Language of document : ECLI:EU:F:2010:17

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS‑SERVIZZ PUBBLIKU

(L‑Ewwel Awla)

9 ta’ Marzu 2010

Kawża F‑26/09

N

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà — Fastidju psikoloġiku — Dmir ta’ premura — Dannu morali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu N qiegħed jitlob li l‑Parlament jiġi kkundannat iħallsu s‑somma ta’ EUR 12 000 bħala kumpens għad‑danni kkawżati, minn naħa, mill‑fastidju psikoloġiku u professjonali li sofra minnu matul il‑perijodu bejn is‑16 ta’ Awwissu 2006 u l‑1 ta’ Mejju 2007, u, min‑naħa l‑oħra, min‑nuqqas li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva interna minn korp indipendenti.

Deċiżjoni: Il‑Parlament huwa kkundannat iħallas lil N kumpens ta’ EUR 2 000. Il‑kumplament tar‑rikors huwa miċħud. Il‑Parlament għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu kif ukoll tliet kwarti mill‑ispejjeż tar‑rikorrent. Ir‑rikorrent għandu jbati kwart mill‑ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Astensjoni milli tittieħed miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal — Astensjoni tal-istituzzjoni milli tagħti assistenza lill-uffiċjali tagħha — Esklużjoni — Eċċezzjoni

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikoli 24, 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jwassal għad-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Rekwiżit li l-aġir ikun ta’ natura repetuta

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 12a(3))

3.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Rapport ta’ evalwazzjoni li fih kummenti negattiva iżda mhux offensivi fil-konfront tal-uffiċjali — Esklużjoni

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 12a(3))

4.      Uffiċjali — Rikors — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 90)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Nuqqas milli jiġu stabbiliti obbjettivi

6.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad‑danni — Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat tad‑dannu morali

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 91)

1.      Bħala prinċipju, huwa l‑uffiċjal li jqis li jista’ jinvoka l‑Artikolu 24 tar‑Regolamenti tal‑Persunal li għandu jressaq talba għal assistenza quddiem l‑istituzzjoni li jaqa’ taħtha. Huma biss ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jobbligaw lill‑istituzzjoni tiegħu, mingħajr talba minn qabel mill‑persuna kkonċernata iżda fuq inizjattiva tagħha stess, azzjoni ta’ assistenza partikolari. Fin‑nuqqas ta’ tali ċirkustanzi, l‑astensjoni tal‑istituzzjoni milli tagħti, fuq inizjattiva tagħha stess, assistenza lill‑uffiċjali u lill‑membri tal‑persunal tagħha ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju. F’dan ir‑rigward, fil‑każ li uffiċjal jitlob il‑kumpens għad‑dannu li jirriżulta min‑nuqqas ta’ osservanza minn istituzzjoni tal‑obbligu ta’ assistenza tagħha, l‑ammissibbiltà tat‑talbiet għal kumpens tiddependi minn jekk ikunx hemm deċiżjoni li tirrifjuta talba għal assistenza fil‑mument meta jkunu tressqu dawn it‑talbiet.

Ittra li permezz tagħha l‑uffiċjal ressaq quddiem l‑Awtorità tal‑Ħatra talba għal kumpens ibbażata fuq il‑fastidju psikoloġiku u n‑nuqqas ta’ osservanza tad‑dmir ta’ premura ma tistax tiġi interpretata bħala talba għal assistenza fuq il‑bażi tal‑Artikolu 24 tar‑Regolamenti tal‑Persunal. Lanqas ma jista’ jitqies bħala talba għal assistenza lment intiż għall‑kumpens tad‑dannu li jirriżulta min‑nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligu ta’ assistenza.

(ara l‑punti 47 sa 49)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, Ġabra p. 1805, punt 20; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 2008, Il‑Belġju u Il‑Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra p. II‑3859, punti 101 sa 103; It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Frankin et vs Il‑Kummissjoni, F‑91/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑25 u II‑A‑1‑83, punt 24

2.      L‑Artikolu 12a(3) tar‑Regolamenti tal‑Persunal jiddefinixxi l‑fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li teħtieġ, sabiex tkun stabbilita, li jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L‑ewwel kundizzjoni tikkonċerna l‑eżistenza ta’ aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li jkunu ta’ natura “li ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sistematika”, kundizzjoni din li timplika li l‑fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li neċessarjament jevolvi fiż‑żmien u li jeħtieġ l‑eżistenza ta’ atti repetuti jew kontinwi, u li jkunu “intenzjonali”. It‑tieni kundizzjoni, separata mill‑ewwel waħda bil‑kelma “u”, teżiġi li dan l‑aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom l‑effett li jippreġudikaw il‑personalità, id‑dinjità jew l‑integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Peress li l‑aġġettiv “intenzjonali” jikkonċerna l‑ewwel kundizzjoni, u mhux it‑tieni waħda, tista’ tinstilet konklużjoni doppja. Minn naħa, l‑aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra, imsemmija fl‑Artikolu 12a(3) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, u dan jeskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni l‑atti li jseħħu b’mod aċċidentali. Min‑naħa l‑oħra, ma huwiex meħtieġ, għall‑kuntrarju, li dan l‑aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkunu twettqu bl‑intenzjoni li tiġi ppreġudikata l‑personalità, id‑dinjità jew l‑integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis‑sens tal‑Artikolu 12a(3) tar‑Regolamenti tal‑Persunal mingħajr ma l‑persuna li tikkawża l‑fastidju kellha l‑intenzjoni, permezz tal‑atti tagħha, tiskredita lill‑vittma jew tnaqqas deliberatament il‑kwalità tal‑kundizzjonijiet tax‑xogħol tagħha. Huwa biżżejjed li dawn l‑atti, sakemm ikunu twettqu volontarjament, kellhom oġġettivament tali konsegwenzi.

(ara l‑punt 72)

Referenza: It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑409 u II‑A‑1‑2235, punt 135, li hija suġġetta għal appell quddiem il‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea, Kawża T‑80/09 P

3.      Fil‑każ li t‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku jkun annulla r‑rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal minħabba, b’mod partikolari, li l‑amministrazzjoni kienet evalwat lill‑uffiċjal kkonċernat mingħajr ma kienet stabbilietlu obbjettivi minn qabel, din l‑illegalità, minkejja li hija ta’ dispjaċir, ma tistax titqies, fiha nfisha, bħala indikazzjoni ta’ aġir ta’ fastidju psikoloġiku. Bl‑istess mod, il‑fatt li r‑rapport ta’ evalwazzjoni fih kummenti negattivi fil‑konfront tal‑uffiċjal ma jistax jitqies bħala fastidju psikoloġiku meta dawn il‑kummenti ma jaqbżux il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi minnha l‑evalwatur, u b’mod partikolari ma jammontawx għal kritika offensiva jew dannuża fil‑konfront tal‑persuna stess tal‑uffiċjal ikkonċernat.

(ara l‑punt 86)

4.      Sa fejn uffiċjal ikun ikkontesta l‑legalità tar‑rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu fit‑terminu għall‑preżentata ta’ rikors kontenzjuż u sakemm it‑talba għal kumpens tiegħu kienet ġiet ippreżentata f’terminu raġonevoli wara l‑mument li fih sar jaf b’dan ir‑rapport, huwa ammissibbli li jiġu ppreżentati, permezz ta’ att separat, talbiet intiżi għall‑kumpens tad‑dannu allegatament ikkawżat minn dan l‑att.

(ara l‑punt 96)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il‑Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, ĠabraSP p. I‑A‑239 u II‑745, punt 159; 17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑324/02, ĠabraSP p. I‑A‑337 u II‑1657, punti 92 u 96; 19 ta’ Ottubru 2006, Pessoa u Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑503/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑237 u II‑A‑2‑139, punti 58 u 59; It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, F‑125/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑43 u II‑A‑1‑231, punti 69 sa 71

5.      Evalwatur li, sabiex jevalwa uffiċjal, ma jiħux inkunsiderazzjoni l‑fatt li ebda obbjettiv ma jkun ġie stabbilit minn qabel għal dan l‑uffiċjal u għall‑perijodu ta’ evalwazzjoni, iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u jonqos milli josserva d‑dmir ta’ premura.

(ara l‑punt 95)

Referenza: It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il‑Parlament, F‑71/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑429 u II‑A‑1‑2319

6.      Ir‑regola li l‑annullament ta’ att tal‑amministrazzjoni kkontestat minn uffiċjal jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali mġarrab għandha ċerti eċċezzjonijiet. B’hekk, l‑annullament ta’ att illegali tal‑amministrazzjoni ma jistax jikkostitwixxi kumpens komplet għad‑dannu morali mġarrab jekk dan l‑att jinvolvi evalwazzjoni espliċitament negattiva tal‑kapaċitajiet tar‑rikorrent li tista’ tikkawżalu ħsara, jekk l‑illegalità mwettqa tkun partikolarment gravi jew jekk l‑annullament tal‑att ma jkollu ebda effettività.

(ara l‑punti 101 sa 103, 105 u 107)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punti 25 sa 29; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 1995, Pierrot vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑60/94, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑77, punt 62; 23 ta’ Marzu 2000, Rudolf vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punti 98; 21 ta’ Jannar 2004, Robinson vs Il‑Parlament, T‑328/01, ĠabraSP p. I‑A‑5 u II‑23, punt 79; 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑16/03, ĠabraSP p. I‑A‑261 u II‑1163, punt 68; 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punti 205 u 206; It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, F‑42/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑437 u II‑A‑1‑2499, punt 44; 22 ta’ Ottubru 2008, Tzigani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑323 u II‑A‑1‑1773, punt 223; 5 ta’ Mejju 2009, Simões Dos Santos vs UASI, F‑27/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑113 u II‑A‑1‑613, punti 142 u 143, li hija suġġetta għal appell quddiem il‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea, Kawża T‑260/09 P; 7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F‑99/07 u F‑45/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑233 u II‑A‑1‑1267, punt 106