Language of document : ECLI:EU:C:2017:132

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fis-16 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C‑75/16

Livio Menini

Maria Antonia Rampanelli

vs

Banco Popolare– Società Cooperativa

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Ordinario di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona, l-Italja))

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Oppożizzjoni għal digriet ta’ ordni ta’ ħlas – Direttiva 2008/52/KE – Medjazzjoni f’materja ċivili u kummerċjali – Artikolu 1(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Direttiva 2013/11/UE – Soluzzjoni alternattiva tat-tilwim tal-konsumatur – Artikolu 1 – Obbligu għall-konsumatur li jibda proċedura ta’ medjazzjoni qabel ma jressaq kawża quddiem organu ġudizzjarju – Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 8(b) – Assistenza obbligatorja minn avukat – Artikolu 9(2)(a) – Sanzjonijiet marbutin mal-irtirar mill-proċedura ta’ medjazzjoni”







I –    Introduzzjoni

1.        It-Tribunale Ordinario di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona, l-Italja) hija adita bl-oppożizzjoni, magħmula minn żewġ konsumaturi, għal digriet ta’ ordni ta’ ħlas miksuba kontra tagħhom minn stabbiliment ta’ kreditu.

2.        Skont il-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (2), l-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni hija suġġetta għall-fatt li qabel, fuq l-inizjattiva tal-kontendenti, tinbeda proċedura ta’ medjazzjoni. Din il-qorti tikkonstata, ukoll, li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi (3). Issa, hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja, għalkemm konformi mad-Direttiva 2008/52, ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/11.

3.        F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, dwar id-demarkazzjoni tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Hija tistaqsi, fit-tieni lok, dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/11 jipprekludux li l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, ippreżentata minn konsumatur kontra negozjant u li tirrigwarda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, tkun suġġetta għall-bidu minn qabel ta’ proċedura ta’ medjazzjoni min-naħa tal-konsumatur. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-modalitajiet tal-proċedura ta’ medjazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana, inkwantu jobbligaw lill-konsumatur li jqabbad avukat jassistih u jippenalizzawh b’sanzjonijiet f’każ ta’ rtirar mingħajr raġuni valida minn din il-proċedura, humiex konformi mad-Direttiva 2013/11.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2008/52

4.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/52 jipprovdi li din “għandha tapplika, f’disputi transkonfinali, għal materji ċivili u kummerċjali ħlief fir-rigward ta’ tali drittijiet u obbligi li mhumiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet taħt il-liġi applikabbli rilevanti”.

5.        L-Artikolu 3(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“medjazzjoni” bħala “proċess strutturat, irrispettivament minn kif inhu msemmi jew minn kif issir referenza għalih, li permezz tiegħu żewġ partijiet jew aktar f’disputa jippruvaw, bejniethom fuq bażi volontarja jilħqu ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tad-disputa tagħhom bl-assistenza ta’ medjatur. Dan il-proċess jista’ jinbeda mill-partijiet jew jiġi suġġerit jew ordnat minn qorti jew ikun preskritt mil-liġi ta’ Stat Membru”.

6.        Skont l-Artikolu 5(2) tad-direttiva msemmija, din “hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tagħmel l-użu tal-medjazzjoni obbligatorja jew suġġetta għal inċentivi jew sanzjonijiet, kemm jekk qabel kif ukoll jekk wara li jkunu bdew proċedimenti ġudizzjarji, sakemm tali liġi ma timpedixxix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja”.

2.      Id-Direttiva 2013/11

7.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11 jipprovdi li “[]l-fini ta’ din id-Direttiva huwa li, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur, tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu, fuq bażi volontarja, jippreżentaw ilmenti kontra negozjanti lil entitajiet li joffru proċeduri indipendenti, imparzjali, trasparenti, effettivi, rapidi u ġusti, ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim [iktar ‘il quddiem “ADR”]. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-leġizlazzjoni nazzjonali li tagħmel il-parteċipazzjoni f’tali miżuri mandatorja, bil-kondizzjoni li tali leġizlazzjoni ma tostakolax lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja”.

8.        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal proċeduri għas-soluzzjoni barra mill-qrati ta’ tilwim li jikkonċerna obbligi kuntrattwali domestiċi u transkonfinali li jirriżultaw minn kuntratti ta’ bejgħ jew kuntratti ta’ servizz bejn negozjant stabbilit fl-Unjoni u konsumatur residenti fl-Unjoni permezz tal-intervent ta’ entità tal-ADR li tipproponi jew timponi soluzzjoni jew tlaqqa’ lill-partijiet flimkien bl-għan li tiffaċilita soluzzjoni bonarja.

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

[…]

g)      proċeduri mibdija minn negozjant kontra konsumatur;

[…]”

9.        L-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1. Ħlief fejn previst mod ieħor f’din id-Direttiva, jekk kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun f’konflitt ma’ dispożizzjoni mniżżla f’att legali ieħor tal-Unjoni u fir-rigward ta’ proċeduri ta’ rimedju barra l-qorti mibdija minn konsumatur kontra negozjant, id-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tingħata preċedenza.

2.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/52/KE”.

10.      L-Artikolu 4(1)(g) tad-Direttiva 2013/11 jiddefinixxi l-“proċedura tal-ADR” bħala “proċedura, skont l-Artikolu 2 li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u li titwettaq minn entità tal-ADR”. L-“entità tal-ADR” tfisser skont l-Artikolu 4(1)(h) ta’ din id-direttiva, “kwalunkwe entità, irrispettivament minn kif inhi msemmija jew minn kif issir referenza għaliha, li hija stabbilita fuq bażi li tibqa’ fit-tul u toffri s-soluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ proċedura tal-ADR u li hi elenkata f’konformità mal-Artikolu 20(2)”.

11.      Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, “[l]-Istati Membri […] għandhom jiżguraw li t-tilwim kopert minn din id-Direttiva u li jinvolvi negozjant stabbilit fit-territorji rispettivi tagħhom jista’ jitressaq quddiem entità tal-ADR li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva”.

12.      L-Artikolu 8(b) ta’ din l-istess direttiva jorbot lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-partijiet ikollhom aċċess għall-proċeduri ta’ ADR “mingħajr ma jkunu obbligati jżommu avukat jew konsulent legali”.

13.      Skont l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11, “[f]il-proċeduri tal-ADR li għandhom l-għan li jsolvu t-tilwim billi jipproponu soluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li[…] il-partijiet għandhom il-possibbiltà li jirtiraw mill-proċedura fi kwalunkwe stadju jekk ma jkunux sodisfatti bil-prestazzjoni [bl-iżvolġiment] jew bl-operat tal-proċedura. Huma għandhom jiġu infurmati dwar dan id-dritt qabel ma tibda l-proċedura. Meta r-regoli nazzjonali jipprevedu l-parteċipazzjoni obbligatorja tan-negozjant fil-proċeduri tal-ADR, dan il-punt għandu japplika biss għall-konsumatur”

14.      Skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva:

“ 1. Kull awtorità kompetenti għandha tivvaluta, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun irċeviet f’konformità mal-Artikolu 19(1), jekk l-entitajiet tas-soluzzjoni għat-tilwim innotifikati lilha jikkwalifikawx bħala entitajiet tal-ADR li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu II u fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentawha, inkluż dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

15.      2.      Kull awtorità kompetenti għandha, fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, telenka l-entitajiet tal-ADR kollha li jkunu ġew innotifikati lilha u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

[…]”

B –    Id-dritt Taljan

1.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010

16.      L-Artikolu 5 tad-Decreto legislativo 4 marzo 2010, n. 28, recante attuazione dell’articulo 60 della legge 18 giugno 2009, n. 69, in materia di mediazione finalizzata [Digriet Leġiżlattiv tal-4 ta’ Marzu 2010, Nru 28, adottat għall-implementazzjoni tal-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 69, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar il-medjazzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim ċivili u kummerċjali (iktar 'il quddiem id-“digriet leġiżlattiv” (iktar 'il quddeim id-“digriet leġiżlattiv Nru 28/2010”)] (4), li jittrasponi d-Direttiva 2008/52, jipprovdi li:

“1a.      Min ikun irid jibda azzjoni ġudizzjarja dwar tilwima f’materja ta’ komproprjetà, ta’ drittijiet reali, ta’ qsim, ta’ suċċessjoni, ta’ pattijiet familjari, ta’ kiri, ta’ kommodat, ta’ kiri ta’ impriżi, ta’ azzjoni għad-danni wara att mediku jew sanitarju jew għal malafama bil-mezz tal-istampa jew bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni ieħor, ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratti bankarji u finanzjarji, huwa obbligat, bl-assistenza tal-avukat tiegħu, li jibda l-proċedura ta’ medjazzjoni minn qabel prevista minn dan id-digriet, jew il-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista mid-digriet leġiżlattiv tat-8 ta’ Ottubru 2007 Nru 179, jew il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 128a tat-test uniku tal-liġijiet fil-qasam bankarju u ta’ kreditu li jinsab fid-digriet leġiżlattiv tal-1 ta’ Settembru 1993 Nru 385 kif emendat ulterjorment, għall-oqsma li huma rregolati fih. Il-ftuħ tal-proċedura ta’ medjazzjoni hija rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja. […]

2a. Meta l-ftuħ tal-proċedura ta’ medjazzjoni huwa rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja, dan ir-rekwiżit jitqies li jkun sodisfatt [jekk l-]ewwel laqgħa quddiem il-medjatur tingħalaq mingħajr ftehim.

[…]

4.      Il-paragrafi 1a u 2 ma għandhomx japplikaw:

1)      fil-proċeduri ta’ għoti ta’ ordni, inkluża l-oppożizzjoni, sal-istadju tad-deċiżjoni fuq it-talbiet għall-għoti u sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja […]”

17.      Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan id-digriet, “[w]aqt l-ewwel laqgħa u l-laqgħat sussegwenti [tal-partijiet quddiem il-medjatur], u sa tmiem il-proċedura, il-partijiet għandhom jipparteċipaw bl-assistenza ta’ avukat”. Il-paragrafu 4a ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li “[f’]każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni mingħajr raġuni valida fil-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti tista’ tislet minn dan argumenti ta’ prova fil-kuntest tas-sentenza sussegwenti skont l-Artikolu 116(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Il-qorti tikkundanna lill-parti li, fil-każijiet previsti mill-Artikolu 5, ma tipparteċipax fil-proċedura mingħajr raġuni valida, sabiex tħallas lit-Teżor Pubbliku somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta għall-proċeduri”.

2.      Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015

18.      Id-Decreto legislativo 6 agosto 2015, n. 130, recante attuazione della direttiva 2013/11/UE sulla risoluzione alternativa delle controversie dei consumatori [Digriet Leġiżlattiv, tas-6 ta’ Awwissu 2015, Nru 130, li jittrasponi d-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim tal-konsumatur (iktar 'il quddiem id-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015”)] (5), żied ċerti dispożizzjonijiet għad-Decreto legislativo 6 settembre 2005, n. 206, “Codice del consumo” [Digriet Leġiżlattiv, tas-6 ta’ Settembru 2005, Nru 206 li jistabbilixxi l-kodiċi tal-konsumatur (iktar 'il quddiem id-“Digriet Leġilattiv Nru 206/2005)] (6). L-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015 żied, b’mod partikolari, mad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2005 l-Artikolu 141, li l-paragrafi 4 u 6 tiegħu jipprovdu li:

“4. Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan it-titolu japplikaw għall-proċeduri volontarji għas-soluzzjoni ta’ natura extraġudizzjarja, inkluż bil-mezz telematiku, tat-tilwim nazzjonali u transkonfinali bejn konsumaturi u negozjanti residenti u stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, li fil-kuntest tagħhom l-organu tal-ADR jipproponu soluzzjoni jew ilaqqa’ lill-partijiet sabiex jiffaċilita ftehim bonarju u, b’mod partikolari, għall-organi ta’ medjazzjoni għas-soluzzjoni ta’ kawżi fil-qasam tal-konsumaturi msemmija fit-taqsima speċjali prevista fl-Artikolu 16(2) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv tal-4 ta’ Marzu 2010, Nru 28, u għall-organi l-oħra tal-ADR stabbiliti jew imsemmija fil-listi miżmuma u kkontrollati mill-awtoritajiet l-oħra msemmija fil-paragrafu 1(i), wara verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet u tal-konformità tal-organizzazzjoni tagħhom u tal-proċeduri tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu.

[…]”

“6. Dan it-test huwa mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet segwenti li jipprevedu n-natura mandatorja tal-proċeduri ta’ soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim:

a)      Artikolu 5(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv tal-4 ta’ Marzu 2010, Nru 28, […]”

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Fil-15 ta’ Ġunju 2015, Banco Popolare – Società Cooperativa kiseb, ġudizzjarjament, ordni għall-ħlas kontra Livio Menini u Maria Antonia Rampanelli għall-ammont ta’ EUR 991 848.21. Dan l-ammont jikkorrispondi għall-bilanċ li baqa’ dovut skont kuntratt ta’ ftuħ ta’ kreditu ipotekarju f’kont kurrenti konkluż bejn dawn tal-aħħar u Banco Popolare. Quddiem it-Tribunale Ordinario di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona), L. Menini u M. Rampanelli opponew għall-ordni ta’ ħlas u talbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja relatata miegħu.

20.      Insostenn tal-oppożizzjoni tagħhom, dawn tal-aħħar sostnew li Banco Popolare, minkejja d-dħul modest tagħhom, ikkonċedilhom krediti ripetutament taħt diversi kuntratti suċċessivi. Dawn il-krediti kienu intiżi li jippermettilhom jakkwistaw kwantità eżorbitanti ta’ azzjonijiet, il-parti l-kbira tagħhom tal-Banco Popolare stess jew ta’ kumpanniji oħra tal-istess grupp. Il-Banco Popolare allegatament ippreżenta, barra minn hekk, dawn l-investimenti bħala li kienu siguri.

21.      Il-qorti tar-rinviju jidhrilha li t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja għandha tiġi miċħuda. Wara li din il-qorti tat din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, il-partijiet opponenti għandhom, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-oppożizzjoni, jibdew proċedura ta’ medjazzjoni skont l-Artikolu 5(1a) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, li jittrasponi d-Direttiva 2008/52 fid-dritt Taljan.

22.      Din il-qorti tikkonstata li t-tilwima taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015, li jiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt Taljan tad-Direttiva 2013/11. Fil-fatt, il-partijiet opponenti jikklassifikaw bħala “konsumaturi” fis-sens tal-Artikolu 4(a) ta’ din id-direttiva, li kkonkludew ma “negozjant”, kif iddefinit fl-Artikolu 4(b) tal-imsemmija direttiva, “kuntratt ta’ servizz”, fis-sens tal-Artikolu 4(d) tal-istess direttiva.

23.      L-imsemmija qorti ssostni, essenzjalment, li d-Direttiva 2013/11 tipprekludi t-twaqqif ta’ sistema ta’ medjazzjoni mandatorja għat-tilwim tal-konsumaturi – li madankollu jippermetti l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52 –, kif inhi prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010.

24.      Fl-ewwel lok, il-premessa 16 tad-Direttiva 2013/11 timponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ADR unifikata għat-tilwim kollu tal-konsumaturi. Għaldaqstant, tipprekludi li ċerti tilwim tal-konsumaturi jkun suġġett għal sistema ta’ medjazzjoni mandatorja, filwaqt li l-użu tal-medjazzjoni huwa bbażat fuq bażi volontarja għat-tilwim l-ieħor tal-konsumaturi. Issa, l-Artikolu 5(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 jipprevedi sistema ta’ medjazzjoni mandatorja għal dawk biss mit-tilwim tal-konsumaturi li jirrigwardaw kuntratti bankarji u finanzjarji jew li jirrigwardaw kuntratti ta’ assigurazzjoni.

25.      Fit-tieni lok, id-Direttiva 2013/11, għalkemm tippermetti li n-negozjant ikun obbligat jipparteċipa fi proċedura ta’ medjazzjoni, tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jitfgħu dan l-obbligu fuq il-konsumatur.

26.      Għaldaqstant, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52 jikser is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2013/11. Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li ssolvi dan l-allegat kunflitt billi tinterpreta l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/11 b’mod li tevita kwalunkwe sovrappożizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi. Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/52 tirregola biss it-tilwim li għalih id-Direttiva 2013/11 ma tapplikax, jiġifieri t-tilwim li ma jikkonċernax lill-konsumaturi, dawk li jirrigwardaw l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti li ma humiex kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi, kif ukoll it-tilwim eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 2(2) tagħha (bħalma huma l-proċeduri mibdija minn negozjant).

27.      Din il-qorti tenfasizza, barra minn hekk, li l-Artikolu 5(1a) u l-Artikolu 8(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 jipprevedu l-assistenza mandatorja tal-konsumatur minn avukat matul il-proċedura ta’ medjazzjoni. Issa, l-Artikolu 8(b) tad-Direttiva 2013/11 jipprekludi dan.

28.      L-imsemmija qorti għandha wkoll dubji dwar il-konformità mal-Artikolu 9(2)(a) ta’ din id-direttiva tal-Artikolu 8(4a) ta’ dan id-digriet, sa fejn dan ma jippermettix lill-konsumatur li jirtira mill-proċedura ta’ medjazzjoni mingħajr ma jsofri konsegwenzi negattivi fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja sussegwenti ħlief jekk ma jkollux raġuni valida. Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “raġuni valida” jirreferi għal raġunijiet oġġettivi u ma jkoprix il-fatt li l-konsumatur ma jkunx sodisfatt mill-proċedura ta’ medjazzjoni.

29.      F’dan il-kuntest, it-Tribunale Ordinario di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“ 1)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/11/UE, sa fejn jipprevedi li din id-direttiva għandha tapplika “mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/52/KE”, għandu jinftiehem li jfisser li huwa mingħajr preġudizzjoni għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jipprevedu l-medjazzjoni obbligatorja għall-każijiet biss li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11/UE, jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2013/11/UE, it-tilwim kuntrattwali li jirriżulta minn kuntratti li ma humiex kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ servizzi, kif ukoll dawk li ma jikkonċernawx lill-konsumaturi?

2)      L-Artikolu 1 […] tad-Direttiva 2013/11/UE, sa fejn jiggarantixxi lill-konsumaturi l-possibbiltà li jippreżentaw ilment kontra negozjanti quddiem entitajiet li joffru proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim stabbiliti għal dan il-għan, għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li din ir-regola tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu tal-medjazzjoni, f’waħda mit-tilwimiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/11/UE, bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja mibdija mill-parti li għandha l-kwalità ta’ konsumatur u, fi kwalunkwe każ, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assistenza obbligatorja ta’ avukat u li l-ispejjeż li jirriżultaw minnha għandhom jiġu mġarrba mill-konsumatur li jieħu parti fil-medjazzjoni f’waħda mit-tilwimiet imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-medjazzjoni meta jkun hemm raġuni ġġustifikata biss?”

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-gvern Ġermaniż u dak Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-gvern Taljan u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016.

IV – Analiżi

A –    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, l-intervenjenti ressqu żewġ argumenti li jistgħu jikkontestaw l-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/11 għat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll, għaldaqstant, ir-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għalihom.

32.      Fl-ewwel lok, il-gvern Taljan allega, waqt is-seduta, li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija estensjoni ta’ proċedura għall-ordni ta’ ħlas ippreżentata minn negozjant kontra xi konsumaturi. Konsegwentement, din il-kwistjoni hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11 prevista fl-Artikolu 2(2)(g) tagħha.

33.      Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni rrimarkaw li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tindikax jekk il-proċedura ta’ medjazzjoni stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 tikkostitwixxix fil-fatt “proċedura ta’ ADR”, li tiżvolġi quddiem “entità tal-ADR”, kif tali kunċetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4(1)(g) u (h) tad-Direttiva 2013/11. Matul is-seduta, il-Gvern Taljan sostna li dan ma huwiex il-każ. Issa, fin-nuqqas ta’ risposta għal dawn id-definizzjonijiet, il-proċedura ta’ medjazzjoni prevista minn dan id-digriet ma taqax, skont l-intervenjenti, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinita fl-Artikolu 2(1) tagħha.

34.      Jien ser nirrispondi għal dawn iż-żewġ argumenti wieħed wieħed, filwaqt li nieħu inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni ta’ rilevanza li għandhom id-domandi preliminari.

35.      F’dan ir-rigward, infakkar li din il-preżunzjoni tista’ tiġi eskluża eċċezzjonalment meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta d-domanda tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (7). Għaldaqstant, l-imsemmija preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata, b’mod partikolari, jekk id-domandi ma jkunux manifestament rilevanti sabiex tiġi deċiża din il-kawża (8). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi għal domanda preliminari meta jkun manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiġi applikata (9).

1.      Dwar il-portata tal-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11 ipprevista fl-Artikolu 2(2)(g) ta’ din id-direttiva

36.      Skont l-Artikolu 2(2)(g) tad-Direttiva 2013/11, din ma tapplikax għal “proċeduri mibdija minn negozjant kontra konsumatur”. Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija ma għandhiex tapplika “għal ilmenti mressqa minn negozjanti kontra konsumaturi”.

37.      Din l-esklużjoni tirrifletti l-għan tal-imsemmija direttiva, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, jikkonsisti fil-kontribuzzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur billi tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu, fl-Unjoni kollha, jaċċedu għal proċeduri ta’ ADR li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ kwalità għall-finijiet li jressqu lmenti kontra n-negozjanti. Id-Direttiva 2013/11 ma hijiex intiża, min-naħa l-oħra, li tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dawn il-proċeduri lin-negozjanti sabiex iressqu lmenti kontra l-konsumaturi.

38.      Fil-fehma tiegħi, l-imsemmija esklużjoni timplika wkoll li, fil-każ fejn in-negozjant iressaq ilment kontra l-konsumatur u jirbaħ fil-qrati, din id-direttiva ma tirrikjedix li l-konsumatur li jkun jixtieq jikkontesta din id-deċiżjoni jkun jista’, flok jappella minn dik id-deċiżjoni jew jikkontestaha, jappella l-imsemmija sentenza quddiem entità tal-ADR.

39.      Konsegwentement, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(g) tad-Direttiva 2013/11 tkopri, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur jikkontesta ordni ta’ ħlas mogħtija kontrih fuq talba ta’ negozjant.

40.      Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti fil-każ fejn il-konsumatur, fl-istadju tal-oppożizzjoni għal din l-ordni, iressaq pretensjoni awtonoma kontra n-negozjant li tista’ tkun is-suġġett, bħala tali, ta’ azzjoni ġudizzjarja distinta. B’mod partikolari, meta l-konsumatur iqajjem, fil-kuntest tal-oppożizzjoni, l-invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti klawżoli tiegħu, it-talba intiża sabiex tiġi kkonstatata din il-invalidità (kif ukoll eventwalment sabiex jinkiseb rimedju minħabba dan il-fatt) tikkostitwixxi, apparti motiv ta’ difiża mressaq fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, pretensjoni awtonoma tal-konsumatur kontra n-negozjant (10). Id-Direttiva 2013/11 teżiġi, fil-fehma tiegħi, li l-konsumatur ikun jista’ jressaq din il-pretensjoni quddiem entità tal-ADR (11). Għaldaqstant, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(g) ta’ din id-direttiva ma tidħolx fix-xena għal dak li jikkonċerna tali pretensjoni.

41.      Il-punt dwar jekk il-konsumatur li jressaq oppożizzjoni kontra sentenza jqajjimx, f’dan il-kuntest, pretensjoni awtonoma kontra n-negozjant li setgħat tkun is-suġġett, bħala tali, ta’ azzjoni ġudizzjarja, taqa’ fid-dritt intern ta’ kull Stat Membru. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali.

42.      F’dan il-każ, il-kuntest fattwali deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju u riprodott fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet jissuġġerixxi li L. Menini u M. Rampanelli allegaw, insostenn tal-oppożizzjoni, li Banco Popolare kiser id-dritt applikabbli billi tahom il-krediti kontenzjużi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali allegazzjoni tikkostitwixxix jew le lment awtonomu tal-konsumaturi kontra n-negozjant.

43.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, għalkemm l-imsemmija tilwima hija estensjoni ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas ippreżentata minn negozjant kontra xi konsumaturi, ma huwiex manifest li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/11 li tagħhom intalbet l-interpretazzjoni ma japplikawx għat-tilwima fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, li d-domandi preliminari ma humiex rilevanti sabiex tissolva din it-tilwima.

2.      Fuq il-kwalità ta’ “entità tal-ADR” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tad-Direttiva 2013/11 u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha

44.      L-Artikolu 4(1)(g) tad-Direttiva 2013/11 jiddefinixxi l-“proċedura tal-ADR” bħala proċedura li titwettaq minn “entità tal-ADR”. L-“entità tal-ADR” hija min-naħa tagħha ddefinita, fl-Artikolu 4(1)(h) ta’ din id-direttiva, b’riferiment għal-lista stabbilita b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tagħha. Din il-lista, li għandha ssir mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u mibgħuta lill-Kummissjoni, telenka l-entitajiet kollha li ġew notifikati lilhom u li jissodisfaw, wara verifika skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ir-rekwiżiti ta’ kwalità preskritti mill-imsemmija direttiva u mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu lil din id-direttiva (12).

45.      Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/11, din tapplika biss għall-proċeduri “permezz tal-intervent ta’ entità tal-ADR”. Il-premessa 37 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li r-rekwiżiti ta’ kwalità li hija tippreskrivi huma intiżi li japplikaw għall-“proċeduri tal-ADR kollha mwettqin minn entità tal-ADR li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni”. Fi kliem ieħor, l-imsemmija direttiva tirregola biss il-proċeduri li jiġu adottati minn entità tal-ADR kif iddefinita fl-Artikolu 4(h) ta’ din id-direttiva.

46.      Din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2013/11, iktar milli jistabbilixxi definizzjoni formali tagħha, issib spjegazzjoni fid-dawl tal-istruttura ġenerali tas-sistema li hija tistabbilixxi.

47.      Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(1)(h) tal-istess direttiva, jobbliga lil kull Stat Membru sabiex jiggarantixxi, għal kull tilwima li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u li tinvolvi negozjant stabbilit fit-territorju tiegħu, l-aċċess tal-konsumaturi għal (tal-inqas) entità extraġudizzjarja li jkollha l-kwalitajiet mitluba mill-istess direttiva u mniżżla fuq il-lista nazzjonali stabbilita skont l-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva.

48.      Sakemm huma josservaw dan l-obbligu, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jindikaw entitajiet extraġudizzjarji oħra li ma jkollhomx neċessarjament dawn il-kwalitajiet u li, għaldaqstant, ma jkunux jinsabu fuq din il-lista. Id-Direttiva 2013/11 ma tarmonizzax il-proċeduri alternattivi nazzjonali kollha; hija intiża li tiżgura biss li kull Stat Membru jipprovdi tal-inqas proċedura tal-ADR li tissodisfa r-rekwiżiti li hija tistabbilixxi.

49.      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ rinviju ma tippreċiżax jekk il-proċedura ta’ medjazzjoni prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 sseħħx quddiem “entità tal-ADR” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tad-Direttiva 2013/11, jiġifieri entità mniżżla fuq il-lista magħmula mill-awtoritajiet Taljani konformement mal-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva. Hija lanqas ma tindika jekk il-konsumaturi għandhomx il-possibbiltà li jressqu tilwima ta’ konsumatur msemmija fl-Artikolu 5(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 quddiem entitajiet oħra li jkunu jinsabu, jekk ikun il-każ, fuq din il-lista (13). Waqt is-seduta, il-gvern Taljan sostna li l-organu ta’ medjazzjoni kompetenti fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 ma huwiex imsemmi fuq l-imsemmija lista.

50.      Jekk wieħed jippreżumi li tali reġistrazzjoni fuq il-lista hija nieqsa – din għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju –, inqis li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u kif isostnu l-intervenjenti, din il-proċedura ta’ medjazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11 (14).

51.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet, madankollu, ma jikkontestawx il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fid-dawl tal-inċertezza rilevata fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-inapplikabbiltà għat-tilwima fil-kawża prinċipali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/11 li tagħhom qiegħda tintalab l-interpretazzjoni, u għaldaqstant, l-assenza ta’ rilevanza tad-domandi preliminari sabiex tkun solvuta din it-tilwima, ma tidhirx li hija manifesta.

52.      Fi kwalunkwe każ, għalkemm il-proċedura ta’ medjazzjoni prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, dan il-fatt ma jwassalx sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni peress li għaldaqstant ikun irid jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur Taljan estenda, permezz tad-dritt intern tiegħu, is-sistema prevista mill-imsemmija direttiva għal din il-proċedura.

53.      Infakkar f’dan ir-rigward li, meta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jrendi applikabbli, b’mod dirett u mhux kundizzjonali, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, bil-għan li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ruħha li għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta dawk id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 267 TFUE. Dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-interess li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (15).

54.      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ rinviju tipprovdi indikazzjonijiet biżżejjed preċiżi ta’ dan ir-riferiment għad-dritt tal-Unjoni (16). Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2013/11 tinkludi espressament il-proċedura ta’ medjazzjoni prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (17). B’dan il-mod, anki jekk wieħed jippreżumi li din il-proċedura tinvolvi organu li ma jinsabx imniżżel fil-lista skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2013/11, il-leġiżlatur Taljan kellu, tal-inqas, l-intenzjoni li jirregola l-imsemmija proċedura, bl-istess mod bħall-proċeduri li jseħħu quddiem entitajiet tal-ADR debitament irreġistrati fil-lista, u dan permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva.

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B –    Fuq ir-rabta bejn id-Direttiva 2008/52 u d-Direttiva 2013/11

56.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/11, li skontu din id-direttiva tapplika “mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/52/KE”. Din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-kampi ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn id-direttivi jiġux sovrapposti fuq xulxin jew jekk, għall-kuntrarju, id-Direttiva 2008/52 tirregola biss it-tilwim li għalihom id-Direttiva 2013/11 ma tapplikax.

57.      Ftit li xejn hemm dubju, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/11 jippermetti ċerta sovrappożizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ din id-direttiva u tad-Direttiva 2008/52. F’dan ir-rigward, il-premessa 19, in fine, tad-Direttiva 2013/11 tippreċiża li din “hi intiża biex tapplika orizzontalment għat-tipi kollha ta’ proċeduri tal-ADR, inkluż għal proċeduri tal-ADR koperti bid-Direttiva 2008/52/KE”. Kif enfasizza l-gvern Taljan, dawn iż-żewġ direttivi jistgħu jirregolaw l-istess tilwima b’mod konkomitanti sa fejn, għalkemm id-Direttiva 2008/52 diġà tikkontempla l-proċeduri ta’ medjazzjoni, id-Direttiva 2013/11 tarmonizza b’mod iktar dettaljat il-proċeduri kollha tal-ADR. Hija tirregola għaldaqstant diversi aspetti ta’ dawn il-proċeduri li ma humiex ittrattati fid-Direttiva 2008/52 (18).

58.      Dan premess, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-ewwel domanda tistrieħ fuq il-premessa li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija t-teatru ta’ kunflitt bejn dawn iż-żewġ direttivi. Anki jekk wieħed jippreżumi li din il-premessa hija vera, ikun meħtieġ, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li hija tiġi ċċarata wkoll fir-rigward tar-regoli li japplikaw fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/52 u dawk tad-Direttiva 2013/11 ikunu kunfliġġenti.

59.      Għandi dubju, madankollu, fuq l-eżattezza tal-imsemmija premessa. Kif innutat il-Kummissjoni, tali kunflitt jista’ jseħħ biss jekk tilwima tkun taqa’, simultanjament, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi u li, iktar minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-istess direttivi jkunu effettivament inkompatibbli. Issa, ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma hija ssodisfatta f’dan il-każ.

60.      Fl-ewwel lok, il-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52, li, konformement mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, tkopri biss it-tilwim transkonfinali (19). Dawn jinkludu, fis-sustanza, skont l-Arikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, kull tilwima li fiha almenu waħda mill-partijiet tkun iddomiċiljata jew residenti abitwali fi Stati Membri differenti. Peress li l-partijiet opponenti huma ddomiċiljati fl-Italja u li Banco Popolare huwa stabbilit hemmhekk ukoll, it-tilwima fi kawża prinċipali ma tissodisfax din id-definizzjoni.

61.      Ċertament, kif tindika l-premessa 8 tad-Direttiva 2008/52, xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli japplikaw id-dispożizzjonijiet għall-proċessi ta’ medjazzjoni interni. Il-leġiżlatur Taljan uża din il-fakultà billi estenda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 għat-tilwim nazzjonali. Din il-premessa ma tistax, madankollu, ikollha l-effett li twessa’, b’kuntrast mal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva għal dawn it-tilwim. Kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-imsemmija premessa hija limitata biex tikkonstata l-fakultà li għandhom l-Istati Membri li japplikaw, skont id-dritt intern tagħhom, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (20).

62.      Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, jien ma naqbilx mal-analiżi tal-qorti tar-rinviju fejn tgħid li l-Artikolu 3(a) u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52, sa fejn jippermettu lill-Istati Membri li jimponu l-użu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni qabel il-ftuħ ta’ azzjoni ġudizzjarja, huma inkonċiljabbli mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2013/11. Peress li din il-problema hija s-suġġett tal-ewwel parti tat-tieni domanda, ser nelabora r-raġunament tiegħi iktar ’il quddiem (21).

63.      Peress li l-kawża prinċipali ma tinvolvi għaldaqstant ebda kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/52 u dawk tad-Direttiva 2013/11, ma hemmx lok li jiġi stabbilit liema minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jipprevalu.

64.      Għall-fini ta’ kompletezza, inżid madankollu li, anki jekk wieħed jippreżumi li jeżisti tali kunflitt, id-Direttiva 2008/52 għandha tipprevali. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/11 jagħti lil din tal-aħħar il-preċedenza fuq l-atti l-oħra tal-Unjoni li jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ rimedju alternattivi imressqa minn konsumatur kontra negozjant, “[ħ]lief fejn previst mod ieħor f’din id-Direttiva”. L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tal-istess direttiva, jikkostitwixxi tali deroga espressa inkwantu jipprovdi li l-imsemmija direttiva “għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/52/KE”. Din il-premessa, apparti li tafferma l-prevalenza ta’ din id-direttiva fuq id-Direttiva 2013/11, tindika li dan hu hekk peress li d-Direttiva 2008/52 diġà tistabbilixxi qafas applikabbli speċifikament għas-sistemi ta’ medjazzjoni għat-tilwim transkonfinali.

C –    Fuq il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2013/11 ta’ obbligu li tinbeda proċedura ta’ medjazzjoni

65.      Skont l-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11 jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 5(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja mibdija minn konsumatur kontra negozjant u li tirrigwarda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, għall-ftuħ minn qabel ta’ proċedura ta’ medjazzjoni fuq l-inizjattiva tal-konsumatur.

1.      Fuq l-assenza ta’ projbizzjoni fil-prinċipju li jkun previst obbligu li tinbeda proċedura ta’ medjazzjoni min-naħa tal-konsumatur

66.      It-Tribunale Ordinario di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona) għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 5(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11 għal żewġ raġunijiet separati.

67.      Min-naħa waħda, din il-qorti tistaqsi jekk din id-direttiva timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu sistema waħda u uniformi ta’ ADR għat‑tilwim kollu tal-konsumaturi. Issa, l-imsemmi Artikolu 5(1)(a) ikollu l-effett li jifframmenta s-sistemi ta’ ADR applikabbli għal dan it-tilwim sa fejn jipprovdi sistema ta’ medjazzjoni mandatorja għal ċertu tilwim tal-konsumaturi (jiġifieri, skont l-imsemmija qorti, dawk li jirrigwardaw il-kuntratti bankarji u finanzjarji jew kuntratti ta’ assigurazzjoni), mentri t-tilwim l-ieħor tal-konsumaturi huma suġġetti biss għal sistema ta’ medjazzjoni volontarja (22).

68.      La l-formulazzjoni u lanqas l-għan tad-Direttiva 2013/11 ma jeżiġu tali rekwiżit (23). Kif fakkart fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-direttiva għandha l-għan, essenzjalment, li tiżgura lill-konsumatur aċċess, fl-Unjoni kollha, għal proċeduri ta’ ADR li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ kwalità armonizzati sabiex iressqu lmenti kontra n-negozjant. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu “indipendenti, imparzjali, trasparenti, effettivi, rapidi u ġusti”. L-imsemmija direttiva bl-ebda mod ma hija intiża, lil hinn minn dan l-għan, li tiggarantixxi l-uniċità jew l-uniformità tal-modalitajiet ta’ dawn il-proċeduri fi ħdan l-istess Membru għat-tilwim kollu tal-konsumaturi. Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll min-natura minima tal-armonizzazzjoni li tagħmel l-istess direttiva, u dan joħroġ mill-Artikolu 2(3) tal-istess direttiva.

69.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk huwiex biss in-negozjant, jew ukoll il-konsumatur, li jista’ jkun obbligat jipparteċipa fi proċedura ta’ medjazzjoni sabiex isolvi t-tilwima li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11 (24).

70.      F’dan ir-rigward, kif irrilevat dik il-qorti, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva fih, tal-inqas mid-dehra tiegħu, ċerta ambigwità. L-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu tenfasizza n-natura volontarja tal-użu min-naħa tal-konsumaturi tal-proċeduri tal-ADR sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom kontra n-negozjanti. It-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu tirriżerva, min-naħa tagħha, il-fakultà lill-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjonijiet li jrendu obbligatorja l-parteċipazzjoni f’tali proċeduri, sakemm dawn il-leġiżlazzjonijiet “ma [j]ostakola[w]x lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja”. It-test ta’ din id-dispożizzjoni ma jippreċiżax jekk il-kunċett ta’ “parteċipazzjoni” jirreferix għall-parteċipazzjoni biss tan-negozjant fi proċedura ta’ ADR mibdija mill-konsumatur, jew jirrigwardax ukoll il-parteċipazzjoni minn dan tal-aħħar fl-imsemmija proċedura.

71.      L-użu tal-kliem “lill-partijiet” jissuġġerixxi li dan il-kunċett jinkludi kemm l-implikazzjoni tal-konsumatur kif ukoll dik tan-negozjant, fil-proċedura ta’ ADR. Madankollu, il-premessa 49 tad-Direttiva 2013/11 tiffoka pjuttost fuq l-implikazzjoni tan-negozjant sa fejn tippreċiża li, għalkemm din id-direttiva ma teżiġix li l-parteċipazzjoni tan-negozjant fil-proċeduri ta’ ADR tkun mandatorja, hija ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu tali obbligu, bil-kundizzjoni li jkunu rrispettati d-drittijiet tal-partijiet sabiex jaċċedu għas-sistema ġudizzjarja.

72.      Peress li l-kliem tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11, moqri fid-dawl tal-premessa 49 tagħha, ma jippermettix għaldaqstant interpretazzjoni univoka, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (25).

73.      Minn dan l-aspett, nosserva, fl-ewwel lok, li l-kuntest leġiżlattiv usa’ li fih tidħol din id-direttiva jikkonferma l-kompatibbiltà bejn in-natura volontarja tal-medjazzjoni u l-impożizzjoni fuq il-konsumatur ta’ obbligu li jirrikorri għaliha. Id-Direttiva 2008/52 iġġib, f’dan ir-rigward, kjarifika li tirriżulta li hija rilevanti sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11(26).

74.      L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/52 jiddefinixxi l-medjazzjoni bħala proċess volontarju, filwaqt li jippreċiża li dan il-proċess jista’ jinbeda mhux biss mill-partijiet imma wkoll jista’ jiġi ordnat minn qorti jew ikun preskritt mil-liġi ta’ Stat Membru. L-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jippreżerva, fuq din l-istess linja, il-fakultà tal-Istati Membri li jrendu bħala mandatorju, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, l-“użu” tal-medjazzjoni. Din il-formulazzjoni tindika, mingħajr ambigwità, li dawn tal-aħħar jistgħu jipprovdu li l-konsumatur huwa obbligat jibda proċedura ta’ medjazzjoni (27). Kif jirriżulta mill-premessa 13 tal-imsemmija direttiva, in-natura volontarja tal-medjazzjoni qiegħda, mhux fil-libertà tal-partijiet li jirrikorru jew le għal dan il-proċess, imma fil-fatt li “l-partijiet stess ikunu responsabbli għall-proċess u jistgħu jorganizzawh kif jixtiequ u jtemmuh fi kwalunkwe ħin”.

75.      Jien ma nara ebda element li jiġġustifika li tingħata tifsira distinta lin-natura volontarja tal-proċeduri tal-ADR li jistabbilixxi l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-konsumatur għall-użu minn qabel ta’ proċeedura tal-ADR.

76.      Issa, nenfasizza, fit-tieni lok, li, għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet u l-karatteristiċi tal-proċeduri tal-ADR mhux irregolati mid-Direttiva 2013/11, l-Istati Membri jżommu l-awtonomija leġiżlattiva sħiħa tagħhom, sakemm ikun irrispettat l-effett utli ta’ din id-direttiva (28). Din il-kunsiderazzjoni tirriżulta min-natura minima tal-armonizzazzjoni li hija tagħmel (29). Il-premessa 15 tal-imsemmija direttiva tippreċiża, barra minn hekk, li s-sistema tal-ADR li hija tixtieq timplementa għandha l-għan li “[t]ibni fuq proċeduri tal-ADR eżistenti fl-Istati Membri u [t]irrispetta t-tradizzjonijiet legali tagħhom”.

77.      Xejn ma jindika li l-obbligu fuq il-konsumatur li jibda proċedura tal-ADR ixekkel it-twettiq tal-għan tad-Direttiva 2013/11, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu u, għaldaqstant, l-effett utli ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, huwa jtendi li jsaħħaħ l-imsemmi effett utli billi jiggarantixxi n-natura sistematika tal-użu ta’ din il-proċedura alternattiva (30). Barra minn hekk, inkwantu dan l-obbligu huwa suppost intiż li jtaffi lill-qrati – għan li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxietlu, barra minn hekk, il-leġittimità tiegħu (31) –, huwa jippromwovi wkoll l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja, li l-imsemmi Artikolu 1 tagħha jikkonferma l-importanza tiegħu. Minn dan l-aspett, ikun kontroproduttiv li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu dan l-obbligu fuq il-konsumatur.

78.      Infakkar, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/11 għandhom jagħmlu l-wisa’ għal dawk tad-Direttiva 2008/52 f’każ ta’ kunflitt bejn dawn id-dispożizzjonijiet (32). Issa, għat-tilwim transkonfinali, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52 jippermetti lill-Istati Membri jrendu bħala mandatorju l-użu tal-medjazzjoni. Ikun paradossali li dawn tal-aħħar ikunu, min-naħa l-oħra, preklużi milli jagħmlu dan fil-kuntest tat-tilwim nazzjonali, li għalihom tapplika biss id-Direttiva 2013/11.

79.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma permessi mhux biss li jeżiġu min-negozjant biex dan jipparteċipa fi proċedura tal-ADR, imma wkoll li jobbligaw lill-konsumatur jibda tali proċedura qabel ma’ jressaq kawża quddiem organu ġudizzjarju. Din il-fakultà hija madankollu, limitata mill-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 1 in fine ta’ din id-direttiva, li biha tali obbligu ma jistax iċaħħad lill-partijiet mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-ġustizzja – kundizzjoni li l-portata tagħha ser neżaminaha hawn taħt.

2.      Fuq il-portata tal-kundizzjoni li biha l-użu mandatorju tal-medjazzjoni ma jistax jipprekludi l-aċċess għas-sistema ġudizzjarja

80.      Il-premessi 45 u 49 tad-Direttiva 2013/11 jiċċaraw il-portata tal-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq billi jfakkru li, fid-dawl tad-drittijiet għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-proċeduri tal-ADR ma jistgħux jipprekludu lill-partijiet milli jaċċedu għall-ġustizzja. Il-premessa 45 tippreċiża li, f’każ fejn tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta permezz ta’ proċedura tal-ADR li l-eżitu tagħha ma jkunx vinkolanti għall-partijiet, dawn għandhom ikunu jistgħu, sussegwentement, jibdew azzjoni ġudizzjarja.

81.      Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/11, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Alassini et (33), li obbligu li tiġi implementata proċedura ta’ konċiljazzjoni, bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, kien kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn dik il-proċedura:

–        ma wasslitx għal deċiżjoni vinkolanti għall-partijiet (34);

–        ma ġabitx dewmien sostanzjali għall-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja;

–        issospendiet il-preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati (35);

–        ma ġġeneratx spejjeż sostanzjali għall-partijiet (36);

–        ma kinitx aċċessibbli biss bil-mezz elettroniku (37) (ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika), u

–        ma kinitx tipprekludi it-teħid ta’ miżuri provviżorji fil-każijiet eċċezzjonali fejn l-urġenza tas-sitwazzjoni teħtieġ dan (ħaġa wkoll li dik il-qorti trid tistħarreġha).

82.      Għalkemm dik is-sentenza kienet tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-użu ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni, ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi traspost għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jrendu mandatorju l-użu ta’ proċeduri alternattivi oħra, bħalma hija l-proċedura ta’ medjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali leġiżlazzjonijiet iqajmu kwistjonijiet simili mill-aspett tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn huma jintroduċu “stadju addizzjonali fl-aċċess lejn il-qrati” (38). Huma jistgħu wkoll isegwu għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali bħalma hija s-soluzzjoni li tingħata b’pass mgħaġġel u inqas spejjeż tat-tilwim kif ukoll it-tnaqqis tal-piż fuq il-qrati (39).

83.      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-premessa 45 tad-Direttiva 2013/11, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 in fine tal-istess direttiva, hija intiża preċiżament biex tiżgura l-konformità ta’ dawn il-proċeduri tal-ADR mal-Artikolu 47 tal-Karta. Konsegwentement, iċ-ċirkustanzi meħudin inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alassini et (40) huma rilevanti wkoll sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ obbligu li tintuża proċedura tal-ADR mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva (41).

84.      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel tali evalwazzjoni, jidhirli madankollu li jkun utli li jiġu esposti hawnhekk ċerti kunsiderazzjonijiet li jistgħu jgħinu sabiex twettaq dan il-kompitu.

85.      Fl-ewwel lok, nikkonstata li l-Artikolu 141(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2005, kif imdaħħal bl-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015 jipprevedi li l-proċeduri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar digriet – li fosthom hemm il-proċedura ta’ medjazzjoni prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 –, huma intiżi li jwasslu għal ftehim bonarju jew għal proposta ta’ soluzzjoni mill-medjatur jew kull entità involuta oħra. Salv konferma mill-qorti tar-rinviju, l-eżitu ta’ din il-proċedura għaldaqstant ma jorbotx lill-partijiet.

86.      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 5(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, l-obbligu li tintuża l-medjazzjoni jeżisti biss, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas, wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni fuq it-talbiet eventwali għall-għoti u ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja. Barra minn hekk, dan l-obbligu ma jipprekludix, jekk ikun il-każ, l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, dejjem salv il-verifika li ssir mill-qorti tar-rinviju.

87.      Inżid ngħid li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn timponi sanzjonijiet jekk tiġi rtirata l-proċedura ta’ medjazzjoni fl-assenza ta’ raġuni valida, għandha aspett speċifiku – li ma kienx jeżisti fil-kawża li wasslet għas-sentenza Alassini et (42) – li jista’ jippreġudika l-possibbiltà tal-partijiet li effettivament jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti wara li tintemm dik il-proċedura. Din il-problema ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni domanda preliminari (43).

D –    Fuq il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2013/11 tal-modalitajiet tal-proċedura ta’ medjazzjoni

1.      Fuq l-obbligu li jkun hemm assistenza minn avukat

88.      It-tieni parti tat-tieni domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-kompatibbiltà mal-Artikoli 1 u 8(b) tad-Direttiva 2103/11 ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 8(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 (44), li jimponi fuq il-partijiet li jkunu assistiti minn avukat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ medjazzjoni.

89.      Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mingħajr ekwiviku mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(b) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu tali obbligu fil-kuntest tal-proċeduri tal-ADR li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Din il-kunsiderazzjoni waħidha hija biżżejjed sabiex tingħata risposta utli għat-tieni parti tat-tieni domanda.

90.      Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument, invokat mill-gvern Taljan, li bih l-obbligu ta’ assistenza minn avukat matul il-proċedura tal-medjazzjoni, jekk dan jirrestrinġi d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta, huwa neċessarju u proporzjonat għat-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali. Peress li tali obbligu jikser l-Artikolu 8(b) tad-Direttiva 2013/11, ma huwiex meħtieġ li tiġi mistħarrġa l-konformità tiegħu mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

2.      Fuq is-sanzjonijiet marbutin mal-irtirar mill-proċedura ta’ medjazzjoni

91.      Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 1 u l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/11 jipprekludux dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 8(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, li jippermetti lill-partijiet li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ medjazzjoni biss jekk ikun hemm raġuni valida, taħt piena ta’ sanzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja sussegwenti.

92.      Kif hemm jinsab espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 8(4)(a) ta’ dan id-digriet jissanzjona, b’mod partikolari, l-irtirar mill-proċedura ta’ medjazzjoni ta’ waħda mill-partijiet (45), meta dan ma jkunx iġġustifikat minn raġuni valida, billi jorbot ma’ dak l-irtirar konsegwenzi negattivi lill-parti li tkun irtirat fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja sussegwenti. Għaldaqstant il-qorti tista’, f’każ ta’ rtirar mingħajr raġuni valida, tislet argument minn dan l-irtirar fil-kuntest tas-sentenza tagħha. Hija għandha, ukoll, timponi sanzjoni finanzjarja lill-parti li tkun irtirat mill-proċedura.

93.      Bil-mod kif inhuma ppreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 5(1a) u (2a) kif ukoll l-Artikolu 8(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, moqrija flimkien, jistabbilixxu għaldaqstant is-sistema segwenti:

–        Ir-rikorrenti (jew, bħal f’dan il-każ, l-opponenti) tista, taħt piena ta’ inammissibbiltà, tippreżenta azzjoni ġudizzjarja biss wara li tkun bdiet proċedura ta’ medjazzjoni (Artikolu 5(1a)).

–        Sabiex tissodisfa din il-kundizzjoni, huwa biżżejjed li l-partijiet iżommu laqgħa waħda mal-medjatur, anki jekk din ma jkollhiex suċċess (Artikolu 5(2a)).

–        Madankollu, għalkemm huwa suffiċjenti għaldaqstant li jkun sar tentattiv ta’ medjazzjoni sabiex ikun hemm aċċess għall-qorti, l-irtirar mill-proċedura ta’ medjazzjoni fi stadju sussegwenti jġib miegħu, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, konsegwenzi negattivi fuq il-parti li tkun irtirat mingħajr raġuni valida [Artikolu 8(4a)].

94.      Issa, l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11 jipprevedi li, fir-rigward ta’ proċedura li twassal għal deċiżjoni proposta mill-entità tal-AD, il-partijiet għandhom ikunu jistgħu jirtiraw mill-proċedura fi kwalunkwe stadju “jekk ma jkunux sodisfatti bil-prestazzjoni jew bl-operat tal-proċedura” (46). Din id-dispożizzjoni żżid, madankollu, li, meta d-dritt intern ta’ Stat Membru teżiġi l-parteċipazzjoni mandatorja tan-negozjant fil-proċeduri tal-ADR, dan id-dritt ta’ rtirar japplika biss għall-konsumatur (47). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax, f’dan il-każ, jekk id-digriet leġiżlattiv Nru 28/2010 jobbligax lin-negozjant sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ medjazzjoni.

95.      L-imsemmija dispożizzjoni tgħaddi għaldaqstant biex tistabbilixxi l-libertà totali ta’ kull waħda mill-partijiet – jew, tal-inqas, tal-konsumatur, li jirtira mill-proċedura, fi kwalunkwe stadju, anki jekk għal raġunijiet purament suġġettivi. Leġiżlazzjoni nazzjonali li torbot mal-irtirar tal-proċedura ta’ medjazzjoni konsegwenzi negattivi għall-parti li tkun irtirat fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja sussegwenti, bħalma huma dawk previsti fl-Artikolu 8(4a) ta’ dan id-digriet, ixxekkel din il-libertà u tikser, għaldaqstant, l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11.

96.      Barra minn hekk, jidhirli li tali leġiżlazzjoni, bil-fatt li timponi l-użu ta’ proċedura alternattiva filwaqt li tissanzjona għaldaqstant l-irtirar minnha, tillimita d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja tal-partijiet fi grad tali li ma tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 in fine tad-Direttiva 2013/11.

97.      Din il-kundizzjoni tiġi, fil-fatt, imċaħħda mill-effett utli jekk ikun permess li l-Istati Membri, filwaqt li jirrikonoxxu formalment id-dritt tal-partijiet li jaċċedu għall-qrati, jipperikolaw il-possibbiltà li dawn jinvokaw utilment id-drittijiet tagħhom f’azzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, l-imsemmija kundizzjoni timplika, fil-fehma tiegħi, li l-irtirar mill-proċedura tal-ADR ma jistax ikollu konsegwenzi negattivi għall-parti li tirtira – tal-inqas jekk hija l-konsumatur (48) – fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja sussegwenti.

98.      Madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat li, qabel ma tikkonstata l-inkompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 1 u l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-Artikolu 8(4a) tal-imsemmi digriet jistax jiġi interpretat b’mod li jevita din l-inkompatibbiltà.

99.      F’dan ir-rigward, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali huma marbutin li jinterpretaw id-dritt nazzjonali, sa fejn dan ikun possibbli, b’mod li jiżguraw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni (49). Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax, madankollu, jobbliga lil dawk il-qrati sabiex jagħtu interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali tagħhom (50).

100. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sostniet, ġustament, li l-konformità tal-Artikolu 8(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2013/11 tista’ tkun iggarantita billi jiġi interpretat il-kunċett ta’ “raġuni valida” b’mod li jinkludi l-każ meta l-partijiet ma jkunux sodisfatti (jew, tal-inqas, tal-konsumatur (51)) bl-iżvolġiment jew bl-operat tal-proċedura ta’ medjazzjoni. Għalkemm jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dik il-qorti qieset a priori li l-kunċett ta’ “raġuni valida” jikkontempla biss kunsiderazzjonijiet oġġettivi (52), huwa obbligu tagħha li tivverifika jekk l-imsemmi Artikolu 8(4a) jistax madankollu jiġi interpretat b’mod usa’.

V –    Konklużjoni

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunale di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona, l-Italja) bil-mod kif ġej:

1.      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, tapplika għat-tilwim kollu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tagħha, anki jekk ikun jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

2.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja mibdija minn konsumatur kontra negozjant u li tirrigwarda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, għall-ftuħ minn qabel, min-naħa tal-konsumatur, ta’ proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, bħalma hija l-proċedura ta’ medjazzjoni, sa fejn tali leġiżlazzjoni ma għandhiex bħala effett li tipprekludi lill-partijiet milli jaċċedu għas-sistema ġudizzjarja, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifikaha.

3.      L-Artikolu 8(b) tad-Direttiva 2013/11 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga li, għat-tilwim li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tal-istess direttiva, il-partijiet ikunu assistiti minn avukat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, bħalma hija l-proċedura ta’ medjazzjoni.

4.      L-Artikolu 1 u l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona l-irtirar mingħajr raġuni valida minn proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva, bħalma hija l-proċedura ta’ medjazzjoni, tat-tilwim li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinita fl-Artikolu 2 tagħha, billi torbot ma’ dak l-irtirar konsegwenzi negattivi għall-parti li tkun irtirat fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja sussegwenti, sakemm il-kunċett ta’ raġuni valida ma jinkludix in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-parti li tkun irtirat, fir-rigward tal-iżvolġiment jew tal-operat tal-proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifikaha.

Meta d-dritt nazzjonali jeżiġi l-parteċipazzjoni mandatorja tan-negozjant fi proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11 jipprekludu tali leġiżlazzjoni biss jekk hija tissanzjona l-irtirar tal-konsumatur minn dik il-proċedura mingħajr raġuni valida.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, L 136, p. 3).


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63).


4 – GURI Nru 53, tal-5 ta’ Marzu 2010.


5 – GURI Nru 191, tad-19 ta’ Awwissu 2015.


6 – GURI Nru 235, tat-8 ta’ Ottubru 2005.


7 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et (C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 40), kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C‑84/11, EU:C:2012:374, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Il-gvern Taljan enfasizza, waqt is-seduta, li, skont id-dritt Taljan, il-proċedura intiża sabiex tinkiseb ordni ta’ ħlas ma hijiex ta’ natura kontradittorja, peress li d-debitur ma huwiex involut fiha. Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ oppożizzjoni għal tali ordni, inizjata mid-debitur, twassal għal taħrika tal-kreditur sabiex jidher. Jekk wieħed jippreżumi dan il-fatt bħala stabbilit, huwa jindika li, f’dan il-kuntest, huwa biss fl-istadju tal-oppożizzjoni li l-konsumatur jista’ jressaq il-pretensjonijiet eventwali tiegħu kontra n-negozjant.


11 – Dan ir-rekwiżit joħroġ, b’mod iktar preċiż, mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2013/11.


12 – Ix-xogħol preparatorju għad-Direttiva 2013/11 juri li dawn l-obbligi ta’ notifika u ta’ reġistrazzjoni huma intiżi li jistabbilixxu “tikketta ta’ kwalità” fuq livell tal-Unjoni sabiex jippermettu lil-konsumaturi jidentifikaw l-entitajiet li josservaw ir-rekwiżiti minimi preskritti minn din id-direttiva [ara r-rapport tal-Kummissjoni tas-suq intern u tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Parlament Ewropew, tas-16 ta’ Ottubru 2012 (A7-0280/2012, p. 34 u 80), kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tat-28 ta’ Marzu 2012 (INT/609 – CESE 803/2012, p. 4 u 5)]. Minn dan l-aspett, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li jekk entità msemmija fuq il-lista nazzjonali tal-entitajiet tal-ADR ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti preskritti mill-istess direttiva, din l-entità għandha, wara ċertu żmien, titneħħa minn din il-lista.


13 – F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni ta’ rinviju ma tippreċiżax la jekk iż-żewġ proċeduri l-oħra msemmija fl-Artikolu 5(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 seħħewx quddiem entitajiet imniżżla fi-lista stabbilita mill-awtoritajiet Taljani, u lanqas jekk dawn il-proċeduri humiex aċċessibbli għall-konsumaturi f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


14 – Din il-kunsiderazzjoni ma tippreġudikax il-possibbiltà li jiġi kkonstatat, fil-każ fejn tilwima li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11 ma tkunx tista’ tinġieb, fi Stat Membru ieħor, quddiem ebda entità mniżżla skont l-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, li dan l-Istat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jiżgura l-aċċess tal-konsumaturi għal proċedura tal-ADR skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva.


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez (C‑351/14, EU:C:2016:447, punti 61 u 62). Din il-ġurisprudenza żviluppat b’effett mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 35 sa 37), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha ġurisdizzjoni li tinterpreta, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jirreferi għall-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jirregola sitwazzjoni purament interna għalih.


16 – Il-kawża inkwistjoni hija differenti għalhekk minn dawk li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni jew fejn qieset bħala inammissibbli d-domandi preliminari minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ta’ riferiment dirett u mhux kundizzjonat għad-dritt tal-Unjoni [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punti 23 sa 30) u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez (C‑351/14, EU:C:2016:447, punti 65 sa 67), kif ukoll id-digrieti tad-9 ta’ Settembru 2014, Parva Investitsionna Banka et (C‑488/13, EU:C:2014:2191, punti 30 sa 36) u tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343, punti 30 sa 33)].


17 – Artikolu 141(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2005, kif imdaħħal permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015.


18 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 5 sa 17 tad-Direttiva 2013/11.


19 – Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/11, din tapplika, min-naħa l-oħra, kemm għat-tilwim transkonfinali kif ukoll għat-tilwim nazzjonali.


20 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 – Punti 64 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 – Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – B’mod partikolari, il-premessa 16 tad-Direttiva 2013/11, li l-qorti tar-rinviju invokat insostenn ta’ din it-teżi, la tiġġustifika l-eżistenza ta’ obbligu fuq kull Stat Membru sabiex jipprovdi sistema unika u uniformi tal-ADR għat-tilwim kollu tal-konsumaturi, u lanqas l-allegata preferenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni għal tali sistema. Din il-premessa tindika sempliċiment li din id-direttiva tapplika għat-tilwim kollu tal-konsumaturi (barra dawk li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha skont l-Artikolu 2(2) tagħha).


24 – Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35).


26 – Kif jirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20), id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiddaħħlu fil-kuntest li fih tidħol waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.


27 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Settembru 2011, dwar l-implementazzjoni tad-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri [2011/2026 (INI), punti 7 u 8)]. Il-Parlament irrikonoxxa hemmhekk, billi għamel espressament riferiment għall-eżempju Taljan, li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52 jippermetti lill-Istati Membri li jissuġġettaw l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja għal tentattiv ta’ medjazzjoni minn qabel.


28 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 44), u tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 94 u 95)


29 – Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2013/11.


30 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 45).


31 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 64).


32 – Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010 (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 67).


34 – Nosserva, f’dan ir-rigward li, għalkemm l-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja kienet suġġetta għall-ftuħ minn qabel ta’ proċedura ta’ ADR li l-eżitu tagħha jorbot lill-partijiet, din il-proċedura tissostitwixxi effettivament il-proċeduri ġudizzjarji u tipprekludi għaldaqstant lill-partijiet milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati.


35 – L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/11 illum jipprekludi li l-partijiet jiġu mċaħħda minn azzjoni ġudizzjarja minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul il-proċedura tal-ADR.


36 – L-Artikolu 8(ċ) tad-Direttiva 2013/11 jimponi llum li l-proċeduri tal-ADR ikunu aċċessibbli għall-konsumaturi bla ħlas jew bi spejjeż moderati.


37 – L-Artikolu 8(a) tad-Direttiva 2013/11 jirrikjedi llum li l-proċeduri tal-ADR ikunu aċċessibbli kemm online u kif ukoll offline.


38 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 62).


39 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 64).


40 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010 (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 67).


41 – Uħud minn dawn iċ-ċirkustanzi jikkorrispondu, barra minn hekk, għar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2013/11 (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


42 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010 (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146).


43 – Ara l-punti 90 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44 – L-Artikolu 5(1a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 jipprevedi wkoll li l r-rikorrenti għandha tkun assistita minn avukat għall-iskopijiet li tibda l-proċedura ta’ medjazzjoni.


45 – Waqt is-seduta, il-gvern Taljan sostna li, fid-dawl tal-Artikolu 5(2)a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, in-“nuqqas ta’ parteċipazzjoni” ma jkoprix il-każ fejn ir-rikorrenti, wara li tkun bdiet proċedura ta’ medjazzjoni, tirtira minnha. Dan il-kunċett jikkontempla, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni li fiha din il-parti tastjeni milli tibda tali proċedura billi tirrifjuta li tibda anki laqgħa waħda. Salv konferma mill-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni jidhirli li hija diffiċli li tiġi kkonċiljata mal-Artikolu 5(1a) ta’ dan id-digriet, li jipprovdi li l-azzjoni ġudizzjarja tkun inammissibbli jekk ir-rikorrenti ma tkunx bdiet proċedura ta’ medjazzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 8(4a) tal-imsemmi digriet, fin-nuqqas ta’ qorti validament adita, ma jistax, fil-fehma tiegħi, jissanzjona tali aġir.


46 – Peress li l-proċedura ta’ medjazzjoni prevista fl-Artikolu 141(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2005 hija intiża li twassal għal proposta ta’ soluzzjoni għall-partijiet (ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet) din il-proċedura taqa’ fil-fatt fil-fattispeċi mogħtija fl-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11. Il-proċeduri tal-ADR li l-eżitu tagħhom huwa vinkolanti għall-partijiet huma, min-naħa tagħhom, ikkontemplati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li jipprovdi li d-drittijiet ikkontemplati fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, fosthom id-dritt ta’ rtirar, jibbenefika minnu biss il-konsumatur. Dan tal-aħħar, għaldaqstant, għandu d-dritt li jirtira mill-proċedura fi kwalunkwe stadju jekk ma jkunx issodisfatt mill-iżvolġiment jew mill-operat tal-proċedura.


47 – Għaldaqstant, jekk Stat Membru jobbliga lin-negozjant sabiex jipparteċipa fil-proċedura tal-ADR, dan l-Istat Membru jista’ jirrikjedi l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ dan tal-aħħar f’din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, jekk Stat Membru ma jobbligax lin-negozjant sabiex jipparteċipa fil-proċedura tal-AD, iżda li n-negozjant jipparteċipa volontarjament, dan tal-aħħar ma jistax ikun “ilsir” f’din il-proċedura. L-Istat Membru għandu għaldaqstant jiggarantilu d-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11.


48 – Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C-176/12, EU:C:2014:2, punti 38 u 39).


50 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51 – Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 – Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.