Language of document : ECLI:EU:T:2016:479

Kawża T-620/13

Marchi Industriale SpA

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

“REACH – Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva – Determinazzjoni tad-daqs tal-impriża – Setgħa tal-ECHA – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

1.      Rikors għal annullament – Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni – Rikors kontra deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tirrifjuta lil applikant għal reġistrazzjoni t-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-impriżi ta’ daqs medju – Ammissibbiltà – Rikors parallel pendenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA – Assenza ta’ effett

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 6(4), 91(1) u 94(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 340/2008, Artikolu 13(4))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tirrifjuta lil applikant għal reġistrazzjoni t-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-impriżi ta’ daqs medju

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 340/2008, Artikolu 13(4); Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361, Anness, Artikolu 6(3))

1.      Il-qorti tal-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tiddeċiedi rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), adottata abbażi tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-ECHA skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li tikkonstata li r-rikorrenti ma tissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tibbenefika mit-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-impriżi ta’ daqs medju u li timponilha spiża amministrattiva, u dan minkejja l-fatt li appell mid-deċiżjoni kkontestata ppreżentat mir-rikorrenti jinsab pendenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA.

Fil-fatt, l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li tista’ tinġieb azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE, li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell mill-imsemmi bord, minn deċiżjoni tal-ECHA. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li jista’ jitressaq appell mid-deċiżjonijiet tal-ECHA li jittieħdu skont l-Artikoli 9 u 20, l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 30(2) u (3) u l-Artikolu 51 quddiem il-Bord tal-Appell. Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhom ebda rabta mal-ħlas li għandu jitħallas mill-impriżi dikjaranti.

(ara l-punti 18, 19, 21, 23)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27, 38)