Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2013 minn Carla Faita mis-sentenza mogħtija fis-16 ta’ Settembru 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-92/11, Faita vs KESE

(Kawża T-619/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Carla Faita (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: D. Abreu Caldas, M. Abreu Caldas u J.-N. Louis, avukati)

Appellat: Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

Talbiet

tiddikjara u tiddeċiedi:

is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża F-92/11 (Faita vs KESE) hija annullata;

il-KESE huwa kkundannat iħallas lill-appellanti s-somma ta’ EUR 15 000 bħala dannu morali li rriżulta mill-ksur tad-dmir ta’ premura tal-Awtorità tal-Ħatra;

il-KESE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-iskop tal-proċedura prekontenzjuża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ssanzjonax il-fatt li ċ-ċaħda tal-ilment kienet tinkludi motivazzjoni identika, kelma b’kelma, għal dik li tinsab fiċ-ċaħda tat-talba li kontriha tressaq l-ilment, u dan minkejja l-fatt li l-ilment kient jinkludi argumenti differenti minn dawk li jinsabu fit-talba (b’riferiment għall-punti 44 u 65 sa 67 tas-sentenza appellata).It-tieni aggravju bbażat, minn naħa, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn l-appellanti ma kellhiex l-opportunità tiddibatti l-punt inkwistjoni matul il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta dan tal-aħħar ikkonkluda li l-Awtorità tal-Ħatra bbażat ruħha fuq ħames motiv impliċitu fid-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, fuq żball ta’ liġi, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq analiżi tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-implementazzjoni tal-Artikolu 24 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal (b’riferiment għall-punti 94 et seq tas-sentenza appellata).