Language of document : ECLI:EU:T:2012:415

Kawża T-565/08

Corsica Ferries France SAS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Settur tal-kabotaġġ marittimu — Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali — Test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq — Politika soċjali tal-Istati Membri — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni — Effetti ta’ sentenza ta’ annullament”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2012

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Relazzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-osservanza tas-sigriet professjonali

(Artikoli 253 KE u 287 KE)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li tintima lill-persuni interessati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom — Esklużjoni tal-persuni interessati mill-benefiċċju tad-drittijiet tad-difiża

(Artikoli 88(2) KE u 253 KE)

5.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Definizzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri — Limiti — Investigazzjoni tal-Kummissjoni limitata għall-każijiet ta’ żball manifest

(Artikolu 86(2) KE)

6.      Trattat KE — Skemi ta’ proprjetà — Libertà tal-Istati Membri li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ekonomiċi — Relazzjoni mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat

(Artikoli 87(1) KE u 295 KE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Neċessità li l-imġiba ta’ investitur pubbliku tiġi pparagunata mal-imġiba ta’ holding privat jew ta’ grupp ta’ impriżi mmexxija minn perspettivi ta’ profittabbiltà fuq tul ta’ żmien

(Artikolu 87(1) KE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Teħid inkunsiderazzjoni tar-responsabbiltà soċjali ta’ imprenditur u tal-kuntest imprenditorjali — Indennizzi supplimentari għat-tkeċċija — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87(1) KE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Obbligu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi b’mod preċiż l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat sabiex tkun tista’ tiddefinixxi investituri privati ta’ referenza — Żball ta’ liġi fil-każ ta’ assenza ta’ tali definizzjoni

(Artikolu 87(1) KE)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura legali — Interpretazzjoni bbażata fuq elementi oġġettivi — Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 87(1) KE)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Kriterju ta’ investitur privat — Kontribuzzjoni ta’ kapital — Konkomitanza tal-kontribuzzjonijiet tal-investituri privati u pubbliċi — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87(1) KE)

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Intervent mill-Istat li jtaffi l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża — Inklużjoni — Ħlas minn qabel f’kont kurrenti favur l-impjegati mkeċċija minn impriża intiż sabiex jiffinanzja indennizzi supplimentari futuri — Inklużjoni

(Artikolu 87(1) KE)

1.      Ara t-test tad-deċizjoni.

(ara l-punt 42)

2.      L-Artikolu 287 KE, jimponi fuq il-membri, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet Komunitarji l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li, min-natura tagħha stess, hija koperta mis-sigriet professjonali. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet impost mill-Artikolu 253 KE, nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat mill-obbligu, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 287, tal-osservanza tas-segretezza professjonali. Fil-fatt, l-obbligu tal-osservanza tas-sigrieti kummerċjali ma jistax ikun interpretat b’mod tant wiesa’ li jċaħħad lir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-kontenut essenzjali tiegħu, bi ħsara għad-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jiġi ddeterminat skont l-interess ta’ informazzjoni tal-Istat Membru li għalih din id-deċiżjoni hija indirizzata biss. Effettivament, f’każ fejn l-Istat Membru kiseb dak li kien qed jitlob mingħand il-Kummissjoni, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ għajnuna tiegħu, l-interess tiegħu li jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni motivata, kuntrarjament għal dak tal-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna, jista’ jkun biss żgħir ħafna.

(ara l-punt 43)

3.      Ara t-test tad-deċizjoni.

(ara l-punt 44)

4.      Ara t-test tad-deċizjoni.

(ara l-punt 50)

5.      Ara t-test tad-deċizjoni.

(ara l-punti 56, 65)

6.      L-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, taħt kwalunkwe forma, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Madankollu, skont l-Artikolu 295, it-Trattat KE ma jaffettwax is-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jeżerċitaw, direttament jew indirettament, attivitajiet ekonomiċi bl-istess mod bħal impriżi privati. Dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-settur pubbliku u dak privat jimplika li l-Istati Membri jistgħu jinvestu f’attivitajiet ekonomiċi u li l-kapital imqiegħed mill-Istat għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 76, 77)

7.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tat-test tal-investitur privat, għandha neċessarjament tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi inkwantu impriża li teżerċita attività ekonomika u l-obbligi li huwa jista’ jkollu inkwantu awtorità pubblika. Fil-fatt, meta investiment min-naħa ta’ Stat iseħħ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, l-aġir tal-Istat qatt ma jista’ jiġi mqabbel ma’ dak ta’ operatur jew ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq.

Madankollu, meta ssir din id-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi minn naħa, u l-interventi tal-awtorità pubblika, min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir tal-investitur privat, li miegħu għandu jiġu mqabbel l-aġir tal-investitur pubbliku, ma huwiex neċessarjament dak tal-investitur ordinarju li jinvesti kapital bl-iskop li jirrendilu qliegħ fuq perijodu ftit jew wisq qasir. Dan l-aġir għandu, minn tal-inqas, ikun dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwi politika strutturali, globali jew settorjali, u ggwidata minn perspettivi ta’ qliegħ fuq perijodu itwal.

(ara l-punti 79, 80)

8.      Huwa neċessarju li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jirrifletti l-iżvilupp kemm tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali kif ukoll il-prattika tar-relazzjonijiet soċjali fi ħdan gruppi kbar ta’ impriżi, kemm f’dak li jirrigwarda l-investimenti magħmula minn impriżi privati kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-investimenti magħmula mill-Istat, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mingħajr ma tinbidel l-effettività tiegħu.

F’ekonomija soċjali tas-suq, investitur privat avżat ma jistax jinjora, minn naħa, ir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-partijiet interessati kollha tal-impriża u, min-naħa l-oħra, l-bdil tal-kuntest soċjali, ekonomiku u ambjentali li jkompli jiżviluppa fihom.

L-interessi bbażati fuq ir-responsabbiltà soċjali u fuq il-kuntest imprenditorjali jista’, effettivament, jkollhom influwenza kbira fuq id-deċiżjonijiet konkreti u d-direzzjonijiet strateġiċi ta’ imprenditur privat avżat. Għalhekk, ir-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tal-aġir ta’ imprenditur privat avżat ma tistax tiġi evalwata mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-preokkupazzjonijiet.

Għal dan il-għan, l-għoti ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija min-naħa ta’ investitur privat, jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi prattika leġittima u xierqa, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, bil-għan li jiġi promoss djalogu soċjali paċifiku u tinżamm l-immaġni ta’ kumpannija jew ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, l-ispiża ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija ma għandhiex titħallat mal-ispiża tal-kopertura għas-sigurtà soċjali li neċessarjament taqa’ fuq l-Istat f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ kumpannija. Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-fakultà li jingħataw indennizzi supplimentari għat-tkeċċija hija wkoll miftuħa għall-Istati Membri f’każ ta’ likwidazzjoni ta’ impriża pubblika, anki jekk l-obbligi tagħhom ma jaqbżux a priori l-minimu legali u kuntrattwali.

Madankollu, l-għan tat-teħid ta’ responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż addizzjonali, minħabba preokkupazzjonijiet leġittimi, ma jistax ikun wieħed esklużivament soċjali, jew saħansitra politiku, għax inkella ma jibqax fil-kuntest tat-test tal-investitur privat. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe razzjonalità ekonomika, anki fuq perijodu twil, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ispejjeż lil hinn mill-obbligi legali u kuntrattwali stretti għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-protezzjoni tal-immaġni ta’ Stat Membru bħala investitur globali fl-ekonomija tas-suq ma tistax tikkostitwixxi, għajr f’ċirkustanzi partikolari u mingħajr motivazzjoni partikolarment konvinċenti, ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex tintwera r-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tat-teħid tar-responsabbiltà għal spejjeż addizzjonali bħall-indennizzi supplimentari għat-tkeċċija. Il-fatt li jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tirreferi b’mod sommarju għall-immaġni ta’ Stat Membru, bħala attur globali, insostenn ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE effettivament jirriżulta, minn naħa, f’distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni favur impriżi li joperaw fi Stati Membri fejn is-settur ekonomiku pubbliku huwa komparattivament iktar żviluppat, jew fejn id-djalogu soċjali huwa partikolarment fqir, u, min-naħa l-oħra, fi tnaqqis indebitu tal-effettività tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 81-85)

9.      Fil-kuntest tat-test tal-investitur privat hija l-Kummissjoni li għandha, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tagħha, tiddefinixxi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Istat, b’mod partikolari fil-livell ġeografiku u settorjali, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika għall-perijodu twil tal-aġir ta’ dan l-Istat.

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ definizzjoni suffiċjentement preċiża tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati, il-Kummissjoni ma tistax tkun f’pożizzjoni, minn naħa, li tiddefinixxi l-investituri privati ta’ referenza u, b’hekk, li tiddetermina l-eżistenza, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, ta’ prattika suffiċjentement stabbilita fost dawn l-investituri. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ tali punt ta’ paragun, id-definizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati hija wkoll neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà raġonevoli u suffiċjentement sostanzjata li l-Istat Membru jikseb, mill-aġir inkwistjoni, profitt materjali indirett anki fuq perijodu twil.

Fin-nuqqas ta’ tali definizzjoni, bħala prinċipju, huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ ir-razzjonalità ekonomika fuq perijodu twil tal-miżura inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi.

(ara l-punti 86, 87, 94)

10.    Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, twettaq stħarriġ sħiħ f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza fattwali, l-affidabbli u l-koerenti tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn l-elementi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom.

(ara l-punt 88)

11.    Sabiex jiġi ddeterminat jekk kontribuzzjoni ta’ oriġini pubblika tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens l-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi evalwat jekk investitur privat, f’ċirkustanzi paragunabbli, kienx jagħmel l-imsemmija kontribuzzjoni. Fil-każ li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ kapital min-naħa tal-Istat lil impriża sar f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, dan ma jistax jiġu kklassifikat bħala għajnuna, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-setturi pubbliċi u privati. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li kontribuzzjoni f’kapital minn fondi pubbliċi tissodisfax it-test tal-investitur privat u ma timplikax l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, fost l-oħrajn, jekk din il-kontribuzzjoni sseħħ b’konkomitanza ma’ kontribuzzjoni kapital sinjifikattiva minn investitur privat f’kundizzjonijiet paragonabbli.

Il-konkomitanza tal-kontribuzzjonijiet ta’ investituri privati u pubbliċi hija biss, bħala tali, indikazzjoni li tippermetti li wieħed ixaqleb lejn nuqqas ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu saru f’ċirkustanzi paragunabbli. Peress li l-iskop tat-test tal-investitur privat huwa li jipparaguna l-aġir tal-Istat ma’ dak ta’ investitur privat ipotetiku, ma jistax jiġi miċħud li l-eżistenza ta’ investituri lesti li jinvestu b’mod sinjifikattiv u b’konkomitanza hija ta’ natura li tiffaċilita l-validazzjoni ta’ tali test. Madankollu, l-informazzjoni rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-kontribuzzjonijiet ikkonċernati fid-dawl tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, l-aspett taż-żmien huwa naturalment importanti, iżda l-konkomitanza ma tistax tiġi kkunsidrata, bħala prinċipju, bħala suffiċjenti fiha nnifisha.

Konsegwentement, sa fejn il-konkomitanza għandha tiġi evalwata biss bħala indizju li jippermetti li wieħed ixaqleb lejn nuqqas ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, din ma tistax raġonevolment tiġi evalwata b’mod strett.

(ara l-punti 115, 117, 118)

12.    Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, is-sempliċi fatt li miżura ssegwi għan soċjali ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi awtomatikament eskluża mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-obbjettivi tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom abbażi tal-effetti tagħhom. Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi interventi pubbliċi li, taħt forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment jgħabbu l-baġit ta’ impriża.

Il-kunċett ta’ għajnuna ma jimplikax neċessarjament li jiġi sostnut obbligu legali, iżda pjuttost li l-ispejjeż li normalment jgħabbu l-baġit ta’ impriża jitnaqqsu. Id-definizzjoni ta’ spiża li taqa taħt il-ġestjoni ta’ kuljum tal-kumpannija ma tistax, għalhekk, min-natura tagħha stess, tkun limitata għal obbligi legali jew kuntrattwali. Bl-istess mod, il-fatt li l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna għall-persuna huma impjegati ma huwiex biżżejjed sabiex juri nuqqas ta’ għajnuna favur min jimpjegahom.

F’dak li jirrigwarda miżura li tikkonsisti fi ħlas minn qabel fil-kont kurrenti mogħti awtorizzat minn entità ta’ Stat favur persunal imkeċċi minn impriża, li hija intiża li tiffinanzja l-ispiża ta’ indennizzi supplimentari futuri ta’ pjan eventwali għat-tnaqqis tal-impjegati implementat mix-xerrejja, il fatt li din il-miżura ma tirriżultax minn obbligi legali u kuntrattwali stretti, bħala prinċipju, ma jistax jeskludi n-natura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ kont issekwestrat li fih hemm il-fondi li jikkonċernaw l-għajnuna għall-persuna, hija tali li toħloq inċentiv għall-impjegati tal-impriża li jħallu l-impriża jew, minn tal-inqas, li jitilqu mingħajr ma jinnegozjaw it-tluq tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti eventwali ta’ indennizzi supplimentari għat-tkeċċija, u dawn kollha huma aspetti li joħolqu vantaġġ ekonomiku indirett għal din l-impriża.

Għalhekk, il-Kummissjoni twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikklassifika dawn il-miżuri ta’ għajnuna lil persuni bħala miżuri li ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

(ara l-punti 136, 137, 139, 143, 144, 147)