Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Köln (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Lulju 2023 – Rechtsanwältin und Notarin vs Präsidentin des Oberlandesgerichts Hamm

(Kawża C-408/23, Anwaltsnotarin)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Rechtsanwältin und Notarin

Konvenut: Präsidentin des Oberlandesgerichts Hamm

Domandi preliminari

L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 għanhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali li tirrikjedi obbligatorjament li kwalunkwe persuna li tkun laħqet l-età ta’ 60 sena fi tmiem it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ kandidaturi għal pożizzjoni ta’ nutar ma tistax tinħatar għall-ewwel darba fil-pożizzjoni ta’ “Anwaltsnotar” (nutar li jista’ jeżerċita wkoll il-professjoni ta’ avukat), u dan anki meta diversi pożizzjonijiet ikollhom jibqgħu vakanti minħabba li fid-distrett ta’ qorti distrettwali, li fih tinżamm il-proċedura ta’ preżentazzjoni ta’ kandidaturi, ma jkunx hemm kandidati ta’ età żgħira xierqa u kandidati minn distretti oħra ta’ qorti distrettwali ma jistgħux jippreżentaw kandidatura?

Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv f’sitwazzjoni fejn ikun mistenni li, fis-sena sussegwenti, dejjem fl-istess distrett ta’ qorti distrettwali, ma huwiex ser ikun possibbli li diversi pożizzjonijiet imħabbra ta’ “Anwaltsnotar” jimtlew permezz ta’ kandidati xierqa li jkollhom inqas minn 60 sena?

Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv minn tal-inqas f’sitwazzjoni fejn ikun mistenni wkoll li, anki f’distretti oħra ta’ qorti distrettwali li ma jkunux żoni metropolitani, ma huwiex ser ikun possibbli li l-pożizzjonijiet kollha mħabbra ta’ “Anwaltsnotar” jimtlew permezz ta’ kandidati xierqa li jkollhom inqas minn 60 sena?

Ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 f’sitwazzjoni fejn f’distrett ta’ qorti distrettwali tkun żgurata l-provvista ta’ servizzi nutarili minkejja li kandidat li jkollu iktar minn 60 sena ma jkunx inħatar bħala “Anwaltsnotar” minħabba l-età tiegħu biss u minkejja li diversi pożizzjonijiet ikunu baqgħu vakanti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.