħa biss huma attribwiti lil Total France u l-parti l-kbira minnhom huma skambji ta’ korrispondenza li tirrigwarda talbiet jew offerti tal-prezz bi ħsieb ta’ xiri eventwali.

168    Għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw l-iskambji ta’ ittri bit-tariffi bejn il-parteċipanti fl-akkordju.

169    Issa, dawn l-iskambji ma jikkostitwixxux l-implementazzjoni eżatta tal-ksur inkwistjoni, peress li l-imsemmija implementazzjoni kienet tiġi applikata fil‑konfront tal-klijenti permezz tal-livell tal-prezzijiet, taż-żamma tal-prezzijiet jew taż-żieda tal-prezz diskuss jew tal-prezz iffissat matul il-laqgħat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, li “r-riżultat tal-laqgħat tekniċi kien ġeneralment implementat permezz tat-tħabbir taż-żidiet tal-prezz lill-klijenti jew permezz tal-annullament tat-tabelli tat-tariffi eżistenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-iskambju ta’ ittri bit-tariffi u d-diskussjonijiet orali wara l-laqgħat jirrigwardaw il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-ksur mill-parteċipanti.

170    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li mill-kampjun tal-Kummissjoni ta’ 123 ittra, disa’ ittri bit-tariffi biss huma s-suġġett ta’ skambji bejn il-kompetituri u li jistgħu jiġu attribwiti lilha huwa nieqes mir-rilevanza. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tammetti hija stess li rarament bagħtet ittri bit-tariffi li jikkomunikaw iż-żidiet tal-prezz lill-klijenti, iżda normalment kienet tħabbar iż-żidiet tal-prezz oralment meta l-klijenti kienu jiġu għandha. Konsegwentement, ir-rikorrenti, minn naħa, tammetti hija stess li regolarment żiedet il-prezzijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, tispjega għalfejn ma setgħetx tibgħat ħafna kopji ta’ ittri bit-tariffi lill-kompetituri: meta ż-żidiet tal-prezz kienu kkomunikati lill-klijenti oralment, l-ebda kopja tal-ittra tat-tariffa ma setgħet tintbagħat lill-kompetituri peress li ma ntbagħtet l-ebda ittra lil dawn tal-aħħar.

171    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li t-teżi tar-rikorrenti dwar l-assenza tal-implementazzjoni tal-ksur f’din il-kawża hija kontradetta mill-provi li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata.

172    Fil-fatt, Shell espliċitament iddikjarat, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-18 ta’ Marzu 2005, li wara l-laqgħat tekniċi, ir-rappreżentant tagħha normalment kien jirċievi ittra bit-tariffa li fiha titħabbar iż-żieda tal-prezz minn kompetitur. Dawn l-ittri kienu regolarment iħabbru l-prezzijiet il-ġodda li l-produtturi tax-xema’ tal-paraffin kienu jibagħtu lill-klijenti u lill-produtturi l-oħra, li spiss kienu jixtru wkoll xema’ tal-paraffin wieħed mingħand l-ieħor fil-kuntest ta’ provvisti transversali. Skont l-indikazzjonijiet ta’ Shell, ladarba l-ewwel produttur kien b’hekk wera l-intenzjoni tiegħu li jżid il-prezzijiet, il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kienu jsegwu, skont id-diskussjonijiet organizzati matul il-laqgħat tekniċi.

173    Fid-dikjarazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ġunju 2006, Shell iddikjarat ukoll li kull darba li bagħtet ittra bit-tariffi li fihom ħabbret żieda fil-prezz, l-imsemmija ittra kienet tinkludi l-prezz miftiehem matul il-laqgħa teknika preċedenti. Hija ppreċiżat ukoll li regolarment kienet tirċievi tali ittri mingħand Sasol, mingħand H&R u mingħand ExxonMobil, minkejja li hija qatt ma xtrat xema’ tal-parafinn mingħand din tal-aħħar. Għalkemm Shell rarament bagħtet tali ittri lill-klijenti tagħha, Shell irċeviet ittra jew tnejn mingħand Total. Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjoni ta’ Shell, sabiex jiġu implementati b’mod tajjeb iż-żidiet tal-prezz miftiehem matul il-laqgħat tekniċi, ir-rappreżentant tagħha kien ċempel lir-rappreżentanti ta’ Sasol, ta’ H&R, ta’ Total u ta’ ExxonMobil qabel ma jibda n-negozjati tal-prezz mal-klijenti.

174    Dan il-mekkaniżmu ta’ implementazzjoni tal-akkordju huwa kkonfermat mid-dikjarazzjoni ta’ Sasol tat-12 ta’ Awwissu 2005, li jagħti wkoll eżempji detalljati dwar laqgħat tekniċi konkreti.

175    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, kuntrarjament għall-Kummissjoni, li ma hemmx korrelazzjoni bejn l-informazzjoni disponibbli dwar il-laqgħat tekniċi u l-ittri bit-tariffi msemmija mill-Kummissjoni.

176    L-ewwel nett, minn bosta dikjarazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li ż-żieda fil-prezz miftiehem matul il-laqgħat tekniċi ma setgħetx ġeneralment tiġi applikata b’mod sħiħ fil-konfront tal-klijenti. Shell iddikjarat li madwar żewġ terzi taż-żidiet miftiehma setgħu jiġu implementati. Barra minn hekk, fil-proċess hemm bosta indikazzjonijiet li l-parteċipanti ma setgħux jimplementaw iż-żieda miftiehma kollha.

177    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, il-provi dwar l-akkordju huma normalment frammentati u sparpaljati. Għalhekk, minkejja li l-Kummissjoni ma għandhiex provi dettaljati dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet organizzati f’kull laqgħa teknika u li kellha biss parti żgħira mill-ittri bit-tariffi mibgħuta mill-parteċipanti lill-klijenti, ir-rikorrenti ma tista’ tnissel l-ebda argument validu mill-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkostitwixxi mill-ġdid ir-rabta preċiża bejn id-diskussjonijiet organizzati matul il-laqgħat tekniċi u l-prezzijiet indikati fl-imsemmija ittri tat-tariffi, b’mod speċjali peress li l-prezzijiet tal-varji prodotti tax-xema’ tal-paraffin ivarjaw ħafna u peress li l-klijenti loġikament kienu jirreżistu ż-żidiet.

178    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

179    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-komunikazzjoni tal-ittri bit-tariffi li jindikaw iż-żidiet fil-prezz lill-kompetituri kienet iġġustifikata mir-relazzjoni klijent-fornitur bejn l-impriżi parteċipanti fl-akkordju.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-implementazzjoni tal-parti prinċipali tal-ksur kien jikkonsisti fit-tħabbir taż-żidiet tal-prezz lill-klijenti jew fl-annullament tat-tabelli tat-tariffi eżistenti, u mhux fil-fatt li jintbagħtu ittri bit-tariffi lill-kompetituri, li kien pjuttost mezz biex tiġi vverifikata l-imsemmija implementazzjoni. Fi kwalunkwe każ, Shell iddikjarat li hija rċeviet ittri bit-tariffi ta’ kompetitur li ma kinitx il-fornitur tiegħu (ara il-punt 173 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kemm Shell kif ukoll Sasol ikkonfermaw li l-proċess li jintbagħtu l-ittri bit-tariffi kien jifforma parti mill-mekkaniżmu tal-implementazzjoni tal-parti prinċipali tal-ksur.

181    Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

182    Fil-ħames lok, insostenn tal-argument tagħha li hija ma pparteċipatx fl-implementazzjoni tal-ksur, ir-rikorrenti ssostni li, skont id-dikjarazzjoni ta’ Shell, l-uniku darba li Sasol ipprovat tikkonvinċiha tiċċirkola l-ewwel ittra dwar iż-żieda fil-prezz, hija pprofittat biex issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha billi bagħtet ittra fittizja dwar iż-żieda lill-kompetituri tagħha, u mhux lill-klijentela tagħha.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li fil-fatt mid-dikjarazzjoni ta’ Shell jirriżulta li, meta Sasol talbet lir-rikorrenti biex tkun tal-ewwel li tibgħat ittra bit-tariffi li fiha tindika żieda fil-prezz lill-klijenti, ir-rikorrenti ma għamlitx dan, iżda bagħtet il-“kopja” ta’ ittra fittizja dwar iż-żieda lill-kompetituri. Għalhekk, dan juri biss li r-rikorrenti ma ssodisfatx it-talba ta’ Sasol li tkun tal-ewwel li tiċċirkola ittra bit-tariffi li tindika żieda fil-prezz.

184    Issa, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li ma ġiex osservat akkordju ma jbiddilx l-eżistenza tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punti 233, 255, 256 u 341). Anki jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit il-fatt li ċerti parteċipanti fl-akkordju waslu biex qarqu lil parteċipanti oħra billi bagħtu informazzjoni inkorretta jew biex użaw l-akkordju favurihom billi ma osservawhx, il-ksur imwettaq ma huwiex eliminat minħabba dan is-sempliċi fatt (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, T‑52/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 201 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

185    Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

186    Fis-sitt lok, għandu jiġi enfasizzat, kif ġustament tagħmel il-Kummissjoni, li l-implementazzjoni ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu għandu jiġi evalwat fl-intier tiegħu.

187    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, fil-każ li kompetituri jipparteċipaw f’laqgħat li matulhom tiġi skambjata informazzjoni dwar, b’mod partikolari, il-prezzijiet li huma jixtiequ jipprattikaw fis-suq, impriża, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa li għandha għan antikompetittiv, mhux biss issegwi l-għan li bil-quddiem tiġi eliminata l-inċertezza dwar l-aġir futur tal-kompetituri tagħha, iżda ta’ bilfors kellha tieħu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, l-informazzjoni miksuba matul dawn il-laqgħat biex tiddetermina l-politika li hija tixtieq issegwi fis-suq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, punti 122 u 123, u Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 276).

188    Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza, hemm lok li wieħed jippreżumi, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja, li huma l-operaturi kkonċernati li għandhom juru li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-imġiba tagħhom fis-suq. Dan huwa applikabbli iktar u iktar meta l-prattika miftiehma tkun seħħet fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 162).

189    Issa, f’din il-kawża, peress li l-prattiki miftiehma dwar il-prezzijiet kienu regolari u frekwenti u tkomplew matul perijodu twil, il-Kummissjoni kellha informazzjoni dwar iktar minn ħamsin laqgħa li seħħew bejn l-1992 u l-2005. Bl-istess mod, il-Kummissjoni pproduċiet 343 ittra bit-tariffi tar-rikorrenti li fihom hemm ikkomunikat iż-żidiet fil-prezz lill-klijenti. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Shell u ta’ Sasol jindikaw ukoll li Total ipparteċipat fl-implementazzjoni tal-prattiki msemmija iktar ’il fuq.

190    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat l-implementazzjoni tal-ksur u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fih.

191    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, dwar it-tqassim tas-swieq ġeografiċi u tal-klijentela

192    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma wrietx li kienet ipparteċipat fit-tieni parti tal-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 81 KE.

193    F’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddikjarat is-segwenti

“ […]

(108) Fir-rigward tad-diskussjonijiet dwar it-tqassim tas-swieq u tal-klijentela ‘kien hemm ftehim ġenerali bejn il-produtturi parteċipanti tax-xema’ dwar il-klijenti prinċipali ta’ operaturi oħra fis-suq domestiku rispettiv’ għall-paraffin u l-impriżi ‘kienu pprovaw jipproteġu s-suq domestiku tagħhom billi joħolqu bejniethom atmosfera ta’ fiduċja reċiproka u ta’ bona volontà’.

[…]

5.3.2.3. Għoti ta’ klijenti u/jew tqassim ta’ swieq

(243) Mill-provi deskritti fil-premessi 98, 108, 137, [laqgħa teknika tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 1995] 145 [laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997], (147), [laqgħa teknika tal-5 u tas-6 ta’ Mejju 1998], (168) [laqgħa teknika tat-18 ta’ Diċembru 2002] u 170 [laqgħa teknika tas-16 u tas-17 ta’ April  2003] li ExxonMobil, MOL, Repsol, Sasol, Dea (sussegwentement Shell) u Total kienu jaqsmu l-klijenti u/jew il-volumi ta’ bejgħ lil ċerti klijenti (‘tqassim ta’ klijenti’) u/jew ċerti żoni ġeografiċi inkwantu ‘swieq domestiċi’ (‘tqassim ta’ swieq’).

(244) ExxonMobil, Sasol u Shell ikkonċedew l-eżistenza ta’ prattiki ta’ tqassim ta’ klijenti u/jew tqassim ta’ swieq. Fit-tweġibiet tagħhom għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, huma reġgħu kkonfermaw jew tal-inqas ma ċaħdux l-eżistenza ta’ dawn il-prattiki.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Fuq it-tqassim ta’ swieq ġeografiċi

194    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażata d-dikjarazzjonijiet tagħha li jinsabu fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata huma vagi.

195    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tweġiba ta’ Sasol tas-16 ta’ Diċembru 2006 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tindika mingħajr ambigwità li l-parteċipanti għal-laqgħat tekniċi kienu jfittxu li jipproteġu s-swieq domestiċi tagħhom, u din tal-aħħar issemmi li “Total, BP France u Mobil” kienu ħadu t-territorju Franċiż, filwaqt li l-produtturi Ġermaniżi (Sasol, H&R u Shell) kienu ħadu t-territorju Ġermaniż bħala s-swieq domestiċi rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, Sasol issemmi fl-imsemmija tweġiba li, meta Respol kienet indikat li kellha volum li jeċċedi l-produzzjoni tagħha, ir-rappreżentant ta’ Total kien ipprotesta kontra l-possibbiltà għal Repsol li tbigħ fi Franza. Barra minn hekk, Sasol iddiskreviet inċident li seħħ matul il-laqgħa teknika tal-20 u tal-21 ta’ Frar 1997, meta hija osservat li kienet tilfet volum ta’ bejgħ li jammonta għal 6 000 tunnellata fl-1996 u assumiet li l-produtturi Franċiżi kienu klandestinament ipprovdew dawn il-volumi lill-klijenti Ġermaniżi minkejja l-ftehim dwar l-osservanza tas-swieq domestiċi. Bħala reazzjoni, Sasol kienet iddeċidiet li terġa’ tixtri dawn il-pożizzjonijiet tas-suq billi tinjora l-prezzijiet miftiehma matul il-laqgħat tekniċi.

196    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Shell tal-14 ta’ Ġunju 2006 tippreċiża li kien hemm ftehim taċitu bejn il-parteċipanti li kien jipprovdi li l-klijenti li jinsabu f’limitu ta’ 50 sa 100 km mill-impjanti ta’ produzzjoni ta’ kull parteċipant kienu jappartjenu lilu. Abbażi ta’ dan il-ftehim, produttur tax-xemgħat stabbilit f’Hamburg (il-Ġermanja) kien jappartjeni lil Sasol u lil Shell. Jekk parteċipant kien jipprova jbigħ lil dan il-produttur ta’ xemgħat, Sasol u Shell kienu jibdew jipprovdu xema’ tal-paraffin lil klijent prinċipali ta’ dan il-parteċipant l-ieħor bħala ritaljazzjoni. Shell iddikjarat ukoll li r-rappreżentant tagħha għal-laqgħat tekniċi kien qal lil dak ta’ Total li hija ser tastjeni milli tbigħ fi Franza, b’mod li kienet qed tistenna li Total ma tbigħx f’Hamburg. Sussegwentement, Shell ipprovdiet eżempji f’dak li jirrigwarda klijenti li kienu klijenti riżervati ta’ ċerti parteċipanti fl-akkordju, billi ppreċiżat li l-produtturi ta’ xemgħat stabbiliti fi Franza kienu klijenti riżervati ta’ Total u ta’ ExxonMoibl u li dan kien ċar għar-rappreżentant tagħha kif ukoll għar-rappreżentanti l-oħra matul il-laqgħat tekniċi. Barra minn hekk, Shell iddikjarat li kien hemm ftehim taċitu bejn Sasol u Total li abbażi tiegħu kull waħda minnhom kienet impenjat ruħha li ma tippenetrax fis-suq domestiku tal-ieħor (Franza għal Total u l-Ġermanja għal Sasol), jiġifieri li jbigħu biss kwantitajiet limitati fit-territorju riżervat lill-parti l-oħra, kif jirriżulta mid-diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti ta’ Sasol u ta’ Total organizzati waqt il-laqgħat tekniċi. Skont l-imsemmija dikjarazzjoni, H&R xorta waħda biegħet xema’ tal-paraffin lill-klijenti Franċiżi. Għalkemm l-imsemmi bejgħ kien jeċċedi 1 000 tunnellata fis-sena, Total ilmentat mill-aġir ta’ H&R matul il-laqgħa teknika segwenti, billi indikat lill-parteċipanti kollha li Total mhux ser taċċetta importazzjonijiet kunsiderevoli fi Franza. Għalhekk, bħala ritaljazzjoni, Total żiedet il-bejgħ tagħha ma’ żewġ klijenti tradizzjonali ta’ H&R. Fl-aħħar nett, Shell iddikjarat li l-osservanza tas-swieq domestiċi u tal-klijenti riżervati kienet tifforma parti minn pjan ġenerali, li kien ġie aċċettat mill-parteċipanti kollha fil-laqgħat tekniċi. Meta parteċipant kien jikser dawn l-arranġamenti, il-produttur jew il-produtturi li għalihom is-suq jew il-klijent kien irriżervat kien jipprostesta u kien jipperswadi, jekk hemm bżonn, permezz tar-ritaljazzjoni, lill-parteċipant li jkun kiser il-ftehim biex itemm il-bejgħ tiegħu, billi, jekk ikun il-każ, joffri prezzijiet eċċessivi lill-klijent sabiex huwa ma jixtri xejn iktar mingħandu.

197    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li Sasol u Shell ipprovdew informazzjonijiet preċiżi u konkordanti fuq it-tqassim ta’ swieq u tal-klijenti bejn il-parteċipanti fl-akkordju, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni. Għandu jingħad ukoll li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ġew magħmula fuq il-bażi ta’ xhieda ta’ persuni li pparteċipaw fil-laqgħat tekniċi, wara riflessjoni profonda, u li jinkriminaw ukoll l-impriżi li f’isimhom dawn ġew magħmula. Għalhekk, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma partikolarment affidabbli.

198    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol u ta’ Shell ġew ukoll ikkorroborati mill-minuti ta’ laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol, li l-Kummissjoni rabtet mal-laqgħa teknika tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2002 (premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

199    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-minuti “Blauer Salon” ta’ Sasol li hija rabtet mal-laqgħa teknika tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2002, għaliex din in-nota ma ssemmix is-sena.

200    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 81 iktar ’il fuq, l-assenza ta’ data jew ta’ firma f’dokument jew il-fatt li dan ġie miktub b’mod żbaljat ma jneħħilux il-forza probatorja kollha tiegħu, b’mod partikolari meta l-oriġini tiegħu, id-data probabbli tiegħu jew il-kontenut tiegħu jistgħu jiġu ddeterminati b’ċertezza suffiċjenti. Issa, il-Kummissjoni spjegat fid-deċiżjoni kkontestata li x’aktarx kienet is-sena 2002, peress li kienet l-unika sena li fiha seħħet laqgħa teknika fis-17 u fit-18 ta’ Diċembru. Barra minn hekk, irrispettivament mis-sena, il-minuti inkwistjoni juru t-tqassim tas-swieq u tal-klijenti, għaliex jinkludu r-referenza segwenti: “Repsol għandha problemi (55 000 fis-sena mill-produzzjoni tagħha) – [ir-rappreżentant ta’ Total] immedjatament ipprotesta kontra l-volumi addizzjonali/negozjati – Repsol tidher li hija lesta li terġa’ taħsibha ”. Fil-fatt, l-interpretazzjoni l-iktar plawsibbli ta’ dawn il-minuti hija li Repsol xtaqet tbigħ l-eċċess tal-produzzjoni tagħha lejn Franza, li huwa t-territorju l-iktar viċin l-impjanti ta’ produzzjoni tagħha li jinsabu fi Spanja u li Total riedet tensafizza li hija kienet tqis lill-imsemmi territorju bħala riżervat lilha.

201    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, l-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet li jiġi pprovat ksur tal-Artikolu 81(1) KE minn impriża għandhom jiġu evalwati mhux b’mod iżolat, iżda fl-intier tagħhom. Issa, il-pjan ġenerali ta’ tqassim tas-swieq jirriżulta diġà b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet ta’ Shell u ta’ Sasol u r-referenza li tinsab fil-minuti ta’ Sasol tidħol fil-mekkaniżmu deskritt fl-imsemmija dikjarazzjoni.

202    Konsegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol inkwistjoni kienu jikkostitwixxu prova dokumentali dwar it-tqassim tas-swieq jew tal-klijenti.

203    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li r-regola tal-osservanza tas-swieq domestiċi hija kontradetta mill-kummerċ intra-Komunitarju, b’mod partikolari dak bejn Franza u l-Ġermanja.

204    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mid-dikjarazzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li s-suq domestiku ta’ impriża mhux neċessarjament kien jikkorrispondi għat-territorju ta’ Stat Membru partikolari, iżda, f’ċerti każijiet, għal reġjun li madwaru hemm siti ta’ produzzjoni ta’ impriża partikolari.

205    It-tieni nett, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol u ta’ Shell iċċitati fil-punti 195 u 196 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li dan la kien għeluq ermetiku tas-swieq u lanqas provvista esklużiva ta’ xema’ tal-paraffin lil ċerti klijenti, iżda pjuttost ftehim parzjalment taċitu li ma jiġux ipprovduti kwantitajiet sinjifikattivi lit-territorji u lil klijenti meqjusa bħala li jappartjenu lil produttur ieħor tax-xema’ tal-paraffin.

206    It-tielet nett, id-dikjarazzjonijiet jirrivelaw ksur okkażjonali tar-regola tal-osservanza tas-swieq domestiċi, li wasslu għal ritaljazzjoni mingħand l-impriżi li t-territorju tagħhom kien ikkonċernat. Dan l-element jista’ waħdu jispjega l-varjazzjonijiet fil-kummerċ intra-Komunitarju.

207    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

208    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mat-tqassim tas-swieq għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tqassim tal-klijentela

209    Ir-rikorrenti tqis li l-provi dokumentali miġbura mill-Kummissjoin fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi stabbilit ftehim dwar it-tqassim tal-klijentela, iżda pjuttost skambju ta’ informazzjoni.

210    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjonijiet preċiżi, konkordanti u affidabbli ta’ Sasol u ta’ Shell isemmu ftehim u prattiki miftiehma dwar it-tqassim tal-klijentela. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kklassifikatx it-tieni parti tal-ksur bħala ftehim, iżda bħala parti minn ksur kontinwu u kumpless, inkwantu kienet tirrigwarda ftehim, prattiki miftiehma u l-iskambju ta’ informazzjoni sensibbli bejn il-kompetituri. Għalhekk, anki l-provi u l-indizji ta’ tali skambju ta’ informazzjoni huma rilevanti mill-perspettiva tad-demostrazzjoni tat-tieni parti tal-ksur.

211    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċċitat, fil-kuntest tal-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 f’Hamburg, nota ta’ MOL li tinkludi l-indikazzjonijiet segwenti:

“Taħlit (DEM 100 inqas mill-produtturi tax-xemgħa normali)

Astor → Schümann prezz ta’ llum  DEM 1 000 meta titlaq mill-fabbrika

[Astor] → Total  DEM 1 050 CPT

Paramelt → Total DEM 1 100 CPT

Iberceras → Total DEM 1 030 ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

212    Skont ir-rikorrenti, in-nota ta’ MOL ma tippermettix li ftehim dwar it-tqassim tal-klijentela ġie konkluż għaliex mill-qari ta’ din in-nota jirriżulta biss skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet ipprattikati mill-intervenjenti fir-rigward tal-klijenti tagħhom.

213    Preliminarjament, għandu jitfakkar li n-noti ta’ MOL huma noti miktuba bl-idejn stabbiliti minn persuni li pparteċipaw fil-laqgħat, li l-kontenut tagħhom huwa strutturat u relattivament dettaljat. Għalhekk, il-valur probatorju huwa għoli ħafna.

214    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu l-elementi differenti tal-ksur imwettaq. L-elementi frammentarji u sparpaljati li tista’ tiddisponi minnhom il-Kummissjoni għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. Issa n-nota ta’ MOL tassoċja b’mod ċar lill-klijenti Astor, Paramelt u Iberceras ma’ ċerti impriżi parteċipanti fl-akkordju, fosthom b’mod partikolari r‑rikorrenti.

215    Għalhekk, l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li dawn l-indikazzjonijiet jitfgħu dawl fuq il-fatt li fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 1997 seħħew diskussjonijiet dwar it-tqassim tal-klijenti, hija plawsibbli, b’mod li din in-nota tifforma parti mill-provi kollha intiżi li juru l-eżistenza tat-tieni parti tal-ksur u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fih.

216    Fir-rigward tal-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwotat, fil-kuntest tal-laqgħa teknika tal-5 u tas-6 ta’ Mejju 1998 f’Budapest (L-Ungerija), nota ta’ MOL li tinkludi l-indikazzjonijiet segwenti:

“MOL -      Eika max. 1 500 to

Vollmar 2-3 m. to

L&G l-ikbar

Vollmar - Schümann 3-3,5 m. to

↑      MOL   2,0-3 m. to

Demande 15 000 to  Total

Repsol”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

217    Il-Kummissjoni interpretat dawn l-indikazzjoni b’dan il-mod:

“In-nota turi wkoll li t-tqassim tal-provvista ta’ Vollmar, klijent importanti, kienet ġiet diskussa. Il-parti ta’ Schümann u ta’ MOL ġew miftiehma filwaqt li Total u Repsol kienu wkoll apparentament interessati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

218    Skont ir-rikorrenti, l-ebda tqassim tal-provvista ta’ Vollmar ma tirriżulta minn din in-nota. Fil-fatt, din in-nota indikat li t-talba totali ta’ Vollmar kienet tirrappreżenta 15 000 tunnellata filwaqt li t-tunnellati espressi huma fuq medda ta’ ammonti (3 000 sa 3 500 tunnellata u 2 000 sa 3 000 tunnellata), b’mod li ż-żieda ta’ tunnellati espressi ma jammontawx għal 15 000 tunnellata. Issa, li kieku kwalunkwe ftehim dwar it-tqassim tal-provvista kien ġie konkluż, dan mhux biss kien ikun preċiż fir-rigwad tat-tunnellaġġ allokat għal kull fornitur, iżda t-tqassim kien ikopri l-provvista kollha ta’ dan il-klijent. Għalhekk, in-noti ta’ MOL ma jirrigwardawx il-kunsinni ppjanati iżda approssimazzjoni tal-kunsinni minn kull parteċipant. Fi kwalunkwe każ, l-ebda volum ma huwa indikat ħdejn Total France, b’mod li ma hemmx prova dwar il-parteċipazzjoni tagħha.

219    L-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda u l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, in-nota ta’ MOL, li barra minn hekk għandha valur probatorju għoli ħafna, kif ġie konkluż fil-punt 213 iktar ’il fuq, tindika li l-parteċipanti fl-akkordju ddiskutew it-talba ta’ Vollmar (15 000 tunnellata) fl-intier tagħha u qassmu l-bejgħ bejn Schümann (3 000 sa 3 500 tunnellata) u MOL (2 000 sa 3 000 tunnellati). Hemm ukoll indikazzjoni li Repsol u Total kienu ppjanaw li jbigħu lil Vollmar. Barra minn hekk, l-ewwel parti tan-nota tindika li MOL ikkomunikat ma’ parteċipanti oħra l-volumi mibjugħa lil Eika, Vollmar u lil Langhammer u Gasda (L&G). Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol u ta’ Shell isemmu ftehim dwar it-tqassim tal-klijenti, dwar b’mod partikolari t-tqassim tal-volumi li għandhom jinbiegħu lil Vollmar.

220    Fir-rigward tal-laqgħa teknika tas-16 u tas-17 ta’ April  2003 (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ċċitat nota miktuba bl-idejn ta’ Total, li tinkludi r-referenza “Vollmar 13 kt HOS 2003 30 kt 22 kt SX50”. Il-Kummissjoni interpretatha b’dan il-mod:

“Dan juri li l-provvista tal-klijent Vollmar ġiet diskussa u li ġie miftiehem li Sasol (dak iż-żmien HOS) u Shell (li kienet tiddistribwixxi x-xema’ tal-paraffin taħt it-trade mark kummerċjali SX50) kienu ser jaqsmu l-provvista” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

221    Skont ir-rikorrenti, huwa madankollu impossibbli li f’dawn in-noti jinstab tali tqassim tal-provvista. Ir-referenzi dwar dan huma “mifruxa” fin-nota mingħajr ma huwa possibbli li ssir kwalunkwe rabta bejniethom. Il-Kummissjoni artifiċjalment assoċjat ir-referenza “Vollmar” ma’ referenzi marbuta mat-tunnellati, minkejja l-fatt li dawn kienu jinsabu b’mod ċar f’linji differenti tad-dokument.

222    Peress li d-dikjarazzjonijiet ta’ Shell u ta’ Sasol, magħmula indipendentament, jindikaw, b’mod konkordanti, li l-ftehim fuq it-tqassim tal-volumi li għandhom jinbiegħu lill-klijenti kienu ġew konklużi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni hija korretta u għalhekk tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

223    Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti, li dawn ma humiex ftehim iżda biss skambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ lil ċerti klijenti, ma jistgħux jikkompromettu l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

224    Għandu jitfakkar li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u sparpaljati, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għalhekk, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv trid tiġi dedotta minn numru ta’ koinċidenzi u indizji li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra plawsibbli, jikkostitwixxu l-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara l-punt 79 iktar ’il fuq).

225    Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni għandha ta’ bilfors tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illeċitu ta’ tqassim tas-swieq, ikun eċċessiv li tintalab, barra minn hekk, li hija tipproduċi prova tal-mekkaniżmu speċifiku li bih għandu jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, ikun faċli wisq għal impriża li wettqet ksur li tevita kull sanzjoni li kieku hija tkun tista’ tinvoka l-argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament ta’ ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

226    Il-manifestazzjonijiet differenti tal-ksur inkwistjoni għandhom jinftiehmu f’kuntest globali li jispjega r-raġunijiet qofol tagħhom. Din hija l-produzzjoni ta’ provi li l-valur probatorju b’elementi fattwali differenti huwa kkoroborat jew miċħud b’elementi oħra fattwali eżistenti li, flimkien, jistgħu juru l-eżistenza ta’ ksur kumpless, uniku u kontinwu (sentenzi Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 310, u BPBvs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 250).

227    Issa, f’din il-kawża, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-parti tal-ksur dwar it-tqassim tal-klijenti tal-ksur kumpless, uniku u kontinwu jistrieħu kemm fuq id-dikjarazzjonijiet konkordanti tal-parteċipanti li huma responsabbli għalihom ukoll (u għalhekk partikolarment affidabbli), kif ukoll fuq il-frammenti tan-noti meħuda matul il-laqgħat tekniċi jew direttament wara dawn tal-aħħar.

228    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tistax tispjega għaliex, fl-assenza ta’ kwalunkwe ftehim dwar it-tqassim tal-klijenti, ExxonMobil, Shell u Sasol indipendentament minn xulxin, ammettew u ddiskrevew fit-tul tali tqassim.

229    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq informazzjoni dwar il-kuntatti bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju, għaliex hija rrestrinġiet l-investigazzjoni tagħha biss għal-laqgħat tekniċi.

230    F’dan ir-rigward, għandu biss jitfakkar li l-provi eżaminati iktar ’il fuq huma marbuta mal-laqgħat tekniċi.

231    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prattiki intiżi biex tinqasam il-klijentela tistrieħ fuq għad ta’ provi suffiċjenti, b’mod li f’dan ir-rigward hija ma kisritx l-Artikolu 81 KE.

232    Konsegwentement, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, dwar l-aġir kompetittiv ta’ Total France

233    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni talli ma kkunsidratx l-aġir kompetittiv tagħha, li ntwera permezz ta’ studju ekonomiku li hija pprovdiet matul il-proċedura amministrattiva u permezz tad-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

234    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirreferi għal analiżi ekonomika tal-politika tal-prezzijiet tagħha, skont l-Istat Membru u skont il-klijent rappreżentat, għat-tipi prinċipali tax-xema’ tal-paraffin mibjugħ bejn l-2002 u l-2005.

235    Dan l-istudju juri l-assenza ta’ kwalunkwe korrelazzjoni sinjifikattiva bejn il-politika tal-prezz ta’ Total France u l-laqgħat tekniċi, minn naħa, u bejn l-iżvilupp tal-prezz tat-tipi differenti tax-xema’ tal-paraffin, min-naħa l-oħra. Dawn iż-żewġ fatturi kienu jikkonfermaw l-assenza ta’ parteċipazzjoni fi kwalunkwe ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet. Bl-istess mod, minn dan l-istudju tirriżulta wkoll assenza ta’ impatt sinjifikattiv fuq l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ressqet l-ebda raġuni li tiġġustifika l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-istudju ekonomiku.

236    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li teżamina u li tiċħad tali argumenti. Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-impriżi effettivament ħabbru ż-żidiet tal-prezz miftiehem u li l-prezzijiet hekk imħabbra servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni individwali huwa waħdu biżżejjed biex jiġi kkonstatat li l-kollużjoni dwar il-prezzijiet kellha kemm bħala għan kif ukoll bħala effett restrizzjoni gravi fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 194). F’tali każ, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn teżamina d-dettall tal-argument tal-partijiet intiż li jistabbilixxi li l-ftehim inkwistjoni ma kellhomx bħala effett iż-żieda tal-prezzijiet lil hinn minn dak li kien jiġi osservat f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li twieġeb għalih punt bi punt (sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 451).

237    Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni wriet kif meħtieġ mil-liġi li l-prattiki kollużorji inkwistjoni kienu jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u li r-riżultat tal-laqgħat li matulhom kienu ġew diskussi jew iffissati żidiet fil-prezz kienu jiġu spiss implementati permezz tal-annullament tal-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti u permezz tat-tħabbir ta’ żidiet, u bl-istess mod il-prezzijiet hekk imħabbra kienu servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet matul tranżazzjonijiet individwali. Bl-istess mod, meta, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq, il-parteċipanti fl-akkordju ftiehmu li jżommu l-preżżijiet, dan għandu wkoll jitqies bħala li jifforma parti mill-implementazzjoni tal-ksur uniku, kumpless u kontinwu ta’ din il-kwistjoni.

238    Għalhekk, l-analiżi ekonomika ppreżentata mir-rikorrenti hija mingħajr rilevanza.

239    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura li tkun ittieħdet u lill-qorti kompetenti biex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk l-istess motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward, mhux biss tal-formulazzjoni tal-att inkwistjoni, iżda wkoll mill‑kuntest li fih dak l-att ikun ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

240    Minn dan isegwi li peress li l-istudju ekonomiku ppreżentat mir-rikorrenti huwa mingħajr rilevanza (ara l-punti 236 sa 238 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tressaq raġunijiet li jiġġustifikaw l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi studju fid-deċiżjoni kkontestata.

241    Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, l-aġir antikompetittiv tagħha ġie rrikonoxxut mill-kompetituri tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Mill-atti marbuta mal-laqgħat tekniċi u mid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet l-oħra jirriżulta li Total France kienet żviluppat politika li kienet tipprojbixxi li l-atti suġġetti fid-deċiżjoni kkontestata jipproduċu l-effetti tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jindikaw li, b’mod iterattiv, kompetituri ta’ Total France tilfu klijenti jew kellhom inaqqsu l-prezzijiet tagħhom minħabba l-aġir ta’ Total France.

242    Skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti humiex ta’ natura li jstabbilixxu li, matul il-perijodu li fih hija segwiet il-prattiki li jiksru l-liġi, hija effettivament evitatx l-applikazzjoni tagħhom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 268, u Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 625).

243    Barra minn hekk, il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha dwar tal-prezz hija stabbilita, ma tkunx ġabet ruħha fis-suq b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-prattika miftiehma mal-kompetituri tagħha, politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 236 iktar ’il fuq, punt 230, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 269).

244    L-ewwel nett, għandu jitfakkar (ara l-punt 183 iktar ’il fuq) li mid-dikjarazzjoni ta’ Shell jirriżulta li, meta Sasol talbitha biex tkun tal-ewwel li tibgħat ittra bit-tariffi li tindika żieda fil-prezz lill-klijenti, ir-rikorrenti ma għamlitx dan, iżda bagħtet il-“kopja” ta’ ittra fittizja dwar iż-żieda tal-prezz lill-kompetituri. Dan juri biss li r-rikorrenti ma ssodisfatx it-talba ta’ Sasol biex tkun tal-ewwel li tiċċirkola ittra bit-tariffi li tindika żieda fil-prezz. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostniex li ma kkunsidratx ir-riżultat tal-laqgħa inkwistjoni matul in-negozjati tagħha sussegwentement mal-klijenti.

245    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li d-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri jindikaw li, b’mod iterattiv, dawn tal-aħħar kienu tilfu klijenti jew kellhom inaqssu l-prezzijiet tagħhom minħabba l-aġir tagħha.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti tinvoka d-dikjarazzjonijiet ta’ Shell tal-14 ta’ Novembru 2005, tal-14 ta’ Ġunju 2006 u tal-24 ta’ Ġunju 2005, kif ukoll ir-risposta ta’ Sasol tat-18 ta’ Diċembru 2006 għal talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn id-dokumenti ma jiffokawx fuq id-deskrizzjoni tal-aġir tar-rikorrenti, u wisq inqas fuq l-aġir kompetittiv ta’ din tal-aħħar, iżda tinkludi bosta paġni ta’ informazzjoni ġenerali dwar il-funzjonament tal-akkordju, mingħajr ma r-rikorrenti tippreċiża, tal-inqas, is-siltiet rilevanti li jsostnu l-argument tagħha.

247    Issa, skont il-ġurisprudenza, jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’rinviji għal siltiet ta’ atti li huma annessi miegħu, rinviju globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-punti essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li għandhom jinsabu fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-argument tar-rikorrent huwa inammissibbli sa fejn jistrieħ fuq id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq.

248    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-dikjarazzjonijiet ma jsemmux aġir kompetittiv tar-rikorrenti, iżda l-parteċipazzjoni tagħha fl-implementazzjoni tal-akkordju. Id-dikjarazzjoni ta’ Shell turi saħanistra li r-rikorrenti pprotestat meta s-suq domestiku tagħha kien fil-mira tal-bejgħ ta’ parteċipanti l-oħra.

249    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għal nota miktuba bl-idejn ta’ MOL meħuda matul il-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1994 u għat-tweġiba ta’ Sasol tal-20 ta’ Diċembru 2005 għal talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni.

250    Fir-rigward tan-nota ta’ MOL, din tinkludi t-tagħrif segwenti :

“Mobil - 2 000 tunnellata fil-bidu tas-sena

Żieda fil-prezz parzjalment revokata minħabba Total ”.

251    Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni semmiet din in-nota fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija interpretatha bil-mod segwenti :

“L-impriżi kkomunikaw ma’ xulxin dwar iż-żidiet tal-prezz previst u ħadu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-kompetituri meta ddeċidew tali żidiet. Dan huwa aġir li jgħodd daqs ftehim li ma jbiddilx il-prezzijiet jew jista’, tal-inqas, jitqies bħala prattika miftiehma.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

252    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax din l-interpretazzjoni. Issa, tali aġir tar-rikorrenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala kompetittiv, għaliex hija fi kwalunkwe każ ipparteċipat f’diskussjoni antikompetittiva intiża li tiddetermina l-livelli tal-prezz li għandhom jiġu applikati fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq u tas-sitwazzjoni kummerċjali tal-parteċipanti.

253    Fir-rigward tat-tweġiba ta’ Sasol tal-20 ta’ Diċembru 2005 għal talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti tirreferi għat-titolu tal-laqgħa tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 1995. Skont Sasol, Total ipprovdiet prezz iktar baxx minn ta’ Sasol għal klijent tradizzjonali ta’ din tal-aħħar. Skont Sasol, dan jikkostitwixxi indikazzjoni konkreta li l-ftehim milqugħ matul il-laqgħat tekniċi kien spiss jinkiser.

254    Għalkemm huwa minnu li din is-silta turi ksur ta’ ftehim dwar it-tqassim tal-klijenti, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti pprovdiet biss inċident iżolat, li ma jistax juri, anki meta meqjus flimkien mal-qerq imfakkar fil-punt 244 iktar ’il fuq, in-natura kompetittiva tal-aġir tagħha fir-rigward tal-ksur kumpless, uniku u kontinwu f’din il-kawża. Fil-fatt, il-każijiet sporadiċi u iżolati ta’ qerq jew ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-akkordju minn parteċipant partikolari, b’mod speċjali meta dawn kienu jirrigwardaw akkordju ta’ tul twil, ma jistgħux waħedhom juru l-assenza ta’ implementazzjoni tal-akkordju minn dan il-parteċipant, jew l-adozzjoni, minnu, ta’ aġir kompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Le Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 204).

255    It-tielet nett, għandu jitfakkar (ara l-punti 187 u 188 iktar ’il fuq) li, skont il-ġurisprudenza, fil-każ li l-kompetituri jkunu pparteċipaw f’laqgħat li matulhom huma skambjaw informazzjoni dwar, b’mod partikolari, il-prezzijiet li jixtiequ jipprattikaw fis-suq, impriża, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa li għandha għan antikompetittiv, mhux biss issegwi l-għan li telimina bil-quddiem l-inċertezza dwar l-aġir futur tal-kompetituri tagħha, iżda kellha ta’ bilfors tieħu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, l-informazzjoni miksuba matul dawn il-laqgħat biex tiddetermina l-politika li hija xtaqet issegwi fis-suq. Għalhekk, għandu jiġi preżunt, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-imġiba tagħhom f’dan is-suq. Dan jgħodd b’mod partikolari meta l-prattika miftiehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu ta’ żmien twil.

256    Issa, f’din il-kawża, peress li l-prattiki miftiehma dwar il-prezzijiet kienu regolari u frekwenti u damu tul żmien twil, il-Kummissjoni għandha informazzjoni fuq iktar minn ħamsin laqgħa bejn l-1992 u l-2005, li għall-parti kbirha minnhom ir‑rikorrenti kien preżenti. Għalhekk, ir-rikorrenti kellha volum kbir ta’ informazzjoni skambjata illegalment mal-kompetituri tagħha, li hija setgħet tuża matul id-determinazzjoni tal-aġir kummerċjali tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssemmi biss każ wieħed, dak ta’ provvista ta’ prezz irħas minn ta’ Sasol, meta hija pprovat tipprovdi xema’ tal-paraffin lil klijent tradizzjonali ta’ Sasol, bi ksur ta’ ftehim fuq it-tqassim tal-klijenti. Anki saħansitra matul il-laqgħa teknika li matulha dan l-inċident ġie diskuss (dik tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 1995), S.E ta’ Total kien ikkomunika lill-parteċipanti l-oħra informazzjoni kummerċjali sensibbli, b’mod li l-imsemmi każ iżolat ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm aġir kummerċjali kompetittiv ta’ Total.

257    Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li r-rikorrenti stess iddikjarat, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-riżultat tal-laqgħat tekniċi, li hija rarament kienet tibgħat ittri dwar iż-żieda tal-prezz lill-klijenti tagħha, iżda li normalment kienet tħabbar iż-żidiet tagħha tal-prezz oralment waqt iż-żjarat tal-klijenti tagħha. Minbarra l-fatt li hija tammetti għalhekk li regolarment żiedet il-prezzijiet tagħha, fatt li waħdu jindika applikazzjoni tal-prezzijiet miftiehma jew diskussi matul il-laqgħat tekniċi, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ehmżet mar-risposta tagħha 343 ittra dwar iż-żieda tal-prezz mibgħuta minn Total lill-klijenti tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproduċiet ukoll ċerti ittri dwar iż-żieda tal-prezz li r-rikorrenti kienu bagħtu lill-kompetituri fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-applikazzjoni tal-akkordju.

258    Il-ħames nett, għandu jiġi enfasizzat li l-akkordju inkwistjoni kien akkumpanjat b’diversi mekkaniżmi ta’ kontroll. Minbarra l-iskambju ta’ ittri bit-tariffi, l-impriżi parteċipanti ddikjaraw li huma setgħu direttament jikkuntattjaw lill-klijenti tal-kompetituri tagħhom u għalhekk jiskopru l-qerq. Fid-dawl taż-żmien twil tal-akkordju, ma huwiex possibbli li wieħed jaħseb li l-parteċipanti l-oħra kienu stiednu lir-rikorrenti għal tlettax-il sena għal-laqgħat tekniċi li kieku din tal-aħħar kienet sistematikament tuża l-informazzjoni li hija kienet tirċievi biex tipprovdi prezz irħas mill-kompetituri tagħha u żżid għalhekk il-volum tal-bejgħ tagħha bi ħsara għalihom.

259    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti, anki meta evalwati flimkien, ma jippermettux li jiġi konkluż, għall-perijodu li fih hija aderiet għall-ftehim illegali, li hija effettivament evitat l-applikazzjoni tiegħu billi adottat aġir kompetittiv fis-suq.

260    Għalhekk, il-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 81 KE u lanqas l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

261    Għaldaqstant, ir-raba’ parti għandha wkoll tiġi miċħuda u, għalhekk, it-tieni motiv kollu kemm hu.

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, fir-rigward tal-konstatazzjoni li tipprovdi li l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin, minn naħa, u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba, min-naħa l-oħra, kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu

262    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssanzjonat lir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’ksur kumpless, uniku u kontinwu, fejn l-imsemmi ksur kien ġie kklassifikat bħala kumpless għaliex kien jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftiehma u fi skambju ta’ informazzjoni sensibbli, bħala uniku għaliex kien jikkonċerna kemm ix-xema’ tal-paraffin kif ukoll ix-xema’ ratba, u bħala kontinwu għaliex kien kompost minn sensiela twila ta’ laqgħat antikompetittivi.

263    Fil-kuntest tal-parti preżenti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE billi kkunsidrat li l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba kienu jikkonsistu fi ksur uniku u kontinwu.

264    Skont il-ġurisprudenza, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew saħansitra minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u kkunsidrati waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 81, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 258).

265    Il-kunċett ta’ ksur uniku jippreżumi sensiela ta’ aġir adotta minn partijiet differenti li jsegwu l-istess għan ekonomiku antikompetittiv (sentenzi Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punti 125 u 126, u Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 3699). Il-fatt li l-azzjonijiet differenti tal-impriżi jidħlu fi “pjan kollettiv”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa determinanti sabiex tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ ksur uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 258 u 260).

266    F’dan ir-rigward, matul l-evalwazzjoni tan-natura unika tal-ksur u tal-eżistenza ta’ pjan kollettiv, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-identiċità tal-inqas parzjali tal-impriżi kkonċernati u l-fatt li dawn kienu jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni dwar l-aġir li jikkostitwixxi ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BPB vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 257, u tat-28 ta’ April  2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 89).

267    Għaldaqstant, sabiex azzjonijiet differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwat, għandu jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tqiegħed inkwistjoni tali rabta, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi azzjonijiet inkwistjoni (sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, punt 266 iktar ’il fuq, punt 92 ; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punti 179 sa 181).

268    Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-fatt li l-kompetizzjoni ġiet affettwata jikkostitwixxi, bħala għan jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li diversi azzjonijiet, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku (sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, punt 266 iktar ’il fuq, punt 92).

269    F’din il-kawża, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha li tqis lill-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba bħala ksur uniku abbażi tal-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“ […]

(295) Ix-xema’ ratba kienet tal-inqas is-suġġett ta’ żewġ laqgħat tekniċi – fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 1997 u fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004. Il-parteċipanti fil-laqgħa dwar ix-xema’ ratba tat-8 u tad-9 ta’ Mejju 1999 kienu essenzjalment l-istess parteċipanti li normalment jirrappreżentaw l-impriżi tagħhom matul il-laqgħat tekniċi. Ix-xema’ ratba u x-xema’ tal-paraffin huma prodotti strettament marbuta: ix-xema’ ratba hija l-uniku materja prima li tippermetti li tiġi prodotta x-xema’ tal-paraffin u hija tiġi prodotta u/jew tinbiegħ fil-parti l-kbira mill-impriżi li jipproduċu wkoll u/jew ibigħu x-xema’ tal-paraffin. Il-mekkaniżmu użat u pprovat għax-xema’ tal-paraffin (jiġifieri l-laqgħat perijodiċi, id-diskussjonijiet u l-iffissar tal-prezzijiet) kien applikat bl-istess mod għax-xema’ ratba. Tal-inqas ftit persuni involuti fil-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin kienu wkoll responsabbli mix-xema’ ratba fl-impriżi rispettivi tagħhom. Il-kwistjonijiet dwar kemm ix-xema’ tal-paraffin kif ukoll ix-xema’ ratba kellhom l-istess għan ekonomiku globali komuni, jiġifieri l-kontroll u l-iffissar tal-prezz ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti, fatt li kien jippermetti li l-impriżi ma jidħlux f’kompetizzjoni u tpoġġihom f’sitwazzjoni fejn il-profitti tagħhom jiġu stabbilizzati jew imkabbra f’kundizzjonijiet ta’ pressjoni kompetittiva mnaqqsa u ta’ trasparenza ikbar tas-suq.

(296) Il-fatti tal-kawża preżenti, b’mod partikolari r-rabtiet organizzattivi u sostanzjali bejn id-diskussjonijiet fuq iż-żewġ prodotti, huma tali li ma huwiex iġġustifikat li l-ftehim u/jew il-prattiki miftiehma dwar ix-xema’ ratba jiġu kkunsidrati bħala ksur distint”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

270    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm ksur uniku f’din il-kawża għaliex ix-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba jappartjenu għal swieq ta’ prodotti distinti.

271    Għandu jiġi rrilevat li, fis-sens tal-ġurisprudenza riprodotta fil-punti 265 sa 268 iktar ’il fuq, il-fatt li l-prattiki antikompetittivi jikkonċernaw żewġ swieq ta’ prodotti separati ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li hemm ksur uniku, kemm-il darba l-azzjonijiet dwar id-diversi swieq jidħlu f’pjan globali li l-parteċipanti jafu dwaru.

272    Ċertament, ir-rikorrenti tikkwota deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom hija kienet stabbiliet ksur distint għal prodotti li jappartjenu għal swieq separati. Madankollu, f’dawn il-każijiet, dawn kienu swieq relatati, filwaqt li, f’din il-kawża, is-suq tax-xema’ tal-paraffin u s-suq tax-xema’ ratba huma vertikalment marbuta, peress li x-xema’ ratba hija l-materja prima tax-xema’ tal-paraffin. Issa, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2008, Le Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni (punt 254 iktar ’il fuq, punti 64 u 65), il-Qorti Ġenerali diġà kkonfermat analiżi tal-Kummissjoni li tikklassifika bħala ksur uniku aġir antikompetittiv li jirrigwarda żewġ swieq separati li kienu madankollu vertikalment marbuta, b’mod partikolari minħabba li l-ftehim konkluż dwar il-materji primi kien intiż li jsaħħaħ il-ftehim prinċipali li jikkonċerna l-prodotti sekondarji.

273    Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

274    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma wrietx li r-rabtiet bejn ix-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba kienu jiżvelaw pjan ta’ ksur kollettiv.

275    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, provi dwar l-impatt tad-diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba fuq il-funzjonament tal-parti tal-akkordju li jikkonċerna x-xema’ tal-paraffin.

276    L-ewwel nett, id-dikjarazzjoni ta’ Shell tal-14 ta’ Ġunju 2006, li l-Kummissjoni tirreferi għaliha fil-kuntest tal-eżami tal-parti dwar ix-xema’ ratba (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 557 tad-deċiżjoni kkontestata), tirreferi espliċitament għar-rabta bejn il-prattiki relatati max-xema’ ratba u l-prattiki li jirrigwardaw ix-xema’ tal-paraffin. Fil-fatt, Shell iddikjarat li ż-żidiet fil-prezz tax-xema’ tal-paraffin kienu ġġustifikati fir-rigward tal-klijenti minħabba ż-żieda tal-prezzijiet tax-xema’ ratba, l-unika materja prima. Hija żiedet tgħid li l-klijenti ma kinux ser jaċċettaw l-imsemmija żidiet li kieku kienu jafu li l-prezz tal-materja prima kien ser jibqa’ stabbli. Għalhekk, iż-żidiet artifiċjali tal-prezz tax-xema’ ratba kienu meħtieġa biex jiġu implementati ż-żidiet fil-prezz dwar ix-xema’ tal-paraffin, li kienu ġew miftiehma matul il-laqgħat tekniċi.

277    It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkwota nota ta’ Sasol dwar il-laqgħa teknika tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998 f’nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża taħt il-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-imsemmija nota ta’ Sasol:

“ċirkolari ser tiġi redatta b’[spjegazzjoni] ‘sitwazzjoni tal-materji primi’ ([volumi – disponibbiltà]) bil-għan

–        li l-prezzijiet taħt DEM 120 jiżdiedu,

–        li l-prezzijiet ma jonqsux,

–        li l-produtturi tax-xemgħat jiksbu ‘dokument’ għan-negozjati tagħhom ma’ ktajjen [preżumibbilment ta’ ħwienet] ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

278    Il-Kummissjoni interpretat, fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, din in-nota b’dan il-mod, :

“Dan juri li ż-żieda fil-prezz ta’ DEM 6 għall-klijenti kollha, filwaqt li l-għan ta’ DEM 120 ma kienx għadu ntlaħaq, kien previst għall-1 ta’ Jannar 1999 (ara wkoll it-tabella ċċitata fil-premessa 145, li jindikaw li kien hemm ftehim f’Ottubru 1997 għall-iffissar ta’ ċerti prezzijiet minimi għal DEM 120, li għalhekk kien meqjus bħala riferiment validu matul din il-laqgħa). Din iż-żieda kellha tiġi ġġustifikata lill-klijenti minħabba nuqqas ta’ materji primi. Il-persuni li jirrappreżentaw lill-kumpanniji ftiehmu li, fi kwalunkwe każ, il-prezzijiet ma kellhomx jorħsu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

279    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonkludi fuq il-bażi tan-nota ta’ Sasol li l-parteċipanti fl-akkordju kienu ddeċidew li jiġġustifikaw iż-żieda tal-prezzijiet tagħhom tax-xema’ tal-paraffin abbażi ta’ nuqqas ta’ xema’ ratba. Fil-fatt, ir-riferiment għal “volumi” u għad-“disponibbiltà” ta’ “materji prima”, li kienu jikkostitwixxu l-ġustifikazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet fir-rigward tax-xerrejja tax-xema’ tal-paraffin, essenzjalment ifisser li l-parteċipanti fl-akkordju xtaqu jindikaw lill-klijenti li l-imsemmija żieda kienet dovuta minħabba l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet li jikkarraterizzaw ix-xema’ ratba, jiġifieri n-nuqqas ta’ xema’ ratba.

280    Ir-rikorrenti ma tistax validament tippretendi li l-loġika tal-Kummissjoni kienet żbaljata, għaliex din tikkonċerna nuqqas ta’ xema’ ratba u mhux l-iżvilupp tal-prezz tax-xema’ ratba. Fil-fatt, skont il-funzjonament normali tas-suq, it-tnaqqis tal-offerta, fejn kull fattur ieħor jibqa’ barra minn hekk stabbli, jimplika żieda fil‑prezz. Issa, ir-rikorrenti ma ssemmi l-ebda fatt li jinnewtralizza l-effett ta’ nuqqas ta’ xema’ ratba fuq il-prezz tagħha.

281    Għalhekk, il-provi disponibbli għall-Kummissjoni li tirreferi għalihom fid-deċiżjoni kkontestata juru li l-parteċipanti fl-akkordju ġġustifikaw, fir-rigward tal-klijenti, iż-żieda jew iż-żamma tal-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin minħabba ż-żidiet artifiċjali tal-prezzijiet tax-xema’ ratba. Għalhekk, hemm rabta ta’ komplementarjetà bejn il-parti prinċipali tal-ksur, dwar b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin, u l-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur.

282    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni madankollu li l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin kienu jinkludu liż-ŻEE, filwaqt li l-prattiki dwar ix-xema’ ratba kienu restritti għall-Ġermanja. Issa, id-differenza fil-portata ġeografika tal-prattiki teskludi l-uniċità tal-ksur, fatt li jikkontradixxi l-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata.

283    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, kif jirriżulta mill-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq ġeografiku rilevanti tax-xema’ tal-paraffin bħal dak tax-xema’ ratba huwa ż-ŻEE. Għalhekk, skont ir-regoli ekonomiċi tal-funzjonament tas-suq, iż-żieda tal-prezz fil-Ġermanja kellha normalment ikollha effett fuq iż-żieda tal-prezzijiet fl-Istati Membri l-oħra.

284    Barra minn hekk, kif ġie għalhekk irrilevat fil-punt 278 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ xema’ ratba normalment iwassal għal żieda fil-prezz. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament issostni li l-prattiki intiżi essenzjalment għal żieda fil-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti Ġermaniżi kienu jservu wkoll biex jiġi żgurat is-suċċess tal-prattiki fis-suq tax-xema’ tal-paraffin, peress li ż-żieda fil-prezz tax-xema’ ratba fis-suq Ġermaniż, li barra minn hekk huwa l-ikbar suq fiż-ŻEE, seta’ jrendi iktar kredibbli, f’għajnejn ix-xerrejja tax-xema’ tal-paraffin, il-“ġustifikazzjoni” taż-żieda tal-prezz ibbażata fuq nuqqas ta’ tax-xema’ ratba.

285    Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li l-prattiki dwar ix-xema’ ratba, li kienu jinvolvu żieda tal-prezz tal-inqas fil-Ġermanja, kienu jrendu l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin iktar aċċettabbli, b’mod partikolari għaliex kellhom provi li juru li l-parteċipanti fl-akkordju effettivament xtaqu jiġġustifikaw iż-żieda tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin abbażi ta’ nuqqas ta’ xema’ ratba, li l-konsegwenza normali tiegħu huwa żieda fil-prezz tax-xema’ ratba.

286    Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza BASF u UCB vs Il-Kummissjoni (punt 267 iktar ’il fuq, punti 179 u 208) jirriżulta għalhekk li l-prattiki dwar it-territorji differenti ma jippermettux waħedhom li jiġi konkluż li hemm żewġ ksur distint, għaliex l-element determinanti huwa l-eżistenza ta’ pjan globali.

287    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati fir-rigward tad-differenza fit-territorji kkonċernati għandhom jiġu miċħuda.

288    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li “l-mekkaniżmu użat u pprovat għax-xema’ tal-paraffin (jiġifieri l-laqgħat perijodiċi, id-diskussjonijiet u l-iffissar tal-prezzijiet) kien applikat bl-istess mod għax-xema’ ratba” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija ssostni li d-dikjarazzjonijiet orali ta’ Shell isemmu l-eżistenza ta’ żewġ prattiki nettament differenti u li l-laqgħat dwar ix-xema’ ratba kienu ħafna inqas frekwenti. Fil-fatt, bejn it-30 ta’ Ottubru 1997 u t-12 ta’ Mejju 2004 kien hemm biss 4 “laqgħat dwar ix-xema’ ratba”, filwaqt li, matul l-istess perijodu, kien hemm 29 laqgħa teknika dwar ix-xema’ tal-paraffin.

289    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha provi li juru li l-iffissar tal-prezzijiet tax-xema’ ratba seħħ matul żewġ laqgħat tekniċi. In-nota ta’ MOL dwar il-laqgħa tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 ssemmi “slack wax DEM 550 DEM 600” u tippreċiża d-dati futuri taż-żieda għal kull impriża (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, in-nota miktuba bl-idejn ta’ Total France dwar il-laqgħat tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 issemmi “40 €/T gatsch” (premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn qari ta’ dawn in-noti jirriżulta li l-parteċipanti fl-akkordju kienu ddiskutew u ffissaw il-prezz tax-xema’ ratba bħalma kienu jagħmlu għax-xema’ tal-paraffin.

290    Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjoni ta’ Shell tat-18 ta’ Marzu 2005, il-prattiki kienu jirrigwardaw tliet gruppi ta’ prodotti, jiġifieri x-xema’ totalment raffinata, ix-xema’ iebsa, it-taħliet tax-xema’ u, indirettament, ix-xema’ ratba bħala materja prima.

291    Shell iddikjarat ukoll, fl-istess dikjarazzjoni, li għar-rappreżentanti tal-industrija tax-xema’ tal-paraffin, kien ċar li meta l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti żdiedu b’ċertu ammont jew perċentwali, żieda simultanja kellha taffettwa l-prezzijiet tal-materja prima, jiġifieri tax-xema’ ratba, li tikkorrispondu għal 30 sa 40 % taż-żieda tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin.

292    Sussegwentement, fid-dikjarazzjoni tas-26 ta’ Ottubru 2005, Shell spjegat l-inċident tal-laqgħa teknika tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003 f’Munich (il-Ġermanja), li matulha l-parteċipanti fl-akkordju ddiskutew biss ix-xema’ tal-paraffin u l-prezz tax-xema’ ratba pprattikat minnha. Skont Shell, anki fl-assenza ta’ diskussjonijiet dwar il-prezz tax-xema’ ratba, ir-rappreżentant tagħha seta’ jiddeduċi l-ftehim dwar il-prezz tax-xema’ tal-paraffin u li l-prezz tax-xema’ ratba kellu jiżdied b’madwar EUR 35 għal kull tunnellata.

293    Minn dan isegwi li d-dikjarazzjonijiet ta’ Shell, invokati mir-rikorrenti sabiex turi n-natura distinta tal-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba, ma jsostnux it-teżi tagħha. Fil-fatt, matul il-preżentazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-prattiki, Shell inkludiet ix-xema’ ratba fost is-sottokategoriji differenti tax-xema’ tal-paraffin (ara punt 290 iktar ’il fuq). Is-sempliċi fatt li, skont Shell, il-prattiki kienu jikkonċernaw lix-xema’ ratba biss indirettament ma jqiegħedx inkwistjoni l-uniċità tal-ksur, peress li l-parteċipanti setgħu jbassru ż‑żidiet tal-prezz tax-xema’ ratba fuq il-bażi taż-żidiet miftiehma għax-xema’ tal-paraffin matul il-laqgħat tekniċi.

294    Hija għal din ir-raġuni li l-osservazzjoni tar-rikorrenti li l-laqgħat dwar ix-xema’ ratba kienu ħafna inqas frekwenti minn dawk dwar ix-xema’ tal-paraffin ma tistax tikkomprometti d-dikjarazzjoin tal-Kummissjoni li l-istess mekkaniżmi kienu użati għaż-żewġ partijiet tal-ksur. Fil-fatt, peress li ż-żidiet fil-prezz tax-xema’ tal-paraffin kienu awtomatikament jgħollu l-prezz tax-xema’ ratba, permezz ta’ miżura previżibbli għall-parteċipanti, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex jintlaħqu ż-żidiet fil-prezz armonizzat tax-xema’ ratba, ma kienx hemm bżonn li l-prezz tax-xema’ ratba jiġi diskuss u ffissat b’mod regolari.

295    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-funzjonament taż-żewġ partijiet tal-ksur għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, mill-provi disponibbli għall-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-funzjonament tagħhom kien jixxiebah ħafna.

296    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipanti fiż-żewġ partijiet tal-ksur ma kinux identiċi. Issa, mis-sentenzi Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (punt 243 iktar ’il fuq, punt 312), u Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (punt 184 iktar ’il fuq, punt 120) jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità jew le tal-parteċipanti fil-prattiki differenti kkunsidrati.

297    Għandu jiġi rrilevat li l-parteċipanti kollha fil-prattiki li jikkostitwixxu ksur dwar ix-xema’ ratba, l-impriżi Dea (sussegwentement Shell, wara x-xiri ta’ Dea), ExxonMobil, Sasol u Total kienu involuti wkoll fil-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata). Din is-sitwazzjoni hija sensibbilment differenti mill-kuntest fattwali tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (punt 184 iktar ’il fuq), u Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (punt 243 iktar ’il fuq), imsemmija mir-rikorrenti. F’dawn il-kawżi, il-koinċidenza bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-prattiki li jikkonċernaw is-swieq differenti kienet pjuttost limitata.

298    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li MOL, Repsol u ENI ma bigħux xema’ ratba lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż matul il-perijodu ta’ ksur, ħlief parti żgħira mibjugħa minn Repsol fl-1999 u fl-2000. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur kienet diġà eskluża minħabba s-sitwazzjoni kummerċjali tagħhom.

299    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tax-xema’ ratba kienet ukoll ġiet diskussa matul żewġ laqgħat tekniċi, li għalihom rappreżentanti ta’ MOL u ta’ “ H&R/Tudapetrol” kienu wkoll preżenti u li matulhom il-prezz tax-xema’ ratba kien ġie ffissat. Bl-istess mod, MOL kienet ukoll preżenti għal-laqgħa teknika tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998, li fihom il-parteċipanti qablu li jiġġustifikaw iż-żieda tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin permezz ta’ nuqqas ta’ xema’ ratba. Minn dan isegwi li mhux biss l-impriżi responsabbli għall-prattiki dwar ix-xema’ ratba (Shell, ExxonMobil, Sasol u l-grupp Total) kienu jafu dwar il-prattiki dwar ix‑xema’ ratba u r-rabtiet li jagħqdu lil dawn iż-żewġ swieq ta’ prodotti u liż-żewġ partijiet tal-prattiki, iżda wkoll impriżi oħra.

300    Għalhekk, peress li l-impriżi kollha li pparteċipaw fil-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur ħadu wkoll parti fil-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u li impriżi oħra kienu jafu bil-prattiki dwar ix-xema’ ratba u l-komplementarità taż-żewġ prattiki, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-assenza tal-identità tal-impriżi parteċipanti għandhom jiġu miċħuda.

301    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni li, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-uniċità tal-ksur tirriżulta mill-fatt li l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba kellhom l-għan komuni li jikkontrollaw u li jiffissaw il-prezzijiet. Issa, il-parti l-kbira tal-akkordji jkollhom dan għan komuni, b’mod li tali kriterju jippermetti lill-Kummissjoni li artifiċjalment u arbitrarjament tgħaqqad fi ksur uniku ksur differenti.

302    Għandu jiġi kkonstatat li mill-analiżi preċedenti jirriżulta li kien hemm rabtiet stretti bejn iż-żewġ swieq tal-prodotti u bejn il-prattiki li jikkonċernahom. F’dan ir-rigward, għandu biss jitfakkar li l-impriżi kkonċernati setgħu jbassru b’preċiżazzjoni relattiva ż-żieda tal-prezz tax-xema’ ratba, li kienet issegwi ż-żidiet tal-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin miftiehma matul il-laqgħat tekniċi. Bl-istess mod, il-Kummissjoni pproduċiet il-prova li l-parteċipanti f’laqgħa teknika kienu xtaqu jiġġustifikaw iż-żieda tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin permezz ta’ nuqqas ta’ xema’ ratba. Fl-aħħar nett, matul żewġ laqgħat, il-parteċipanti simultanjament iddiskutew u ffissaw kemm il-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin kif ukoll il-prezzijiet tax-xema’ ratba.

303    Għalhekk, il-Kummissjoni ġabret biżżejjed indizji u provi biex turi li l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba jidħlu f’pjan kollettiv li kienu jafu dwarhom il-parteċipanti.

304    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-parti xema’ ratba tal-ksur u l-parti prinċipali tal-ksur kienu jikkostitwixxu ksur uniku.

305    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

306    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni attribwixxiet lil kull parti mill-ksur tul distint, mill-1992 sal-2005 għax-xema’ tal-paraffin u mill-1997 sal-2004 għax-xema’ tal-paraffin. Barra minn hekk, la l-punt ta’ tluq u lanqas it-tmiem tal-prattiki allegati ma jikkoinċidu. Issa, fis-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (punt 243 iktar ’il fuq, punt 312), il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dan l-element biex teskludi li l-ksur jiġi kklassifikat bħala uniku.

307    Għalkemm huwa minnu li, fis-sentenza tagħha Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (punt 243 iktar ’il fuq, (punt 312), il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni d‑differenza fit-tul tal-prattiki dwar iż-żewġ prodotti, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-element ma kienx determinanti fl-analiżi tagħha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali enfasizzat l-importanza tal-assenza ta’ pjan kollettiv u semmiet ukoll il-koinċidenza ristretta ħafna tal-parteċipanti fiż-żewġ ksur. Barra minn hekk, differentament mis-suq tal-aċidu ċitriku u mis-suq tal-glukonat tas-sodju eżaminati fis-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq, li jikkostitwixxu swieq li ma humiex marbuta, is-suq tax-xema’ tal-paraffin u s-suq tax-xema’ ratba huma vertikalment marbuta, b’mod li l-impriżi kkonċernati setgħu jbassru l-miżura ta’ żieda fil-prezz tax-xema’ ratba abbażi taż-żidiet miftiehma għax-xema’ tal-paraffin. Għalhekk, il-kuntest fattwali ta’ din il-kawża huwa sensibbilment differenti mill-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq.

308    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza stabbilita, riprodotta fil-punti 265 sa 267 iktar ’il fuq, ma ssemmiex bħala kriterju tal-uniċità tal-ksur il-fatt li t-tul tal-prattiki dwar il-prodotti differenti għandu jkun identiku. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija ġurisprudenza tenfasizza l-preżenza ta’ pjan kollettiv li jafu bih il-parteċipanti, kriterju li huwa ssodisfat f’din il-kawża.

309    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq id-differenza tat-tul tal-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u x-xema’ għandu jiġi miċħud.

310    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni inġustament iddikjarat li r-rappreżentanti tal-impriżi li pparteċipaw fil-laqgħa tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar speċifikament ix-xema’ ratba, kienu l-istess bħal dawk li pparteċipaw għal-laqgħat tekniċi, li kienu ġeneralment jirrigwardaw ix-xema’ tal-paraffin. Fir-rigward ta’ Total France, il-parteċipanti fl-imsemmija laqgħa mhux biss kienu differenti mill-parteċipanti fil-laqgħat tekniċi imma saħansitra ma kinux impjegati ta’ Total France, iżda ta’ Total Deutschland.

311    Dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti l-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, hija setgħet validament tikkonkludi, fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-parteċipanti […] kienu essenzjalment l-istess ”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] għaliex il-persuni responsabbli ta’ bosta impriżi oħra, bħal Shell u Sasol, kienu effettivament l-istess fiż-żewġ tipi ta’ laqgħat.

312    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar (ara l-punt 265 iktar ’il fuq) li l-element deċiżiv tal-perspettiva tal-eżistenza ta’ ksur uniku huwa li l-azzjonijiet dwar swieq differenti jidħlu f’pjan globali li l-parteċipanti jafu dwaru. Issa, il-fatt li l-kwistjoni tax-xema’ ratba ġiet diskussa matul żewġ laqgħat tekniċi u li l-parteċipanti saħansitra ffissaw il-prezz tax-xema’ ratba matul dawn il-laqgħat tekniċi jindika li l-persuni responsabbli għax-xema’ tal-paraffin kienu jafu sew bil-prattiki dwar ix-xema’ ratba. Bl-istess mod, il-fatt li, matul il-laqgħa teknika tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 1998, il-parteċipanti kienu xtaqu jiġġustifikaw iż-żieda tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin permezz ta’ nuqqas fis-suq tax-xema’ ratba jindika li huma kienu tassew jafu bil-komplementarità tal-prattiki dwar iż-żewġ prodotti.

313    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li r-rappreżentant tagħha matul il-laqgħat tekniċi kien differenti mir-rappreżentant fil-laqgħa dwar ix-xema’ ratba tat-8 u tad-9 ta’ Mejju 1999, huwa mingħajr rilevanza.

314    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba kienu jikkostitwixxu biss ksur uniku u, għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

315    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti li jqiegħdu inkwistjoni n-natura kontinwa tal-ksur ġew ippreżentati fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ser tiddeċiedi fuq dawn l-argumenti fl-aħħar tal-eżami tagħha dwar it-tieni parti.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-prattiki dwar ix-xema’ ratba

316    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma għandhiex provi biżżejjed biex tistabbilixxi li l-prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni dwar il-bejgħ tax-xema’ ratba lill-konsumaturi finali fil-Ġermanja seħħew matul il-laqgħat tekniċi. Anki jekk jiġi preżunt li l-laqgħat tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 kienu jikkonċernaw prattika restrittiva dwar il-bejgħ tax-xema’ ratba lill-klijenti finali fil-Ġermanja, dawn il-laqgħat kienu jikkostitwixxu biss żewġ ksur (li l-ewwel waħda minnhom hija barra minn hekk preskritta) u ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-konklużjoni dwar ksur bejn l-1997 u l-2004. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 81 KE u l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

 Fuq id-deċiżjoni kkontestata

317    Il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata, is-segwenti:

“Kemm Sasol kif ukoll Shell espressament jammettu li l-prezzijiet tax-xema’ ratba kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-kompetituri, b’mod speċjali lejn l-aħħar tas-snin disgħin, u pprovdew dettalji dwar ċerti kuntatti inkwistjoni (ara wkoll il-premessa 112). Matul il-laqgħa li saret fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 1997 (ara premessa 145), diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba tal-inqas laqqgħu lil ENI, H&R/Tudapetrol, MOL, Repsol, Sasol, Dea (wara 2002, Shell) u Total, li qablu li jżidu l-prezzijiet. Il-preżenza ta’ Shell u Total kienet ġiet stabbilita f’tal-inqas laqgħa waħda speċifikament iddedikata għax-xema’ ratba, dik tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999 (ara l-premessa 152). Sasol u ExxonMobil ma jiċħdux il-preżenza tagħhom f’din il-laqgħa fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u l-preżenza tagħhom tidher effettivament probabbli fid-dawl ta’ nota miktuba bl-idejn f’messaġġ elettroniku intern ta’ Shell mibgħut l-għada u li jirreferi għall-‘produtturi kollha’. Sasol, Shell u Total kienu wkoll rappreżentati fil-laqgħa teknika tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 (ara l-premessa 174) li matulha ġie konkluż ftehim dwar il-prezz tax-xema’ ratba. Il-Kummissjoni ssemmi barra minn hekk li x-xema’ ratba kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet matul ċerti laqgħat tekniċi, li seħħew fil-preżenza ta’ ExxonMobil, Sasol, Shell u Total. ExxonMobil ammettiet li pparteċipat f’diskussjonijiet bejn l-1993 u l-1996. ExxonMobil ammettiet ukoll li [T. H.], rappreżentant ta’ ExxonMobil, ipparteċipa f’diskussjonijiet fuq ix-xema’ ratba f’isem produtturi ta’ particle boards fil-parti Ġermanofonika tal-Ewropea bejn l-1999 u l-2001 u tikkonferma b’mod ġenerali li d-diksussjonijiet ġew organizzati fil-kuntest ta’ ftehim tal-akkordju dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali. Bl-istess mod Total tinnota li seħħew diskussjonijiet dwar iż-żieda tal-prezz tax-xema’ ratba. Shell u ExxonMobil jikkonfermaw ukoll li l-laqgħat li ddiskutew ix-xema’ ratba kienu seħħew lil hinn mil-laqgħat tekniċi. Għalkemm ENI, H&R-Tudapetrol, MOL u Repsol kienu wkoll rappreżentati f’ċerti minn dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni tqis li l-provi disponibbli ma humiex biżżejjed biex dawn l-impriżi jinsabu ħatja għall-ksur dwar ix-xema’ ratba. Barra minn hekk, għalkemm ċerti provi jidhru li jaqblu ma’ perijodi oħra u swieq, il-Kummissjoni tqis li l-provi disponibbli jippermettu biss li jiġi konkluż ksur dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż fis-snien 1997 sal-2004.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

318    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, is-segwenti:

“Il-kwistjoni tax-xema’ ratba ġiet diskussa f’ċerti laqgħat tekniċi [premessi 144, 145, 152, 157, 174 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata]. Barra minn hekk, ftehim dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż ġew konklużi tal-inqas darba lil hinn mil-laqgħat tekniċi meta r-rappreżentanti ta’ Shell, Sasol, ExxonMobil u Total, u forsi oħrajn, iltaqgħu u approfondew id-diskussjoni dwar ix-xema’ ratba, jiġifieri fi kliem ieħor, iffissaw il-prezzijiet u skambjaw informazzjoni sensibbli fuq il-pjan kummerċjali. Pereżempju, huwa ppruvat li tali laqgħa seħħet f’Düsseldorf fit-8 u fid-9 ta’ Marzu 1999. Il-persuni li jirrappreżentaw l-impriżi matul il-laqgħa speċifika ddedikata għax-xema’ ratba kienu, fil-parti l-kbira tal-impriżi, l-istess bħal dawk li attendew il-laqgħat tekniċi, bl-eċċezzjoni ta’ Total.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

319    Għandu jiġi rrilevat li l-premessi 144, 145, 152, 157, 174 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw rispettivament il-laqgħat tad-19 u tal-20 ta’ Ġunju 1997, tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997, u tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999, tat-3 u tal-4 ta’ Frar 2000, tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u tat-3 u tal-4 ta’ Awwissu 2004.

320    Il-Kummissjoni ġġustifikat id-deċiżjoni tagħha li ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi għax-xema’ ratba f’dak li jirrigwarda l-bejgħ lil klijenti finali fil-Ġermanja b’dan il-mod:

“ […]

(289) Il-Kummissjoni tqis barra minn hekk li dawn id-diskussjonijiet ittrattaw biss ix-xema’ ratba mibjugħa lill-impriżi marbuta mal-klijenti finali bħall-produtturi ta’ particle boards u mhux, pereżempju, ix-xema’ tal-paraffin. Għalkemm id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi spiss ma jistabbilixxux l-ebda distinzjoni bejn l-użu differenti tax-xema’ ratba, il-messaġġ elettroniku msemmi fil-premessa 152 [laqgħa f’Düsseldorf fit-8 u fid-9 ta’ Marzu 1999] isemmi esklużivament ix-xema’ tal-paraffin mibjugħa lill-produtturi ta’ particle boards. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li hemm dubju dwar il-kwistjoni jekk il-bejgħ tax-xema’ ratba lil klijenti oħra li ma humiex il-klijenti finali kienx is-suġġett tal-ksur u ser tillimita l-konklużjoni tagħha għax-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati minn Shell u ExxonMobil [Shell, proċess p. 8122-8123, 38846 ; Exxon, tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, p. 36-48].

(290) Il-provi disponibbli jagħtu x’jifhem li d-diskussjonijiet okkażjonali dwar ix-xema’ ratba kienu essenzjalment jirrigwardaw is-suq Ġermaniż. ExxonMobil, Sasol, Shell u Total kollha jbiegħu xema’ ratba fis-suq Ġermaniż u l-laqgħat li fihom ġiet diskussa x-xema’ ratba seħħew fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li ma hemmx biżżejjed indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li l-ftehim applikabbli għax-xema’ ratba kienu jirrigwardaw ukoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali ta’ pajjiżi oħra.

(291) Il-Kummissjoni tqis li l-ksur, sa fejn jirrigwarda x-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż, beda matul il-laqgħa tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u ntemm matul il-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004.

(292) Il-Kummissjoni tqis konsegwentement li d-diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż kienu jagħtu lok għal ftehim u/jew prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet indipendenti u konkordanti ta’ Shell u ta’ Sasol, sostnuti mid-dikjarazzjonijiet ta’ ExxonMobil u ta’ Total. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-provi bil-miktub.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Fuq l-eżami tal-provi li jirrigwardaw il-laqgħat antikompetittivi

321    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma kellhiex provi biżżejjed biex tistabbilixxi li l-prattiki antikompetittivi dwar il-bejgħ tax-xema’ ratba lill-konsumaturi finali fil-Ġermanjza kienu seħħew matul il-laqgħat tekniċi.

322    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li kemm Shell (ara l-punti 290 sa 292 iktar ’il fuq) kif ukoll ExxonMobil, fid-dikjarazzjoni tagħhom tal-14 ta’ Ġunju 2006, iddikjaraw li l-prattiki antikompetittivi kienu wkoll jikkonċernaw ix-xema’ ratba u li d-diskussjonijiet dwarha seħħew matul il-laqgħat multilaterali bejn il-kompetituri. Shell saħansitra ippreċiżat li l-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba kienu diskussi f’ċerti laqgħat tekniċi u f’ċerti laqgħat iddedikati għax-xema’ ratba. Dawn id-dikjarazzjonijiet saru fuq il-bażi ta’ xhieda tal-persuni li pparteċipaw fil-laqgħat tekniċi, wara riflessjoni fit-tul, u li jinkriminaw ukoll lill-impriżi li f’isimhom dawn saru. Għalhekk, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, dawn huma partikolarment affidabbli.

323    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dikjarazzjonijiet huma kkorroborati minn provi dokumentali kontemporanji tal-ksur. Issa, kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata, in-noti ta’ MOL tħejjew matul il-laqgħat mill-persuni preżenti u l-kontenut tagħhom huwa strutturat u relativament iddetaljat. Għalhekk, il-valur probatorju ta’ dawn in-noti huwa għoli ħafna skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq.

324    L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħa teknika tad-19 u tal-20 ta’ Ġunju 1997, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq in-nota ta’ MOL u tinkludi r-referenza “Shell/NL tbigħ xema’ ratba lil pereżempju Bolsius” u “xema’ ratba : DEM 550” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti ma tifformula l-ebda osservazzjoni fir-rigward ta’ din in-nota.

325    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-imsemmija nota tistabbilixxi l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba u ftehim dwar l-iffissar tal-prezz tagħha, kif ġustament għamlet il-Kummissjoni meta rriferiet għal din il-laqgħa teknika fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata.

326    It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħa tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997, il-Kummissjoni ċċitat, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, nota ta’ MOL li tinkludi r-referenza “slack wax : DEM 550 600”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

327    Ir-rikorrenti ssostni li minn din in-nota ma jirriżultax li l-parteċipanti kienu laħqu ftehim dwar il-bejgħ tax-xema’ ratba lill-klijenti finali fil-Ġermanja. Ir-referenza l-iktar koerenti hija li “slack wax : DEM 550 600” kienet tikkonċerna l-prezz tax-xema’ tal-paraffin.

328    Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, peress li huwa kompletament irraġonevoli għar-rappreżentant ta’ MOL li tindika “slack wax” – xema’ ratba –biex tirreferi għall-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin. Barra minn hekk, skont in-nota ta’ MOL, il-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin, li jiddependu mit-tip u mill-grad ta’ raffinar, kien jibda minn DEM 950 sa DEM 1 350, b’mod li ma kienx raġonevoli li l-prezz ta’ DEM 600 seta’ jikkorrispondi għall-prezz tax-xema’ tal-paraffin. Min-naħa l-oħra, ir-referenza “slack wax : DEM 550 600” hija perfettament koerenti mal-kontenut tan-nota ta’ MOL dwar il-laqgħa preċedenti, li seħħet fid-19 u fl-20 ta’ Ġunju 1997, li tindika li l-prezz miftiehem għax-xema’ ratba kien iffissat għal DEM 550.

329    Ir-rikorrenti madankollu ssostni li min-nota ta’ MOL ma jirriżultax li l-parteċipanti ffissaw il-prezz tax-xema’ ratba bil-għan ta’ bejgħ lill-klijenti finali Ġermaniżi.

330    Madankollu, dan l-argument huwa mingħajr rilevanza, peress li l-iffissar tal-prezz ġeneralment japplika għall-klijenti kollha, inkluż il-klijenti finali Ġermaniżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li tillimita l-portata tal-prattiki antikompetittiv dwar ix-xema’ ratba għall-bejgħ lil klijenti finali Ġermaniżi fil-premessi 289 sa 292 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotti fil-punt 320 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx argumenti dwar dawn is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata.

331    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament irriferiet għal din il-laqgħa teknika u l-provi marbuta magħha fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex turi l-eżistenza tal-parti xema’ ratba tal-ksur.

332    It-tielet nett, fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat laqgħa ddedikata għax-xema’ ratba, organizzata fit-8 u fid-9 ta’ Marzu 1999, fil-preżenza tal-inqas tar-rappreżentanti ta’ Shell, ta’ Total u ta’ ExxonMobil.

333    Skont il-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, nota miktuba bl-idejn kontemporanja ta’ Shell dwar il-ksur turi li r-rappreżentanti tagħha stennew li r-rappreżentanti tal-impriżi differenti jiskambjaw informazzjoni dwar il-provvista ta’ xema’ ratba lil ċerti klijenti matul il-laqgħa tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999. L-imsemmija nota kienet tinkludi r-referenza “8/9.3.99 PM = particle board”, fejn PM tfisser, skont Shell, “paraffin Mafia”. L-għada ta’ din il-laqgħa, l-imsemmi rappreżentant bagħat messaġġ elettroniku lis-superjur tiegħu fejn iddikjara li Shell kellha l-intenzjoni li żżied il-prezzijiet tagħha tax-xema’ ratba użata fis-settur tal-particle boards b’8 sa 10 % mill-1 ta’ Ġunju 1999. Nota miktuba bl-idejn dwar dan il-messaġġ kienet tindika s-segwenti: “Il-produtturi kollha jħossu l-ħtieġa li jżiedu (il-prezzijiet)”.

334    Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan li r-rappreżentanti tal-kumpanniji matul il-laqgħa kienu qablu biex iżiedu l-prezzijiet tax-xema’ ratba fl-industrija tal-particle boards u li Shell kienet ser timplementa dan il-ftehim minn Ġunju 1999.

335    Il-Qorti Ġenerali tqis li din l-interpretazzjoni hija korretta u hija kkorroborata minn provi oħra dwar il-prattiki dwar ix-xema’ ratba, b’mod li għandha tiġi kkonfermata.

336    Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-provi dwar il-laqgħa tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999 ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni, peress li din il-laqgħa ma kinitx laqgħa teknika. Fil-fatt, fil-premessa 275 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet eskludiet mill-investigazzjoni tagħha l-kuntatti kollha li seħħew barra il-laqgħat tekniċi.

337    Fil-premessa 275 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għażlet li ma tinvestigax il-kuntatti bilaterali, għaliex l-isforz meħtieġ biex jiġu pprovati l-elementi addizzjonali ta’ dan il-ksur mingħajr ma jinbidel ir-riżultat finali kien ser ikun sproporzjonat. Għal din l-istess raġuni, il‑Kummissjoni għażlet li ma tinvestigax il-kuntatti l-oħra li saru lil hinn mil-laqgħat tekniċi. Il-Kummissjoni tqis ukoll li hija stabbiliet biżżejjed l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu dwar il-prattiki li dwarhom hija investigat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

338    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata li tuża t-terminoloġija użata mill-membri tal-akkordju biex issemmi l-provi differenti. B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li bosta parteċipanti ddikjaraw li, matul il-laqgħat tekniċi, issemmew id-diskussjonijiet dwar ix-xema’ tal-paraffin u li, f’laqgħat oħra speċifiċi, issemmiet ix-xema’ ratba, xorta jibqa’ l-fatt li din id-distinzjoni ma hijiex ċara, peress li d-diskussjonijiet dwar ix-xema’ ratba seħħew ukoll matul laqgħat tekniċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni viżibbilment ma eskludietx mill-investigazzjoni tagħha l-laqgħat speċifiċi li jirrigwardaw ix-xema’ ratba, fejn hija ddedikat analiżi relativament voluminuża għal-laqgħa tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 1999 fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, fost il-laqgħat antikompetittivi multilaterali l-oħra kklassifikati bħala “laqgħat tekniċi ”.

339    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Kummissjoni għażlet, f’mument partikolari matul il-proċedura amministrattiva, li tiffoka l-isforzi tagħha fuq ċerti aspetti tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur u billi ma investigatx ċerti aspetti oħra ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tuża l-provi kollha li hija għandha fil-mument li tadotta d-deċiżjoni kkontestata, kemm-il darba ġew osservati l-garanziji proċedurali.

340    Issa, ir-rikorrenti ma ssostnix li d-drittijiet proċedurali tagħha nkisru f’dak li jirrigwarda l-użu tal-provi dwar il-laqgħat li ma humiex “laqgħat tekniċi”. Fi kwalunkwe każ, il-provi dwar din il-laqgħa diġà jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u r-rikorrenti fformula osservazzjonijiet f’dan ir-rigward fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, diskussa mill-Kummissjoni fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata.

341    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ ExxonMobil dwar din il-laqgħa turi li din kienet tirrigwarda “b’mod speċifiku x-xema’ ratba intiża għall-produtturi ta’ particle boards fil-parti Ġermanofonika tal-Ewropa” u tissostanzja l-elementi li setgħu wasslu lill-Kummissjoni biex ikkonstatat li, fir-rigward tal-parti tal-ksur dwar ix-xema’ ratba, hija ma għandhiex biżżejjed provi dwar il-bejgħ lil klijenti finali Ġermaniżi.

342    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni taqbel mar-rikorrenti li f’din il-laqgħa ma hemmx provi dwar diskussjonijiet fuq ix-xema’ ratba u dan huwa żball tal-pinna li jikkonsisti f’referenza fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata ta’ nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża taħt il-premessa 112.

343    Il-ħames nett, fir-rigward tal-laqgħa tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni ċċitat, fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, in-notamenti kontemporanji magħmula mir-rappreżentant ta’ Total France fuq tabella mqassma matul din il-laqgħa teknika. It-tabella u n-notamenti jinkludu informazzjoni kummerċjali sensibbli dwar ix-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba. In-notamenti ta’ Total France jinkludu r-referenza “xema’ ratba rħas minn EUR 500”.

344    Il-Kummissjoni kkonkudiet fuq din il-bażi li l-prezz tax-xema’ ratba kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet li seħħew matul din il-laqgħa teknika.

345    Ir-rikorrenti ma taqbilx mal-Kummissjoni u ssostni li l-ebda ftehim dwar il-prezz tax-xema’ ratba ma jirriżulta minn dawn ir-referenzi.

346    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma sostnietx li ftehim dwar il-prezz tax-xema’ ratba kien ġie konkluż. Barra minn hekk, il-parti xema’ ratba tal-ksur kienet kumplessa, u tiġbor fi ħdanha, pereżempju, parti prinċipali tal-ksur, ftehim u prattiki miftiehma kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensibbli f’dak li jikkonċerna l-prezz tax-xema’ ratba.

347    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti, li tipprovdi li n-nota miktuba bl-idejn inkitbet fil-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2003, ma tneħħix mis-saħħa probatorja ta’ din in-nota, peress li din tal-aħħar tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ prova li d-diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva dwar ix-xema’ ratba kienu seħħew matul is-sena 2002 jew 2003.

348    Għalhekk, in-notamenti inkwistjoni jifformaw parti mill-provi li juru l-eżistenza tal-parti xema’ ratba tal-ksur.

349    Is-sitt nett, fir-rigward tal-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, nota konfiskata mill-bini ta’ Total France, li tinkludi r-referenza segwenti:

“Sasol 40 €/50 $. – Fl-aħħar ta’ Lulju.

Mer : 38-28.

1 ta’ Lulju

+ FRP : 70 6 000 €/T

+ Xemgħa bi platt tat-tisħin: 50 500 €/T

+ Xema’ tal-paraffin żgħira : 25 50 $/T

[...]

40 €/T xema’ ratba.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

350    Skont il-premessa 174 tad-deċiżjoni kkonestata:

“ […] l-aħħar linja tindika li kien hemm qbil biex jiżdied il-prezz. Mill-kuntest ġenerali tan-nota jirriżulta li vleġġa qabel il-prezz tindika l-eżistenza ta’ strateġija miftiehma għall-futur, jiġifieri li hemm pjan biex jiżdied il-prezz.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

351    Skont ir-rikorrenti, il-kontenut reali ta’ dan id-dokument kien jikkonsisti f’wieħed mill-parteċipanti (Sasol jew produttur Ġermaniż ieħor) jevoka l-għanijiet tiegħu dwar il-prezz.

352    Il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma pprovdietx interpretazzjoni oħra plawsibbli u koerenti li tista’ tqiegħed inkwistjoni l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li n-noti jsemmu l-isem tal-impriża, ir-rappreżentant tagħha, jew, tal-inqas, il-pajjiż ta’ sede tal-impriża meta din tinvolvi proposta ta’ prezz unilaterali, fatt li huwa nieqes fil-każ tar-referenza “40€/T xema’ ratba”.

353    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqietx żball ta’ evalwazzjoni tal-provi dwar il-laqgħat li matulhom il-kwistjoni tax-xema’ ratba ġiet diskussa.

354    Għandu jiġi konkluż li, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi u tal-provi dokumentali dwar il-laqgħat li għalihom kienet preżenti r-rikorrenti u msemmija fil-premessi 144, 145, 152, 168 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet validament tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi li jikkonsistu fi ftehim jew fi prattiki miftiehma, u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensibbli dwar il-prezz tax-xema’ ratba, kif ukoll il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’din il-parti tal-ksur.

 Fuq in-natura kontinwa tal-parti xema’ ratba tal-ksur

355    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx ksur kontinwu dwar il-bejgħ tax-xema’ ratba lil klijenti finali Ġermaniżi bejn l-1997 u l-2004. Anki fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali ssib li l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni hija biżżejjed dwar il-laqgħat tekniċi tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, dawn huma biss żewġ ksur ad hoc, li l-ewwel wieħed minnhom huwa barra minn hekk preskritt.

356    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti bbażat l-argumenti tagħha fuq l-ipoteżi li dawn iż-żewġ laqgħat biss setgħu, jew tal-inqas, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala laqgħat li fihom il-kwistjoni tax-xema’ ratba ġiet diskussa. Issa, kif jirriżulta mill-eżami iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha provi dokumentali li juru l-eżistenza ta’ tali prattiki fir-rigward ta’ ħames laqgħat, organizzati fid-19 u fl-20 ta’ Ġunju 1997, fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 1997, fit-8 u fid-9 ta’ Marzu 1999, fis-17 u fit-18 ta’ Diċembru 2002 (jew, alternattivament, fit-28 ta’ Frar 2003) u fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004.

357    It-tieni nett, għandha titfakkar il-konklużjoni mnissla fil-punt 314 iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-Kummissjoni ġustament ddeċidiet li l-prattiki dwar ix-xema’ tal‑paraffin u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba kienu jikkostitwixxu ksur uniku. Għalhekk, il-provi dwar il-prattiki li jirrigwardaw ix-xema’ ratba għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-provi kollha, dwar il-ksur uniku, miġbura mill-Kummissjoni. Dawn il-provi juru l-eżistenza ta’ kuntatti kontinwi bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-prattiki dwar ix-xema’ ratba.

358    It-tielet nett, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ Shell iċċitata fil-punt 291 iktar ’il fuq, kien ċar għar-rappreżentanti tal-industrija tax-xema’ tal-paraffin li, meta l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti kienu jogħlew b’ċertu ammont jew perċentwali, żieda simultanja kellha taffettwa l-prezzijiet tal-materja prima, jiġifieri tax-xema’ ratba, jiġifieri żieda ta’ 30 sa 40 % taż-żieda fil-prezz tax-xema’ tal-paraffin. Għalhekk, id-diskussjonijiet antikompetittivi organizzati dwar ix-xema’ tal-paraffin kienu jaffettwaw ukoll il-politika tal-prezz tal-parteċipanti tax-xema’ ratba, fatt li għalhekk jiġġustifika għaliex il-Kummissjoni ddeċidiet li ssostni n-natura kontinwa tal-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur.

359    Għalhekk, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-parti xema’ ratba kienet tifforma parti mill-ksur kontinwu u tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti mressqa f’dan ir-rigward.

 Fuq il-limitazzjoni tal-prattiki antikompetittivi fil-Ġermanja

360    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-restrizzjoni tal-portata tal-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur lill-klijenti finali Ġermaniżi.

361    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, li l-fatt li hija ħalliet li l-impriżi kkonċernati jibbenefikaw mid-dubju dwar l-eżistenza ta’ prattiki li jmorru lil hinn mis-sempliċi bejgħ lil klijenti finali fil-Ġermanja, ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għall-finijiet tal-imponiment tal-multi, il-Kummissjoni għandha titħalla libera li tieħu inkunsiderazzjoni biss ta’ prattiki antikompetittivi li l-eżistenza tagħhom huma ċerti.

362    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 329 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 289 sa 292 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotti fil-punt 320 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet għaliex hija qieset li l-prattiki antikompetittivi dwar ix-xema’ ratba kienu restritti għall-bejgħ lil klijenti finali Ġermaniżi. Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentatx argumenti dwar dawn is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata.

363    Barra minn hekk, l-elementi msemmija mill-Kummissjoni matul l-eżami individwali tal-laqgħat (ara l-punti 323 sa 352 iktar ’il fuq) huma biżżejjed biex isostnu l-pożizzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi dwar ix-xema’ ratba, b’mod li l-analiżi tal-argument tar-rikorrenti dwar il-provi msemmija fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata (ara punt 317 iktar ’il fuq) hija superfluwa.

364    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-provi miġbura mill-Kummissjoni, hija validament setgħet tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi li jikkonsistu fi ftehim jew fi prattiki miftiehma kif ukoll fi skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensibbli dwar il-prezz tax-xema’ ratba, kif ukoll il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’din il-parti tal-ksur (ara l-punt 354 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandha wkoll tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-parti xema’ ratba kienet tifforma parti minn ksur kontinwu (ara il-punt 359 iktar ’il fuq).

365    Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE għandu jiġi miċħud.

366    Bl-istess mod, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni riprodotti fil-punti 317 sa 320 iktar ’il fuq, u d-dokumenti li tirreferi għalihom, juru, b’mod ċar u bla ekwivoki, ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-parti xema’ ratba tal-ksur, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet f’dan ir-rigward u lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 239 iktar ’il fuq.

367    Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

368    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv jiġi miċħud, u, għalhekk, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

369    Fir-rigward tat-tul tal-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin, il-Kummissjoni qieset li l-grupp Total kien ipparteċipa fih bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-28 ta’ April  2005 (tnax-il sena u seba’ xhur). Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni tagħha ntemmet fit-12 ta’ Mejju 2004, id-data tal-aħħar laqgħa teknika li pparteċipat fiha.

370    Fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet dan li ġej:

“Total tiddikjara li ma pparteċipat fl-ebda laqgħa teknika wara dik tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004 u żżid tgħid li r-rappreżentant tagħha annulla l-vjaġġ tiegħu għal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, skont komunikazzjoni interna, wara l-pariri tas-superjur tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni li l-ebda prova ma teżisti dwar irtirar eventwali mill-akkordju. Fil-każ ta’ ksur kumpless, il-fatt li impriża ma tkunx preżenti f’laqgħa jew ma taqbilx ma dak li jkun ġie diskuss matul il-laqgħa ma jfissirx li l-impriża waqfet milli tipparteċipa fi ksur kontinwu. Sabiex ittemm il-ksur, l-impriża għandha b’mod ċar tiddissoċja ruħha mill-akkordju. [Issa,] Total ma pproduċietx prova preċiża li tipprovdi li hija adottat, b’mod totalment awtonomu, strateġija unilaterali fis-suq u li hija ddissoċjat ruħha b’mod ċar u miftuħ mill-attivitajiet tal-akkordju. Għall-kuntrarju, il-provi li għandha l-Kummissjoni juru li Total rċeviet l-istedini uffiċjali għal tliet laqgħa tekniċi segwenti (jiġifieri l-aħħar tliet laqgħat tekniċi organizzati qabel l-eżekuzzjoni tal-ispezzjoni). Il-Kummissjoni tirrimarka li r-rappreżentant ta’ Total ikkonferma li kien ser jipparteċipa għal-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, minkejja li sussegwentement jidher li kien annulla l-vjagg tiegħu. Bl-istess mod, fir-rigward tal-laqgħa tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005, kamra kienet ġiet irriżervata minn Sasol għar-rappreżentant ta’ Total fil-lukanda li fiha saret il-laqgħa, rizervazzjoni li sussegwentement ġiet annullata. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan għalhekk li, għal Sasol u l-parteċipanti l-oħra, kien ċar li Total kienet ipparteċipat fl-akkordju sal-aħħar. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-diskussjonijiet organizzati matul il-laqgħat ma kinux fundamentalment differenti minn dawk organizzati fil-laqgħat preċedenti, iżda li l-parteċipanti baqgħu jiddiskutu ż-żieda tal-prezz mingħajr ma semmew kwalunkwe trattattiva ta’ Total li titlaq mill-akkordju (ara l-premessi 175, 176 u 177) u li kien normali li impriżi ma jipparteċipawx għal ċerti laqgħat matul l-akkordju. Dawn iż-żewġ elementi juru li Total ma kinitx meqjusa bħala li ħalliet l-akkordju wara l-laqgħa ta’ Mejju 2004. Il-komunikazzjoni interna tar-rappreżentant ta’ Total dwar ir-raġunijiet li ma jipparteċipax f’laqgħa ma jistgħux fi kwalunkwe każ jitqiesu bħala tbegħid pubbliku. Peress li l-ebda informazzjoni ma tissuġġerixxi li hija ddissoċjat ruħha mill-akkordju, il-Kummissjoni tqis li l-parteċipazzjoni ta’ Total fl-akkordju ma ntemmx qabel l-ispezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

371    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni setgħet validament teħtieġ tbegħid pubbliku biex tikkonstata t-tmien tal-parteċipazzjoni. Fl-assenza tal-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni fid-diskussjonijiet antikompetittivi, il-Kummissjoni kellha, fl-assenza ta’ provi diretti, tressaq tal-inqas indizji pożittivi dwar it-tkomplija tal-parteċipazzjoni tal-impriża fl-akkordju.

372    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont is-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni (punt 266 iktar ’il fuq, punt 241), jista’ jiġi konkluż li hemm waqfien definittiv tal-involviment ta’ impriża f’akkordju biss jekk hemm tbegħid pubbliku mill-kontenut ta’ dan tal-aħħar.

373    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija l-perċezzjoni li kellhom il-parteċipanti l-oħra f’akkordju tal-intenzjoni tal-impriża kkonċernata li hija determinanti biex jiġi evalwat jekk din tal-aħħar ridietx tiddissoċja ruħha mill-ftehim illegali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 120).

374    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament iddikjarat li, fid-deċiżjoni kkontestat, il-parteċipanti f’akkordju kellhom jiddistakkaw ruħhom b’mod pubbliku mill‑kontenut tal-akkordju sabiex itemmu l-parteċipazzjoni tagħhom fih u ma kisret la l-Artikolu 81 KE u lanqas il-preżunzjoni ta’ innoċenza.

375    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ddistakkatx ruħha pubblikament mill-akkordju skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra.

376    L-ewwel nett, dan jintwera mill-fatti li jinsabu fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti li jipprovdu li “r-rappreżentant ta’ Total kien ikkonferma li kien ser jipparteċipa fil-laqgħa tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2004, minkejja li sussegwentement jidher li kien annulla l-vjaġġ tiegħu”. Bl-istess mod, “fir-rigward tal-laqgħa tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005, kamra kienet ġiet irriżervata minn Sasol għar-rappreżentant ta’ Total fil-lukanda li fiha saret il-laqgħa, riżervazzjoni li sussegwentement ġiet annullata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa ċar li, li kieku l-parteċipanti fl-akkordju ma qisux lil Total bħala li qed tipparteċipa wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, Sasol, organizzatriċi tal-laqgħat tekniċi, la kienet tistedinha għal laqgħat tekniċi u lanqas ma kienet tirriżerva kamra għar-rappreżentant tagħha.

377    It-tieni nett, ir-riferiment mir-rikorrenti għall-messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Novembru 2004, mibgħut mir-rappreżentant ta’ Total fil-laqgħat tekniċi lil impjegat ieħor ta’ Total, ma jistax iservi bħala tbegħid pubbliku.

378    Dan il-messaġġ elettroniku jipprovdi kif ġej :

“Fid-dawl tal-għan tal-laqgħa fl-Awstrija, jien ser insegwi r-rakkomandazzjoni ta’ Thibault. Ser nikkanċella l-vjaġġ tiegħi għal Vjenna (tluq inizjali previst illum wara nofsinhar).”

379    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-messaġġ elettroniku intern, mhux ikkomunikat lill-parteċipanti l-oħra, ma jistax jikkostitwixxi tbegħid pubbliku.

380    Sussidjarjament, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma pparteċipatx fl-aħħar laqgħat tekniċi bl-ebda mod ma juri li ma użatx l-informazzjoni dwar il-prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha li hija rċeviet matul bosta laqgħat tekniċi preċedenti, li għalihom hija assistit, u li ma bbenefikatx mill-ftehim dwar it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti implementati matul il-laqgħat tekniċi preċedenti. Għalhekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li turi li hija kienet temmet l-implementazzjoni tal-akkordju fit-12 ta’ Mejju 2004.

381    Konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

382    Skont ir-rikorrenti, mill-premessa 604 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Repsol kienet tinsab f’sitwazzjoni globalment identika għal dik tagħha fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur. It-tnejn effettivament temmew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat qabel id-data tal-ispezzjonijiet. It-tieni nett, fl-ebda mument, Repsol ma ddissoċjat ruħha pubblikament mill-akkordju. Fl-aħħar nett, bħal fil-każ ta’ Total, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li Repsol kienet effettivament irċeviet stedini għal-laqgħat tekniċi organizzati wara Settembru 2003, u dan sa meta saru l-ispezzjonijiet. L-unika differenza hija li, fl-analiżi tagħha tal-istedina mibgħuta minn Sasol, fil-25 ta’ Ottubru 2004 għal-laqgħa ta’ Novembru 2004, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-impriżi, il-Kummissjoni kienet niżlet id-destinatarji ta’ dan il-messaġġ elettroniku, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant ta’ Repsol. Madankollu, ismu kien jinsab fl-ittri kollha fost id-destinatarji.

383    Minkejja s-sitwazzjoni identitka ta’ Repsol u ta’ Total France, il-Kummissjoni stabbiliet it-tmiem tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ Repsol għall-4 ta’ Awwissu 2004. Għalhekk, il-Kummissjoni ma applikatx l-istess kriterji dwar l-applikazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Repsol u ta’ Total France u applikat “standard ta’ prova” bil-bosta iktar strett għal din tal-aħħar.

384    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli huma ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 96).

385    Issa, mill-premessa 604 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatti fiha ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li, anki għall-perijodu ta’ wara l-laqgħa tal-24 u tal-25 ta’ Settembru 2003, l-aħħar laqgħa li fiha pparteċipat Repsol, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija pparteċipat fl-akkordju, fid-dawl tal-fatt li kienet irċeviet stedini uffiċjali mingħand Sasol, li jinkludu l-agenda għal-laqgħat tal-14 u tal-15 ta’ Jannar 2004 u tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004. Dan kien ukoll il-każ għal Total f’dak li jirrigwarda l-laqgħat li seħħew bejn il-11 u t-12 ta’ Mejju 2004 u fl-aħħar tal-akkordju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat lil dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod identiku, billi kkonkludiet li Repsol u Total ipparteċipaw fil-perijodi li fihom huma baqgħu jirċievu l-istedini uffiċjali li jinkludu l-aġenda.

386    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ Repsol kienet spiċċat fl-4 ta’ Awwissu 2004, għaliex, għal din il-laqgħa, Repsol ma baqgħet tirċievi l-ebda stedina uffiċjali li tinkludi l-aġenda, fatt li, skont id-deċiżjoni kkontestata, turi li Sasol kellha d-dubji tagħha dwar il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Repsol fl-akkordju.

387    Għandu jiġi kkonfermat li l-fatt li twaqfu jintbagħtu stedini uffiċjali għal-laqgħat tekniċi li jinkludu l-aġenda lil Repsol juri li Sasol, organizzatriċi tal-laqgħat, bidlet il-perċezzjoni tagħha u li ma baqgħetx ċerta mill-parteċipazzjoni ta’ Repsol fl‑akkordju wara l-4 ta’ Awwissu 2004. Dan l-element huwa biżżejjed biex jitqies li Repsol iddistakkat ruħha mill-akkordju skont il-perċezzjoni li kellhom il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, fis-sens tal-ġurisprudenza riprodotta fil-punt 373 iktar ’il fuq.

388    Min-naħa l-oħra, dan ma kienx il-każ għar-rikorrenti, li baqa’ jirċievi l-istedini uffiċjali għal-laqgħat li jinkludu l-aġenda. Ġew irriżervati saħansitra kmamar ta’ lukanda għar-rappreżentant tagħha, inkluż għall-aħħar laqgħa teknika. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li hija ddistakkat ruħha mill-akkordju abbażi tal-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra.

389    Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l-perijodu wara l-4 ta’ Awwissu 2004, għal Repsol, u l-perijodu mit-12 ta’ Mejju 2004 sat-tmien tal-akkordju, għal Total, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod differenti żewġ sitwazzjonijiet li kienu differenti, skont il-kriterju li huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur.

390    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-iffissar tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Total u ta’ Repsol.

391    Għalhekk, għandha wkoll tiġi miċħuda t-tieni parti, u għalhekk, it-tielet motiv kollu kemm hu.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza f’dak li jikkonċerna l-allegata interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju

392    Ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li, fil-premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li tammetti l-allegata interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bejn il-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 u dik tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001, minkejja li hija ma pparteċipatx fil-laqgħat matul dan il-perijodu. Billi aġixxiet hekk, hija tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

393    Fil-premessa 603 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet dan li ġej:

“Total France SA tallega li hija interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha bejn l-2000 u l-2001 u l-fatt li r-rappreżentant tagħha ħareġ mil-laqgħa mgħaddab kien jikkostitwixxi sinjal ta’ tbegħid. Il-Kummissjoni tirrimarka, kif intwera fil-punt 4.2, li Total ipparteċipat fil-laqgħa teknika tat-18 u tad-19 ta’ Settembru 2000 u mill-ġdid, fil-laqgħa tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001 u għalhekk tilfet tliet laqgħat f’perijodu ta’ disa’ xhur. Il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li ebda informazzjoni ma tissuġġerixxi li Total iddissoċjat ruħha pubblikament mill-akkordju. Il-fatt li [M. S. E.] ħareġ mil-laqgħa ma jikkostitwixxix waħdu tbegħid pubbliku, peress li Total stess ma ssostnix li [S. E.] ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jtemm il-parteċipazzjoni ta’ Total fl-akkordju. L-għadab ta’ [S. E.] pjuttost juri li ma kienx sodisfatt mill-ftehim konklużi. Il-preżenza mill-ġdid ta’ Total wara inqas minn sena tikkonferma l-intenzjoni tagħha li ma ttemmx il-parteċipazzjoni tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax l-assenza qasira u temporanja ta’ Total bħala li tikkostitwixxi interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

394    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat damet biss disa’ xhur. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li Total France kienet waqfet milli tipparteċipa fil-laqgħat mil-laqgħa teknika li saret f’Settembru 2000. Dan jikkostitwixxi żball ta’ fatt, għaliex ma hemm l-ebda ħjiel, la fid-deskrizzjoni tal-laqgħat fil-punt 4.2, u lanqas fit-tabella tal-laqgħat imqiegħed f’werrej fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ laqgħa li saret fit-18 u fid-19 ta’ Settembru 2000.

395    Għandu jiġi osservat li, kif il-Kummissjoni ammettiet matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ebda laqgħa ma saret f’Settembru 2000, b’mod li l-ilment tar-rikorrenti huwa fondat.

396    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkonkludi li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju ma kienx ġie interrott, minkejja l-fatt li ma kienet ipparteċipat fl-ebda mit-tliet laqgħat organizzati bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001 u li r-rappreżentant tagħha kien ħareġ prematurament mil-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000 b’disgwid ma’ tal-inqas ċerti aspetti tad-diskussjoni li kienet saret.

397    Ir-rikorrenti ssostni li l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat ma kinitx fortwita. Hija kienet il-konsegwenza diretta u sostenibbli tal-ġlied li seħħ bejn S.E, ir-rappreżentant ta’ Total France, u l-parteċipanti l-oħra matul il-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000. S.E ħareġ bħal berqa mil-laqgħa għaliex intalab li josserva impenn li huwa qatt ma kien ħa.

398    Għandu jitfakkar li l-inċident invokat mir-rikorrenti, li seħħ fil-laqgħa tal-25 u tas-26 ta’ Mejju 2000, huwa deskritt fid-dikjarazzjoni ta’ Shell tal-24 ta’ Novembru 2005. Skont din id-dikjarazzjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ Shell li assista b’mod dirett għal dan l-avveniment fil-laqgħa teknika, il-parteċipanti ddiskutew il-prezzijiet applikati fir-rigward ta’ klijent Ġermaniż. Total kienet ġiet akkużata li biegħet bi prezz baxx wisq, fatt li S.E ċaħad. Madankollu, parteċipant ieħor ikkontesta dawn id-dikjarazzjoni billi wera kopja ta’ offerta li Total kienet bagħtet lill-imsemmi klijent. S.E kien sar “talment inkorlat” li ħareġ mil-laqgħa. Wara dan l-inċident, S.E ma baqax jipparteċipa fil-laqgħat tekniċi. Huwa biss wara li Total ingaġġat lil C.O li din reġgħet bdiet tipparteċipa fil-laqgħat tekniċi.

399    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur kumpless, uniku u kontinwu, li jikkonsisti f’attivitajiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezz, it-tqassim ta’ klijenti jew it-tqassim tas-swieq kif ukoll fl-iżvelar u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensibbli, b’mod partikolari fuq il-klijenti, it-tariffi, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-volumi ta’ bejgħ.

400    Issa, l-inċident irrilevat mir-rikorrenti jikkonċerna biss element iżolat ta’ akkordju, jiġifieri l-prezz ipprattikat fir-rigward ta’ ċertu klijent. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, mil-laqgħa teknika tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2001, ir-rikorrenti reġgħet bdiet tassisti b’mod regolari għal-laqgħat tekniċi, billi kienet preżenti f’kull waħda mill-ħdax-il laqgħa teknika segwenti, sa dik tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004.

401    Bl-istess mod, għalkemm huwa minnu li l-imsemmi aġir iżolat ta’ S.E juri ksur okkażjonali tal-ftehim tal-akkordju minn Total, ir-rikorrenti qatt ma pproduċiet prova li S.E kien ħareġ mil-laqgħa teknika billi juri b’mod ċar lill-parteċipanti l-oħra li Total minn issa riedet li jkollha aġir kompetittiv fis-suq. Bl-istess mod, mid-dikjarazzjoni ta’ Shell jirriżulta li S.E ma ħariġx mil-laqgħa minħabba l-kontenut antikompetittiv ġenerali tagħha, iżda minħabba fatt li wieħed mill-parteċipanti kien semma dokument li jqiegħed inkwistjoni l-verità tal-allegazzjonijiet tiegħu, jiġifieri minħabba kunflitt ta’ natura pjuttost personali.

402    Għalhekk, l-inċident invokat mir-rikorrenti ma jistax juri li f’din il-kawża r-rappreżentant ta’ Total kien iddistakka ruħu mill-ksur uniku, kumpless u kontinwu, skont il-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra (ara l-punti 372 u 373 iktar ’il fuq).

403    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma pparteċipatx fit-tliet laqgħat organizzati bejn is-26 ta’ Mejju 2000 u s-26 ta’ Ġunju 2001 bl-ebda mod ma juri li hija ma użatx l-informazzjoni fuq il-prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha li hija rċeviet matul bosta laqgħat tekniċi preċedenti, li għalihom hija assistiet, u li hija ma bbenefikatx mill-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq u ta’ klijenti implementati matul il-laqgħat tekniċi preċedenti. Għalhekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li turi li l-parteċipazzjoni tagħha kienet ġiet interrotta matul il-perijodu inkwistjoni.

404    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 81 KE u lanqas il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza f’dan ir-rigward. Konsegwentement, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ implementazzjoni tal-prattiki allegati

405    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma pparteċipatx fl-implementazzjoni tal-akkordju bħala ċirkustanza attenwanti skont il-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006.

406    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, taħt it-titolu “Ċirkustanzi attenwanti”, fil-premessa 696 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet is-segwenti :

“Ċertu numru ta’ impriżi jsostnu li ma implementawx il-ftehim u jenfasizzaw il-kwantità redotta ta’ ittra bit-tariffi li huma bagħtu jew irċevew. Ċerti impriżi jsostnu li l-aġir tagħhom fis-suq ma kienx influwenzat mill-ftehim. Il-Kummissjoni ma tqisx, fl-ewwel lok, li dawn is-sempliċi dikjarazzjonijiet jikkostitwixxu prova biżżejjed dwar l-assenza tal-implementazzjoni fis-sens tal-linji gwida tal-2006 dwar il-kalkolu tal-multi. Il-Kummissjoni, fit-tieni lok, tosserva li l-fatt li jintbagħtu jew li jiġu riċevuti ittri bit-tariffi ma kienx jikkostitwixxi l-uniku strument ta’ implementazzjoni, li prinċipalment kienet isseħħ permezz (ta’ tentattivi) ta’ żidiet tal-prezz regolari kkomunikati fis-suq, ġieli dokumentati mill-provi tal-laqgħat tekniċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

407    Kif ġie konkluż wara l-eżami dwar it-tieni u r-raba’ parti tat-tieni motiv, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-akkordju mir-rikorrenti huma sostnuti minn provi suffiċjenti.

408    Għalhekk, dan il-motiv huwa nieqes mill-fatti, b’mod li għandu jiġi miċħud.

6.     Fuq is-sitt motiv, dwar l-iffissar tal-perijodu ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

409    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida tal-2006, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi użat il-valur ta’ bejgħ tal-aħħar tliet snin tal-perijodu ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-ksur allegat, jiġifieri il-perijodu mill-2002 sa 2004 għax-xema’ tal-paraffin u l-perijodu mill-2001 sa 2003 għax-xema’ ratba. Fil-fatt, sabiex jiġu osservati dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni kellha tuża l-valur ta’ bejgħ tas-sena 2004 għax-xema’ tal-paraffin u l-valur ta’ bejgħ tas-sena 2003 għax-xema’ ratba. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma pprovdietx motivazzjoni xierqa f’dan ir-rigward.

410    Il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi s-segwenti:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE.   Il-Kummissjoni tuża normalment il-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompluta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (iktar ’il quddiem ‘il-valur ta’ bejgħ’)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

411    Fil-premessa 634 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sena 2004 tirrappreżenta, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea f’Mejju, sena eċċezzjonali. Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li l-valur ta’ bejgħ imwettaq fis-sena 2004 ma jintużax bħala kalkolu uniku tal-multa, iżda li tuża l-valur ta’ bejgħ tal-aħħar tliet snin tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur [traduzzjoni mhux uffiċjali]

412    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu mill-ewwel jiġi rrilevat li mill-kliem stess tal-linji gwida tal-2006, li jipprovdu li l-Kummissjoni għandha “normalment” tuża l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompluta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni sistematikament il-valur ta’ bejgħ tal-aħħar snin tal-parteċipazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda dispożizzjoni legali li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur.

413    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud.

414    Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza, sa fejn il-Kummissjoni għandha tibbaża fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi involuti fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu l-iktar paragunabbli possibbli. Minn dan jirriżulta li impriża partikolari ma tistax teħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-konfront tagħha, fuq perijodu differenti minn dak li ġeneralment jiġi kkunsidrat ħlief jekk hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet tagħha stess, indikazzjoni tad-daqs veru u tas-saħħa ekonomika tagħha u lanqas tal-portata tal-ksur li hija wettqet (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T‑319/94, Ġabra p. II‑1331, punt 42).

415    Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li s-sena 2004 kienet eċċezzjonali għall-industrija kkonċernata, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni u tal-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda, b’mod partikolari minħabba li l-Ungerija kienet is-sede u l-lok ta’ produzzjoni ta’ MOL, waħda mill-parteċipanti fl-akkordju.

416    Għalhekk, il-Kummissjoi ma kisritx il-linji direttivi tal-2006 u ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni l-medja tal-valuri ta’ bejgħ tal-perijodu mill-2002 sal-2004 fis-suq tax-xema’ tal-paraffin bl-istess mod għall-impriżi kollha li kienu pparteċipaw fl-akkordju sal-aħħar. Bl-istess mod, peress li l-Kummissjoni kienet użat il-medja tal-aħħar tliet snin tal-parteċipazzjoi ta’ kull waħda mill-impriżi involuti fl-akkordju f’dak li jirrigwarda x-xema’ tal-paraffin, hija validament setgħet tapplika l-istess metodu wkoll għax-xema’ ratba, sabiex tuża d-data l-iktar paragunabbli possibbli.

417    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Anki jekk jiġi preżunt li s-sena 2004 kienet sena eċċezzjonali għal ċerti parteċipanti fl-akkordju, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni, dan assolutament ma kienx il-każ għal Total France. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset b’mod identiku impriżi f’sitwazzjonijiet differenti.

418    F’dan ir-rigward, ġħandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 384 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

419    Issa, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti tista’ validament issostni li sitwazzjonijiet differenti (dik ta’ Total fir-rigward ta’ dik ta’ MOL) tqisu b’mod identiku, dan it-trattament kien oġġettivament iġġustifikat, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali tas-sena 2004 u tal-implikazzjonijiet tagħha fis-settur ikkonċernat, b’mod partikolari ż-żieda tal-produzzjoni ta’ MOL fl-industrija taż-ŻEE. Bl-istess mod, tali ġustifikazzjoni oġġettiva tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tillimita l-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu kemm jista’ jkun paragunabbli, fatt li ġeneralment jipprekludi, għall-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju sal-istess data, li perijodi differenti jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ bejgħ.

420    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegata motivazzjoni insuffiċjenti, il-Qorti Ġenerali tqis, billi tinvoka t-tkabbir tal-Unjoni tal-2004 fil-premessa 634 tad-deċiżjoni kkontestata u billi tiddeskrivi fid-dettall fid-deċiżjoni kkontestata s-sitwazzjoni ta’ MOL u l-irwol tagħha fl-akkordju, li l-Kummissjoni pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-medja tal-aħħar tliet snin tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ bejgħ.

421    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ġustament għażlet il-medja tal-valur ta’ bejgħ imwettaq matul l-aħħar tliet snin sħaħ tal-parteċipazzjoni ta’ kull parteċipant fl-akkordju, b’mod li tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ dan l-element tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

422    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

7.     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni perċentwal wisq għoli tal-valur ta’ bejgħ għall-parti xema’ ratba tal-ksur

423    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-paragrafu 20 tal-linji gwida tal-2006 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, 15 % tal-valur ta’ bejgħ tax-xema’ ratba u biss 18 % tal-valur ta’ bejgħ tax-xema’ tal-paraffin bħala l-gravità tal-ksur.

424    Hija tfakkar li, b’mod differenti mix-xema’ tal-paraffin, l-ebda ksur dwar it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim tal-klijenti ma ġie deċiż mill-Kummissjoni fir-rigward tax-xema’ ratba. Minn dan jirriżulta ta’ bilfors li l-livell ta’ gravità tal-prattiki allegati fir-rigward tax-xema’ ratba kien bil-bosta inqas sinjifikattiv minn dak tax-xema’ tal-paraffin. Bl-istess mod, fuq il-livell ġeografiku, il-parti xema’ ratba tal-ksur kienet restritta għat-territorju Ġermaniż, filwaqt li l-prattiki dwar ix‑xema’ tal-paraffin kienu, skont il-Kummissjoni, mifruxa mat-territorju kollu taż-ŻEE.

425    Dawn id-differenzi fil-gravità bejn il-partijiet tal-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin u l-parti xema’ ratba tal-ksur kienu ġġustifikati minn distakk bejn iż-żewġ koeffiċjenti applikati abbażi tal-gravità ikbar ta’ din tal-aħħar ta’ tliet punti ta’ perċentwal. Għalhekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali biex tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-proporzjon tal-valur ta’ bejgħ ikkunsidrat għax-xema’ ratba u terġa’ tikkalkola l-ammont tal-multa fuq din il-bażi ġdida.

426    Skont il-paragrafu 20 tal-linji gwida tal-2006, l-evalwazzjoni tal-gravità ssir skont il-każ partikolari għal kull tip ta’ ksur, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ. Skont il-paragrafu 21, il-proporzjon tal-valur ta’ bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu ġeneralment ikun iffissat f’livell li jista’ jilħaq 30 %. Il-paragrafu 22 tal-linji gwida jipprovdi li, sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-qiegħ jew fl-għoli ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur. Skont il-paragrafu 23, il-ftehim orizzontali ta’ ffissar tal-prezz, tat-tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni ta’ produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, huma inklużi, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonjiet ta’ kompetizzjoni l-iktar gravi, b’mod li l-proporzjon tal-bejgħ ikkunsidrat għal tali ksur jinsab ġeneralment fil-quċċata tal-iskala prevista fil-paragrafu 21.

427    Fid-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Konklużjoni dwar il-gravità”, il-Kummissjoni kkunsidrat is-segwenti :

“ […]

(653) Fid-dawl tal-fatti ta’ dan il-każ, il-kriterji preċedentement diskussi dwar in-natura tal-ksur u l-portata ġeografika, il-proporzjon tal-valur ta’ bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għal ENI u H&R/Tudapetrol [li pparteċipaw biss fil-parti prinċipali tal-ksur] għandu jkun ta’ 17 %. Intwera li għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total, il-ksur uniku u kontinwu kien ukoll ikkaratterizzat mit-tqassim ta’ klijenti u/jew ta’ swieq [it-tieni parti tal-ksur]. It-tqassim ta’ swieq u t-tqassim ta’ klijenti huma inklużi, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, sa fejn dawn il-prattiki jwasslu għat-tnaqqis jew għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni f’ċerti swieq jew għal ċerti klijenti […]. Fid-dawl ta’ din il-gravità addizzjonali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total għandu jkun ta’ 18 %. Fid-dawl tal-fatt li ma hemm l-ebda prova oħra li turi li t-tqassim ta’ klijenti u/jew ta’ swieq kien jirrigwarda wkoll lix-xema’ ratba u fid-dawl tal-fatt li l-portata ġeografika tal-ksur marbut max-xema’ ratba [it-tielet parti tal-ksur] hija restritta għall-Ġermanja, il-proporzjon tal-valur ta’ bejgħ għal ExxonMobil, Sasol, Shell, RWE u Total għandu jkun ta’ 15 %.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

428    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment dwar il-livell wisq għoli ta’ perċentwal tal-valur ta’ bejgħ ikkunsidrat għall-parti xema’ ratba tal-ksur, għandu jiġi kkunsidrat li, kif jirriżulta mill-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 317 iktar ’il fuq), l-imsemmija parti tal-ksur kienet tikkonsisti b’mod partikolari f’attivitajiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezz bejn il-kompetituri. Skont il-linji gwida tal-2006, dan it-tip ta’ ksur huwa, minħabba n-natura stess tiegħu, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi u għandu għalhekk jiġi ssanzjonat b’mod sever, b’mod li l-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu ġeneralment jiġi ffissat fil-għoli tal-iskala msemmija fil-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006.

429    Għalhekk, il-Kummissjoni la kisret il-linji gwida tal-2006 u lanqas wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ħadet inkunsiderazzjoni 15 %, fuq skala ta’ 30 punt, tal-valur ta’ bejgħ ta’ xema’ ratba tal-impriżi kkonċernati għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

430    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti li, billi ħadet inkunsiderazzjoni 15 % tal-valur ta’ bejgħ abbażi tal-gravità tal-parti xema’ ratba tal-ksur u 18 % għall-parti tal-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

431    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

432    Fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni biex tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 431 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonat mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq, punti 226 sa 228, u Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, punt 266 iktar ’il fuq, punt 171).

433    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fid-dawl tal-fatt li l-parti xema’ ratba tal-ksur kienet tikkonsisti b’mod partikolari minn attivitajiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezz bejn il-kompetituri, il-koeffiċjent ta’ 15 % tal-valur ta’ bejgħ meħud inkunsiderazzjoni abbażi tal-gravità tal-ksur kien proporzjonat meta mqabbel mal-gravità ta’ din il-parti tal-ksur.

434    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti li jenfasizzaw id-differenzi bejn il-partijiet tal-ksur li jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin u dik dwar ix-xema’ ratba huma ineffettivi, peress li dawn jistgħu xorta waħda jwasslu lill-Qorti Ġenerali biex iżżid il-proporzjon tal-valur ta’ bejgħ tax-xema’ tal-paraffin meħud inkunsiderazzjoni lil hinn minn 18 % tal-kalkolu ġdid tal-ammont tal-multa.

435    Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li d-distakk bejn il-gravità taż-żewġ partijiet tal-ksur għandhom jiġu relattivizzati fid-dawl tal-fatt li, l-ewwel nett, is-suq Ġermaniż huwa s-suq l-iktar importanti fi ħdan iż-ŻEE u, it-tieni nett, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti ġeneralment jirrigwarda s-sostenn tal-prattiki dwar l-iffissar jew iż-żieda tal-prezzijiet. Fil-fatt, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti jnaqqas l-għażla tal-klijenti fost il-fornituri, fatt li jippermetti, b’mod ġenerali, lill-fornituri li ngħatalu s-suq jew il-klijent li jinnegozja prezz ogħla minn dak taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Barra minn hekk, il-proporzjonalità tal-ammont tal-multa fir-rigward tal-portata ġeografika iktar limitata tal-parti xema’ ratba tal-ksur hija wkoll żgurata mill-fatt li, matul il-kalkolu, huwa biss il-valur tal-bejgħ imwettaq fil-Ġermanja li ttieħed inkunsiderazzjoni, filwaqt li, għall-partijiet tal-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin, il-valur tal-bejgħ ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-bejgħ imwettaq fiż-ŻEE kollha.

436    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, għalhekk, is-seba’ motiv kollu kemm hu.

8.     Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-ammont addizzjonali inkluż fl-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-effett dissważiv

437    Ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi fl-ammont bażiku tal-multa ammont addizzjonali ta’ 18 % fir-rigward tax-xema’ tal-paraffin u ta’ 15 % fir-rigward tax-xema’ ratba (premessi 658 sa 661 tad-deċiżjoni kkontestata), bil-għan li tiddisswadiha milli tipparteċipa fi ftehim orizzontali oħra tal-istess natura. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet u dak dwar il-proporzjonalità, kif ukoll il-linji gwida tal-2006.

438    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006, li jistabbilixxu l-inklużjoni ta’ ammont addizzjonali, imsejjaħ “dritt ta’ dħul”, fl-ammont bażiku tal-multa, jipprovdi s-segwenti :

“[I]ndipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...], sabiex tiddisswadi l-impriżi milli jipparteċipaw tassew fi ftehim orizzontali dwar l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni. […] Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22 [in-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implementazzjoni jew le tal-ksur].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

439    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ffissat il-perċentwal tal-valur ta’ bejgħ li għandu jiġi inkluż fl-ammont bażiku abbażi tal-effett dissważiv f’livell identiku għal dak applikat abbażi tal-gravità tal-ksur (ara l-premessa 653 tad-deċiżjoni kkontestata ċċitata fil-punt 427 iktar ’il fuq) u fuq il-bażi ta’ raġunament identiku :

“ […]

(660) Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u tal-kriterji diskussi qabel dwar in-natura u l-portata ġeografika, il-perċentwal li għandu jiġi applikat għall-ammont addizzjonali għal ENI et H&R-Tudapetrol għandu jkun ta’ 17 %.

(661) Intwera li għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total, il-ksur uniku u kontinwu kien jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti u/jew ta’ swieq. It-tqassim ta’ swieq u t-tqassim ta’ klijenti huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, sa fejn dawn il-prattiki jwasslu għal tnaqqis jew għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni f’ċerti swieq jew għal ċerti klijenti […] Fid-dawl ta’ din il-gravità addizzjonali, il-perċentwal li għandu jiġi applikat għall-ammont addizzjonali għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total għandu jkun ta’ 18 %. Fid-dawl tal-fatt li ma hemmx prova li t-tqassim ta’ klijenti u/jew ta’ swieq kien ukoll jirrigwarda x-xema’ ratba u fid-dawl tal-fatt li l-portata ġeografika tal-ksur marbuta max-xema’ ratba hija restritta għall-Ġermanja, il-proprozjoni tal-valur ta’ bejgħ ta’ xema ratba minn ExxonMobil, Sasol, Shell, RWE u Total għandu jkun ta’ 15 %.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

440    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida tal-2006.

441    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, abbażi tal-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni għandha “tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...], sabiex tiddisswadi l-impriżi milli jipparteċipaw tassew fi ftehim orizzontali dwar l-iffissar tal-prezzijiet [u/jew] it-tqassim tas-suq”.

442    Issa, il-Kummissjoni semmiet fil-premessa 661 tad-deċiżjoni kkontestata ftehim dwar l-iffissar tal-prezz u t-tqassim tas-swieq (il-prattika miftiehma kienet inkluża fil-kunċett ta’ ftehim skont il-linji gwida tal-2006). Għalhekk, l-inklużjoni fl-ammont bażiku ta’ ammont addizzjonali skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006 kienet iġġustifikata.

443    Barra minn hekk, il-Kummissjoni applikat rata ta’ 18 % tal-valur ta’ bejgħ għall-parti tal-ksur dwar ix-xema’ tal-paraffin u rata ta’ 15 % għall-parti xema’ ratba tal-ksur. Iż-żewġ rati applikati jinsabu fi ħdan it-tabella prevista mil-linji gwida tal-2006, ta’ 15 sa 25 %.

444    Barra minn hekk, skont il-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006, li tirreferi għalih il-paragrafu 25 tal-imsemmija linji gwida, ir-rata addizzjonali għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tan-natura tal-ksur, tas-sehem akkumulat tas-suq mill-partijiet kollha kkonċernati, tal-portata ġeografika tal-ksur u tal-implementazzjoni jew le tal-ksur. Issa, il-Kummissjoni tirreferi għal tnejn minn dawn l-elementi, jiġifieri n-natura tal-ksur u l-portata ġeografika tiegħu, sabiex tiġġustifika r-rata applikata għax-xema’ tal-paraffin. Fir-rigward tar-rata applikata għall-parti xema’ ratba tal-ksur, l-ebda ġustifikazzjoni addizzjonali ma hija meħtieġa, peress li l-Kummissjoni applikat ir-rata minima prevista, jiġifieri ta’ 15 %.

445    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx il-linji gwida tal-2006, b’mod li l-argument tar-rikorrenti ppreżentat f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

446    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed l-inklużjoni tal-ammont addizzjonali fl-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-effett dissważiv.

447    Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet wara l-miżura li tkun ittieħdet u lill-qorti kompetenti biex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att ikkonċernat, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (ara l-punt 239 iktar ’il fuq).

448    Kif jirriżulta mill-analiżi fil-punti 441 sa 444 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 660 u 661 tad-deċiżjoni kkontestata, il-motivi li wassluha biex tinkludi ammont addizzjonali abbażi tal-effett dissważiv fl-ammont bażiku tal-multa f’din il-kawża b’mod biżżejjed iddettaljat sabiex jippermetti lir-rikorrenti li tkun taf il-ġustifikazzjoni tal-għażla tagħha u lill-Qorti Ġenerali biex twettaq l-istħarriġ tagħha.

449    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, għandu jiġi miċħud.

450    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

451    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati jifforma parti inerenti mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tindividwalizza s-sanzjoni skont l-azzjonijiet u l-karatteristiċi partikolari tal-impriżi kkonċernati sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

452    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni awtomatika, fl-ammont bażiku tal-multa, ta’ ammont addizzjonali previst fil-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006, hija fiha nnifisha kuntrarja għall-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet

453    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Mill-kliem u mill-istruttura tal-linji gwida tal-2006 jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni tuża, meta tiddetermina l-ammont tal-multa, kemm il-fatturi li huma komuni għall-parteċipanti kollha, sabiex jiġi rifless il-fatt li dawn l-impriżi pparteċipaw għall-istess prattiki li jikkostitwixxu ksur u b’hekk tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-fatturi li r-rata jew il-koeffiċjent tagħhom huwa aġġustat skont is-sitwazzjoni partikolari ta’ kull parteċipant, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

454    Għalhekk, biex tosserva l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, huwa biżżejjed li l-ammont finali tal-multa jirrifletti d-differenzi fis-sitwazzjoni tal-parteċipanti differenti, mingħajr ma hemm bżonn li l-Kummissjoni tipproċedi f’kull stadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa b’trattament differenti tal-parteċipanti.

455    Mill-kliem u mill-istruttura tal-linji gwida tal-2006 jirriżulta li d-dispożizzjoni, fil-paragrafu 25 ta’ dawn tal-aħħar, dwar l-inklużjoni fl-ammont bażiku ta’ multa ta’ ammont addizzjonali abbażi tal-effett dissważiv tirrifletti l-parteċipazzjoni fil-prattiki antitkompetittivi li huma l-iktar gravi. L-ammont addizzjonali inkluż għal din ir-raġuni jirreferi għall-karatteristiċi tal-prattiki kollha tal-parteċipanti, u mhux għas-sitwazzjoni individwali ta’ kull wieħed minnhom.

456    Għalhekk, il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni u tal-applikazzjoni tagħha f’din il-kawża ma tistax titqiegħed inkwistjoni fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, b’mod li l-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

457    It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tindividwalizza s-sanzjoni skont il-karatteristiċi partikolari tal-impriżi kkonċernati. Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni la analizzatha u lanqas ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li kellhom iwassluha biex tirrinunċja l-inklużjoni ta’ ammont addizzjonali abbażi tal-effett dissważiv.

458    Fil-fatt, ir-rikorrenti waqfet tbigħ mill-31 ta’ Lulju 2005 xema’ tal-paraffin u essenzjalment ma għadhiex tipproduċi xema’ ratba bħala prodott sekondarju taż-żjut ta’ bażi. Peress li r-rikorrenti ma għadhiex preżenti fis-suq ikkonċernat, ma hemmx raġuni li jiġi inkluż ammont addizzjonali fl-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-effett dissważiv.

459    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, hija diġà wriet lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-reverenza tagħha għall-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, ħaġa li tifforma parti mill-valuri tal-grupp Total inklużi b’mod ċar fil-kodiċi ta’ etika minn ħafna snin ilu.

460    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-effett dissważiv tal-multa ma huwiex biss intiż biex iwaqqaf lill-impriża kkonċernata milli tkun reċidiva (prevenzjoni speċjali). Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi l-livell tal-multi sabiex issaħħah b’mod ġenerali l-effett dissważiv tagħhom partikolarment meta l-ksur ta’ tip partikolari huma relattivament frekwenti jew għandhom jitqiesu bħala gravi (prevenzjoni ġenerali) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 134, u tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 231).

461    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-fatt li ma għadhiex fis-suq tax-xema’ tal-paraffin u li l-kodiċi ta’ etika tagħha jistabbilixxi l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dawn l-elementi, jekk jiġi preżunt li huma veri, jirrigwardaw biss it-tnaqqis tal-probabbiltà li r-rikorrenti hija reċediva u huma mingħajr rilevanza mill-perspettiva tal-prevenzjoni ġenerali, li tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta tiffissa l-ammont tal-multi abbażi tal-effett dissważiv.

462    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex id-dissważjoni permezz tal-multa diġà ġiet żgurata minn elementi oħra meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, b’mod li l-applikazzjoni tad-“dritt ta’ dħul” ma kienx għadu meħtieġ mill-perspettiva tal-għan imfittex mill-Kummissjoni. L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-multiplikazzjoni tal-valur ta’ bejgħ użata mill-Kummissjoni għat-tul, relattivament twil, tal-ksur allegat. It-tieni nett, il-Kummissjoni applikat il-paragrafu 30 tal-linji gwida tal-2006 billi mmultiplikat b’1.7 l-ammont bażiku tal-multa applikabbli “għal finijiet li l-multa tingħata effett dissważiv” (premessa 713 tad-deċiżjoni kkontestata).

463    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-effett dissważiv huwa wieħed mill-iskopijiet tal-multa, il-ħtieġa li dan jiġi żgurat tikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li l-Kummissjoni għandha ssegwi matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa u ma tfissirx li għandha sseħħ f’xi stadju partikolari fejn issir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi relevanti kollha għall-finijiet tal-kisba ta’ dan l-iskop. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ dissważjoni ma jifformawx parti minn evalwazzjoni partikolari fi stadju speċifiku tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, iżda għandhom jinsabu matul il-proċess kollu tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 460 iktar ’il fuq, punti 226 u 238, u Le Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 131).

464    Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax validament takkuża lill-Kummissjoni talli ħadet inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiżgura l-effett dissważiv tal-multa matul diversi stadji tal-iffissar tal-ammont tagħha.

465    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-disa’ motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

9.     Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-ammont finali tal-multa

466    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ffissat l-ammont finali tal-multa għal EUR 128 163 000, filwaqt li l-valur tal-bejgħ annwali taghħa mwettaq fis-swieq ikkonċernati kien biss ta’ EUR 31 133 865 (premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-valur annwali tal-bejgħ, u anki meta mqabbel mal-dħul mill-bejgħ li Total France kienet wettqet matul il-perijodu kollu tal-ksur fuq is-swieq ikkonċernati.

467    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat, għaliex jirrappreżenta 410 % tal-valur ta’ bejgħ tagħha fuq is-swieq ikkonċernati.

468    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 431 u 432 iktar ’il fuq, l-ammont tal-multa għandu jkun proporzjonat mal-gravità u mat-tul tal-ksur li fih ipparteċipat ir-rikorrenti.

469    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-effett dissważiv tal-multi jitnaqqas li kieku l-impriżi li jkunu wettqu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jistennew li l-aġir tagħhom jiġi ssanzjonat b’multa li l-ammont tagħha jkun inqas mill-profitti li jistgħu jitnisslu mill-imsemmi aġir (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 456, u BASFvs Il-Kummissjoni, punt 460 iktar ’il fuq, punt 227).

470    Issa, li kieku t-teżi tar-rikorrenti tiġi aċċettata, u li kieku hemm lok li l-proporzjonalità tal-ammont finali tal-multa għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-valur ta’ bejgħ tal-prodotti kkonċernati għal sena waħda biss, dan jimplika li, restritt minħabba l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju, l-ammont tal-multa li jista’ jiġi impost jibqa’ stabbli minkejja ż-żieda tan-numru ta’ snin fil-parteċipazzjoni fl-akkordju, filwaqt li l-profitti indebitament imnissla mill-ksur jiżdiedu b’mod lineari maż-żieda tan-numru ta’ snin. Għalhekk, itwal ma’ tkun il-parteċipazzjoni fl-akkordju, iżgħar ikun l-ammont tal-multa li l-parteċipanti jistgħu jistennew meta mqabbel mal-profitt indebitament imnissla. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju, kif maħsub mir-rikorrenti, iddgħajjef is-sanzjonijiet imposti abbażi tar-Regolament Nru 1/2003 minn kull effettività fil-każ ta’ ksur ta’ tul twil, bħal f’din il-kawża.

471    Barra minn hekk, l-approċċ maħsub mir-rikorrenti jipprekludi lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali milli jiżguraw, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-ammont tal-multa impost fuq il-parteċipanti fl-akkordju jkun proporzjonat mhux biss mal-gravità, iżda wkoll mat-tul tal-ksur imwettaq.

472    Minn dan isewgi li l-valur annwali ta’ bejgħ ma jistax waħdu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala l-bażi għall-eżami tan-natura proporzjonali tal-ammont tal-multa, b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur ta’ tul twil, bħal dak f’din il-kawża, li r-rikorrenti pparteċipat fih għal tnax-il sena u nofs.

473    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-ammont tal-multa imposta fuqha jirrappreżenta 410 % tal-valur annwali tiegħu ta’ bejgħ fis-suq ikkonċernat għandu jiġi miċħud.

474    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont tal-multa imposta jirrappreżenta 32.63 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq is-swieq tal-prodotti kkonċernati matul it-tul kollu tal-ksur, fatt li huwa manifestament sproporzjonat, u jirrappreżenta livell li qatt ma ntlaħaq fil-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni.

475    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-perċentwal għoli tal-ammont tal-multa meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ ta’ Total France mwettaq fis-swieq inkwistjoni matul il-perijodu kollu tal-ksur huwa b’mod partikolari dovut għat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tad-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp Total, skont il-paragrafu 30 tal-linji gwida tal-2006. Il-Kummissjoni ffissat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.7 f’dan il-każ (ara l-punti 15 et seq iktar ’il fuq). Madankollu, skont ir-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp Total ma huwiex rilevanti.

476    Ir-rikorrenti tirreferi għall-punt 94 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T‑77/92, Ġabra p. II‑549).

477    Skont il-ġurisprudenza, huwa permess, fid-dawl tal-iffissar tal-ammont tal-multa, li jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jikkostitwixxi indizju, minkejja li huwa approssimattiv u mhux komplut, id-daqs tagħha u s-saħħa ekonomika tagħha kif ukoll tal-parti minn dan id-dħul mill-bejgħ li ġej mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant huwa tali li jagħti ħjiel tad-dimensjoni tiegħu. L-ebda waħda minn dawn iċ-ċifri ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, l-iffissar tal-ammont tal-multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan jgħodd b’mod partikolari meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss parti żgħira minn dawn iċ-ċifri (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 243; Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 242 iktar ’il fuq, punt 100, u Parker Penvs Il-Kummissjoni, punt 476 iktar ’il fuq, punt 94).

478    Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprovdi li l-piena għandha tkun proporzjonata mad-daqs tal-impriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 242 iktar ’il fuq, punt 101).

479    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni osservat dawn ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza. Minn naħa, hija bbażat ruħha mill-bidu fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Total France mwettaq fuq is-swieq ikkonċernati mill-ksur. Min-naħa l-oħra, billi enfasizzat li l-ammont bażiku tal-multa jirrappreżenta biss parti negliġibbli (0.03 %) tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, il-grupp Total, hija ffissat koeffiċjent ta’ 1.7 sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriża responsabbli għall-ksur.

480    Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma attribwiet lill-ebda minn dawn iċ-ċifri importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni.

481    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka l-fatt li l-ammont finali tal-multa qatt ma ġie ffissat mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’perċentwal daqshekk għoli tal-valur ta’ bejgħ tal-prodotti kkonċernati.

482    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkostitwit biss mir-Regolament Nru 1/2003 u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, peress li huwa ftit probabbli li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra II‑2511, punt 114, u l-ġurisprudenza ċċitata).

483    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-għaxar motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

10.  Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE li jirriżulta mill-imputazzjoni għal Total SA tal-aġir ta’ Total France

484    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni illegalment imputat ir-responsabbiltà lil Total SA għal ksur li hija kienet wettqet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE billi applikat preżunzjoni bbażata fuq rabtiet ta’ kapital bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li hija ma wrietx li l-aġir tagħha kien indipendenti mis-suq.

485    Għalhekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali biex tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ir-responsabbiltà għall-ksur hija imputata fuq Total SA u sa fejn il-Kummissjoni applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.7 minħabba d-daqs tal-impriża, abbażi tal-effett dissważiv, meta kkalkolat l-ammont tal-multa.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ta’ imputabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent ibbażata biss fuq rabtiet ta’ kapital

486    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li s-sempliċi fatt li hemm rabtiet ta’ kapital stretti kien biżżejjed biex jiġi preżunt li hemm influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja. Tali preżunzjoni tikser il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u l-prinċipju li l-oneru tal-prova tal-kolpevolezza ta’ impriża huwa fuq il-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni applikat preżunzjoni inkonfutabbli ta’ kolpevolezza f’dan il-każ.

487    Preliminarjament, fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, għandu jitfakkar li l-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex titwarrab il-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 132).

488    Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

489    Il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża għandu jfisser, f’dan il-kuntest, unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika kienet ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il-Kummissjoni, T‑234/95, Ġabra p. II‑2603, punt 124). Hija b’hekk enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jiffurmawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li għandha aġir uniku fis-suq (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 487 iktar ’il fuq, punt 140, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

490    Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

491    Il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din tal-aħħar. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tindika wkoll f’liema kwalità l-persuna ġuridika tkun qiegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

492    Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent partikolarment meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 477 iktar ’il fuq, punt 117, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

493    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 488 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, punt 59).

494    F’din il-kawża, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 332 u 333 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sempliċi fatt li l-kumpannija parent għandha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha jippermetti li jiġi preżunt li effettivament hemm influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tal-imsemmija sussidjarja u, għalhekk, li timputa l-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar fuq il-kumpannija parent. Skont id-deċiżjoni kkontestata, għalkemm l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ma teħtieġx li l-Kummissjoni tipprovdi indizji addizzjonali insostenn tagħha, tali preżunzjoni madankolli tista’ tiġi kkonfutata fil-każ li fih il-kumpanniji kkonċernati jipproduċu provi li juru li s-sussidjarja tiddetermina b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħha.

495    Ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza tal-Unjoni ma tippermettix li kumpannija parent tiġi imputata bir-responsabbiltà ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha biss fuq il-bażi ta’ livell ta’ żamma tal-kapital tagħha, anki meta s-sussidjarja hija miżmuma 100 % minnha, bħal f’din il-kawża. Il-ġurisprudenza titlob li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinati tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja miżmuma 100 % minnha għandha dejjem tiġi msaħħa b’indizji konkreti li juru tali influwenza.

496    Għandu jitfakkar li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

497    Għalkemm huwa minnu li, fil-ġurisprudenza qabel is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali semmiet, minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra li juru l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja, xorta’ jibqa’ l-fatt li l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 496 iktar ’il fuq ma hijiex suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza tal-kumpannija parent (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 57).

498    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li s-sempliċi żamma tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja mill-kumpannija parent kien jippermetti li jiġi preżunt li din tal-aħħar kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja u, għalhekk, li timputa l-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar fuq il-kumpannija parent.

499    L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni din il-konklużjoni.

500    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex aċċettabbli, għaliex toħloq preżunzjoni ta’ kolpevolezza ta’ kull impriża li għandha rabtiet ta’ kapital sinjifikattivi ma’ oħra, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju li jipprovdi li l-oneru tal-prova tal-kolpevolezza ta’ impriża huwa fuq il-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, li kieku l-fatt li l-kumpannija parent tkun effettivament innominat il-membri tal-bord tad-diretturi tas-sussidjarja huwa biżżejjed biex tiġi stabbilita l-imputabbiltà tal-ksur lill-kumpannija parent, allura din hija preżunzjoni inkonfutabbli.

501    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja mill-kumpannija parent li għandha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tagħha hija ġġustifikata mill-fatt li, meta l-kumpannija parent hija l-unika azzjonista tas-sussidjarja, hija għandha l-istrumenti kollha possibbli biex tiżgura li l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja jirrifletti dak tagħha. B’mod partikolari, huwa l-azzjonist biss li bħala regola jiddefinixxi l-portata tal-awtonomija tas-sussidjarja permezz tal-iffissar tal-istatut tagħha, li jagħżel l-amministraturi tagħha, u li jieħu jew japprova d-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi tas-sussidjarja, jekk ikun il-każ, permezz tar-rappreżentanti tiegħu fi ħdan l-organi tas-sussidjarja. Bl-istess mod, l-unità ekonomika bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha hija normalment imħarsa permezz tal-obbligi li jirriżultaw mil-liġi tal-kumpanniji tal-Istati Membri, bħal pereżempju ż-żamma ta’ kontijiet ikkonsolidati, l-obbligu għas-sussidjarja li perijodikament tagħti rendikont tal-attivitajiet tagħha lill-kumpannija parent, kif ukoll permezz tal-approvazzjoni tal-kontijiet annwali tas-sussidjarja mil-laqgħa ġenerali kkostitwita biss mill-kumpannija parent, fatt li neċessarjament jimplika li l-kumpannija parent issegwi, tal-inqas il-linji ġenerali importanti, l-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarja.

502    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ ta’ sussidjarja miżmuma 100 %, jew kważi, minn kumpannija parent waħda, hemm bħala regola ġenerali interess kummerċjali wieħed u l-membri tal-korpi tas-sussidjarja huma maħtura u nnominati biss mill-azzjonist, li jista’ jagħtihom struzzjonijiet tal-inqas b’mod informali, u jimponi fuqhom kriterji ta’ rendiment. Għalhekk, f’tali każ, hemm neċessarjament relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-membri ta’ tmexxija tas-sussidjarja u dawk tal-kumpannija parent, u l-imsemmija membri ta’ tmexxija neċessarjament jaġixxu biex jirrappreżentaw u biex jippromwovu l-uniku interess kummerċjali eżistenti, jiġifieri dak tal-kumpannija parent. Għalhekk, l-uniċità tal-aġir fis-suq tal-kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha hija żgurata minkejja kull awtonomija mogħtija lill-membri ta’ tmexxija tas-sussidjarja f’dak li jirrigwarda t-tmexxija tal-operazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-politika kummerċjali stricto sensu ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, huwa l-azzjonist biss li jiddefinixxi waħdu u skont l-interessi tiegħu l-modalitajiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tas-sussidjarja u li jiddeċiedi dwar il-portata tal-awtonomija ta’ tmexxija ta’ din tal-aħħar, fatt li jista’ jinbidel skont ir-rieda tiegħu billi jbiddel ir-regoli li jirregolaw il-funzjonament tas-sussidjarja jew fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni, jew saħansitra permezz tal-ħolqien ta’ strutturi informali ta’ teħid ta’ deċiżjoni.

503    Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja tagħha hija ġġustifikata sa fejn tkopri sitwazzjonijiet ikkaratterizzati f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn is-sussidjarja u l-kumpannija parent unika tagħha, billi tipprovdi li ż-żamma tat-totalità jew ta’ kważi t-totalità tal-kapital tas-sussidjarja permezz tal-kumpannija parent biss timplika bħala regola ġenerali l-uniċità tal-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq.

504    Xorta jibqa’ l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandhom il-possibbiltà kollha li juru li l-mekkaniżmi spjegati fil-punti 501 u 502 iktar ’il fuq, li jwasslu normalment biex l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja jirrifletti dak tal-kumpannija parent, ma ħadmux bħas-soltu, b’mod li l-unità ekonomika tal-grupp inkisret.

505    Għalhekk, il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja mill-kumpannija parent tagħha li għandha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tagħha ma hijiex inkonfutabbli u tibqa’ fil-limiti aċċettabbli, għaliex hija proporzjonata għall-għan leġittimu segwit, hemm possibbiltà li tiġi prodotta prova kuntrarja u d-drittijiet tad-difiża huma żgurati.

506    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni tikser il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet.

507    Skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li huwa applikabbli fil-proċeduri amministrattivi kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63).

508    Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża u mal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-fatt li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jawtorizza lill-Kummissjoni biex tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li Total SA kienet personalment issanzjonata għall-ksur li hija stess wettqet minħabba r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi stretti li jagħqduha ma’ Total France, li tirriżulta miż-żamma tat-totalità tal-kapital ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 492 iktar ’il fuq, punt 34).

509    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-evalwazzjoni tal-indizji prodotti mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq

510    Ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-elementi li hija ppreżentat fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, isemmu l-awtonomija tagħha fil-konfront ta’ Total SA, li hija biżżejjed biex tikkonfuta l-preżunzjoni.

511    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni, hija r-rikorrenti li għandha tressaq l-elementi kollha dwar ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi li jeżistu bejnha u Total SA li hija kienet tqis bħala li huma ta’ natura li juru li dawn iż-żewġ kumpanniji ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Meta tkun qed tagħmel l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha mressqa, fosthom in-natura u l-importanza li jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi partikolari ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 488 iktar ’il fuq).

512    Il-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li tipprovdi li, minn naħa waħda, ħlief f’ċirkustanzi totalment eċċezzjonali, il-kumpannija li għandha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital ta’ sussidjarja tista’, abbażi biss ta’ din iż-żamma ta’ kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment titfittex b’mod iktar utli fl-isfera tal-entitajiet li fil-konfront tagħhom tintuża l-preżunzjoni.

513    F’dan il-każ, fil-premessa 578 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat is-segwenti:

“L-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ sussidjarja ma jeħtieġx intervent ta’ kuljum fl-amministrazzjoni tas-sussidjarja. L-amministrazzjoni ta’ sussidjarja tista’ tabilħaqq tingħata lis-sussidjarja stess, fatt li ma jeskludix li l-kumpannija parent tkun f’pożizzjoni li timponi għanijiet u linji politiċi li jaffettwaw ir-rendiment ta’ grupp kif ukoll il-koerenza tagħha, u li tissanzjona kull aġir kontra l-imsemmija għanijiet u linji politiċi. Fil-fatt, Total SA tammetti li tilgħab rwol ta’ koordinazzjoni istituzzjonali u ta’ kontroll tal‑orjentazzjonijiet strateġiċi u għandha s-setgħa li tapprova jew li ma taqbilx mal-investimenti l-iktar importanti jew kull bdil sinjifikattiv tal-attivitajiet fi ħdan il-grupp. Dan juri li Total SA, bħala kumpannija parent, għandha interess u tilgħab rwol fil-konfront tas-sussidjarji tagħha bħala azzjonista li tixtieq tipproteġi l-interessi finanzjarji ta’ proprejtà tagħha u l-interessi tagħha fil-qasam tal-istrateġija kummerċjali. Total SA telenka wkoll il-lista ta’ ċerti suġġetti bħall-politika dwar ir-riżorsi umani, iż-żamma tal-kontijiet ikkonsolidati, id-determinazzjoni tal-politika fiskali tal-grupp, u ċerti kompiti oħra operazzjonali orizzontali, bħas-sigurtà industrijali, l-ambjent, l-amministrazzjoni ta’ fondi f’kundizzjonijiet rispettabbli ta’ etika, l-attivitajiet ta’ finanzjament, eċċ, li jaqgħu f’idejn Total SA f’isem il-grupp kollu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

514    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni inġustament ċaħdet l-elementi li hija kienet ressqet sabiex turi l-assenza ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Total SA fuq l-aġir kummerċjali tagħha.

515    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-istrateġiji tagħha ġew implementati mill-impjegati tagħha u permezz tal-mezzi finanzjarji, ġuridiċi, ta’ informatika eċċ tagħha. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni minn Total France tal-attività dwar ix-xema’ tal-paraffin qatt ma kellha bżonn l-approvazzjoni ta’ Total SA għall-investimenti mwettqa matul il-perijodu kkunsidrat. Din hija l-konsegwenza tal-fatt li d-dħul mill-bejgħ tal-attività dwar ix-xema’ tal-paraffin jirrappreżenta appena ftit iktar minn wieħed minn elf tal-bejgħ ta’ Total France.

516    Skont ir-rikorrenti, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hija kellha, matul il-perijodu kollu kkonċernat mill-ksur allegat, il-mezzi kollha biex tmexxi l-politika awtonoma f’dak li jikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li hija kellha r-responsabbiltà tagħhom u, b’mod partikolari, tax-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba. Ir-rendikont ta’ din l-attività lil Total SA kien restritt għall-informazzjoni finanzjarja ġenerali mingħajr ma timplika komunikazzjoni dwar il-politika kummerċjali segwita u għalhekk għall-kuntatti magħmula mal-kompetituri tagħha. A fortiori, Total France qatt ma rċeviet istruzzjonijiet mill-kumpannija parent tagħha dwar il-politika li kellha ssegwi f’dak li jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba.

 Fuq l-allegat iffissar b’mod awtonomu minn Total France tal-istrateġija kummerċjali tagħha

517    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li Total SA ammettiet, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet lagħbet rwol ta’ koordinatriċi istituzzjonali, ta’ kontroll tal-koerenza tal-orjentazzjonijiet strateġiċi u ta’ kontroll tal-investimenti l-iktar importanti fi ħdan il-grupp.

518    Fit-tieni lok, anki jekk jiġi preżunt li huwa minnu, il-fatt li sussidjarja għandha t-tmexxija lokali u l-mezzi tagħha ma jurix fih innifsu li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu meta mqabbla mal-kumpanniji parent tagħha. It‑tqassim tal-kompiti bejn is-sussidjarji u l-kumpanniji parent tagħhom, u, b’mod partikolari, il-fatt li l-amministrazzjoni tal-attivitajiet ta’ kuljum tingħata lit-tmexxija lokali ta’ sussidjarja miżuma kollha kemm hi, hija prassi normali tal-impriżi ta’ daqs kbir u komposti minn diversi sussidjarji miżuma, fl-aħħar min-nett, mill-istess kumpannija holding. Għalhekk, fil-każ ta’ żamma tat-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja direttament involuta fil-ksur, il-provi prodotti f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja mill-kumpannija parent u mill-kumpannija holding.

519    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 578 tad-deċiżjoni kkontestata, li Total SA “[kienet] elenkat ukoll il-lista ta’ ċerti suġġetti bħall-politika dwar ir-riżorsi umani, iż-żamma tal-kontijiet ikkonsolidati, id-determinazzjoni tal-politika fiskali tal-grupp, u ċerti kompiti oħra operazzjonali orizzontali, bħas-sigurtà industrijali, l-ambjent, l-amministrazzjoni ta’ fondi f’kundizzjonijiet rispettabbli ta’ etika, l-attivitajiet ta’ finanzjament, eċċ, li jaqgħu f’idejn [ir-rikorrenti] f’isem il-grupp kollu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-elementi jerġgħu jdagħjfu l-pożizzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li hija kienet tgawdi minn awtonomija organizzattiva sħiħa fi ħdan il-grupp.

520    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-elementi dwar l-istruttura organizzattiva tal-grupp u d-definizzjoni allegatament awtonoma tal-politika kummerċjali ta’ Total France ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq.

 Fuq il-proporzjon żgħir ta’ bejgħ ta’ xema’ tal-paraffin mid-dħul mill-bejgħ ta’ Total France

521    Ir-rikorrenti tirrileva li l-attività “xema’ u paraffin” tirrappreżenta biss proporzjon żgħir ħafna mid-dħul tal-bejgħ tagħha u li din tirrappreżenta proporzjon saħansitra iżgħar mid-dħul mill-bejgħ tal-grupp Total.

522    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-qasam jew l-attività affettwata mill-ksur jirrappreżenta biss perċentwal żgħir mill-attivitajiet kollha tal-grupp jew tal-kumpannija parent ma huwiex ta’ natura li juri l-awtonomija tal-imsemmija sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha u, għalhekk, huwa mingħajr rilevanza fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il-Kummissjoni, T‑168/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 79; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 144, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085).

523    Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala mingħajr rilevanza.

 Fuq l-allegazzjoni li Total France ma kinitx tinforma lil Total SA dwar l-attività tagħha fis-suq

524    Ir-rikorrenti ssostni li r-rendikont tal-attività dwar ix-xema’ tal-paraffin lil Total SA kien ristrett għal informazzjoni finanzjarja ġenerali, mingħajr ma timplika komunikazzjoni dwar il-politika kummerċjali segwita u għalhekk dwar il-kuntatti magħmula mal-kompetituri tagħha.

525    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet argumenti identiċi fis-sentenza tagħha Arkema vs Il-Kummissjoni (punt 522 iktar ’il fuq, punti 77 u 78). Għandu jitfakkar li ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni dwar il-ksur bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja u inqas u inqas ma hija implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda li jawtorizza lill-Kummissjoni li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Issa, l-assenza ta’ politika speċifika ta’ informazzjoni fuq is-suq tax-xema’ tal-paraffin, favur Total SA, jew in-nuqqas ta’ għarfien tal-ksur minn din tal-aħħar, ma jistax juri l-awtonomija ta’ Total France.

526    Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għadhom wkoll jiġu miċħuda.

 Fuq l-allegazzjonijiet li jipprovdu li Total France ma kinitx suġġetta għall-istruzzjonijiet ta’ Total SA

527    Ir-rikorrenti tirrileva li hija qatt ma rċeviet struzzjonijiet mingħand Total SA dwar il-politika li għandha ssegwi f’dak li jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni tax-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba.

528    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-element imsemmi mir-rikorrenti huwa, fil-parti l-kbira tiegħu, korrollarju tal-fatt li hija għandha personalità legali distinta minn dik ta’ Total SA, li hija responsabbli, skont it-tqassim tal-kompiti fi ħdan il-grupp, mill-parti “raffinar u kummerċjalizzazzjoni” u li t-tmexxija tagħha ngħatat awtonomija f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-ħwejjeġ ta’ kuljum f’dan il-qasam. Li kieku dawn l-elementi, li huma karatteristiċi tal-funzjonament ta’ sussidjarja fi ħdan grupp ta’ daqs paragunabbli għal dak tar-rikorrenti, ikunu biżżejjed biex jikkonfutaw il-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni billi jintwera li l-kumpannija parent ma setgħetx teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, allura dan ixejjen is-sens mhux biss ta’ tali preżunzjoni, iżda wkoll il-kunċett stess ta’ unità ekonomika bejn il-kumpannija parent u s-sussidjara u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kunċett ta’ impriża kif imfisser mill-ġurisprudenza.

529    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li argumenti identiċi ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Arkema vs Il-Kummissjoni (punt 522 iktar ’il fuq, punti 76 u 80), peress li kienu elementi li ma setgħux jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq.

530    Għalhekk, l-argumenti preżenti għandhom ukoll jiġu miċħuda għall-istess motivi.

531    Fl-aħħar nett, sussidjarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-ebda mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni ma jistgħu juru li l-mekkaniżmi deskritti fil-punti u 501 u 502 iktar ’il fuq, li normalment iwasslu biex l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja jirrefletti lil dak tal-kumpannija parent tagħha, ma ħadmu b’mod normali u li l-unità ekonomika tal-grupp inkisret.

532    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament qieset li r-rikorrenti u Total SA ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-preżunzjoni li Total SA kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u li, għalhekk, dawn kienu jifformaw impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

533    Fid‑dawk ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-ħdax il-motiv għandu jiġi miċħud kollhu kemm hu.

11.  Fuq it-tnax il-motiv, imqajjem matul is-seduta, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

534    Fis-seduta, ir-rikorrenti qajmet ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba l-inklużjoni, fil-valur ta’ bejgħ użat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, ta’ dħul mill-bejgħ ta’ kumpanniji oħra li jappartjenu lill-grupp Total.

535    Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli għaliex ma tqajjimx fir-rikors.

536    Għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet maqgħuda tal-Artikolu 44(1)(c) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors promotur għandu jkun jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati u li ma huwiex permess li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa fil-mori tal-proċedura.

537    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreżentatx argumenti qabel is-seduta dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba l-inklużjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ kumpanniji oħra tal-grupp Total fil-valur ta’ bejgħ użat għall-kalkolu tal-ammont tal-multa.

538    Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala inammissibbiltà.

12.  Fuq it-tmien motiv, ibbażata fuq l-illegalità tal-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006

539    Ir-rikorrenti tqis li l-metodu tal-kalkolu li jinsab fil-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006 huwa illegali.

540    Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont il-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006:

“Sabiex tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur, l-ammont determinat skont il-valur tal-bejgħ […] għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur iżda ta’ inqas minn sena jitqiesu bħala sena sħiħa.”

541    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li, skont id-deċiżjoni kkontestata, hija pparteċipat fil-ksur biss għal perijodu ta’ tnax-il sena u seba’ xhur (mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-28 ta’ April  2005) għax-xema tal-paraffin u matul sitt snin u sitt xhur (mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004) għax-xema’ ratba, filwaqt li hija ġiet issanzjonata għal tul ta’ rispettivament tlettax u seba’ snin, jiġifieri ħdax-il xahar addizzjonali, li jirrappreżenta surestimazzjoni ta’ madwar 5 % tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Hija tqis li l-linji gwida tal-2006 jimponu fuq il-Kummissjoni biex timxi b’dan il-mod, u b’hekk jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif ukoll tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

542    Il-Kummissjoni ssostni li, meta ffissat l-ammont tal-multa, inkluż fil-kuntest ta’ diversi stadji tal-kalkolu tal-ammont tiegħu, hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa u setgħa diskrezzjonali.

543    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida tal-2006 ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida tal-2006 fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 492 iktar ’il fuq, punt 267, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il-Kummissjoni, T‑21/05, Ġabra p. II‑1895, punt 62).

544    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, meta l-imsemmi ammont tal-multa jiġi ffissat, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif żviluppati mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April  2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 77 u 79, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 497 iktar ’il fuq, punt 41).

545    Bl-istess mod, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti imposti għaliha li jinsabu fil-linji gwida tagħha, bħala regola ġenerali, ma jippreġudikawx barra minn hekk l-eżerċizzju mill-qorti tal-Unjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 538), li tawtorizzaha li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑127/04, Ġabra p. II‑1167, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

546    Għandu jitfakkar ukoll li fis-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punti 134 sa 139) u BASF u UCB vs Il-Kummissjoni (punt 267 iktar ’il fuq, punti 219 u 220), il-Qorti Ġenerali diġà aġġustat il-koeffiċjent multiplikatur applikat mill-Kummissjoni abbażi tat-tul tal-ksur biex jirrifletti aħjar it-tul reali tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, bil-għan li b’hekk tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-ammont tal-multa meta mqabbel mat-tul tal-ksur u jiġu evitati differenzi dwar it-trattament irriżervat għall-impriżi ssanzjonati fl-istess deċiżjoni.

547    Il-Qorti Ġenerali tqis ukoll li għandu jiġi adottat tali approċċ.

548    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-ammont ta’ jiem tar-rikorrenti żdied b’numru kunsiderevoli, li għalihom l-ebda ksur ma kien ġie stabbilit, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex l-ammont tal-multa hekk ikkalkolat ma jirriflettix it-tul tal-ksur b’mod xieraq (ara l-punt 432 iktar ’il fuq).

549    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 384 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm dak it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

550    Issa, f’din il-kawża, skont il-paragrafu 24 tal-linji gwida, il-Kummissjoni assimilat, meta ddeterminat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrrenti fil-ksur f’dak li jikkonċerna x-xema’ tal-paraffin, parteċipazzjoni ta’ 7 xhur u 28 jum għal parteċipazzjoni ta’ sena sħiħa. Fil-każ ta’ ExxonMobil, 11-il xahar u 20 jum u, fil-każ ta’ Sasol, 11-il xahar u 27 jum tqiesu wkoll bħala sena sħiħa.

551    Minn dan isegwi li, abbażi tal-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, erba’ xhur u tliet ijiem, li matulhom l-ebda aġir li jikkostitwixxi ksur ma ġie stabbilit, tqiegħdu taħt ir-responsabbiltà tar-rikorrenti, filwaqt li, fil-każ ta’ ExxonMobil, għaxart ijiem addizzjonali biss u, fil-każ ta’ Sasol, tliet ijiem addizzjonali biss, ġew miżjuda mat-tul effettiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

552    Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni qieset sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku.

553    Barra minn hekk, tali trattament ma kienx oġġettivament iġġustifikat, peress li l-uniku oriġini tiegħu kien il-metodu tal-kalkolu previst fil-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006. Issa, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi żgurat li l-ammont tal-multa jkun proporzjonat mat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur. Għalhekk, din ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva għall-inugwaljanza fit-trattament, sa fejn ir-riżultat tal-applikazzjoni stretta tagħha f’din il-kawża huwa l-iffissar ta’ tul manifestament sproporzjonat kemm fir-rigward tat-tul effettiv tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju kif ukoll fir-rigward tat-trattament irriżervat lill-parteċipanti l-oħra.

554    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

555    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni lanqas ma jiġġustifikaw l-azzjoni meħuda f’din il-kawża.

556    Fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 465 sa 467), iċċitata mill-Kummissjoni, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kienet qieset li huma ma setgħux validament jippretendu li l-Kummissjoni kellha tnaqqas il-koeffiċjent ta’ żieda tal-ammont tal-multa tal-bidu għall-perijodu tal-akkordju li matulu l-intensità tagħhom fih kien inqas meta mqabbel mal-perijodi l-oħra. It-tieni nett, hija kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tiffissa rata ta’ żieda ta’ 12 % għal ksur ta’ tul medju, peress li r-rata massimu ta’ 10 % kienet tapplika biss, abbażi tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5), [CA] (ĠU 1998, C 9, p. 3), għal ksur ta’ tul twil. Issa, dawn l-ilmenti ma għandhom l-ebda punt komuni ma’ dawk ippreżentati mir-rikorrenti f’din il-kawża.

557    Bl-istess mod, fil-punt 112 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (T‑68/04, Ġabra p. II‑2511), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ SGL Carbon ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-allegat “prinċipju ta’ pieni mnaqqsa”, li ma tressaqx mir-rikorrenti f’din il-kawża.

558    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul għas-sentenza Dansk Rørindustrie et vs Il-Kummissjoni (punt 492 iktar ’il fuq, punt 336), għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali ta’ kwistjoni dwar il-proporzjonalità tal-loġika tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) [CA], b’mod li din l-analiżi ma hijiex rilevanti f’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni applikat il-linji gwida tal-2006.

559    Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li l-kalkolu tal-koeffiċjent dedott mit-tul tal-parti xema’ ratba tal-ksur huwa affettwat mill-istess żball bħal dak li ġie kkonstatat fil-parti xema’ ratba fil-punti 548 u 554 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda x-xema’ tal-paraffin.

560    Fil-fatt, fil-premessa 611 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-perijodu ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti kien ikopri l-perijodu mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-12 ta’ Mejju 2004. Dan il-perijodu jammonta għal sitt snin, sitt xhur u tnax-il jum. Madankollu, skont il-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur matul tul ta’ seba’ snin, u b’hekk żiedet it-tul effettiv tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar b’ħames xhur u tmintax-il jum. Fil-każ ta’ Esso Société Anonyme Française, tali żieda kienet tikkonsisti biss f’xahrejn u 21 jum addizzjonali.

561    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan il-motiv għandu jiġi milqugħ u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rikorrenti dwar l-iffissar ta’ koeffiċjent multiplikatur li jirrifletti t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tal-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006. Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ser jiġu eżaminati fil-punti 566 et seq iktar ’il quddiem.

13.  Fuq l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

562    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni huwa kkompletat permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa, li hija rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 229 KE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-istħarriġ tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposta. L-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika għalhekk, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iffirmata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm tal-liġi kif ukoll tal-fatt u li għandha setgħa diskrezzjonali li tistħarreġ il-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tbiddel l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 181).

563    Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tistħarreġ, meta tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ir-rikorrenti ngħatatx multa li l-ammont tagħha jirrifletti b’mod korrett il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, b’mod li l-imsemmija multi għandhom natura proporzjonata meta mqabbla mal-kriterji previsti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punti 584 sa 586, u Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 546 iktar ’il fuq, punt 93).

564    Għaldaqstant huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju ta’ kontradittorju.

565    Għandu jitfakkar li, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, abbażi tal-gravità tal-ksur, 18 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin u 15 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ ratba. L-ammonti hekk miksuba ġew immultiplikati, minħabba t-tul tal-ksur, b’koeffiċjent ta’ 13 għax-xema tal-paraffin u b’koeffiċjent ta’ 7 għax-xema’ ratba. B’mod totali, inkluż id-“dritt ta’ dħul”, il-Kummissjoni użat il-multiplikaturi ta’ 14 għax-xema’ tal-paraffin u ta’ 7 għax-xema’ ratba.

566    Sabiex jingħata rimedju għall-illegalità kkonstatata fil-punt 561 iktar ’il fuq, billi jiġi aġġustat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul eżatt tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, il-koeffiċjent multiplikatur użat għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għandu jiġi ffissat għal 12.64 fir-rigward tax-xema’ tal-paraffin (12-il sena, 7 xhur u 28 jum) u ta’ 6.53 fir-rigward tax-xema’ ratba (6 snin, 6 xhur u 12-il jum).

567    Wara li jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ 1.7 abbażi tal-effett dissważiv, l-ammont tal-multa huwa ffissat għal EUR 121 626 710 għax-xema’ tal-paraffin u għal EUR 3 833 132 għax-xema’ ratba, jiġifieri l-ammont totali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa ta’ EUR 125 459 842.

568    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont tal-multa hekk iffissat huwa xieraq, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

569    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

570    F’din il-kawża, motiv wieħed biss tar-rikorrenti mill-ħdax żviluppati minnha fir-rikors ġie milqugħ. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-daqs tar-rikors jeċċedi iktar minn 40% tan-numru ta’ paġni massimi ta’ noti, kif stabbilit fil-punt 15 tal-istruzzjonijiet prattiċi għall-partijiet. Għalhekk, tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-fatti inkwistjoni billi jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati disgħin fil-mija tal-ispejjeż tagħha u disgħin fil-mija mill-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati għaxra fil-mija tal-ispejjeż tagħha u għaxra fil-mija mill-ispejjeż imressqa mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Total Raffinage Marketing fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 81 (KE) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Candle Waxes) huwa ta’ EUR 125 459 842.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Total Raffinage Marketing għandha tbati disgħin fil-mija tal-ispejjeż tagħha u disgħin fil-mija tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati għaxra fil-mija tal-ispejjeż tagħha u għaxra fil-mija tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Czúcz

Labucka

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2013.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-prattiki li jirrigwardaw ix-xema’ tal-paraffin

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-kunċett ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma

Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

Fuq l-ewwel parti, dwar l-allegata assenza ta’ provi li jippermettu li jiġu stabbiliti l-ftehim jew il-prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezz tax-xema’ tal-paraffin

Fuq id-deskrizzjoni tal-parti prinċipali tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-valur probatorju tal-provi miġbura mill-Kummissjoni

–  Id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi

–  Provi dokumentali

Fuq l-eżami ddettaljat tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-laqgħat tekniċi partikolari

Fuq l-evalwazzjoni globali

Fuq it-tieni parti, dwar l-assenza ta’ prova ta’ implementazzjoni tal-ftehim dwar l-iffissar tal-prezz

Fuq it-tielet parti, dwar it-tqassim tas-swieq ġeografiċi u tal-klijentela

Fuq it-tqassim ta’ swieq ġeografiċi

Fuq it-tqassim tal-klijentela

Fuq ir-raba’ parti, dwar l-aġir kompetittiv ta’ Total France

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, fir-rigward tal-konstatazzjoni li tipprovdi li l-prattiki dwar ix-xema’ tal-paraffin, minn naħa, u l-prattiki dwar ix-xema’ ratba, min-naħa l-oħra, kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-prattiki dwar ix-xema’ ratba

Fuq id-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-eżami tal-provi li jirrigwardaw il-laqgħat antikompetittivi

Fuq in-natura kontinwa tal-parti xema’ ratba tal-ksur

Fuq il-limitazzjoni tal-prattiki antikompetittivi fil-Ġermanja

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur wara t-12 ta’ Mejju 2004

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza f’dak li jikkonċerna l-allegata interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 f’dak li jikkonċerna l-assenza ta’ implementazzjoni tal-prattiki allegati

6.  Fuq is-sitt motiv, dwar l-iffissar tal-perijodu ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

7.  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-2006 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni perċentwal wisq għoli tal-valur ta’ bejgħ għall-parti xema’ ratba tal-ksur

8.  Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-illegalitŕ tal-ammont addizzjonali inkluż fl-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-effett dissważiv

9.  Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fir-rigward tal-ammont finali tal-multa

10.  Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE li jirriżulta mill-imputazzjoni għal Total SA tal-aġir ta’ Total France

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ta’ imputabbiltŕ tal-ksur lill-kumpannija parent ibbażata biss fuq rabtiet ta’ kapital

Fuq it-tieni parti, dwar l-evalwazzjoni tal-indizji prodotti mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq

Fuq l-allegat iffissar b’mod awtonomu minn Total France tal-istrateġija kummerċjali tagħha

Fuq il-proporzjon żgħir ta’ bejgħ ta’ xema’ tal-paraffin mid-dħul mill-bejgħ ta’ Total France

Fuq l-allegazzjoni li Total France ma kinitx tinforma lil Total SA dwar l-attività tagħha fis-suq

Fuq l-allegazzjonijiet li jipprovdu li Total France ma kinitx suġġetta għall-istruzzjonijiet ta’ Total SA

11.  Fuq it-tnax il-motiv, imqajjem matul is-seduta, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

12.  Fuq it-tmien motiv, ibbażata fuq l-illegalitŕ tal-paragrafu 24 tal-linji gwida tal-2006

13.  Fuq l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.