Language of document : ECLI:EU:T:2013:423

Kawża T-566/08

Total Raffinage Marketing

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Prova tal-eżistenza tal-akkordju — Kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu — Tul tal-ksur — Interruzzjoni tal-ksur — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Ugwaljanza fit-trattament — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa mis-sussidjarji tagħha — Influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent — Preżunzjoni fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % — Proporzjonalità — Metodu ta’ arrotondament — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tat-13 ta’ Settembru 2013

1.      Akkordji — Ftehimiet bejn impriżi — Kunċett — Qbil tal-intenzjonijiet fir-rigward tal-aġir li għandu jiġi adottat fis-suq — Ftehim dwar l-iffissar tal-prezz — Inklużjoni — Kundizzjonijiet — Aġir derogatorju ta’ wieħed jew diversi parteċipanti — Assenza ta’ effett — Prova tal-assenza ta’ implementazzjoni ta’ akkordju minn parteċipant — Tbegħid pubbliku

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu ta’ kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq — Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri — Preżunzjoni ta’ użu tal-informazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-aġir fis-suq — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova — Prova mogħtija minn numru ta’ indikazzjonijiet tal-ksur — Ammissibbiltà — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment — Provi dokumentali — Kriterji — Kredibbiltà tal-provi prodotti — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà — Portata — Konsegwenzi

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Saħħa probatorja tad-depożizzjonijiet volontarji mwettqa kontra impriża mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tal-imsemmija impriża — Valur probatorju kbir (Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

6.      Akkordji — Ftehimiet bejn impriżi — Prova — Risposta ta’ impriża lil talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni — Dikjarazzjoni ta’ impriża kkontestata minn impriżi oħra — Obbligu li t-tali prova tiġi kkompletata minn elementi affidabbli oħra

(Artikolu 81 KE)

7.      Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju globali — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Assenza ta’ parteċipazzjoni diretta — Assenza ta’ effett

(Artikolu 81 KE)

8.      Akkordji — Ftehimiet bejn impriżi — Kunċett — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv — Inklużjoni — Kundizzjoni — Assenza ta’ tbegħid fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ

(Artikolu 253 KE)

10.    Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra annessi mar-rikors — Inammissibbiltà — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv imressaq għall-ewwel darba matul is-seduta — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

11.    Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett — Kriterji — Għan uniku u pjan globali — Rabtiet ta’ komplementarjetà bejn il-ftehimiet — Rabta vertikali bejn is-swieq ikkonċernati u sovrappożizzjoni rilevanti bejn il-parteċipanti

(Artikolu 81(1) KE)

12.    Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett — Assenza ta’ identiċità bejn il-parteċipanti fil-komponenti varji tal-ksur — Tul distint tal-komponenti varji tal-ksur — Assenza ta’ effett

(Artikolu 81(1) KE)

13.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Provi li jistgħu jiġu kkunsidrati — Fokalizzazzjoni tal-investigazzjoni fuq ċerti aspetti tal-prattiki antikompetittivi — Fatt li ma jeskludix l-użu tal-provi kollha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

(Artikolu 81(1) KE)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni — Sena ta’ referenza — L-aħħar sena sħiħa tal-ksur — Natura eċċezzjonali tagħha fir-rigward ta’ ċerti parteċipanti — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu iktar twil bl-istess mod għall-parteċipanti kollha — Ammissibbiltà — Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza — Żball ta’ evalwazzjoni — Assenza

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Ksur imwettaq minn diversi impriżi — Gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minnhom — Applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni — Evalwazzjoni — Impossibbiltà għal impriża li tinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex jingħatalha tnaqqis illegali

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210, punti 20 u 21)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Inklużjoni awtomatika ta’ ammont addizzjonali bis-saħħa tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Assenza — Teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ prevenzjoni ġenerali — Ammissibbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ dissważjoni f’diversi stadji tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-multa — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C, punt 25)

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — natura dissważiva tal-ammont tal-multa — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Obbligu ta’ stabbiliment ta’ ammont tal-multa li huwa proporzjonat mal-valur tal-bejgħ annwali fis-swieq ikkonċernati — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata — Dħul mill-bejgħ magħmul bil-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni rispettiv — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Obbligu tal-Kummissjoni li timxi mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 30)

19.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Preżunzjoni konfutabbli — Ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Assenza

(Artikolu 81(1) KE)

20.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Obbligi probatorji tal-kumpannija li trid tikkonfuta din il-preżunzjoni — Elementi insuffiċjenti sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Limiti — Osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt — Kalkolu tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur — Arrotondament tan-numru ta’ xhur ta’ parteċipazzjoni — Ammont li ma jirriflettix it-tul reali tal-parteċipazzjoni — Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

(Artikoli 81(1) KE u 226 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 24)

22.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Effett

(Artikolu 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

23.    Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Tul tar-rikors li jaqbeż in-numru massimu ta’ paġni ffissat għan-noti — Evalwazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 87(3); Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, punt 15)

1.      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari. Jista’ jitqies li ġie konkluż ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE meta jkun hemm qbil, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati.

B’mod partikolari, ftehim fuq iż-żamma tal-prezzijiet huwa wkoll ftehim dwar l-iffissar tal-prezz, ladarba jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet tal-parteċipanti dwar l-applikazzjoni tal-livell tal-prezz li huma jkunu ffissaw flimkien. Din il-konstatazzjoni ma timplikax l-applikazzjoni ta’ prezz uniku għall-parteċipanti kollha. Fil-fatt, il-fatt li hemm tali għan komuni diġà jikkostitwixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE għaliex hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju stess tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, il-fatt li l-impriżi effettivament ikunu ħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma u li l-prezzijiet imħabbra b’dan il-mod ikunu ntużaw bħala bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni individwali huwa suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jiġi kkonstatat li l-kollużjoni dwar il-prezzijiet kellha kemm bħala skop u kemm bħala effett restrizzjoni gravi tal-kompetizzjoni. F’tali każ, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn teżamina d-dettall tal-argument tal-partijiet intiż li jistabbilixxi li l-ftehimiet inkwistjoni ma kellhomx bħala effett iż-żieda tal-prezzijiet lil hinn minn dak li kien jiġi osservat f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li twieġeb għalih punt punt.

Barra minn hekk, il-fatt li ma ġiex osservat akkordju minn ċerti parteċipanti jew li jfixklu parteċipanti oħra ma jbiddilx l-eżistenza tiegħu stess. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, politika bejn wieħed u ieħor indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha. Min-naħa l-oħra, il-każijiet sporadiċi u iżolati ta’ qerq jew ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-akkordju minn parteċipant partikolari, b’mod speċjali meta dawn kienu jirrigwardaw akkordju ta’ tul twil, ma jistgħux waħedhom juru l-assenza ta’ implementazzjoni tal-akkordju minn dan il-parteċipant, jew l-adozzjoni, minnu, ta’ aġir kompetittiv. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi konkluż li hemm waqfien definittiv tal-involviment ta’ impriża f’akkordju biss jekk ikun hemm tbegħid pubbliku mill-kontenut ta’ dan tal-aħħar.

(ara l-punti 30-32, 89, 99, 147, 184, 236, 238, 243, 254, 372)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33, 34, 154, 187, 188, 255, 256)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33-35, 39-48, 79-83, 177, 201, 214, 224-226, 323)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 36-38)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 63-71, 322)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 73, 74)

7.      Impriża tista’ tinżamm responsabbli għal akkordju globali anki jekk jiġi stabbilit li ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxuh peress li, minn naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex ifixkel l-andament normali tal-kompetizzjoni, u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju.

(ara l-punti 108, 187)

8.      Jitwettaq ksur tal-Artikolu 81 KE meta l-laqgħat tal-impriżi kompetituri jkollhom bħala għal li jirrestrinġu, ifixklu jew joħolqu distorsjoni tal-operat tal-kompetizzjoni u jfittxu, b’dan il-mod, li jorganizzaw artifiċjalment il-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata ħadet sehem f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, sabiex jiġi pprovat is-sehem tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat fi spirtu differenti minn tagħhom. Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħat mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħhom, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fihom u li kienet ser timxi miegħu.

(ara l-punti 156, 157, 184, 242-244, 254, 372-374, 384, 387, 388)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 239, 447)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 247, 536)

11.    Il-kunċett ta’ ksur uniku tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE jippreżumi sensiela ta’ azzjonijiet adottati minn partijiet differenti li jsegwu l-istess għan ekonomiku antikompetittiv. Il-fatt li l-azzjonijiet differenti tal-impriżi jidħlu fi “pjan kollettiv”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa determinanti sabiex tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ ksur uniku. F’dan ir-rigward, matul l-evalwazzjoni tan-natura unika tal-ksur u tal-eżistenza ta’ pjan kollettiv, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-identiċità tal-inqas parzjali tal-impriżi kkonċernati u l-fatt li dawn kienu jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni dwar l-aġir li jikkostitwixxi ksur.

Bl-istess mod, sabiex aġir differenti jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dan għandux rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull element ta’ dan l-aġir ikun intiż li jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku.

F’dan il-kuntest, il-fatt li l-prattiki antikompetittivi jikkonċernaw żewġ swieq ta’ prodotti separati ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li hemm ksur uniku, kemm-il darba l-azzjonijiet dwar id-diversi swieq jidħlu fi pjan globali li l-parteċipanti jafu. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tas-swieq vertikalment marbuta fir-rigward tal-materji primi intiżi li jsaħħu l-ftehim prinċipali dwar il-prodotti sekondarji. B’hekk, iż-żidiet artifiċjali fil-prezz tal-materja prima jistgħu jservu sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni taż-żidiet tal-prezz tal-prodotti sekondarji, ħaġa li tippermetti l-eżistenza ta’ rabta ta’ komplementarjetà bejn iż-żewġ komponenti ta’ ksur uniku. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi eskluża mill-fatt li l-prattiki antikompetittivi li jirrigwardaw il-materja prima kienu limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss peress li huwa paċifiku li l-komponent tal-ksur li jirrigwarda l-prodotti sekondarji nfirex fiż-żona ekonomika Ewropea kollha.

(ara l-punti 265-267, 271, 272, 281, 283, 303, 312)

12.    Il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE ma hijiex eskluża mill-fatt li l-parteċipanti fi prattiki antikompetittivi ma humiex identiċi u li l-azzjonijiet tagħhom jikkonċernaw swieq differenti. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sovrappożizzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw f’dawn il-prattiki. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-parteċipanti kollha fi prattiki li jikkonċernaw ċertu suq ipparteċipaw ukoll fi prattiki li jikkonċernaw prodott marbut vertikalment ma’ dan l-ewwel suq, l-assenza ta’ identiċità totali bejn il-parteċipanti fiż-żewġ komponenti tal-ksur ma tipprekludix il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku.

Sa fejn il-prattiki li jikkonċernaw żewġ prodotti differenti jidħlu fl-istess pjan globali, din il-konklużjoni ma għandhiex titqiegħed inkwistjoni minħabba d-differenza ta’ tul bejn dawn il-prattiki.

(ara l-punti 296-300, 306-309)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 339)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 409-419)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 431-435)

16.    Mill-kliem u mill-istruttura tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni tuża, meta tiddetermina l-ammont tal-multa, kemm il-fatturi li huma komuni għall-parteċipanti kollha, sabiex jiġi rifless il-fatt li dawn l-impriżi pparteċipaw fl-istess prattiki li jikkostitwixxu ksur, u b’hekk tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-fatturi li r-rata jew il-koeffiċjent tagħhom huwa aġġustat skont is-sitwazzjoni partikolari ta’ kull parteċipant, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet. Għalhekk, biex tosserva l-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, huwa suffiċjenti li l-ammont finali tal-multa jirrifletti d-differenzi fis-sitwazzjoni tal-parteċipanti varji, mingħajr ma hemm bżonn li l-Kummissjoni tipproċedi f’kull stadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa bi trattament differenti tal-parteċipanti

Barra minn hekk, mill-kliem u mill-istruttura ta’ dawn l-istess linji gwida jirriżulta li d-dispożizzjoni, fil-paragrafu 25 tagħhom, dwar l-inklużjoni fl-ammont bażiku ta’ multa ta’ ammont addizzjonali abbażi tal-effett dissważiv, tirrifletti l-parteċipazzjoni fil-prattiki antitkompetittivi li huma l-iktar gravi. L-ammont addizzjonali inkluż għal din ir-raġuni jirreferi għall-karatteristiċi tal-prattiki kollha tal-parteċipanti, u mhux għas-sitwazzjoni individwali ta’ kull wieħed minnhom. Għalhekk, il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni u tal-applikazzjoni tagħha f’din il-kawża ma tistax titqiegħed inkwistjoni fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju.

Barra minn hekk, l-effett dissważiv tal-multa ma huwiex biss intiż biex iwaqqaf lill-impriża kkonċernata milli tkun reċidiva. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi l-livell tal-multi sabiex issaħħaħ b’mod ġenerali l-effett dissważiv. Għalhekk, rikorrent ma jistax jinvoka b’mod utli l-fatt li ma għadux fis-suq inkwistjoni u li l-kodiċi ta’ etika tiegħu jistabbilixxi l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rekwiżiti ta’ dissważjoni ma jifformawx parti minn evalwazzjoni partikolari fi stadju speċifiku tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, iżda għandhom jinsabu matul il-proċess kollu tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

(ara l-punti 453-456, 460, 461, 463, 464)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 466-473)

18.    Sabiex tiġi stabbilita l-multa, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jagħti indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll is-sehem tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur f’dan id-dħul u li għaldaqstant jista’ jagħti indikazzjoni tad-daqs tal-ksur. Ebda waħda minn dawn iċ-ċifri ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, l-iffissar ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss porzjon żgħir ta’ din iċ-ċifra. Min-naħa l-oħra, id-dritt Komunitarju ma jinkludix il-prinċipju ta’ implementazzjoni ġenerali li jipprovdi li l-piena għandha tkun proporzjonata mal-importanza tal-intrapriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

(ara l-punti 475, 477, 478, 481, 482)

19.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 487-508)

20.    Fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja miżmuma 100 % fis-suq, il-fatt li sussidjarja għandha t-tmexxija lokali u l-mezzi tagħha ma jurux fihom infushom li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu meta mqabbla mal-kumpanniji parent tagħha. It-tqassim tal-kompiti bejn is-sussidjarji u l-kumpanniji parent tagħhom, u, b’mod partikolari, il-fatt li l-amministrazzjoni tal-attivitajiet ta’ kuljum tingħata lit-tmexxija lokali ta’ sussidjarja miżmuma kollha kemm hi, hija prassi normali tal-impriżi ta’ daqs kbir u komposti minn diversi sussidjarji miżmuma, fl-aħħar min-nett, mill-istess kumpannija holding. Għalhekk, fil-każ ta’ żamma tat-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja direttament involuta fil-ksur, il-provi prodotti f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja mill-kumpannija parent u mill-kumpannija holding.

Bl-istess mod, il-fatt li l-kumpannija parent tamministra ċerti kwistjonijiet bħall-politika dwar ir-riżorsi umani, iż-żamma tal-kontijiet ikkonsolidati, id-determinazzjoni tal-politika fiskali tal-grupp, u ċerti kompiti oħra operattivi orizzontali, bħas-sigurtà industrijali, l-ambjent, l-amministrazzjoni ta’ fondi f’kundizzjonijiet rispettabbli ta’ etika, l-attivitajiet ta’ finanzjament, eċċ, li jaqgħu f’idejn is-sussidjarja f’isem il-grupp kollu jindikaw iktar assenza ta’ awtonomija organizzattiva sħiħa tas-sussidjarja fi ħdan il-grupp.

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-qasam jew l-attività affettwata mill-ksur jirrappreżenta biss perċentwali żgħira mill-attivitajiet kollha tal-grupp jew tal-kumpannija parent ma huwiex ta’ natura li juri l-awtonomija tal-imsemmija sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha u, għalhekk, huwa mingħajr rilevanza fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq.

(ara l-punti 518-520, 522)

21.    Fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Bl-istess mod, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija stabbilixxiet fih fl-ebda każ ma jippreġudikaw l-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa mill-qorti Komunitarja

F’dan ir-rigward, meta żżid l-ammont ta’ jiem tar-rikorrenti b’numru kunsiderevoli, li għalihom l-ebda ksur ma kien ġie stabbilit, il-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex l-ammont tal-multa hekk ikkalkolat ma jirriflettix it-tul tal-ksur b’mod xieraq.

Bl-istess mod, il-kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, meta hija tattribwixxi lil impriża, bħala parteċipazzjoni f’dan il-ksur, tul ta’ parteċipazzjoni li matulu ma jkun ġie stabbilit l-ebda aġir li jikkostitwixxi ksur, filwaqt li, għall-impriżi l-oħra implikati fl-istess ksur, ikun ġie miżjud tul ta’ żmien ħafna iqsar mat-tul effettiv tal-parteċipazzjoni fil-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

(ara l-punti 543-545, 548, 551, 553, 554, 559, 560)

22.    L-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa, li hija rrikonoxxuta mill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 299 KE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta. Madankollu, l-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju ta’ kontradittorju.

(ara l-punti 562, 564)

23.    Peress li l-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ motivi li jintlaqgħu u t-tul tar-rikors promotur. Għalhekk, tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-fatti inkwistjoni billi jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati disgħin fil-mija tal-ispejjeż tagħha u disgħin fil-mija mill-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati għaxra fil-mija tal-ispejjeż tagħha u għaxra fil-mija mill-ispejjeż imressqa mir-rikorrenti.

(ara l-punti 569, 570)