Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-565/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Corsica Ferries France SAS (Bastia, Franza) (rappreżentanti: S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2008 dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li Franza għandha l-intenzjoni timplementa favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM);

tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3182 finali, tat-8 ta' Lulju 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni affermat li:

-    il-kumpens imħallas mir-Repubblika Franċiża lis-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (iktar 'il quddiem "SNCM") ta' ammont ta' EUR 53.48 miljun bħala obbligi ta' servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat, iżda kompatibbli mas-suq komuni;

-    il-prezz ta' bejgħ negattiv tal-SNCM ta' EUR 158 miljun, l-implementazzjoni mill-Compagnie Générale Maritime et Financière (iktar 'il quddiem "CGMF"), ta' miżuri soċjali fir-rigward tal-pagi għal ammont ta' EUR 38.5 miljun u r-rikapitalizzazzjoni konġunta u fl-istess ħin tal-SNCM mis-CGMF għal ammont ta' EUR 8.75 miljun ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat; u

-    l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta' ammont ta' EUR 15.81 miljun li r-Repubblika Franċiża implementat favur l-SNCM tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat, iżda kompatibbli mas-suq komuni;

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi bbażati fuq:

-    nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, inkwantu numru kbir wisq ta' data u informazzjoni ġie mgħotti mid-Deċiżjoni kkontestata fatt li ma jippermettix lir-rikorrenti tifhem il-kontenut, il-motivazzjoni u l-portata tagħha;

-    ksur tal-Artikoli 87 u 88 KE u tar-regoli għall-applikazzjoni tagħhom, b'mod partikolari l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà, li jirriżulta minn evalwazzjoni żbaljata u/jew mhux kompluta f'dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni ta' kapital ta' EUR 53.48 miljun bħala kumpens ta' servizz pubbliku, it-trasferiment tal-SNCM għal prezz ta' bejgħ negattiv ta' EUR 158 miljun, il-kontribuzzjoni ta' kapital mis-CGMF għal ammont ta' EUR 8.75 miljun, miżuri soċjali li jlaħħqu għal EUR 38.5 miljun u l-bilanċ ta' EUR 22.5 miljun innotifikat bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

____________